MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIĊ-ĊELEBRAZZJONI TAT-

LIII JUM DINJI TAL-PAĊI

1 TA’ JANNAR 2020

 

IL-PAĊI BĦALA MIXJA TA’ TAMA:

DJALOGU, RIKONĊILJAZZJONI U KONVERŻJONI EKOLOĠIKA

 

1. Il-paċi, mixja ta’ tama quddiem l-ostakli u l-provi

 

Il-paċi hija ġid prezzjuż, xi ħaġa li nittamaw fiha, li tixxennaq għaliha l-umanità kollha. Ix-xewqa għall-paċi hija attitudni tal-bniedem li fiha kunflitt eżistenzjali; permezz tagħha, anki jekk il-preżent ikun diffiċli, dan “jista’ jingħax u jintlaqa’ jekk iwassal lejn quċċata u jekk minn dil-quċċata aħna nistgħu nkunu żguri, jekk din il-quċċata hi hekk kbira li tkun tistħoqqilha l-battikata tal-mixja”.[1] B’dan il-mod, it-tama hija virtù li tmexxina, anzi tagħtina l-ġwienaħ, biex nibqgħu navvanzaw, saħansitra meta l-ostakli jidhru kbar wisq biex tegħlibhom.

 

Il-komunità tagħna l-bnedmin għadha ġġorr, fil-memorja u fuq il-ġilda tagħha, il-feriti tal-gwerer u tal-kunflitti li ġraw waħda wara l-oħra, b’qawwa qerrieda dejjem tikber, u li jibqgħu jolqtu speċjalment lill-iktar fqar u dgħajfa. Saħansitra nazzjonijiet sħaħ isibuha diffiċli biex jinħallu mill-ktajjen tal-isfruttament u tal-korruzzjoni, li jġibu mibegħda u vjolenza. Illum għad hawn ħafna rġiel u nisa, tfal u anzjani, li m’għandhomx dinjità, integrità fiżika, libertà, inkluża dik reliġjuża, solidarjetà tal-komunità u tama fil-ġejjieni. Ħafna vittmi innoċenti jispiċċaw iġorru l-piż tal-umiljazzjoni u l-esklużjoni, tal-luttu u tal-inġustizzja, jekk mhux ukoll tal-esperjenzi trawmatiċi ġejjin mill-vjolenza ma taqta’ xejn kontra l-poplu tagħhom u dawk għeżież għalihom.

 

L-evidenza tkexkxek tal-kunflitti ċivili u internazzjonali, li spiss isiru iktar gravi minħabba l-vjolenza bla ħniena, tħalli marka dejjiema fuq il-ġisem u r-ruħ tal-umanità. Kull gwerra, fil-verità, tispiċċa fratriċidju li jkisser l-istess ideal ta’ fratellanza, li huwa parti mill-vokazzjoni tal-familja tagħna l-bnedmin.

 

Nafu li l-gwerra ħafna drabi tibda bin-nuqqas ta’ tolleranza lejn id-differenza f’ħaddieħor, li tkabbar il-kilba għall-ġid materjali u x-xewqa għall-poter. Dawn jinbtu f’qalb il-bniedem minħabba l-egoiżmu u s-suppervja, il-mibegħda li twassal għall-qerda, li taqfel lill-ieħor fi stampa negattiva, li teskludih u ġġibu fix-xejn. Il-gwerra tissaħħaħ permezz tat-tagħwiġ fir-relazzjonijiet, tal-abmizzjonijiet għall-eġemonija, tal-abbużi tal-poter, tal-biża’ mill-ieħor u tad-differenza li tinħass bħala ostaklu; u li fl-istess ħin, issaħħaħ dan kollu.

 

Huwa paradoss li, bħalma kelli ċans ninnota fil-vjaġġ reċenti fil-Ġappun, “id-dinja tagħna tgħix id-dikotomija perversa li trid tiddefendi u tiggarantixxi l-istabbiltà u l-paċi fuq bażi ta’ sigurtà falza ddominata minn mentalità tal-biża’ u sfiduċja, li tispiċċa biex tavvelena r-relazzjonijiet bejn il-popli u tkun ostaklu sħiħ għal kull possibbiltà ta’ djalogu. Il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali ma jaqblu xejn ma’ kull tentattiv biex kollox jinbena fuq il-biża’ li nistgħu neqirdu lil xulxin, jew it-theddida ta’ tixjin totali; (il-paċi u l-istabbiltà) huma possibbli biss jekk titħaddem etika globali ta’ solidarjetà u koperazzjoni bħala servizz għall-ġejjieni mfassal fuq l-interdipendenza u r-responsabbiltà komuni għall-familja umana kollha tal-lum u ta’ għada”.[2]

 

Kull sitwazzjoni fejn hemm theddid, tneħħi l-fiduċja u tgħin biex din is-sitwazzjoni tibqa’ tirrepeti ruħha. Bin-nuqqas ta’ fiduċja u l-biża’ jiddgħajfu r-relazzjonijiet u jissaħħaħ ir-riskju tal-vjolenza, f’ċirku vizzjuż li ma jista’ jwassal qatt għal relazzjoni ta’ paċi. B’hekk, anki d-djalogu kontra l-qawwa nukleari se jispiċċa joħloq ċertezza li ma tkunx għajr illużjoni.

