ITTRA ENĊIKLIKA

UT UNUM SINT

TAL-PAPA ĠWANN PAWLU II

DWAR

L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU

15 ta' Mejju 1995

 

 

 

Ħajr lil Myriam Buttigieg tal-għajnuna tagħha fir-reviżjoni tat-test Malti.

 

 

ITTRA ENĊIKLIKA

UT UNUM SINT

TAL-PAPA ĠWANN PAWLU II

DWAR L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU

 

DAĦLA

1.  UT UNUM SINT – Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda.  Is-sejħa għall-għaqda tal-Insara li l-Konċilju Vatikan II għamel b’impenn hekk ħerqan qed issib tweġiba dejjem aktar qawwija fi qlub dawk li jemmnu, speċjalment issa li qed toqrob dejjem iżjed is-sena 2000, sena li l-Insara se jiċċelebraw bħala Ġublew imqaddes, b’tifkira tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex isalva l-ġens kollu tal-bnedmin.

Ix-xhieda qalbiena ta’ tant martri ta’ żmienna, li fosthom hemm ukoll il-membri tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Ekklesjali li mhumiex f’xirka sħiħa mal-Knisja Kattolika, tagħti qawwa ġdida lis-sejħa tal-Konċilju u tfakkarna li hu dmirna nagħtu widen u nagħmlu bil-fatti dak li ħeġġiġna għalih.  Dawn ħutna, magħqudin magħna, bl-offerta ta’ ħajjithom għas-Saltna ta’ Alla, huma l-prova l-aktar qawwija li kull ħaġa li ġabet il-firda tista’ tingħeleb u tintrebaħ fl-għoti sħiħ tiegħek innifsek f’ġieħ l-Evanġelju.

Kristu qiegħed isejjaħ għall-għaqda d-dixxipli kollha tiegħu, ix-xewqa kbira tiegħi llum hi li nġedded din is-sejħa, u nipproponiha mill-ġdid b’determinazzjoni sħiħa, billi ntenni dak li għidt fil-Kolossew ta’ Ruma nhar il-Ġimgħa Mqaddsa 1994, fi tmiem il-meditazzjoni tal-Via Crucis, meditazzjoni mħejjija mill-Venerabbli Hija Bartilmew, Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli.  Hemm għidt li dawk li jemmu fi Kristu, magħqudin flimkien fil-mixi tagħhom wara l-martri, ma jistax ikun li jibqgħu mifrudin minn xulxin.  Jekk tassew iridu bil-fatti jmorru kontra t-tendenza tad-dinja li ġġib fix-xejn il-Misteru tal-Fidwa, għandhom flimkien jistqarru l-istess verità dwar is-Salib.[1]  Is-Salib!  Fehma kontra l-Kristjaneżmu trid iġġib fix-xejn is-Salib, tneħħilu t-tifsir kollu tiegħu, tiċħad li fih il-bniedem għandu l-għeruq ta’ ħajja ġdida.  Din il-fehma tippretendi li s-Salib la jista’ jagħti prospetti u lanqas tamiet.  Il-bniedem, skont din il-fehma, mhuwiex ħlief esseri tal-art, li għandu jgħix qisu m’hemmx Alla.

2.  Kulħadd jagħraf li din hi sfida għal kull min jemmen.  U dawn ma jistgħux ma jaċċettawhiex.  Kif jistgħu ma jaċċettawx li jagħmlu kull ma jista’ jkun, bl-għajnuna ta’ Alla, ħa jġarrfu l-ħitan tal-firda u ta’ suspetti, jegħlbu t-tfixkil u l-preġudizzji li qed iżommu t-tħabbira tal-Evanġelju tas-salvazzjoni fis-Salib ta’ Ġesù, il-Feddej waħdieni tal-bniedem, ta’ kull individwu?

Inrodd ħajr lill-Mulej għaliex mexxiena ’l quddiem fit-triq tal-għaqda u tax-xirka bejn l-Insara, triq iebsa iżda mimlija ferħ.  Id-djalogu interkonfessjonali fuq livell teoloġiku ta riżultati pożittivi li jista’ jarahom kulħadd:  dan iqawwilna qalbna biex nimxu ’l quddiem.

Iżda barra d-differenzi duttrinali li jridu jiġu maħlulin, l-Insara ma jistgħu ma jqisux sewwa t-toqol tas-suspetti li wiritna mill-imgħoddi, u tan-nuqqas ta’ ftehim u ta’ preġudizzji li hemm bejnietna.  Sodisfatti bina nfusna, indifferenti u neqsin mill-għarfien ta’ xulxin spiss nagħmlu agħar din il-qagħda.  Għalhekk l-impenn favur l-ekumeniżmu irid jimbena fuq il-konverżjoni tal-qlub u fuq it-talb, li jwassal wkoll għat-tisfija meħtieġa tat-tifkiriet tal-imgħoddi.  Bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, id-dixxipli tal-Mulej, ispirati mill-imħabba, mill-qawwa tal-verità u minn xewqa sinċiera għall-maħfra ta’ xulxin u għar-rikonċiljazzjoni, huma msejħin biex jerġgħu jeżaminaw flimkien l-imgħoddi kollu niket tagħhom, dan l-imgħoddi li għadu jweġġa’ llum ukoll.  Il-qawwa dejjem ġdida tal-Evanġelju qed issirilhom biex jagħrfu flimkien sinċerament u b’mod oġġettiv l-iżbalji li saru u l-fatturi l-oħra kollha li wasslu għal dawn il-firdiet tassew ta’ min jistmerrhom.  Dan li hu meħtieġ hi ħarsa ħienja, ċara, skont il-verità, ħarsa mqawwija mill-ħniena ta’ Alla u kapaċi tagħmel ħielsa l-fehmiet tan-nies, u tispira f’kull wieħed rieda ġdida, propju bil-ħsieb li jixxandar l-Evanġelju lill-irġiel u lin-nisa ta’ kull poplu u nazzjon.

