L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Il-Kardinal Gianfranco Ravasi f'Omelija lis-Sorijiet Klarissi. Malta 25 ta' Jannar 2017

 

 

 

L-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Gianfranco Ravasi

Omelija lis-Sorijiet Klarissi

Malta

25 ta’ Jannar 2017

 

Kull ċelebrazzjoni liturġika bħal fiha żewġ ħarsiet. Hemm ħarsa lejn l-għoli, lejn Alla, lejn Kristu, lejn il-Kelma ta’ Alla li tinżel mill-muntanja, bħal fuq is-Sinaj. Imma hemm ħarsa orizzontali, fejn għajn tiltaqa’ ma’ għajn. Fil-fatt, il-kelma liturġija, kif tafu, hi kelma Griega li tfisser opra tal-poplu, ta’ ġemgħa. Ara, jiena magħkom nixtieq nagħmel żewġ mumenti, proprju dawn iż-żewġ ħarsiet.

 

L-ewwel hi dik li tgħaddi bejnietna. Mhux ta’ b’xejn li l-liturġija għandha ħafna tislimiet… “Il-Mulej magħkom”, “Il-Paċi magħkom”, u mbagħad nieħdu b’idejn xulxin. Mela hemm relazzjoni bejn dawk li huma miġbura madwar Alla, bejnietna. U għalhekk li allura jiena rrid qabelxejn nitkellem, insellmilkom proprju fil-familjarità, fil-ħbiberija ta’ laqgħa. Laqgħa tal-ħsibijiet, ta’ talb, ta’ stejjer diversi. Jiena nġib miegħi l-istorja tiegħi li issa hi dik li jien għall-qadi tal-Knisja f’Ruma, qrib tal-Papa Franġisku li miegħu, ngħidu aħna, għandi niltaqa’ s-Sibt li ġej. Nista’ anki nwassallu t-tislima ta’ din il-komunità, inwassallu wkoll it-talba tagħkom.

 

Intom għandkom l-istejjer personali tagħkom, il-vokazzjonijiet tagħkom, u f’dan il-mument ta’ tislima, għajnejna f’ta’ xulxin, ħarsiet reċiproċi, jeħtieġ inqiegħdu wkoll ir-realtà tagħna, il-ħajja umana tagħna, u nwassluha quddiem Alla, id-diversi stejjer tagħna. Għax jekk hu minnu li għandkom vokazzjoni komuni, dik tal-konsagrazzjoni lil Alla u l-ħajja reliġjuża tagħkom, imma kull waħda minnkom għamlet il-mixja tagħha. Għalhekk f’dan il-mument ta’ fraternità, ta’ ħbiberja, nixtieq tassew li kull waħda tħares lejn il-vokazzjoni tagħha, proprju għax jien minn hawn u ftit ieħor, flimkien mas-saċerdoti li qed jiċċelebraw miegħi, inkun nista’ nwassalhom bħal żbul tal-qamħ fi xmara lejn Alla, inwassalu l-uċuħ tagħkom, il-ġrajjiet tagħkom u anki l-persuni li jinsabu hawn, li għandhom vokazzjoni oħra differenti minn tagħkom. Inwassal dan quddiem il-Mulej, għax il-liturġija hi wkoll din ix-xirka tagħkom, xirka tal-persuni li jfittxu li jkunu flimkien fil-fraternità, fl-imħabba.

 

Imma hemm it-tieni ħarsa li hi iżjed importanti, dik lejn il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna. Jien nixtieq nieqaf fuq kollox fuq l-ewwel paġna li nqrat tant tajjeb minn waħda minnkom. Intom forsi tafu li fl-Atti tal-Appostli tliet darbiet insibu r-rakkont tal-konverżjoni, ta’ Pawlu fit-triq ta’ Damasku. Għal tliet darbiet hi rripetuta. Din hi t-tieni waħda, u kull darba hemm xi aspett partikulari. F’dan il-każ, imbagħad, f’dak li għadkom kemm smajtu, ir-rakkont hu awtobijografiku. Hu Pawlu nnifsu li qed jirrakkonta f’xhieda pubblika.

 

Araw kif f’dan ir-rakkont, f’din il-kelma li taslilna mingħand l-Appostlu, li hi mbagħad imlissna b’mod sinifikattiv hawn f’Malta, – għax Malta kienet tappa fil-ħajja ta’ Pawlu, importanti, intom f’ċertu sens salvajtulu ħajtu – hu sab persuna – tiftakruha l-figura tal-Protos – sabha f’funzjonarju li newwillu idu, sabha f’komunità li laqgħetu wara t-tempesta, wara t-traġedja.

