Viżjoni ta’ Knisja

għall-Knejjes Lokali ta’ Malta u ta’ Għawdex għas-snin 2020-2030

Dokument imħejji mill-Kummissjoni Dottrinali

tal-Konferenza Episkopali Maltija

 

Fejn ninsabu u ħarsa ’l quddiem

Il-Knisja fil-gżejjer tagħna tirringrazzja lil Alla għal dak kollu li kienet, matul il-medda tas-sekli, u dak kollu li hi għas-soċjetà tagħna. Hija tagħraf – kif jirrikonoxxu bosta istituzzjonijiet oħra, flimkien ma’ settur sinifikattiv tal-poplu – li hi tat, u qed tkompli tagħti, kontribut f’ħafna oqsma tas-soċjetà, bħal dak spiritwali, edukattiv, karitattiv, kulturali, tal-midja u tal-isport.

Nifhmu li s-soċjetà għaddiet minn bosta bidliet, l-aktar fl-aħħar ħamsin sena, fejn ħafna bidliet saru b’pass imgħaġġel ħafna, u f’kuntest ta’ sekularizzazzjoni qawwija. Fil-fatt, illum il-Knisja qed tħabbat wiċċha ma’ bosta sfidi. Insemmu xi wħud minnhom:

o il-vuċi tal-Knisja li titqies biss bħala vuċi fost ħafna oħrajn;

o ix-xandir tal-Bxara t-Tajba, il-valuri tal-Evanġelju u l-kelma “Alla” jistonaw f’bosta ambjenti lokali;

o ekkleżjoloġiji konfliġġenti;

o analfabettiżmu reliġjuż qawwi;

o il-preżentazzjoni tal-fidi Nisranija liż-żgħażagħ;

o diffikultajiet serji li qed jolqtu l-familja, iż-żwieġ Nisrani u t-tħejjija għalih;

o iċ-ċelebrazzjoni awtentika tal-liturġija b’mod dinjituż mingħajr ma tkun teatrali, u l-firda bejn il-liturġija u l-għixien tagħha fil-ħajja ta’ kuljum;

o l-eċċessi f’ċerti festi parrokkjali u oħrajn;

o Insara li ma jsibux bi tqila biex jagħtu sehemhom fi strutturi tad-dnub li jżebilħu d-dinjità tal-bniedem.

 

Nifhmu tajjeb li s-soċjetà tagħna m’għadhiex waħda omoġenea: perċentwal mhux żgħir tal-popolazzjoni, li issa qed toqrob in-nofs miljun, huwa magħmul minn nies ġejjin minn pajjiżi, kulturi u reliġjonijiet oħra. Filwaqt li għal bosta sekli, il-kultura tagħna kienet waħda essenzjalment Nisranija, u f’ħafna aspetti, magħġuna mal-fidi Nisranija, illum dan m’għadux hekk. Però, minkejja dan, il-Knisja tibqa’ tħares ’il quddiem b’fiduċja kbira f’Alla, anke jekk tiltaqa’ ma’ oppożizzjoni, spiss sottili, fil-konfront tagħha. Fil-qari attent ta’ dawn is-sinjali taż-żminijiet, il-Knisja ġġedded l-impenn tagħha li tara sinjal tal-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla, u l-possibiltà li tkompli tixxandar il-Bxara t-Tajba f’kull qasam tal-ħajja u f’kull rokna tas-soċjetà.

 

Il-Knisja tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha quddiem fenomeni soċjali li qed idgħajfu s-sinsla morali tal-poplu tal-gżejjer tagħna, fi kliem ieħor, strutturi tad-dnub li qed jiddominaw il-psike tal-poplu tagħna, p.eż. in-numru allarmanti ta’ persuni dipendenti fuq id-droga, l-effett tas-separazzjoni u d-divorzju fuq it-tfal u l-adoloxxenti, il-korruzzjoni, il-qerda tal-ambjent naturali, iż-żjieda tal-priġunieri fil-ħabs,[1] u ż-żjieda fl-attentati ta’ suwiċidju kull ġimgħa.[2]

 

 