3.  Fil-Konċilju Vatikan II, il-Knisja Kattolika mpenjat ruħha, b’mod li ma tistax terġa’ lura minn dan l-impenn tagħha, li timxi fit-triq tal-ekumeniżmu, u hekk tagħti widen għall-Ispirtu tal-Mulej, li jgħallem lin-nies jaqraw sewwa s-“sinjali taż-żminijiet”.  L-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar snin wasslu lill-Knisja biex tagħraf aktar fil-fond x’inhi l-identità tagħha u l-missjoni tagħha fl-istorja.  Il-Knisja Kattolika tagħraf u tistqarr id-dgħufija ta’ wliedha, taf li dnubiethom huma tant u tant ċaħdiet u tfixkil ħa jseħħ il-pjan tal-Feddej.  Għax hi tħoss li hija bla heda msejħa biex tiġġedded fl-ispirtu tal-Evanġelju, ma tieqaf qatt milli tagħmel penitenza.  Fl-istess waqt, tagħraf u tgħolli dejjem aktar il-qawwa tal-Mulej, li jimlieha bid-don tal-qdusija, imexxiha ’l quddiem, u jagħmilha xebħ mal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu.

Mgħallma mill-ġrajjiet tal-istorja tagħha, il-Knisja hi mpenjata li teħles lilha nfisha minn kull għajnuna kollha kemm hi tal-bniedem, biex  tgħożż għal kollox il-liġi Evanġelika tal-Beatitudnijiet.  Għaliex taf li l-verità ma timponix ruħha “jekk mhux bil-qawwa tagħha stess, hija u fl-istess waqt tidħol fil-moħħ bil-kwiet u bil-qawwa”,[2] ma tfittix għaliha xejn ħlief li tkun tista’ b’mod ħieles tħabbar l-Evanġelju.  Fil-fatt hi tħaddem l-awtorità tagħha għall-qadi tal-verità u tal-imħabba.

Jien stess għandi l-ħsieb li nġib il-quddiem kull inizjattiva adatta biex ix-xhieda tal-komunità Kattolika kollha kemm hi tiftiehem fis-safa u l-koerenza kollha tagħha, speċjalment meta nqis l-impenn li qed jistenna lill-Knisja fuq l-għatba tat-tielet elf sena.  Din tkun okkażjoni eċċezzjonali u għalhekk qed titlob lill-Mulej biex ikabbar l-għaqda tal-Insara kollha sakemm jilħqu xirka sħiħa bejniethom.[3]  Din l-enċiklika għandha titqies bħala kontribut għal dan il-ħsieb hekk nobbli.  Hi enċiklika essenzjalment pastorali u trid tqawwi l-qalb ta’ dawk kollha li qed jaħdmu favur l-għaqda.

4.  Dan hu dmir speċifiku tal-Isqof ta’ Ruma, bħala Suċċessur tal-Appostlu San Pietru.  Qed naqdi dan id-dmir b’konvinzjoni sħiħa li hekk qed nobdi lill-Mulej u b’sens ċar ħafna tad-dgħufija tiegħi.  Jekk Kristu nnifsu ta lil Pietru din il-missjoni speċjali fil-Knisja biex iwettaq lil ħutu, urieħ ċar ukoll id-dgħufija tiegħu bħala bniedem, u l-ħtieġa speċjali li jikkonverti:  “Meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22:32).  Hu propju fid-dgħufija ta’ San Pietru bħala bniedem, li l-Papa, biex jaqdi dan il-ministeru speċjali tiegħu fil-Knisja, jiddependi għal kollox mill-grazzja tal-Mulej u mit-talb:  “Jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq 22:32).  Il-konverżjoni ta’ San Pietru u tas-Suċċessur tiegħu hi mwettqa mit-talba stess tal-Feddej, u l-Knisja bla heda tagħmel tagħha din it-talba.  F’dan iż-żmien ekumeniku tagħna, immarkat mill-Konċilju Vatikan II, il-missjoni tal-Isqof ta’ Ruma hi b’mod partikulari diretta biex tfakkar il-ħtieġa ta’ għaqda sħiħa bejn id-dixxipli kollha ta’ Kristu.

L-isqof ta’ Ruma nnifsu għandu bil-ħeġġa kollha jagħmel tiegħu t-talba ta’ Kristu għal din il-konverżjoni, li “Pietru” ma jistax jgħaddi mingħajrha, jekk irid jaqdi lil ħutu.  Bil-ħeġġa kollha nistieden lill-Insara tal-Knisja Kattolika u l-Insara kollha biex jissieħbu f’din it-talba.  Jalla kulħadd jissieħeb miegħi fit-talb għal din il-konverżjoni.

Nafu li l-Knisja fil-pellegrinaġġ tagħha fid-dinja ġarrbet u għad iġġarrab oppożizzjoni u persekuzzjoni, iżda t-tama li twettaqha hi soda fuq li soda kif il-ferħ li jiġi minn din it-tama ma jinqered qatt.  Dan għaliex il-blata li fuqha hi mibnija hu Ġesù Kristu Sidna u hi soda u tibqa’ għal dejjem.

