|
L-Għożża tal-Ħajja
Hija ħaġa tassew pożittiva li
fil-pajjiż hawn dibattitu dwar
kif numru ta’ koppji jistgħu
jindirizzaw id-diffikultà
tal-infertilità. Din hija xhieda
ta’ kemm ngħożżu l-ħajja umana.
Dan napprezzawh aktar meta naraw
li qed ngħixu fi żmien fejn kemm
fl-Ewropa kif ukoll f’Malta,
parti sewwa tas-soċjeta’ hija
xħiħa mal-ħajja fis-sens li
r-rata tat-twelid hija baxxa.[1]
Huwa ta’ gieh għas-soċjetà
tagħna li hawn dan l-entużjażmu
favur il-ħajja umana,
speċjalment minn dawn il-koppji
li jagħmlu ħafna sagrifiċċji
kbar.
Fil-qafas soċjali li qegħdin
ngħixu llum, nixtiequ nagħmluha
ċara li aħna l-Isqfijiet qegħdin
nindirizzaw din l-Ittra
Pastorali primarjament
lill-komunità Kattolika
f’pajjiżna, kif ukoll lil dawk
ħutna Maltin u Għawdxin ta’
rieda tajba li ġenwinament
għandhom interess fit-tagħlim
tagħna l-Kattoliċi.[2] Huwa dmir
tagħna bħala ragħajja spiritwali
ta’ din il-komunità li ngħinu
lill-Kattolici (l-ewwelnett lil
dawk il-koppji miżżewġa li
għaddejjin mid-diffikultà
tal-infertilità, kif ukoll
lil-persuni li huma impenjati
fl-oqsma tax-xjenza,
tal-politika u tal-liġi), sabiex
jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom
tajjeb dwar suġġett daqshekk
qaddis u fundamentali bħalma
huwa l-ħajja umana.
Huwa normali li meta koppja
tiżżewweġ tkun tixtieq li
jkollha l-ulied. Spiss jiġri li
meta titfaċċa d-diffikultà
tal-infertilità, dawn iħossu
falliment fil-ħajja tagħhom! Id-dispjaċir
joktor jekk din il-kundizzjoni
tkun konsegwenza ta’ xi għażliet
li l-koppja tkun għamlet qabel.
Aħna l-Isqfijiet inħossu ħafna
ma’ dawn il-koppji, u rridu
nfakkruhom illi l-fatt li ma
għandhomx ulied ma jfissirx li
l-missjoni tagħhom bħala
miżżewġin falliet. Ilkoll nafu
b’koppji li, għalkemm baqgħu
mingħajr ulied, xorta swew ta’
ħafna ġid f’oqsma oħra ta’
ħajjithom. B’danakollu, nafu li
dan il-fatt ma jsolvix ix-xewqa
kbira ta’ dawn il-koppji u l-ġibda
qawwija fihom li jaqsmu l-imħabba
tagħhom billi jsiru ġenituri.
Għalhekk nagħmlu sejħa lin-nies
tax-xjenza biex ikomplu
jistudjaw u jfittxu
soluzzjonijiet li huma etikament
u moralment tajba ħalli dawn
il-miżżewwġin ikunu jistgħu
jissodisfaw ix-xewqa leġittima
tagħhom li jsiru ġenituri. B’din
is-sejħa tagħna, qegħdin intennu
l-istedina li, ftit xhur ilu,
il-Qdusija Tiegħu il-Papa
Benedittu XVI għamel
lix-xjenzati miġbura biex
jiddiskutu l-kawżi u l-kura
tal-infertilita’. Waqt li faħħar
l-onestà intellettwali tax-xjenzati
li twassal għall-verita’, ħass
il-ħtieġa wkoll li josserva li
“x-xjentiżmu u l-loġika
tal-profitt qegħdin jiddominaw
il-qasam tal-infertilità u tat-tnissil
uman, b’tali mod li dawn jaslu
biex ifixklu ħafna oqsma oħra ta’
riċerka”.[3]
Il-Knisja tgħid IVA
għall-Ħajja
Il-Knisja hija l-aktar
istituzzjoni fid-dinja li hija
favur il-ħajja. Tisħaq li dan
il-valur tal-ħajja umana ma
jistax ikun mittiefes,
tiddefendih sa mill-bidunett
tat-tnissil u dejjem ħadmet
għall-għarfien tad-dinjità unika
tal-ħajja umana. Hekk irid Alla,
li huwa waħdu s-Sid tal-ħajja.