 

Għalhekk, ma nistgħux nippretendu li nżommu l-istabbiltà fid-dinja billi nużaw il-biża’ tal-qerda, f’bilanċ dejjem iktar instabbli, imqabbad ma’ xifer l-irdum tal-qawwa nukleari u magħluq wara s-swar tal-indifferenza, fejn jittieħdu deċiżjonijiet soċjoekonomiċi li jiftħu t-triq għat-traġedja tar-rimi tal-bniedem u tal-ħolqien, minflok għall-ħarsien tagħhom.[3] Allura, kif nistgħu naħdmu fuq mixja ta’ paċi u kif nistgħu nibdew nagħrfu lil xulxin? Kif se nġibu fix-xejn il-loġika marida tat-theddid u tat-terrur? Kif inġibu fix-xejn id-dinamika ta’ nuqqas ta’ fiduċja li bħalissa hi tant b’saħħitha?

 

Irridu naħdmu favur fratellanza ta’ veru, imsejsa fuq il-fatt li kollha f’Alla nsibu l-bidu tagħna, u naħdmu fuqha permezz tad-djologu u tal-fiduċja f’xulxin. Ix-xewqa għall-paċi hi mnaqqxa fil-fond tal-qalb tal-bniedem u ma nistgħu naċċettaw xejn li huwa inqas minn dan.

 

2. Il-paċi, mixja ta’ smigħ imsejjes fuq il-memorja, is-solidarjetà u l-fraternità

 

Il-Hibakusha, dawk li baqgħu ħajjin wara l-bumbardamenti atomiċi ta’ Hiroshima u Nagasaki, huma fost dawk li llum iżommu ħajja l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva, u jagħtu xhieda lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom tal-orrur ta’ dak li ġara f’Awwissu 1945 u tat-tbatijiet attroċi li ġabu magħhom u għadhom iġibu sal-lum. Ix-xhieda tagħhom, b’dan il-mod, iżżomm ħajja l-memorja tal-vittmi, sabiex il-kuxjenza umana tissaħħaħ dejjem iktar quddiem kull kilba għall-poter u għall-qerda: ma nistgħux inħallu li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada jinsew dak li ġara; din il-memorja hija garanzija u inċentiv biex jinbena futur ta’ iktar ġustizzja u fratellanza.[4]

 

Bħalhom ħafna oħrajn, fid-dinja kollha, jgħinu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom jibqgħu jiftakru. Din hi memorja li għandna ngħożżu mhux biss biex ma naqgħux fl-istess żbalji jew biex ma jiġux repetuti l-iskemi fiergħa tal-passat, iżda wkoll sabiex il-memorja, frott l-esperjenza, isservi bħala l-pedament li fuqu jinbnew l-għażliet favur il-paċi, fil-preżent u fil-futur. 

 

Iktar minn hekk, il-memorja hija x-xefaq tat-tama: ħafna drabi, qalb id-dalma tal-gwerer u tal-kunflitti, xħin wieħed jiftakar anki f’ġest żgħir ta’ solidarjetà li xi ħadd għamel miegħu, dan jista’ joffri ispirazzjoni għal għażliet kuraġġjużi u saħansitra erojċi, jista’ jkun sors ta’ enerġiji ġodda u jgħin biex tinbet tama ġdida fil-persuni u fil-komunità.

 

Li tibda u tagħmel mixja ta’ paċi hija sfida xejn faċli minħabba li l-interessi li hemm imdaħħlin, fir-relazzjoni bejn il-persuni, komunitajiet u nazzjonijiet, huma ħafna u kontradittorji. Hemm bżonn, qabelxejn, inżommu f’moħħna l-kuxjenza morali u r-rieda personali u politika. Il-paċi, fil-fatt, inisubha fil-fond tal-qalb tal-bniedem u permezz tagħha r-rieda politika titħeġġeġ, u hekk jinfetħu toroq ġodda li mill-ġdid iġibu l-għaqda bejn il-persuni u l-komunitajiet.