 

KAP I

L-IMPENN TAL-KNISJA KATTOLIKA FL-EKUMENIŻMU

Il-pjan ta’ Alla u l-għaqda

5.  Flimkien mad-dixxipli kollha ta’ Kristu, il-Knisja Kattolika tibni l-impenn tagħha ħa twassal l-Insara kollha għall-għaqda skont il-pjan ta’ Alla.  Dan għaliex il-Knisja mhijiex xi realtà li tingħalaq fiha nnifisha.  Anzi hi dejjem miftuħa għall-ħidma missjunarja u ekumenika, għax intbagħtet fid-dinja biex tħabbar u tagħti xhieda, biex twassal u xxerred il-misteru tal-għaqda li hu essenzjali għaliha, u biex tiġbor il-bnedmin kollha u kull ħaġa fi Kristu, ħalli tkun għal kulħadd “sagrament ta’ għaqda li qatt ma tiġi fix-xejn”.[4]

Sa mit-Testment il-Qadim, il-profeta Eżekjel, huwa u jsemmi l-qagħda tal-Poplu ta’ Alla f’dak iż-żmien, jagħmel użu mill-eżempju sempliċi ta’ żewġ injamiet, l-ewwel mifrudin minn xulxin u mbagħad magħqudin bejniethom, biex ifisser ir-rieda ta’ Alla li “jiġbor minn kull naħa” l-membri tal-poplu tiegħu li kienu xterdu.  “Jiena nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi.  Imbagħad jagħarfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Israel” (ara Eżek 37:16-28).  L-Evanġelju ta’ San Ġwann, min-naħa tiegħu, huwa u jqis il-qagħda tal-Poplu ta’ Alla fiż-żmien li fih inkiteb, jara fil-mewt ta’ Ġesù r-raguni tal-għaqda ta’ wlied Alla.  “Ġesù kellu jmut għall-ġens kollu, u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied Alla li kienu mxerrdin” (11:51-52).  Fil-fatt, kif tfisser l-Ittra lill-Efesin, Ġesù “ġarraf il-ħajt li kien jifridna...  permezz tas-Salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejnietna”; fejn kien hemm il-firda, ġieb l-għaqda (ara, 2:14-16).

6.  L-għaqda tal-ġens mifrud tal-bnedmin iridha Alla.  Għalhekk bagħat ’l Ibnu biex bil-mewt u l-qawmien tiegħu għalina jagħtina l-Ispirtu tal-imħabba.  Lejlet is-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, Ġesù talab lill-Missier għad-dixxipli tiegħu u għal dawk kollha li jemmnu fih, biex ikunu ħaġa waħda, għaqda ħajja.  Dan hu l-pedament mhux biss tad-dmir imma wkoll tar-responsabbilità, quddiem Alla, quddiem il-pjan tiegħu, ta’ dawk kollha li bil-Magħmudija saru membri tal-Ġisem ta’ Kristu, Ġisem li fih trid tidher il-milja tar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda.  Kif jista’ jkun li nibqgħu mifrudin, aħna li bil-Magħmudja “ndfinna” fil-mewt tal-Mulej, f’dak l-għemil stess li bih Alla, bil-mewt ta’ Ibnu, ġarraf il-ħitan tal-firda?  Il-firda tmur “direttament kontra r-rieda ta’ Alla, hi skandlu għad-dinja, u hi ta’ ħsara kbira għat-tħabbira mqaddsa tal-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”.[5]

It-triq tal-ekumeniżmu:  it-triq tal-Knisja

7.  “Is-Sid taż-żminijiet kollha bl-għerf u s-sabar kollu jfassal il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina l-midinbin.  F’dawn l-aħħar żminijiet, b’id aktar miftuħa, beda jagħti sogħba lill-Insara mifrudin minħabba l-firdiet tagħhom u ħerqa għall-għaqda.  Kullimkien għadd kbir ta’ nies ħassew il-qawwa ta’ din il-grazzja, u fost ħutna l-mifrudin ukoll minn jum għall-ieħor qed jikber moviment, imqanqal mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex terġa sseħħ l-għaqda bejn l-Insara kollha.  Huma mseħbin f’dan il-moviment, imsejjaħ ekumeniku, dawk kollha li jitolbu ’l Alla wieħed fi Tliet Persuni, u jistqarru li Ġesù hu Mulej u Salvatur.  Jissieħbu magħna mhux biss bħala individwi imma wkoll bħala membri u gruppi kostitwiti, fejn jisimgħu l-Evanġelju, u kull wieħed iqishom bħala l-Knisja tiegħu u l-Knisja wkoll ta’ Alla.  U madankollu tista’ tgħid kulħadd, għalkemm mhux bl-istess mod, jixtieq li jkun hemm Knisja waħda ta’ Alla li tidher, Knisja verament universali, mibgħuta fid-dinja kollha biex id-dinja ddur lejn l-Evanġelju u ssalva, għall-glorja ta’ Alla.”[6]

8.  Kliem id-Digriet Unitatis Redintegratio jrid jinqara skont il-ħsieb kollu tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II.  Il-Konċilju juri d-deċiżjoni tal-Knisja li tindaħal għall-ħidma ekumenika biex iġġib l-għaqda bejn l-Insara u tipproponiha b’konvinzjoni u qawwa.  “Il-Konċilju mqaddes iħeġġeġ lill-fidili Kattoliċi kollha biex jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet u jissieħbu b’ħeġġa fil-ħidma tal-ekumeniżmu”.[7] 

Id-Digriet Unitatis Redintegratio, meta juri liema huma l-prinċipji Kattoliċi tal-ekumeniżmu, ifakkar qabel kollox, it-tagħlim tal-Knisja kif hu mfisser fil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium fil-kapitlu dwar il-Poplu ta’ Alla.[8]  Fl-istess waqt iqis ukoll kull ma ntqal fid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju dwar il-Libertà Reliġjuża Dignitatis Humanae.[9]