Il-Knisja tagħraf li l-ħajja
umana mhix xi “prodott” li jista’
jiġi maħdum, imfassal, użat jew
skartat.[4] Il-Knisja tgħallem
li ħadd ma jista’ “juża’” l-bniedem,
hu x’inhu l-istadju ta’ żvilupp
tiegħu, sa mill-ewwel mument
tal-eżistenza sal-mewt naturali
tiegħu, u hi x’inhi l-kundizzjoni
tiegħu. Jekk jitwarrab dan
ir-rispett fundamentali, ix-xjenza
ssir l-għadu tal-bniedem. Konxja
mid-dmir tagħha li tiddefendi
liż-żgħir u tagħti vuċi lil minn
m’għandux, il-Knisja ttenni
bil-qawwa l-iva tagħha
għall-ħajja, u dan l-aktar meta
l-ħajja hija dgħajfa, bħal
fil-każ ta’ meta l-bniedem ikun
fl-istadji bikrija tal-iżvillupp
tiegħu.
Hu f’dan il-kuntest li l-Knisja,
fid-dawl tal-verità magħrufa
mir-raġuni naturali u msaħħa
bir-Rivelazzjoni, dejjem ħeġġet
għall-approfondiment tax-xjenza
għas-servizz awtentiku
tal-bniedem. Dan l-approfondiment
tax-xjenza jrid isir fil-limiti
li jassiguraw ir-rispett
fundamentali lejn l-istess
bniedem, inkella x-xjenza ssir
l-għadu tal-bniedem.
Il-Knisja dejjem għallmet li l-veru
servizz lejn il-bniedem u l-veru
ħarsien u promozzjoni tad-dinjità
tiegħu qatt ma jistgħu jseħħu
jekk mhux fid-dawl tal-verità
fuq l-istess bniedem. Dan
ifissru tajjeb ħafna l-Papa
Benedittu XVI fl-enċiklika
tiegħu Caritas in Veritate.
Infatti, il-Knisja dejjem ħadet
l-inizjattivi tagħha ta’ mħabba
(Caritas) għas-servizz
tal-bniedem, fid-dawl tal-verità
dwar il-bniedem. Il-karità u l-verità
jmorru flimkien, u hi l-Verità
li tassigura l-karità awtentika.
Il-Knisja Kattolika għandha d-dritt
u d-dmir li tesprimi ġudizzju
morali fuq ir-riċerka u fuq
metodi tekniċi fir-rigward tat-tnissil
tal-bniedem. B’dan, il-Knisja ma
tkunx qed tindaħal fejn ma
jesagħhiex fil-qasam mediku,
għax il-Knisja għandha d-dritt u
d-dmir li tissensibilizza lil
kulħadd għar-responsabilità
etika u soċjali ta’ kull azzjoni
li tittieħed fir-rigward
tal-bniedem.
Il-Verità tħares il-Ħajja
X’inhi l-verità etika dwar
il-fertilizzazzjoni in vitro (IVF)
li, b’imħabba lejn il-bniedem,
il-Knisja Kattolika, flimkien
ma’ kull membru fi ħdanha,
għandha d-dritt u d-dmir li
xxandar bħala parti mill-missjoni
tagħha?