 

Id-dinja m’għandhiex bżonn ta’ kliem fieragħ, iżda ta’ xhieda konvinti, nies li joħolqu l-paċi, miftuħin għad-djalogu, mingħajr ma jeskludu jew jimmanipulaw. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm paċi vera jekk ma jkunx hemm djalogu konvint bejn irġiel u nisa li jfittxu l-verità, verità li tmur ’l hemm mill-fatt li jeżistu ideoloġiji u opinjonijiet differenti minn tagħhom. Il-paċi “għandha tinbena l-ħin kollu”.[5] Hija mixja li nagħmlu flimkien waqt li nfittxu dejjem il-ġid komuni u b’impenn li nżommu l-wegħda li nirrispettaw dan id-dritt. Meta nisimgħu lil xulxin, insiru wkoll nafu iktar lil xulxin u tikber l-istima ta’ bejnietna, sakemm fil-wiċċ tal-għadu nibdew saħansitra naraw il-wiċċ ta’ ħuna.

 

Il-paċi hija għalhekk impenn dejjiem. Hija biċċa xogħol li titlob tfittxija b’sabar  għall-verità u għall-ġustizzja, li tonora l-memorja tal-vittmi u li pass pass tiftaħ il-bieb għal tama komuni, b’saħħitha iktar mill-vendetta. Fi stat fejn il-ġustizzja tingħata l-ewwel post, id-demokrazija tista’ tkun mudell tajjeb ta’ dan il-proċess, jekk tkun mibnija fuq il-ġustizzja u fuq l-impenn biex jiġu mħarsin id-drittijiet ta’ kulħadd, speċjalment ta’ min hu dgħajjef jew emarġinat, fit-tfittxija kontinwa għall-verità.[6] Din hi soċjetà li tiġi elaborata kontinwament, u fiha kulħadd jagħti sehmu b’mod responsabbli, f’kull livell tal-kollettività lokali, nazzjonali u dinjija.    

 

Bħalma kien jenfasizza l-Papa San Pawlu VI, l-aspirazzjoni doppja għall-ugwaljanza u għall-parteċipazzjoni hija maħsuba biex tipponta lejn tip ta’ soċjetà demokratika […] Dan juri l-importanza ta’ edukazzjoni lejn il-ħajja soċjali, fejn, barra li tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ kulħadd, tissemma wkoll in-naħa l-oħra tal-munita, daqstant bżonnjuża: l-għarfien tad-dmirijiet li għandna lejn ħaddieħor. Biex tifhem xi jfisser dmir u twettqu sew, trid tkun kapaċi tikkontrolla lilek innifsek, kif ukoll taċċetta r-responsabbiltajiet tiegħek flimkien ma’ dawk li huma limiti fejn tidħol il-libertà tal-individwu jew tal-grupp.[7]

 

Bil-kontra, il-firda bejn il-membri ta’ soċjetà, iż-żieda fid-diżugwaljanza soċjali u r-rieda li ma jintużawx l-għodod għall-iżvilupp sħiħ, joħonqu t-triq tat-tfittxija għall-ġid komuni. Mill-banda l-oħra, ix-xogħol ta’ sabar, imsejjes fuq il-qawwa tal-kelma u tal-verità, jista’ jerġa’ jqajjem fil-persuni l-kapaċità għall-kompassjoni u għas-solidarjetà kreattiva.

 

Fl-esperjenza Kristjana tagħna, dejjem inżommu f’moħħna lil Kristu u l-għotja tal-ħajja tiegħu biex inkunu nistgħu nerġgħu nagħmlu ħbieb ma’ Alla (ara Rum 5:6-11). Il-Knisja tissieħeb b’mod sħiħ fit-tfittxija ta’ dak li hu ġust, billi tibqa’ sservi dak li huwa l-ġid komuni u żżomm ħajja t-tama għall-paċi, permezz tat-tagħlim tal-valuri Kristjani lill-ulied, tat-tagħlim morali u tal-opri soċjali u edukattivi.

 

3. Il-paċi, mixja ta’ rikonċiljazzjoni fil-komunjoni fraterna

 

Il-Bibbja, b’mod partikulari permezz ta’ kliem il-profeti, tfakkar lill-kuxjenzi u lill-popli fir-rabta li Alla għandu mal-umanità. Għandna nabbandunaw ix-xewqa għall-poter fuq l-oħrajn u nitgħallmu nħarsu lejn xulxin bħala persuni, bħala wlied Alla, bħala aħwa. Qatt m’għandna naraw lill-oħrajn biss fid-dawl ta’ dak li setgħu qalu jew għamlu, imma rridu nżommu f’moħħna r-rabta tagħhom ma’ Alla. Huwa biss meta nagħżlu t-triq tar-rispett li nġibu fix-xejn iċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta u allura naqbdu l-mixja tat-tama.