Il-Knisja Kattolika tħaddan bit-tama l-impenn għall-ekumeniżmu bħala dmir tal-kuxjenza nisranija, mdawwla bil-fidi u mmexxija mill-imħabba.  Hawn ukoll nistgħu nużaw kliem San Pawl lill-ewwel Insara ta’ Ruma: “L-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu, li kien mogħti lilna”, għalhekk “it-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5:5).  Hi t-tama tal-għaqda tal-Insara li għandha l-bidu tagħha fl-għaqda tat-Trinità Qaddisa tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

9.  Ġesù nnifsu, fil-ħin tal-Passjoni tiegħu, talab:  “Ha jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17: 21).  Din l-għaqda li l-Mulej ta lill-Knisja tiegħu u li biha jrid iħaddan il-ġnus kollha, mhijiex xi ħaġa żejda, imma hi fil-qalba tal-missjoni ta’ Kristu.  U lanqas hi xi kwalità sekondarja tal-komunità tad-dixxipli tiegħu, imma hi parti essenzjali ta’ din il-komunità.  Alla jrid il-Knisja, għax irid l-għaqda, u l-għaqda hija l-espressjoni l-aktar għolja tal-agape tiegħu.       

Fil-fatt, l-għaqda mogħtija mill-Ispirtu s-Santu mhijiex biss ġemgħa ta’ nies miġburin flimkien bħala individwi.  Hija għaqda li sseħħ bir-rabtiet tal-istqarrija tal-fidi, tas-sagramenti, u tax-xirka ġerarkika.[10]  L-Insara huma ħaġa waħda għaliex, fl-Ispirtu, huma f’għaqda mal-Iben, u fih għandhom sehem fl-għaqda tiegħu mal-Missier: “L-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu” (1 Gw 1:3).  Għall-Knisja Kattolika mela, l-għaqda tal-Insara mhijiex ħlief id-dehra fihom tal-grazzja li biha Alla jagħtihom sehem fl-għaqda tiegħu li hi l-ħajja ta’ dejjem tiegħu.  Kliem Kristu, “ha jkunu lkoll ħaġa waħda”, hu għalhekk talba lill-Missier biex il-pjan tal-Missier iseħħ kollu kemm hu, b’mod li kulħadd ikun jista’ jara “il-pjan tal-misteru li kien moħbi sa minn mijiet ta’ snin f’Alla li ħalaq kollox” (Ef 3:9).  Temmen fi Kristu jfisser tixtieq l-għaqda:  tixtieq l-għaqda jfisser tixtieq il-Knisja; tixtieq il-Knisja jfisser tixtieq ix-xirka tal-grazzja li hi l-pjan ta’ Alla minn dejjem ta’ dejjem.  Dan tfisser it-talba ta’ Kristu:  ut umun sint.

10.  Fil-qagħda ta’ llum, bin-nuqqas tal-għaqda bejn l-Insara u t-tħabrik kollu tama ha sseħħ għaqda sħiħa, l-Insara Kattoliċi jħossu li s-Sid tal-Knisja qed jimpenjaha bil-qawwa kollha.  Il-Konċilju Vatikan II saħħaħ dan l-impenn permezz ta’ dehra ekkleżjoloġika ċara, miftuħa għall-valuri Ekkleżjali kollha li jinsabu fost l-Insara l-oħra.  L-Insara Kattoliċi jħarsu lejn il-kwistjoni ekumenika bi spirtu ta’ fidi.  Il-Konċilju jgħid li l-Knisja ta’ Kristu “issib il-milja tagħha fil-Knisja Kattolika mmexxija mis-Suċċessur ta’ San Pietru u mill-Isqfijiet f’xirka miegħu” u fl-istess waqt tagħraf li “ħafna elementi ta’ qdusija u ta’ verità jinsabu barra l-istruttura visibbli tagħha:  dawn l-elementi bħala doni tal-Knisja ta’ Kristu, iwasslu għall-għaqda fil-Knisja Kattolika”.[11]

“Minn dan joħroġ li l-Knejjes u l-Komunitajiet mifrudin minna, għalkemm aħna nemmu li huma mġarrbin minn xi nuqqasijiet, bl-ebda mod ma ġew imċaħħdin mit-tifsir u s-siwi tagħhom fil-misteru tas-salvazzjoni.  Għax l-Ispirtu ta’ Kristu ma ċaħadx jużahom bħala mezzi ta’ salvazzjoni, li jiksbu l-qawwa kollha tagħhom mill-milja tal-grazzja u tal-verità fdata lill-Knisja Kattolika”.[12]

11.  Għalhekk il-Knisja Kattolika ttenni li tul l-elfejn sena tal-istorja tagħha żammet l-għaqda, bil-mezzi kollha li bihom Alla jogħġbu jagħni l-Knisja tiegħu, u dan minkejja l-kriżijiet spiss kbar li ġarrbuha, l-infedeltà ta’ xi whud mill-ministri tagħha, u l-ħtijiet li fihom jaqgħu kuljum il-membri tagħha.  Il-Knisja Kattolika taf li, bil-qawwa li tiġi mill-Ispirtu, id-dgħufija tagħha, il-medjokrità, id-dnubiet u xi drabi t-tradimenti ta’ xi wħud minn uliedha ma jistgħu qatt jeqirdu dak li Alla taha bħala parti mill-pjan tiegħu ta’ grazzja.  “Is-setgħat tal-infern ma jegħelbuhiex” (Mt 16:18).  Madankollu, il-Knisja Kattolika ma tinsiex li ħafna fost il-membri tagħha qed idallmu l-pjan ta’ Alla.  Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu, meta jitkellem dwar in-nuqqas ta’ għaqda fost l-Insara ma jiċħadx li l-ħtija hi ta’ “nies miż-żewġ naħat”,[13] u jammetti li r-responsabbiltà tal-firda m’għandhiex taqa’ fuq “l-oħrajn” biss.  Iżda, bil-grazzja ta’ Alla, la dak li hu parti mill-istruttura tal-Knisja ta’ Kristu u lanqas ix-xirka li għad hemm mal-Knejjes u mal-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra ma nqerdux.