Skont it-tagħlim tal-Knisja,
il-metodi mediċi li jistgħu
jintużaw għall-kura
tal-infertilità għandhom ikunu
mibnija fuq ir-rispett ta’ dawn
it-tliet valuri fundamentali:
a. Il-valur tal-ħajja u l-integrità
fiżika ta’ kull bniedem. Dan
irid ikun imħares mill-ewwel
mument tat-tnissil sal-mewt
naturali tal-persuna umana, u l-aktar,
meta l-persuna tkun f’qagħda ta’
dgħufija. Kull diskriminazzjoni
minħabba l-istadji differenti
tal-ħajja mhix ġustifikata, bħal
kull diskriminazzjoni oħra.[5]
Mat-tnissil “tibda ħajja ġdida
li la hija tal-missier u lanqas
ma hi tal-omm; hija l-ħajja ta’
esseri uman ġdid li ser jikber.
Ma kienx ser isir uman kieku ma
kienx uman dejjem”.[6] Dan
il-valur importanti, ftit xhur
ilu, kien ukoll rikonoxxut
fil-qasam ċivili, jiġifieri li
l-ħajja umana trid tkun imħarsa
sa mill-bidunett tal-konċepiment
(embrijuni).[7]
b. Il-valur tal-unità taż-żwieġ.
Din l-unita’ tintwera wkoll fir-rispett
tal-miżżewġin lejn xulxin, li
jagħrfu li għandhom id-dritt li
fiż-żwieg jaġixxu flimkien biex
isiru ġenituri. Ir-raġel u l-mara
miżżewġa, permezz tal-għotja ta’
mħabba lil xulxin,
jipperfezzjonaw lilhom infushom
meta jikkoperaw mal-Ħallieq fit-tnissil
u fit-trobbija tal-ulied.
Għalhekk, meta koppja taċċetta
li fil-proċess
tal-fertilizzazjoni artificjali
ikun hemm is-sehem ta’ persuna
oħra, dan ikun qed ikisser l-unità
taż-żwieġ, il-fedeltà
tal-miżżewġin, kif ukoll id-dritt
tal-koppja miżżewġa li jsiru
ġenituri esklussivament
bil-koperazzjoni ta’ xulxin.
ċ. Il-valur tas-sesswalità umana
fiż-żwieġ. It-tnissil ta’
persuna umana għandu jkun
riżultat tal-għotja ta’ mħabba
tal-miżżewġin lejn xulxin. Din
l-għotja tintwera fis-sesswalita’
ta’ bejniethom fejn ir-raġel u
l-mara jsiru “ġisem wieħed”.
Għalhekk skont dan il-valur, it-tnissil
ta’ persuna umana ma jistax ikun
att bijoloġiku biss. L-anqas ma
jista jkun proċess tekniku li
jipproduċi embrijuni qisu qed
jipproduċi oġġett. Ir-rigal
tal-ħajja umana għandu jiġi
milqugħ fiż-żwieġ, l-ambjent
awtentiku u naturali fejn
titnissel il-ħajja, b’atti
personali, esklussivi u
speċifiċi tar-raġel u l-mara
miżżewġin. Huwa għalhekk li l-Knisja
tgħallem li “għandu jkun hemm
għaqda inseparabbli bejn iż-żewġ
għanijiet tal-att konjugali, l-għan
unittiv u dak prokreattiv. Din
l-għaqda li jridha Alla nnifsu u
ma jistax jiksirha l-bniedem
b’inizjattiva tiegħu.”[8]
Għaldaqstant, kull metodu
tekniku li jieħu post l-att
konjuġali personali ma jkunx
jirrispetta d-dinjità
tal-persuna umana u tal-unità
taż-żwieġ, u għalhekk ma jistax
jiġi aċċettat. Mill-banda l-oħra,
jistgħu jkunu aċċettati dawk
il-metodi tekniċi li jgħinu l-att
konjugali personali biex dan
jilħaq l-skop li titnissel ħajja
umana.[9]
Il-Ligi Naturali tħares
il-Ħajja
Il-metodu IVF jitlob li jinħolqu
numru ta’ embrijuni bil-għan li
titwieled it-tarbija mixtieqa.