B’fiduċja sħiħa fil-Mulej u b’fiduċja fir-rieda tajba tal-bniedem maħluq fis-sura u x-xbieha ta’ Alla, il-Knisja f’Malta u f’Għawdex tikkommetti ruħha mill-ġdid li tibqa’ tagħti xhieda qalbiena b’sens ta’ responsabiltà lejn il-poplu li jgħammar f’dawn il-gżejjer. Aktar minn qatt qabel, il-membri tal-Poplu ta’ Alla huma msejħa biex jifhmu aħjar u jħaddnu bis-sħiħ il-kliem ta’ Ġesù: “Intom il-melħ tal-art ... Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13-14). Hija u tirrifletti fuqha nfisha, il-Knisja f’pajjiżna tagħraf li l-profil tagħha huwa wieħed Marjan, Pawlin, u Konċiljari.

 

Mingħajr ma nintilfu f’xi sens ta’ nostalġija, din il-viżjoni ta’ Knisja tirrikonoxxi l-aspetti sbieħ u forsi inqas sbieħ tal-passat, imma, fuq kollox, tisħaq fuq l-ittra u l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II, l-aktar fil-kostituzzjonijiet Sacrosanctum concilium, Lumen gentium, Dei Verbum u Gaudium et spes. Aħna nħarsu u ngħożżu dak kollu li għallmuna l-Papiet reċenti, partikolarment San Pawlu VI (f’Ecclesiam suam u Evangelii nuntiandi), San Ġwanni Pawlu II (f’Novo millennio ineunte), Benedittu XVI (f’Deus caritas est, Sacramentum caritatis u Verbum Domini) u Franġisku. It-triq tal-Knisja llum hija dik li nsibu f’dak li l-Papa Franġisku jgħallimna – frott id-dixxerniment personali tiegħu u dak ekkleżjali – fl-Eżortazzjonijiet Appostoliċi Evangelii gaudium, Amoris laetitia, Gaudete et exsultate u Christus vivit. Fl-istess ħin, huwa d-dmir tagħna li ngħożżu l-wirt pastorali tar-Rgħajja tal-Knejjes tagħna, u dak li ħareġ fis-Sinodi Djoċesani li saru wara l-Konċilju, ġewwa Malta u Għawdex.[3]

 

 

1. Knisja missjunarja: Knisja “li toħroġ” u tmur “lil hinn”

 

Il-Knisja fil-gżejjer tagħna tifraħ li ġiet imwaqqfa minn San Pawl, fatt storiku u spiritwali li jgħabbina bir-responsabiltà. Fuq l-eżempju tiegħu, aħna msejħin biex inkunu Nsara mħeġġa għall-Mulej, ħabbara tiegħu u bennejja tal-komunità Nisranija, kif kien jagħmel hu, kulfejn terraq u baħħar. Aħna nirringrazzjaw lil Alla ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Nsara impenjati li, bħall-Appostlu Missierna, taw xhieda, anke fi żminijiet ta’ sfida kbira. Huma taw xhieda siekta, imma effettiva, fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja saċerdotali u kkonsagrata, fl-ambjenti tax-xogħol, u fl-impenn ekkleżjali fil-parroċċi u fl-għaqdiet, kif ukoll fil-ħajja pubblika u kulturali fl-oqsma u l-livelli kollha, fosthom anke fil-politika, fix-xjenza u fil-kummerċ etiku. Nirringrazzjaw lil Alla ta’ xi wħud minn ħutna li ħallew xtutna u taw xhieda Nisranija sabiħa f’artijiet oħra, fejn marru bħala missjunarji jew bħala emigranti.

 

Ma rridux lanqas ninsew li fostna hawn eluf kbar ta’ turisti u ta’ barranin li jgħixu fostna, xi wħud membri tal-Knisja Kattolika jew ta’ Knejjes oħra, u saħansitra ta’ reliġjonijiet oħra. Lil dawn ukoll aħna msejħin li nagħtu xhieda, bħala dixxipli ferħana u impenjati ta’ Ġesù. Nifhmu għalhekk il-ħtieġa ta’ djalogu ekumeniku u djalogu inter-reliġjuż, dejjem fl-ispirtu li għallmitna l-Knisja minn żmien il-Konċilju Vatikan II. Għandna niddjalogaw ma’ dawn ħutna minn Knejjes u Tradizzjonijiet Insara oħra, kif ukoll minn Reliġjonijiet oħra, u naraw fihom aspetti pożittivi, kif ukoll elementi ta’ qdusija u verità.