 

Żgur li tgħinna nifhmu iktar is-silta tal-Evanġelju li twasslilna dan id-djalogu bejn Pietru u Ġesù: “‘Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?’. ‘Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet’, wieġbu Ġesù, ‘imma sa sebgħa u sebgħin darba’” (Mt 18:21-22). Din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni qed tistedinna biex fil-fond ta’ qalbna nsibu l-qawwa biex naħfru u l-kapaċità li f’xulxin nagħrfu lil ħuna jew lil oħtna. Meta nitgħallmu ngħixu l-maħfra jkollna iktar ċans insiru nisa u rġiel ta’ paċi.

 

Dik li hija verità fil-qasam soċjali, hija verità wkoll f’dak politiku u ekonomiku, għaliex il-kwistjoni tal-paċi hija preżenti fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tal-komunità: qatt ma jista’ jkun hemm paċi jekk ma nkunux kapaċi nibnu struttura ekonomika iktar ġusta. Bħalma kiteb għaxar snin ilu l-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika Caritas in veritate, “biex jingħeleb is-sottożvilupp, jeħtieġ tittieħed azzjoni mhux biss fit-titjib tat-tranżazzjonijiet ta’ bdil u fit-trasferiment tal-istrutturi assistenzjali pubbliċi, iżda fuq kollox fil-ftuħ progressiv, fil-kuntest dinji, għal għamliet ta’ ekonomija mmarkata attivament bi kwoti ta’ grawità u komunjoni” (n. 39).

 

4. Il-paċi, mixja ta’ konverżjoni ekoloġika

 

Jekk meta fhimna ħażin il-prinċipji tagħna xi kultant wasalna biex iġġustifikajna l-abbuż tan-natura u l-ħakma despotika tal-bniedem fuq il-ħolqien, jew il-gwerer, l-inġustizzja u l-vjolenza, bħala nies li nemmnu, nistgħu nagħrfu li b’dan il-mod ma konniex fidili lejn it-teżor tal-għerf li messna ħarisna.[8]

 

Quddiem il-konsegwenzi tal-imġiba ostili tagħna lejn l-oħrajn, tan-nuqqas ta’ rispett lejn id-dar ta’ kull wieħed u waħda minna, u tal-isfruttament u l-abbuż tar-riżorsi naturali – li qed narawhom bħala għodod siewja biss għall-profitt ta’ issa, mingħajr rispett lejn il-komunitajiet lokali, lejn il-ġid komuni u lejn in-natura – naraw kemm għandna bżonn ta’ konverżjoni ekoloġika.

 

Is-Sinodu reċenti dwar l-Amażonja jwassalna biex nibqgħu nġeddu s-sejħa għal relazzjoni ta’ paċi bejn il-komunitajiet u d-dinja, bejn il-preżent u l-memorja, bejn l-esperjenzi u t-tamiet.

 

Din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni tħaddan fiha anki s-smigħ u l-kontemplazzjoni tad-dinja li ġiet mogħtija lilna minn Alla sabiex tkun id-dar ta’ kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt, ir-riżorsi naturali, il-ħafna forom ta’ ħajja, u d-dinja stess, ġew fdati f’idejna biex “naħdmuhom u nħarsuhom” (ara Ġen2:15), anki għall-ġenerazzjonijiet futuri; u f’dan, kollha kemm aħna għandna nagħtu sehemna b’mod attiv u responsabbli. Għandna wkoll inbiddlu l-mod kif naħsbuha u kif narawha, biex hekk niftħu qalbna dejjem iktar għal-laqgħa mal-oħrajn u biex nilqgħu r-rigal tal-ħolqien, li huwa mera tas-sbuħija u tal-għerf ta’ min ħalqu.

 

Minn hemm jitnisslu, b’mod partikolari, motivazzjonijiet qawwija u mod ġdid ta’ kif ngħammru f’dar kull wieħed u waħda minna, kif inkunu hemm għal xulxin, ilkoll bid-differenzi tagħna, kif niċċelebraw u nirrispettaw il-ħajja mogħtija lilna u li minnha għandna sehem flimkien mal-oħrajn, kif naħsbu fuq kundizzjonijiet u mudelli ta’ soċjetà li tgħin biex il-ħajja fil-futur tissaħħaħ u twarrad, u kif inkabbru l-ġid komuni tal-familja umana kollha.