Ukoll jekk uħud minn dawk l-embrijuni
ma jinqatlux deliberatament,
imma jmutu mewta “naturali” ftit
wara li jitnisslu, jibqa’ l-fatt
li diversi embrijuni qegħdin
jiġu ssagrifikati u
strumentalizzati biex titwieled
tarbija. Kemm din il-proċedura,
kif ukoll il-mod kif l-embrijuni
umani ikunu wżati biex minn
fosthom titwieled tarbija
jikkonferma, li dan il- proċess
fih innifsu imur kontra d-dinjità
tal-bniedem. Kollox juri li l-metodi
tal-fertilizzazzjoni in vitro,
li għall-ewwel jidhru li huma
għas-servizz tal-ħajja,
attwalment u fil-fatt joħolqu
theddida għall-ħajja umana.
Għal dak il-bniedem fi stat
embrijunali mnissel bl-IVF li
jibqa’ żejjed għax ma jiġix
imqiegħed fil-ġuf t’ommu, xi
drabi x-xjenza tagħżel li
tiffriżah (cryo-preservation).
Il-Knisja tagħmilha ċara li qatt
ma tikkunsidra l-iffriżar
tal-embrijuni bħala xi għażla
jew soluzzjoni tajba. Id-Dokument
Donum Vitae, li semmejna diġa,
jgħid ċar u tond li “l-iffriżar
tal-embrijuni, ukoll meta
magħmul sabiex tiġi ppreservata
l-ħajja tal-embrijun, huwa
offiża kontra r-rispett mistħoqq
lill-persuni umani, minħabba li
l-embrijuni jitqiegħdu f’perikli
kbar ta’ mewt jew ta’ ħsara
lill-integrità fiżika tagħhom, u
ċċaħħadhom, għall-inqas għal xi
żmien, mill-wens tal-omm. B’hekk
jitqiegħdu f’sitwazzjonijiet
fejn jista’ jkun hemm offiżi
oħrajn u anke manipulazzjoni
tagħhom”.[10]
Il-ġenituri qatt ma jistgħu
jagħtu l-kunsens li wliedhom
jitqiegħdu fil-freezer, għax
b’hekk ikunu qed ifarfru r-responsabilità
tagħhom bħala ġenituri. Min-naħa
l-oħra, jekk il-”wild”
jitqiegħed fil-freezer mingħajr
il-kunsens tal-ġenituri tiegħu
jew tagħha, dawn ikunu qed
jinsterqu mir-responsabilità
tagħhom ta’ ġenituri.
Bl-iffriżar ta’ dawn l-“ulied”,
il-bniedem qed jivvinta
orfanatrofji ġodda. Barra minn
hekk, il-futur ta’ dawn
il-bnedmin fil-freezer huwa
mċajpar immens. L-embrijun,
ukoll waqt li jkun iffrizat,
xorta jgawdi drittijiet naturali
li ma jistgħux jitteħdulu.
Soċjetà demokratika hi fid-dmir
li tara li l-liġijiet li
jiddefenduhom huma osservati.
Xi wħud jippruvaw inaqqsu dawn
il-perikli għall-embrijuni
ffriżati billi jsemmu l-possibbilta’
li dawn l-embrijuni li ma jkunux
tqegħdu fil-ġuf tal-omm,
jingħataw għall-adozzjoni. Imma
din il-possibbilta’ mhux biss
fiha kumplikazzjonijiet mediċi,
psikoloġiċi u legali serji, imma
tiftaħ problemi etiċi ikbar.