 

 Il-Knisja fil-gżejjer tagħna tispira ruħa mis-silta dwar il-laqgħa tad-dixxipli ta’ Għemmaws ma’ Kristu Rxoxt (Lq 24:13-35). Il-Knisja tibqa’ dejjem imsejħa li tfassal ħajjitha fuq il-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ewkaristija. Ittrasformati u msaħħin mil-laqgħa mal-Kelma ta’ Alla u mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu Rxoxt, l-Insara Maltin u Għawdxin ikollhom is-saħħa spiritwali biex ikomplu jagħtu xhieda Nisranija f’kull aspett tal-ħajja. Kif jgħallimna l-Papa Franġisku, aħna għandna nkunu Knisja li toħroġ u tmur lil hinn. Wara l-laqgħa straordinarja tagħhom mal-Mulej fil-Kelma u fil-qsim tal-ħobż, iż-żewġ dixxipli ħargu minnufih minn fejn kienu għall-kenn u l-mistrieħ, u reġgħu lura Ġerusalemm: “Il-Knisja li toħroġ hi l-komunità ta’ dixxipli missjunarji li jieħdu inizjattiva, li jinvolvu ruħhom, li jsieħbu lil oħrajn, li jagħmlu l-frott u jiffesteġġjaw” (Evangelii gaudium, 24). Dawn il-ħames azzjonijiet għandhom ikunu fil-qalba ta’ kull komunità Nisranija.

 

Għandu jsir kull sforz biex ngħixu l-evanġelizzazzjoni l-ġdida permezz ta’ laqgħa dejjem ħajja mal-Kelma, speċjalment waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u tas-sagramenti l-oħra. Flimkien – isqfijiet, saċerdoti, membri tal-Istituti tal-ħajja kkonsagrata u lajċi – għandna nagħmlu minn kollox biex iċ-ċelebrazzjonijiet tal-liturġija, speċjalment is-sagramenti, ikunu laqgħat trasformattivi u trasformanti ma’ Kristu Rxoxt. Il-Papa Franġisku jiddeskrivi l-evanġelizzazzjoni b’dawn il-kelmiet, meta jfakkarna li għandha tkun “iżjed entużjasta, ferrieħa, ġeneruża, qalbiena, mimlija b’imħabba minn ġewwa u b’enerġija li tittieħed” (Evangelii gaudium, 261). Il-Kummissjonijiet djoċesani u inter-djoċesani afdati mix-Xandir tal-Kelma u mil-Liturġija għandhom jagħmlu kull sforz biex dawn iż-żewġ imwejjed ikunu dejjem imfawra għall-ġid tal-Poplu ta’ Alla u għal dawk kollha li huma miġbudin lejn il-Mulej, frott tal-grazzja ta’ Alla u frott ix-xhieda awtentika li nagħtu.

 

 

2. Knisja li hi komunità ta’ komunitajiet

 

Il-Knisja lokali, kif ukoll il-parroċċa, hija komunità ta’ komunitajiet. L-esperjenza dejjem għallmitna, saħansitra minn dak li nsibu fl-Atti tal-Appostli, li l-aktar mod effikaċi biex persuna tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ ħutha Nsara huwa fl-ambjent personalizzat ta’ komunità żgħira (ara Evangelii gaudium, 29), u mhux fil-massa anonima. Huwa mħeġġeġ il-ħolqien ta’ komunitajiet żgħar li fil-pern tagħhom hemm l-esperjenza diretta tal-Iskrittura u l-Ewkaristija. L-evanġelizzazzjoni kollha tista sseħħ kemm-il darba li kull membru jimpenja ruħu biex iħalli lilu nnifsu jitħabbeb u jħobb lil Ġesù tal-Evanġelju li huwa persuna ħajja. Dan hu l-pedament li fuqu jistgħu jinbnew komunitajiet żgħar. 