 

Jiena ngħix Ruma, mhux wisq bogħod mnejn hemm il-qabar tiegħu, l-aħħar punt ta’ ħajtu. Dwar din il-figura tar-rakkont, minn dan ir-rakkont jien nixtieq niġbor simbolu: simbolu li hu doppju u hu fundamentali fil-Bibbja. Hi l-id. U nispjegalkom ukoll l-għaliex, b’mod simboliku. Aħna nafu li Alla spiss hu rrappreżentat bi xbihat, l-id ta’ Alla hi soda. Issa jekk aħna nqallbu fl-ittri ta’ Pawlu biex insibu tifkira tal-vokazzjoni tiegħu, tat-triq ta’ Damasku – fl-ittri, mhux fl-Atti tal-Appostli, li hi opra tad-dixxiplu tiegħu Luqa –, aħna fil-prattika nsibuha biss darba. U f’ittra lill-egħeżeż komunità, dik li Pawlu ħabbha l-iżjed, il-komunità Ewropea, Filippi. L-Ittra lill-Filippin hi l-egħżeż ittra, mimlija passjoni, anki ħbiberija. Hu sempliċement jgħid: “Intom qatt ma qistu x’tajtu u xi rċivejtu”. Dejjem ħassu f’għaqda spontanja, hienja ma’ din il-komunità. U meta jirrakkontalhom il-vokazzjoni tiegħu, hu juża verb Grieg. Dan il-verb Grieg litteralment ifisser li niġu maħtufa mill-baxx lejn l-għoli. “Jien”, soltu naqraw, “ġejt maħtuf minn Kristu”. Imma strettament mill-għoli, “Jien ġejt maħtuf u miġbud ’il fuq”. U intom taraw li hawn għandna proprju l-vokazzjoni tat-triq ta’ Damasku. Jien qed nilmaħ biss l-id ta’ Alla li qed taħtfu.

 

Tajjeb, mela aħsbu ftit. Intom forsi, anzi żgur, m’intom ħa tidħlu qatt f’din il-kappella li hemm Ruma, fil-Vatikan. Fil-Vatikan hemm kappella fil-Palazz tal-Papa, hemm kappella msejħa l-Kappella Pawlina. Imsemmija għall-Papa Pawlu III, li bnieha. U dan il-Papa ta l-ordni lil wieħed xwejjaħ, marid, Michelangelo, li kien fuq l-għatba tal-mewt, biex jirrappreżenta fuq il-ħajt it-tislib ta’ Pietru, il-mument li fih Pietru ttella’ fuq is-salib.

 

U min-naħa l-oħra riedu jirrappreżenta t-triq ta’ Damasku. U jekk tħarsu tajjeb lejn il-pittura ta’ Michelangelo, issibu proprju dan il-verb irrappreżentat. Fil-fatt, l-Appostlu qiegħed mal-art, għajnejh magħluqa għax għamieh id-dawl, u mill-għoli nieżel bħal dawl qawwi sparat lejn l-art, u hemm l-id ta’ Kristu, li tinżel biex taħtaf lil Pawlu. Michelangelo ppreżenta b’mod serju ħafna din l-esperjenza tal-Appostlu. U aħna l-Kardinali meta ħtarna lill-Papa, meta nġbarna fil-konklavi, tlaqna lejn il-Kappella Sistina, li hi fil-qrib, tlaqna minn hawn.

 

Min-naħa l-oħra, il-wiċċ iebes ta’ Pietru li jinsab fuq is-salib, għadu mhux imsallab, għadu mixħut mal-art, wiċċ li jħares b’mod imqit ħafna lejn il-Papa futur li wasal biex jidħol fil-Kappella Sistina, biex ifakkru: “Ħares, li tkun Suċċessur tiegħi ma jfissirx li ħa tilħaq sultan, xi prinċep”. Hi għażla kważi kattiva, ta’ tbatija, traġika… din il-ħarsa tiegħu.

 

Imma min-naħa l-oħra hemm ir-rappreżentazzjoni ta’ Pawlu, bi Kristu li jerfa’ lil dan ir-raġel li waqa’ u hu agħma, dan ir-raġel midneb, li kien qed jippersegwitah. Hawn hi allura l-ewwel id. Din l-id tkellimna fuq tempju, li mbagħad baqa’ għażiż għal San Pawl tul ħajtu kollha. U x’tempju hu dan? Il-grazzja! Fil-bidu tal-istorja u l-istejjer li lkoll niftakruhom, mhux aħna hemm l-ewwel. L-ewwel hemm Alla! Hemm Kristu. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, kapitlu 10, għandu dik il-frażi mill-isbaħ, kurjuża, li tikkwota lil Isaija. U l-frażi hi din: “Jgħid il-Mulej: ‘Jiena wrejt ruħi anki lil dawk li ma kinux qed ifittxuni. Urejt min jien anki lil dawk li ma kinux jitolbuni’”. Hi l-istorja ta’ Pawlu. “Jien ippreżentajt ruħi u int kont fil-għoli”.

 

Din hi biċċa mill-vokazzjoni tagħna. F’salt wieħed, fil-ħajja tagħna, għadda Alla. Hu għadda l-ewwel: il-grazzja! Forsi intom, xi wħud minnkom forsi tafu l-Grieg. Imma din hi kelma partikulari. Il-grazzja fil-Grieg hi karis. Issa din il-kelma Griega karis daħlet ukoll fil-Latin. U x’saret fil-Latin? Caritas. Karità, l-imħabba. Araw, il-grazzja hi l-imħabba ta’ Alla li tiġi qabilna u tgħaddina.