Il-process imsejjaħ IVF jinvolvi
metodi li xi drabi jikkunsidraw
l-bniedem li jkun għadu fi stat
ta’ embrijun bħala sempliċi
“massa ta’ ċelluli” li wieħed
jista’ jużahom, jagħżel minnhom
u wkoll iwarrabhom. Ħafna drabi
numru mhux żgħir ta’ embrijuni
umani huma ssagrifikati bi pjan,
sabiex tkun tista’ titwieled it-tarbija
mixtieqa. F’dawn il-prattiċi ta’
fertilizzazzjoni in vitro jidher
ċar li għandna l-qerda ppjanata
u diretta tal-ħajja umana
innoċenti. Il-Maġisteru
tal-Knisja dejjem jiġġudika din
il-qerda ta’ embrijuni bħala
abortiva. Il-Beatu Ġwanni Pawlu
II jgħallimna li “l-abort
prokurat huwa l-qtil apposta u
dirett, b’kull tip ta’ mezz li
dan isir, tal-bniedem fil-bidu
tal-eżistenza tiegħu jew tagħha,
mill-mument tat-tnissil sat-twelid”.[11]
Għalhekk dawn il-prattiċi li
semmejna ma jistgħux ikunu
moralment iġġustifikati bl-ebda
mod u taħt l-ebda ċirkostanza.
Qatt ma hu moralment permess li
sabiex jintlaħaq xi għan tajjeb
(f’dan il-każ, it-tnissil u t-twelid
ta’ tarbija mixtieq) issir
azzjoni li minnha nfisha hi
ħażina (il-qerda ta’ numru ta’
embrijuni oħra). Huwa prinċipju
morali magħruf li l-iskop ma
jiġġustifikax il-mezzi.
Il-ħajja umana għandha tkun
imħarsa u promossa fl-integrità
tagħha sa mill-ewwel mument tat-tnissil.
Dan l-obbligu joħroġ mid-dinjità
tal-bniedem li hija l-pedament
tad-drittijiet umani. Għalhekk
huwa obbligu li joħroġ mid-dritt
naturali. Kull bniedem għax hu
persuna, għandu dinjità li
għandha tkun rikonoxxuta u
rispettata mill-oħrajn. Għalhekk,
liġi ċivili tkun ġusta jew
inġusta mhux jekk tkun taqbel
jew ma taqbilx ma’ kodiċi etiku
reliġjuż, imma jekk tkunx
konformi ma’ kodiċi etiku uman.
Dan il-kodiċi etiku uman,
imsejjaħ ukoll liġi naturali, la
jiddependi mill-leġiżlazzjoni
pożittiva tal-parlament, u wisq
inqas ma jista’ jiġi mittiefes
jew mwarrab minn xi maġġoranza
parlamentari.
Leġislazzjoni dwar
il-prokreazzjoni assistita.
Huwa fatt magħruf li f’pajjiżna,
l-IVF hija prattika mifruxa mhux
ħażin. Għadu kif kien irrapurtat
li f’dawn l-aħħar 22 sena, 750
mara ħarġu tqal permezz ta’ dan
il-metodu. Huwa fatt magħruf
ukoll li l-qagħda fejn m’hemm l-ebda
liġi ċivili li tirregola din
il-prattika, id-diżordni jaf
ikun kbir. Fid-dawl ta’ dak li
għidna aktar ‘il fuq, il-liġi
ċivili dwar il-prokreazzjoni
assistita għandha timmira li
tħares it-tliet valuri li
semmejna, jiġifieri il-valur
tal-ħajja u l-integrità fiżika
ta’ kull bniedem; il-valur
tal-unità taż-żwieġ u il-valur
tas-sesswalità umana fiż-żwieġ.
Liġi li ma tħarisx dawn
il-valuri hija liġi moralment
ħażina. Il-gravità etika ta’
liġi li ma tirrispettax dawn
il-valuri tista’ jkollha gradi
differenti. Għalhekk il-bnedmin
ta’ rieda tajba, li għandhom
il-mandat li jilleġislaw,
għandhom dmir fil-kuxjenza li
jippruvaw jilħqu l-aqwa ġid
possibbli jew kemm jista’ jkun,
inaqqsu l-ħsara.