 

Huwa u jitkellem dwar il-valur għoli tal-komunità, il-Papa Franġisku jistqarr li “meta naqsmu l-Kelma u niċċelebraw flimkien l-Ewkaristija, dan jagħmilna iktar aħwa u ftit ftit jibdilna f’komunità qaddisa u missjunarja” (Gaudete et exsultate, 142). Dawn il-komunitajiet fi ħdan il-parroċċa jistgħu jkunu komunitajiet marbutin ma’ żona pastorali territorjali jew ma’ kategorija karatterizzata minn xi kariżma spiritwali jew li tiġbor fiha persuni minn xi periferija soċjali. Filwaqt li dawn il-komunitajiet ikollhom xi forma ta’ awtonomija pastorali, tibqa’ dejjem importanti u vitali r-rabta tagħhom mal-parroċċa. Komunitajiet żgħar oħra li qed iħallu ħafna ġid huma dawk marbutin ma’ għaqdiet u movimenti ekkleżjali li xi drabi jilħqu persuni li mhumiex f’kuntatt dirett mal-istruttura parrokkjali.

 

 

3. Knisja qaddejja

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma u tal-Ewkaristija – kemm fuq livell wiesa’ (djoċesan u parrokkjali), kif ukoll fuq livell kapillari (komunitajiet żgħar) – għandha dejjem twassal għall-qadi tal-aħwa kollha. Il-laqgħa mal-Mulej Ġesù, jekk hi laqgħa tassew ħajja u qawwija, għandha dejjem tissarraf fil-qadi, speċjalment ta’ dawk li huma emarġinati jew żvantaġġjati jew għaddejjin minn xi diffikultà, għal raġuni jew oħra (ara Amoris laetitia, 49, 84, 291; Christus vivit, 75). Kif nitolbu fil-Ħames Talba Ewkaristika, aħna msejħin biex nagħrfu fid-dawl tal-fidi s-sinjali taż-żminijiet, biex fi qbil mal-fidi li nistqarru nimpenjaw ruħna sewwa fil-qadi tal-Evanġelju. Dan jagħmilna “ħerqana għall-ħtiġjiet tal-bnedmin kollha, biex, aħna u nissieħbu fin-niket u t-tiġrib tagħhom, fil-ferħ u t-tamiet tagħhom, inwasslulhom bil-fedeltà kollha l-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni, u flimkien magħhom, nimxu fit-triq li twassal għas-saltna tiegħek.”

 

 

4. Knisja profetika

 

Sabiex il-Knisja tibqa’ kredibbli f’pajjiżna llum, trid tgħix dak li hija tipprietka. Dan il-kliem ma jgħoddx biss għal dawk li għandhom pożizzjonijiet ta’ tmexxija ekkleżjali f’kull livell, imma jgħodd għal kull wieħed u waħda minna. Nibqgħu Knisja kredibbli u vuċi stmata u mismugħa fis-soċjetà, kemm-il darba nkunu profetiċi fl-għażliet li nagħmlu u fl-istil ta’ ħajja li nħaddnu, u ma nintilfux f’għażliet li jagħlquna “fis-sagristija.”

 

Biex inkunu Knisja kredibbli, għandna nkomplu nitolbu maħfra – lil Alla u lil ħutna l-bnedmin – ta’ żbalji li għamilna fil-passat jew li għadna qed nikkommettu. Konverżjoni awtentika u on-going hija sinjal ta’ Knisja li tieħu bis-serjetà s-sejħa dejjiema tal-Mulej, “Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15).

 

Għandna nibqgħu komunità ta’ aħwa mgħammdin li nfittxu d-djalogu, l-aktar meta fil-pajjiż jinqalgħu issues kontroversjali ta’ natura soċjali, etika, politika, ekonomika jew kulturali. Ma nistgħux nkunu Knisja li tidher u tinħass dommatika jew fondamentalista fil-manjiera kif titkellem u ġġib ruħha. Jeħtieġ inkunu dejjem lesti li niddjalogaw ta’ aħwa – fl-ispirtu tal-“Bitħa tal-Ġentili” – ma’ min ma jaqbilx magħna, billi b’fedeltà sħiħa lejn l-Evanġelju u l-Maġisteru, inwasslu l-messaġġ tagħna li huwa dejjem favur il-bniedem u d-dinjità sħiħa tiegħu.