Anzi l-elementi ta’ qdusija u ta’ verità li jinsabu fil-Komunitajiet Insara l-oħra, elementi li jvarjaw fil-grad minn Komunità għall-oħra, huma l-pedament oġġettiv tal-għaqda li, għalkemm mhux perfetta, teżisti bejniethom u mal-Knisja Kattolika.

Il-Knisja ta’ Kristu hi effettivament preżenti fil-Komunitajiet Insara l-oħra, daqskemm jinsabu fihom dawn l-elementi.  Hu għalhekk li l-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar ċerta għaqda, għalkemm mhux perfetta.  Il-Kostituzzjoni Dommastika Lumen Gentium tinsisti li l-Knisja Kattolika “tagħraf li hi marbuta b’ħafna modi”[14] ma’ dawk il-Komunitajiet b’għaqda fl-Ispirtu s-Santu.

12.  Din l-istess Kostituzzjoni Dommatika semmiet fit-tul “l-elementi ta’ qdusija u ta’ verità” li b’ħafna modi jinsabu u qed jaħdmu barra l-limiti tal-Knisja Kattolika.  “Għax hemm ħafna li jagħtu ġieħ lill-Iskrittura Mqaddsa u jqisuha bħala norma ta’ twemmin u ta’ ħajja, u juru vera ħeġġa reliġjuża.  Jemmnu b’imħabba fil-Missier Alla li jista’ kollox u fi Kristu, l-Iben ta’ Alla u Salvatur.  Huma kkonsagrati bil-Magħmudija li biha huma magħqudin ma’ Kristu.  Jagħarfu u jirċievu sagramenti oħra fi ħdan il-Knejjes jew Komunitajiet Ekkleżjali tagħhom.  Ħafna minnhom jifirħu fl-episkopat, jiċċelebraw l-Ewkaristija, jgħożżu d-devozzjoni lejn il-Verġni Omm Alla.  Hemm għaqda magħna fit-talb u f’ġid spiritwali ieħor.  Nistgħu ngħidu wkoll li huma marbutin magħna fl-Ispirtu, għax lilhom ukoll jagħti d-doni u l-grazzji tiegħu, u hekk qed jaħdem fosthom bil-qawwa tiegħu li tqaddes.  Lil xi wħud minnhom qawwihom tant li xerrdu demmhom.  Fid-dixxipli kollha ta’ Kristu l-Ispirtu jqanqal ix-xewqa biex jingħaqdu fis-sliem flimkien, kif Kristu jrid, bħal merħla waħda taħt ragħaj wieħed”.[15]

Id-Digriet tal-Konċilju dwar l-Ekumeniżmu, meta tkellem dwar lill-Knejjes Ortodossi, wasal biex jgħid li “permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull waħda minn dawn il-Knejjes, il-Knisja ta’ Alla tinbena u tikber”.[16]  Il-verità titlob li dan kollu jkun magħruf.

13.  L-istess dokument Unitatis Redintegratio juri fil-qosor x’tifsir għandha din l-għaqda għad-duttrina.  Meta jitkellem dwar il-membri ta’ dawn il-Komunitajiet jgħid:  “Dawk li kisbu l-ġustifikazzjoni bil-fidi permezz tal-Magħmudija, saru ġisem wieħed ma’ Kristu.  Għandhom għalhekk id-dritt li jissejħu Insara u, bir-raġun kollu għandhom jitqiesu bħala aħwa fil-Mulej minn ulied il-Knisja Kattolika”.[17]

Dwar il-ħafna elementi pożitivi li jinsabu fil-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra, id-Digriet iżid jgħid:  “Dan kollu, kull ma jiġi minn Kristu u jwassal lura lejh, hu bid-dritt kollu tal-Knisja waħda ta’ Kristu.  L-aħwa mifrudin ukoll jagħmlu mhux ftit għemejjel mqaddsa tar-reliġjon Nisranija.  Hu żgur li dawn l-għemejjel, li, jvarjaw skont il-qagħda ta’ kull Knisja u Kommunità, jistgħu jnisslu l-ħajja tal-grazzja u bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li kapaċi jagħtu d-dħul fix-xirka tas-salvazzjoni”.[18]

Dawn huma siltiet ekumeniċi importanti ħafna.  Ma hemmx xi vojt ekkleżjali barra l-limiti tal-komunità Kattolika.  Ħafna elementi ta’ siwi kbir li fil-Knisja Kattolika huma parti mill-milja ta’ mezzi ta’ salvazzjoni u tad-doni tal-grazzja li jagħmlu l-Knisja, insibuhom ukoll fil-Komunitajiet Insara l-oħra.

14.  Dawn l-elementi minnhom infushom jiġbdu lejn l-għaqda, għax fl-għaqda tinsab il-milja kollha tagħhom.  Hawn mhux ngħoddu l-għana kollu li jinsab imxerred fil-ħafna Komunitajiet Insara biex naslu għal dik il-Knisja tal-ġejjieni li Alla għandu fi ħsiebu.  Skont it-Tradizzjoni kbira, li tagħha huma xhieda Missirijiet il-Knisja tal-Lvant u tal-Punent, il-Knisja Kattolika temmen li fil-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin, Alla ġa wera l-Knsija fir-realtà eskatoliġika tagħha, li hu ħejja “sa minn żmien Abel, il-ġust”.[19]  Din ir-realtà hi ħaġa li ġa ġiet mogħtija.  Għalhekk issa ġa qegħdin fl-aħħar żminijiet.  Dawn l-elementi ta’ din il-Knisja li ġa ġew mogħtija jinsabu fil-milja kollha tagħhom fil-Knisja Kattolika u mingħajr din il-milja, fil-Komunitajiet l-oħra,[20] fejn ċerti aspetti tal-misteru nisrani xi drabi dehru b’mod aktar effikaċi.  L-għan tal-ekumeniżmu hu propju dak li jwassal għall-għaqda sħiħa fil-verità u l-imħabba, l-għaqda parzjali li ġa teżisti bejn l-Insara.