Solidarjetà ma’ koppji li
jixtiequ jilqgħu l-ħajja
Għaldaqstant il-Knisja, għax hi
profondament solidali ma’ koppji
li jgħaddu minn sitwazzjoni ta’
infertilità, tixtieq u trid li
x-xjenza tkompli tiżviluppa u
toffri dawk il-metodi tekniċi li,
bla ma jissostitwixxu l-att
konjugali, effettivament jgħinu
l-fertilità potenzjali
tal-koppja. Il-Knisja tawgura li
s-sitwazzjoni ta’ infertilità,
li ħafna drabi hi tqila
għall-istess koppji, ma twassalx
għal possibilità ta’ sfruttar
psikoloġiku u finanzjarju
tal-istess koppja.
Il-Knisja mhux biss tawgura iżda
hija impenjata b’diversi modi
sabiex koppji li jkunu għaddejja
minn sitwazzjonijiet simili
jkunu tassew mgħejjuna u mdawwla
dwar in-natura reali
tal-kundizzjoni tagħhom. L-ewwel
nett sabiex jiġu megħluba
tentazzjonijet għal
soluzzjonijiet “faċli” peress li
jidhru teknikament possibbli.
Dawn is-soluzzjonijiet mhux biss
huma moralment ħżiena, imma
wkoll riskjużi u ta’ dannu
għas-saħħa fiżika u mentali
tal-koppja, u speċjalment
tal-mara. It-tieni sabiex
jittieħdu inizjattivi li huma
moralment tajba, u li għalhekk
jassiguraw ir-rispett sħiħ lejn
is-sħuħija tal-koppja u lejn
il-ħajja umana. Ikun ħafna ta’
siwi jekk isiru studji
xjentifiċi serji dwar il-kawżi u
l-prevenzjoni tal-infertilità.
Għalhekk il-Knisja tappella
għall-obbligu ta’ formazzjoni
awtentika Nisranija, u għalhekk
umana, tal-kuxjenza ta’ kull
wieħed u waħda minna fid-dawl
tal-prinċipji tal-Liġi naturali
fuq imsemmija u tal-Maġisteru
tagħha. Kuxjenza morali
korrettament iffurmata titlob li
f’kull okkażjoni l-Kattoliċi
jagħtu xhieda tal-Verità fl-Imħabba,
dik l-imħabba li hi awtentikata
mill-istess Verità.
F’dan il-kuntest inħossu li
għandna nsellmu lil dawk
il-koppji miżżewġa li għelbu d-diffikultà
tal-infertilità billi adottaw
jew aċċettaw li jkunu foster
parents. Il-ġenerożità ta’ dawn
il-koppji hija tassew eżemplari
u ta’ min ifaħħarha. Dawn
il-koppji joffru tama mhux biss
lill-ulied li jilqgħu u li
jrabbu b’għożża, imma wkoll lil
dawk il-koppji simili li
jixtiequ li jisbaħ jum ġdid
għalihom.
Dawk it-tfal li twieldu mill-metodi
tal-IVF, anke jekk il-proċedura
li biha tnisslu tmur kontra d-dinjità
tal-bniedem, xorta huma l-għożża
tagħna għax jibqgħu don t’Alla.
Lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal
nagħmlulhom kuraġġ biex jafdaw
fil-Ħniena t’Alla u jfittxu t-triq
tar-rikonċiljazzjoni magħhom
infushom u mas-sejħa u l-missjoni
tagħhom ta’ ġenituri.
Nitolbu l-barka t’Alla fuq
il-miżżewġin u l-familji kollha
ta’ pajjiżna u fuq dawk kollha
li jgħożżu l-ħajja umana.
Illum, 26 ta’ Lulju 2012,
tifkira ta’ San Ġwakkin u
Sant’Anna.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Agħfas hawn biex taqra din
l-Ittra Pastorali f'PDF.