 

Il-konverżjoni ekoloġika li qed nagħmlu sejħa għaliha tgħinna għalhekk inġeddu l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja, billi nżommu f’moħħna l-ġenerożità tal-Ħallieq li tana d-dinja u li tfakkarna li b’ferħ għandna naqsmuha lkoll flimkien, b’mod moderat. Din il-konverżjoni għandna nħarsu lejha b’mod sħiħ, bħala bidla fir-relazzjonijiet li ngħixu ma’ ħutna, mal-ħlejjaq ħajjin l-oħra, mal-ħolqien fl-għana tal-varjetà tiegħu, mal-Ħallieq li minnu ġejja kull ħajja. Din titlob mill-Insara kollha “li jħallu l-konsegwenzi kollha tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù jidhru fir-relazzjoni tagħhom mad-dinja ta’ madwarhom”.[9]

 

5. Meta nittamaw, naqilgħu ħafna[10]

 

Il-mixja tar-rikonċiljazzjoni titlob sabar u tama. Il-paċi ma niksbuhiex jekk ma nittamawx.

 

Qabel kollox, irridu nemmnu li l-paċi hi possibbli, nemmnu li l-oħrajn għandhom l-istess bżonn tal-paċi. F’dan, tista’ tispirana l-imħabba ta’ Alla lejn kull wieħed u waħda minna, imħabba li teħlisna, bla limiti, bla ħlas u bla ma tegħja.

 

Il-biża’ ħafna drabi jwassal għall-kunflitt. Għalhekk, hu importanti li nitbiegħdu mill-biżgħat tagħna l-bnedmin, nagħrfu li aħna wlied fil-bżonn, quddiem Dak li jħobbna u jipprovdilna, bħall-Missier tal-iben il-ħali (ara Lq 15:11-24). Il-kultura ta’ laqgħa bejn l-aħwa tkisser il-kultura tat-theddid. Kull laqgħa ssir possibbiltà u rigal tal-imħabba ġeneruża ta’ Alla. Twassalna biex naqbżu dawk li kienu l-limiti tal-orizzonti ristretti tagħna, biex nippruvaw dejjem ngħixu fi fraternità universali, bħala wlied tal-Missier waħdieni tagħna tas-sema.

 

Għad-dixxipli ta’ Kristu, din il-mxija ssib sostenn anki fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, mogħti mill-Misser biex jinħafru d-dnubiet ta’ kull mgħammed. Dan is-sagrament tal-Knisja, li jġedded lill-persuni u lill-komunitajiet, isejħilna biex ma naqilgħu qatt ħarsitna minn fuq Ġesù, li “għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1:20); u jistedinna nwarrbu kull vjolenza fil-ħsibijiet, fil-kliem u fl-aġir, kemm lejn il-proxxmu u kemm lejn il-ħolqien.

 

Il-grazzja ta’ Alla l-Missier tingħata bħala mħabba bla kundizzjonijiet. Meta naqilgħu l-maħfra tiegħu, fi Kristu, nistgħu nibdew il-mixja biex noffruha lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna. Jum wara jum, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nsibu modi u kliem sabiex inkabbru s-sengħa tal-ġustizzja u tal-paċi.

 

Alla tal-paċi jberikna u jagħtina l-għajnuna tiegħu.

 

Marija, Omm tal-Prinċep tal-paċi u Omm il-popli kollha tad-dinja, takkumpanjana u ssostnina pass pass fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni.

 

U kull persuna li tiġi f’din id-dinja tkun tista’ tgħix fil-paċi u tiżviluppa b’mod sħiħ il-wegħda ta’ mħabba u ta’ ħajja li ġġorr ġewwa fiha.

 

Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2019

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona

 


 

[1] Benedittu XVI, Enċiklika Spe salvi (30 ta’ Novembru 2007), 1.

[2] Diskors dwar l-armi nukleari, Atomic Bomb Hypocenter Park, Nagasaki, 24 ta’ Novembru 2019.

[3] Ara Omelija f’Lampedusa, 8 ta’ Lulju 2013.

[4] Diskors dwar il-paċi, Memorjal tal-Paċi, Hiroshima, 24 ta’ Novembru 2019.

[5] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, 78.

[6] Ara Benedittu XVI, Diskors lid-diriġenti tal-Assoċjazzjonijiet Kristjani tal-Ħaddiema Taljani, 27 ta’ Jannar 2006.

[7] Ittra appostolika Octogesima adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 24.

[8] Enċiklika Laudato sì (24 ta’ Mejju 2015), 200.

[9] Ibid., 217.

[10] Ara San Ġwann tas-Salib, Il-Lejl Mudlam, II, 21, 8.