 

Naturalment, mal-id ta’ Alla mbagħad trid tikkorrispondi l-id tagħna. Tiftakru f’dak il-versett mill-isbaħ tal-Apokalissi. Meta lill-Knisja ta’ Laodiċija, li hi Knisja kiesħa, bierda anzi, mhux kiesħa, superfiċjali, xi ftit jew wisq bħad-dinja li fiha aħna mgħaddsin, x’jgħidilha l-awtur tal-Apokalissi, f’dik ix-xena li fiha jitkellem Kristu nnifsu? “Ara, jien fil-bieb u qed inħabbat. Min jisma’ leħni u jiftaħli l-bieb, jien nidħol u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi”.

 

Araw, jekk ma jgħaddix Kristu, aħna nibqgħu fid-dinja tagħna, fl-istorja tagħna, fis-solitudni tagħna, anki fil-ħażen tagħna. Imma hu jgħaddi u idu tħabbat. Hu l-ewwel. Imma araw, anki aħna għandna r-responsabbiltà, ta’ kuljum, li niftħulu l-bieb. Araw iż-żewġ idejn li jiltaqgħu.

 

U jien nixtieq li issa fl-aħħar nindika id oħra barra dik ta’ Kristu, li tiltaqa’ ma’ tagħna, li tingħaqad ma’ tagħna. U ma nafx intbaħtux li f’din is-silta hemm id oħra li tgħin lil Pawlu. Meta nqrat is-silta, intqal li kien hemm ċertu Ħananija, wieħed li kien josserva l-liġi b’devozzjoni kbira. Pawlu jgħid: “Ġie għandi, resaq lejja u qalli: ‘Sawl, ħija, erġa’ ara’”. Araw, aħna għandna bżonn ukoll ta’ id ta’ xi ħadd ieħor li hu bħalna, li għandu ħajja li tidher. Għalhekk fil-ħajja reliġjuża teżisti l-figura tad-direttur spiritwali, tal-gwida, ta’ oħti, ta’ ħija, biex ngħinu lil xulxin.

 

U hi importanti daqs ta’ Kristu, għax din l-id tgħinna naraw. Hu, Ħananija, li jdaħħal lil San Pawl fil-fidi Nisranija. U hawn allura l-istedina għalikom ilkoll, li tkunu bħal Ħananija għal ħutkom, forsi għal dik oħtkom li tarawha ngħalqet, biex terġa’ lura għad-dawl f’dak il-mument ta’ kriżi. Aħsbu ftit, dan tafuh sewwa intom, fit-traġedja ta’ tant qassisin li qed jabbandunaw, anzi agħar, waqgħu f’abbiss mudlam. Ħafna drabi ma ridux jibqgħu jqiegħdu idhom f’dik ta’ Kristu; hi l-libertà tal-persuna. Imma ħafna drabi dan għax baqgħu waħidhom. Magħhom lanqas l-Isqof tagħhom ma kien hemm, kif kien dmiru ta’ ragħaj li jnewlilhom idu. Għalhekk huma importanti dawn iż-żewġ idejn, dik ta’ Kristu u dik tagħna mnewla lill-oħrajn.

 

Kien hemm poeta Spanjol, Pedro Salinas, li kien jgħid ħaġa kurjuża dwar l-aħwa li jgħinu lill-aħwa, u kien juża proprju x-xbieha tal-id: “Min jgħin lill-proxxmu, min jgħin lil ħuh, għandu l-ponot ta’ subgħajh jilħqu lill-anġli. Huma bħal tant anġli żgħar li jirnexxielhom iqajmu lil min wasal biex jaqa’”.

 

Mela f’din il-liturġija ta’ San Pawl, hawn fl-art li Pawlu rifes b’riġlejh, hawn ejjew infakkru proprju l-grazzja ta’ Alla, Karis, Caritas, l-id ta’ Kristu, li skont il-vokazzjoni tagħna jeħtieġ nerġgħu naqbduha, jekk tlifnieha xi ftit, nerġgħu nsibuha. Imma nfittxu wkoll li ma nżommux idejna fil-bwiet, imma noħorġuhom ukoll għall-oħrajn.

 

U l-idejn meta jaqbdu f’tal-oħrajn jistgħu jimtlew bit-trab. Għax x’jiswielna jekk, meta nippreżentaw ruħna quddiem Alla, ikollna jdejna ndaf għax żammejniehom fil-but? Mela bla biża’ jeħtieġ innewlu jdejna u, kif ifakkarna l-Vanġelu, immissu l-laħam marid. Aħsbu ftit, Kristu hu l-imġiddem. L-imġiddem kienet ħaġa projbita mqar li tersaq lejh. U x’jgħid il-Vanġelu ta’ Mark, ngħidu aħna? Ġesù messu, kważi qabadlu l-infezzjoni tiegħu b’idejh, proprju għax din l-imħabba hi qawwija.

 

Araw kif dawn iż-żewġ idejn jimxu magħna fl-istorja tal-vokazzjoni tagħna li rridu nkomplu ngħixu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Francesco Pio Attard.