[1] Fil-pajiżi tal-U.E. ir-rata
tat-twelid hija 1.59, ftit aktar
minn għaxar snin ilu, imma
f’Malta, niżlet minn 1.77
fl-1999 għal 1.38 fl-2010. Ara
Eurostat, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=tsdde220&plugin=0.
[2] Kemm aħna, kif ukoll l-Isqfijiet
ta’ qabilna, drabi oħra ħassejna
l-ħtieġa li naqsmu magħkom it-tagħlim
tal-Knisja u r-riflessjoni
tagħna fuq dan is-suġġett
delikat. Eċċ.zi Rev.mi Ġużeppi
Mercieca u Nikol Cauchi,
Stqarrija dwar “l-Inseminazzjoni
Artifiċjali”, 26 ta’ Lulju,
1995; ibid., Stqarrija dwar
“Il-Problemi Etiċi tat-Teknika
għall-Riproduzzjoni Assista”, 4
ta’ Frar, 2005; ibid., Stqarrija
dwar “Il-Ħarsien tal-Ħajja
tal-Bniedem mill-Bidu nett
tagħha”, 1 ta’ Lulju, 2005;
Eċċ.za Rev.ma Mons. Ġużeppi
Mericieca, “Id-Dinjita’ u l-Integrita’
tal-Ħajja Umani”, 21 ta’
Settembru, 2005; Eċċ.zi Rev.mi
Pawl Cremona u Mario Grech,
Ittra Pastorali għall-Avvent
2010, “Il-Presepju fil-Familji
Tagħna”, 27 ta’ Novembru, 2011;
Eċċ.za Rev.ma Mons. Mario Grech,
“Id-Dulur tal-Miżżewġin li ma
jistax ikollhom Tfal”, 30 ta’
Marzu, 2012.
[3] Benedittu XVI, Indirizz
lill-Assemblea Ġenerali
tal-Akkademja Pontifiċja
għall-Ħajja, 25 ta’ Frar 2012,
http://www.vatican.va/holy_father/benedict_xvi/speeches/2012/february/documents/hf_ben-xvi_spe_20120225_acdlife_en.html.
[4] Ibid. par. 5.
[5] Kongregazzjoni għad-Duttrina
tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar
l-Abort Prokurat, 18 ta’
Novembru, 1974 par. 12.
[6] Kongregazzjoni għad-Duttrina
tal-Fidi, Donum Vitae,
Istruzzjoni fuq ir-Rispett lejn
il-Ħajja Umana fil-Bidu tagħha u
fuq id-Dinjita’
tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet
għal xi Mistoqsijet tal-lum, 22
ta’ Frar, 1987, par. I.1 li
jikkwota d-Dikjarazzjoni dwar
l-Abort Prokurat tal-istess
Kongregazzjoni, 18 ta’ Novembru,
1974 par. 12.
[7] Qorti Ewropea tal-Ġustizzja,
Oliver Brustle vs Greenpeace, 18
ta’ Ottubru, 2011 iddeċidiet li
l-embrijun jixraqlu r-rispett
skont id-dinjita’ umana.
[8] Papa Pawlu VI, Ittra
Enċiklika Humanae Vitae, 25 ta’
Lulju, 1968 par. 12. Dan it-tagħlim
huwa ripetut mill-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, Donum
Vitae, Istruzzjoni fuq
ir-Rispett lejn il-Ħajja Umana
fil-Bidu tafħha u fuq id-Dinjita’
tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet
għal xi Mistoqsijiet tal-lum 22
ta’ Frar 1987, par. IIB4a).
[9] Kongregazzjoni għad-Duttrina
tal-Fidi, Dignitas Personae,
Istruzzjoni fuq Sitwazzjonijiet
Bioetiċi, 8 ta’ Settembru, 2008,
par. 12.
[10] Donum Vitae, par. 6.
[11] Ġwanni Pawlu II: Ittra
Enċiklika Evangelium Vitae, 25
ta’ Marzu 1995, par.58 |