Tiġdid u konverżjoni

15.  Il-Konċilju Vatikan II, wara li semma’ l-prinċipju u d-dmirijiet tal-kuxjenza Nisranija, għadda biex isemmi l-mixi tal-ekumeniżmu lejn l-għaqda.  U nsista l-aktar fuq il-ħtieġa tal-konverżjoni tal-qalb.  It-tħabbira messjanika li ż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet, u mbagħad is-sejħa ta’ wara:  “Indmu  u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1:15), li biha Ġesù beda l-missjoni tiegħu, juru liema hu l-element essenzjali ta’ kull bidu ġdid:  il-ħtieġa fundamentali tal-evanġelizzazzjoni f’kull pass tal-mixja tas-salvazzjoni tal-Knisja.  Dan b’mod speċjali hu veru għall-proċess mibdi mill-Konċilju Vatikan II meta wera, bħala dimensjoni għat-tiġdid, il-ħidma ekumenika għall-għaqda tal-Insara mifrudin.  “Ma jistax ikun hemm veru ekumeniżmu mingħajr bidla fil-qlub”.[21]

Il-Konċilju jistieden kemm għall-konverżjoni individwali u kemm għall-konverżjoni komunitarja.  Ix-xewqa ta’ kull Komunità Nisranija għall-għaqda trid tmur id f’id mal-fedeltà tagħha lejn l-Evanġelju.  Fil-każ ta’ individwi li qed jgħixu l-vokazzjoni Nisranija tagħhom, il-Konċilju jitkellem dwar konverżjoni tal-qalb, dwar tiġdid fil-fehmiet.[22]

Mela kull individwu jrid ikun konvertit b’mod aktar radikali għall-Evanġelju, u jbiddel il-mod kif iħares lejn kull ħaġa, mingħajr qatt ma jinsa l-pjan ta’ Alla.  Permezz tal-ekumeniżmu, il-kontemplazzjoni tagħna “tal-għemejjel kbar ta’ Alla “stagħniet b’orizzonti ġodda, li għalihom Alla wieħed fi Tliet Persuni qed jistedinna nroddu ħajr:  l-għarfien li l-Ispirtu qed jaħdem f’Komunitajiet Insara oħra, l-iskoperta ta’ eżempji ta’ qdusija, l-esperjenza tal-għana bla qies li tinsab fix-xirka tal-Qaddisin, u l-kuntatti ma’ dimensjonijiet ta’ mpenn Nisrani li ma kinux mistennija.  Min-naħa l-oħra, hemm sentiment dejjem akbar tal-ħtieġa tal-indiema:  l-għarfien ta’ ċertu twarrib li jagħmel ħsara sewwa lill-imħabba bejn l-aħwa, ċerti ċaħdiet ta’ maħfra, ċerta suppervja, insistenza xejn evanġelika biex tiġi kkundannata “n-naħa l-oħra”, stmerrija ġejja minn prużunżjoni li ma hi xejn sabiħa.  Hekk, il-ħajja kollha kemm hi tal-Insara tingħaraf minn ħerqa għall-ekumeniżmu, u huma msejħin, biex ngħid hekk, ħa jiġu ffurmati minnha.

16.  Fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II hemm rabta ċara bejn tiġdid, ekumeniżmu u riforma.  Il-Konċilju jgħid li “qed isejjaħ lill-Knisja, fil-pellegrinaġġ tagħha fid-dinja, għal dak it-tiġdid dejjem sejjer u dejjem meħtieġ, għax hi istituzzjoni ta’ bnedmin hawn fuq l-art.  Għalhekk, jekk xi ħwejjeġ ma tħarsux bir-reqqa kollha... dawn għandhom jiġu korretti sewwa u meta jkun il-waqt”.[23]  Ebda Komunità Nisranija ma tista’ tħoss li mhux imsejħa għal dan.

Permezz ta’ djalogu sinċier u ħieles il-Komunitajiet jistgħu jgħinu biex jagħarfu ’l xulxin fid-dawl tat-Tradizzjoni tal-Appostli.  Din twassalhom biex jistaqsu lilhom infushom jekk tassew humiex ifissru sewwa kull mal-Ispirtu Qaddis għaddielna permezz tal-Appostli.[24]  Dwar il-Knisja Kattolika jien fakkart spiss dawn il-ħtiġijiet u dawn il-prospetti, kif għamilt, biex insemmi eżempju, fl-anniversarju tal-Magħmudija tar-Rus ta’ Kiev[25] jew meta fakkart il-ħdax-il mitt sena mill-ħidma evanġelika ta’ San Ċirillu u San Metodju.[26]  Aktar qrib illum id-Direttorju għall-applikazzjoni tal-Prinċipji u n-Normi dwar l-Ekumeniżmu, ħareġ, bl-approvazzjoni tiegħi, mill-Kunsill Pontifiċju biex iġġib il-quddiem l-Għaqda tal-Insara ħalli dawn il-ħtiġijiet u dawn il-prospetti jseħħu fit-prattika.[27]

17.  Dwar l-Insara l-oħra d-dokumenti ewlenin tal-Kummissjoni dwar Fidi u Xirka,[28] u d-dikjarazzjonijiet li ħarġu minn ħafna djalogi bilaterali ġa taw lill-Komunitajiet Insara għodda mill-aħjar biex jagħarfu dak li hu meħtieġ għall-moviment ekumeniku u għall-konverżjoni li għandu jħajjar għaliha.  Dawn l-istudji huma importanti għal żewġ raġunijiet:  juru x’progress kbir sar u huma għajn ta’ tama għaliex juru pedament sod għal aktar studju u studju aktar fil-fond.