 

 

5. Knisja li tikkommetti ruħha għall-għażla tal-faqar u tas-sempliċità

 

Kif spiss ifakkarna Papa Franġisku, għandna nkunu Knisja fqira, dejjem lesta li tagħti s-servizz tagħha lill-foqra ta’ kull kategorija. Biex inkunu Knisja kredibbli, għandna nagħmlu ħilitna biex ninfatmu minn kull kilba għall-poter jew privileġġ. Għandna npoġġu fil-ġenb kull xorta ta’ anakroniżmu jew nostalġija għal passat li kien jidher trijunfanti, imma li llum m’għadux żmienu. Il-Papa jgħid dan: “Nitolbu lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq” (Christus vivit, 35).

 

 

6. Knisja akkoljenti

 

L-akbar sfida biex inkunu Knisja akkoljenti tibqa’ fil-mentalità tribali ta’ “aħna” u “huma”: aħna kollha midinba u lkoll neħtieġu l-ħniena ta’Alla, iżda spiss nibqgħu bil-mentalità li “dawk tal-Knisja huma “t-tajbin” filwaqt li “l-midinba” u “l-bierda” huma dawk li ma jmorrux għall-quddies. Din it-tip ta’ mentalità tant hi fonda fil-mens Kattoliku li diffiċli ħafna li jkollna Knisja akkoljenti jekk diġà hemm dal-preġudizzju – li sfortunatament hi l-aktar attitudni li tbiegħed lin-nies.

 

Għalhekk, il-Knisja f’Malta u f’Għawdex għandha tagħmel minn kollox biex tibqa’ post u esperjenza fejn il-midneb jew il-bniedem li bired jew li jaħseb li mhux aċċettat għal raġuni jew oħra, iħossu milqugħ u mhux iġġudikat. Huwa minn din l-akkoljenza li dawn il-persuni jkomplu l-mixja tal-konverżjoni kontinwa li għaliha huwa msejħin minn Alla. Fil-fatt, “il-Knisja hi msejħa biex tkun id-dar miftuħa tal-Missier” (Evangelii gaudium, 46), fejn kulħadd huwa milqugħ, hi x’inhi s-sitwazzjoni jew il-passat tal-persuna.

 

 

7. Knisja pellegrina

 

Fl-isfond tan-narrativa tad-dixxipli ta’ Għemmaws u l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu Rxoxt, għandna dejjem niftakru li aħna poplu pellegrin. Għalkemm xi kultant, bħal dawn id-dixxipli, ninħakmu mid-dlamijiet tad-dubju, tal-qtigħ il-qalb, tal-infedeltà u tal-inkoerenza, aħna konvinti li l-Mulej qiegħed jimxi magħna biex jismagħna, jifhimna u jqawwilna qalbna biex imbagħad – trasformati minnu – niftħulu beraħ il-qlub tagħna, id-djar tagħna u r-realtajiet kollha fejn ninsabu biex, hemm, inkomplu niskopru l-qawwa tiegħu li ddawwal, li tiggwida u li teħles lill-persuni, lill-komunitajiet Insara u lis-soċjetà.

 

 

8. Knisja kontemplattiva

 

In-Nisrani li jinsab imħabbat minn forzi qawwijin ta’ ħażen jista’ jsib kenn fl-eżerċizzju tal-kontemplazzjoni u l-meditazzjoni. Il-Knisja kontemplattiva li bħal Marija tgħozz dak li tgħaddi minnu u taħseb fuqu twassal lin-Nisrani biex isib is-sens veru tal-ħajja tiegħu moħbi fil-pjagi divini ta’ Ġesù Msallab mid-dnub tad-dinja.