It-tisħib dejjem aktar jiżdied f’tiġdid ma jieqaf qatt u magħmul fid-dawl tat-Tradizzjoni tal-Appostli, huwa żgur, fiċ-ċirkostanzi ta’ llum tal-Insara, wieħed mill-aspetti l-aktar singulari u l-aktar importanti tal-ekumeniżmu.  U huwa wkoll garanżija essenzjali għall-ġejjieni.  Il-fidili tal-Knisja Kattolika ma jistgħux jinsew li l-moviment ekumeniku tal-Konċilju Vatikan II huwa l-frott ta’ dak kollu li dak iż-żmien il-Knisja Kattolika impenjat li tagħmel biex tgħarbel lilha infisha fid-dawl tal-Evanġelju u tat-Tradizzjoni kbira.  Il-Papa ta’ qabli, Ġwanni XXIII fehem dan b’mod tassew ċar:  meta sejjaħ il-Konċilju, u ma riedx jifred l-aġġornament mill-ftuħ ekumeniku.[29]  Fl-għeluq tal-Konċilju, il-Papa Pawlu VI b’mod solenni ssiġilla l-impenn tal-Konċilju favur l-ekumeniżmu billi ġedded id-djalogu ta’ mħabba mal-Knejjes li huma f’xirka mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, u ngħaqad mal-Patrijarka biex, b’għemil li jfisser ħafna, “jikkundanna b’mod li tintesa għal kollox” u li “titneħħa mit-tifkira l-Knisja” l-iskomunika tal-imgħoddi.  Ta’ min ifakkar li t-twaqqif ta’ kummissjoni speċjali għall-kwistjonijiet ekumeniċi ħabtet mal-bidu tat-tħejjijiet għall-Konċilju Vatikan II.[30]  U permezz ta’ din il-Kummissjoni l-fehmiet u l-ġudiżżji tal-Komunitatjiet Insara l-oħra kellhom sehem fid-diskussjonijiet kbar li sar fil-Konċilju dwar ir-rivelazzjoni, il-Knisja, in-natura tal-ekumeniżmu u l-libertà reliġjuża.

L-importanza fondamentali tad-duttrina

18.  Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu għamel tiegħu l-ħsieb tal-Papa Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċilju[31] u jsemmi l-mod kif għandha tiġi mfissra d-duttrina bħala wieħed mill-elementi ta’ tiġdid dejjem sejjer.[32]  Din mhijiex kwistjoni dwar bdil tad-depożitu tal-fidi, bdil fit-tfissir tad-dommi, tneħħija ta’ kliem essenzjali minnhom, adattament tal-verità għal-preferenzi ta’ żmien partikulari, tneħħija ta’ xi artikoli tal-Kredu bl-iskuża li llum ma jiftehmux aktar.  L-għaqda li jrid Alla tinkiseb biss billi kulħadd iħaddan il-verità rivelata kollha kemm hi b’kull ma fiha.  F’materja ta’ fidi, kull kompromess imur kontra r-rieda ta’ Alla li huwa l-Verità fih innifsu.  Fil-Ġisem ta’ Kristu, li hi “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6) min se jqis ġusta rikonċiljazzjoni li tinkiseb bis-sagrifiċċju tal-verita?  Id-Dikjarazzjoni tal-Konċilju dwar il-libertà tal-bniedem Dignitatis Humanae tgħid li hu dmir id-dinjità tal-bniedem it-tfittix tal-verità speċjalment “dwar dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla u l-Knisja tiegħu”[33] u r-rabta ma’ dak li titlob il-verità.  Il-fatt “li nkunu flimkien” b’mod li nkunu niċħdu l-verità kontra kemm in-natura ta’ Alla li jagħtina l-għaqda tiegħu, u kemm kontra l-ħtieġa tal-verità li tinsab fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem.

19.  Iżda d-duttrina trid tiġi preżentata b’mod li tista’ tiftiehem minn dawk li Alla jridha għalihom.  Fl-Enċiklika tiegħi Slavorum Apostoli fakkart li propju din kienet ir-raġuni għaliex San Ċirillu u San Metodju ħabirku biex l-ideat bibliċi u l-fehmiet teoloġiċi Griegi jiġu mfissra b’mod korrett lil nies li kienu jaħsbu mod ieħor u kellhom esperjenza storika oħra.  Riedu jwasslu l-Kelma waħdanija ta’ Alla “bil-mod kif kull kultura tesprimi ruħha”.[34]  Għarfu li ma setgħux “jimponu fuq il-ġnus li fosthom intbagħtu jxandru l-Evanġelju, l-ilsien Grieg u l-kultura Biżantina, li żgur kienu aqwa mill-ilsien u l-kultura tas-Slavi, u jdaħħlu fosthom id-drawwiet u s-sura ta’ ħajja tas-soċjetà aktar progredita li fiha trabbew”.[35]  B’dan il-mod wettqu “dik ix-xirka sħiħa fl-imħabba li tħares lill-Knisja minn kull sura ta’ partiġjaniżmu, ta’ esklusiviżmu etniku, ta’ preġudiżżji razzjali, u minn nazzjonaliżmu esaġerat”.[36]  Bl-istess spirtu ma ħsibtiex darbtejn biex ngħid lill-Popli Aboriġeni tal-Awstralja:  “Ma għandkomx tkunu maqsumin f’żewġ partijiet... Ġesù jsejħilkom biex tilqgħu kliemu u l-valuri tiegħu fil-kultura propja tagħkom”.[37]  Minħabba n-natura tal-fidi, kull ma fiha hu għall-umanità kollha, u jrid jidħol f’kull kultura.  Fil-fatt, l-element li jġib l-għaqda fil-verità, hu t-tifsir tal-verità.  Il-mod kif tfisser il-verità jista’ jkun ta’ ħafna suriet.  It-tiġdid ta’ dawn is-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex lin-nies ta’ llum jitwassal il-messaġġ tal-Evanġelju fit-tifsir tiegħu li ma jinbidel qatt.[38]