 

 

 

Konklużjoni: Ma’ Marija u bħal Marija, inkunu tassew dixxipli tal-Mulej

 

Aħna, il-Poplu t’Alla ġewwa Malta u Għawdex, nixtiequ nkomplu nkunu ispirati mill-preżenza ħajja u sabiħa ta’ Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja (ara Christus vivit, 43). Għax hi “l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38), Marija timxi magħna u tgħallimna kif inkunu dejjem aktar attenti biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha, u biex niċċelebraw is-sagramenti li huma laqgħa ħajja ma’ Binha, Kristu Rxoxt. Din l-esperjenza tassew Nisranija twassalna biex inkunu dixxipli awtentiċi ta’ Ġesù, u għalhekk ħmira (ara Mt 13:33) fis-soċjetà fil-bidu tat-tielet millennju.

 

Aħna npoġġu din il-Viżjoni ta’ Knisja – viżjoni profetika, kritika, analitika u trasparenti – f’riġlejn l-Verġni Marija li hija oħtna u ommna. Hekk inkunu tabilħaqq “il-Poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu” (San Ċiprijanu, Fuq it-Talba tal-Missierna, 23; ara Lumen gentium, 4).

 

 

Proposti prattiċi:

 

I. Jiġi ppreżentat Pjan ta’ evanġelizzazzjoni u katekeżi għas-snin 2020-2030 (jew perjodu iqsar). Dan il-pjan ikun fih proposti li jistgħu jiġu attwati fuq livell djoċesan, parrokkjali u ta’ għaqdiet u movimenti ekkleżjali. It-twettiq tal-Pjan ikun evalwat professjonalment fuq bażi annwali. Huwa ssuġġerit li l-Pjan jibda “mill-qiegħ”, b’enfasi fuq il-Kelma ta’ Alla, jagħti esperjenza ta’ Alla u ma jiqafx fit-teorija.

II. Emfasi fuq l-evanġelizzazzjoni fit-tħejjija għas-sagrament taż-Żwieġ.

III. Re-thinking qawwi dwar kif nifhmu s-Sagramenti, kif namministrawhom u kif niċċelebrawhom.

IV. Il-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali tkun ri-kostitwita biex tinkludi aktar aspetti ta’ expertise, bħal dak teoloġiku, antropoloġiku, simboliku/filosofiku u komunikattiv, bis-sehem ukoll ta’ persuni ta’ esperjenza jew kariżmi spiritwali li jgħinu biex il-liturġija ma tibqax biss ritwal, imma li tgħin biex il-poplu tassew jiltaqa’ ma’ Alla. Issir emfasi ukoll dwar formazzjoni teoloġika fil-qasam tal-liturġija.

V. It-tisħiħ tal-identità Kristjana fl-iskejjel tal-Knisja.

VI. Il-ħolqien ta’ pastoral chaplaincy teams fl-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja.

VII. Il-formazzjoni teoloġika kontinwa tal-kleru (ongoing theological formation), u li din il-formazzjoni tkun aktar ħolistika, u mhux iċċentrata biss fuq materji ta’ morali jew pastorali parrokkjali.

VIII. Ikomplu jiġu promossi esperjenza spiritwali fi gruppi żgħar, bħalma huma lectio divina, talb ta’ interċessjoni, adorazzjoni u l-Liturġija tas-Sigħat. Dawn huma għejjun qawwija għal kulma qed jiġi propost hawnhekk.

 

Dun Hector Scerri,

f’isem il-Kummissjoni Dottrinali

tal-Konferenza Episkopali Maltija

6 ta' Ottubru 2019


[1] Hemm ċifri li huma inkwetanti: fil-1950 kien hemm 60 priġunier, illum hemm 600!

[2] Statistika mhux uffiċċjali tgħid li hemm 6 attentati ta’ suwiċidju fil-ġimgħa (kważi wieħed kuljum).

[3] Saru diversi eżerċizzji validi, tul is-snin, fejn sar dixxerniment ekkleżjali permezz tad-dokumenti li tħejjew frott dawn l-esperjenzi tal-Knejjes lokali tagħna. Tibqa’ dejjem sfida l-implimentazzjoni pastorali ta’ dak li kien propost, u kemm dan kien tassew effettiv.