“Dan it-tiġdid għalhekk għandu tifsir ekumeniku importanti ħafna”.[39]  Hu tiġdid meħtieġ mhux biss fil-mod kif titfisser il-fidi, imma wkoll fl-istess ħajja tal-fidi.  U għalhekk nistgħu nistaqsu:  Min hu responsabbli ħalli dan isir?  Għal din il-mistoqsija l-Konċilju wieġeb b’mod tassew ċar:  “It-tħassib ħa terġa’ sseħħ l-għaqda hu dmir tal-Knisja kollha, kemm tal-fidili u kemm tal-kleru.  Jorbot lil kulħadd, skont il-ħila ta’ kull wieħed kemm jekk jintwera fil-ħajja Nisranija ta’ kuljum, u kemm fl-istudji teoloġiċi u storiċi”.[40]

20.  Dan kollu hu importanti ħafna u għandu tifsir fondamentali għall-ħidma ekumenika.  Hu għalhekk ħaġa tassew ċara li l-ekumeniżmu, il-moviment ħa tiġi ’l quddiem l-għaqda tal-Insara, mhuwiex xi “appendiċi”, xi żieda mal-ħidma tas-soltu tal-Knisja.  Iżda l-ekumeniżmu hu parti organika tal-ħajja u tal-ħidma tal-Knisja, u għalhekk irid jidħol f’dak kollu li hi u li tagħmel; qisu l-frott ta’ siġra b’saħħitha u għammiela li tasal għall-kobor sħiħ tagħha.

Dan emmen il-Papa Ġwanni XXIII dwar l-għaqda tal-Knisja u dwar kif kien jara l-għaqda Nisranija sħiħa.  Dwar l-Insara l-oħra, dwar li familja Nisranija kollha kemm hi, hu nnota li “dak li jgħaqqadna hu wisq akbar minn dak li jifridina”.  Il-Konċilju Vatikan II, min-naħa tiegħu, ħeġġeġ “lill-fidili kollha ta’ Kristu biex jiftakru li aktar ma jħabirku biex jgħixu b’mod safi skont l-Evanġelju, aktar qed iġibu ’l quddiem u jippratikaw l-għaqda tal-Insara, għaliex b’hekk ikunu qed isaħħu bla tfixkil u sal-fond il-fraternità bejniethom hekk li jaslu biex igawdu xirka sħiħa mal-Missier, il-Verb u l-Ispirtu s-Santu”.[41]

Il-primat tat-talb

Il-bidla tal-qlub u l-qdusija tal-ħajja, flimkien ma’ talb komunitarju u privat għall-għaqda tal-Insara għandhom jitqiesu bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu kemm hu, u bir-raġun kollu jista’ jissejjaħ “ekumeniżmu spiritwali”.[42]

Numxu ’l quddiem fit-triq li twassal għall-konverżjoni tal-qlub jekk ikunu mmexxijin mill-imħabba għal Alla u, fl-istess waqt, għal ħutna wkoll, għal dawk ukoll li mhumiex f’għaqda sħiħa magħna.  L-imħabba tqanqal ix-xewqa għall-għaqda, f’dawk ukoll li qatt ma ntebħu bil-ħtieġa tagħha.  L-imħabba ġġib xirka bejn l-individwi u bejn il-Komunitajiet.  Jekk inħobbu lil xulxin, inħabirku biex insaħħu x-xirka tagħna u nwassluha għall-perfezzjoni.  L-imħabba nuruha ’l Alla għaliex hu l-għajn perfetta tal-għaqda — l-għaqda tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu — biex minn dik il-għajn niksbu l-qawwa ħa nwaqqfu għaqda bejn l-individwi u l-Komunitajiet, jew inġibuha mill-ġdid fost l-Insara li għadhom mifrudin bejniethom.  L-imħabba hija l-kurrent moħbi li jagħti l-ħajja u jsaħħaħ l-qawwa tal-moviment lejn l-għaqda.

Din l-imħabba ssib l-espressjoni sħiħa tagħha fit-talb flimkien.  Meta l-aħwa li mhumiex f’għaqda sħiħa bejniethom, jiltaqgħu flimkien biex jitolbu, il-Konċilju Vatikan II ifisser it-talb tagħhom bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu kemm hu.  Din it-talba hija “mezz tassew effettiv biex tintalab il-grazzja tal-għaqda” espressjoni vera tar-rabtiet li minn issa stess jorbtu l-Kattoliċi ma’ ħuthom mifrudin”.[43]  Ukoll meta t-talb ma jsirx speċifikament għall-għaqda tal-Insara, imma għall-intenzjonijiet oħra, bħalma hi l-paċi, fil-fatt ifisser u jwettaq l-għaqda.  It-talb flimkien tal-Insara hu stedina lil Kristu nnifsu biex iżur lill-komunità ta’ dawk li qed isejħulu:  “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom (Mt 18:20).

22.  Meta l-Insara jitolbu flimkien, l-għan tal-għaqda jidher aktar qrib li jintlaħaq.  L-istorja twila tal-Insara bil-ħafna firdiet li seħħu matulha, tidher li qed tersaq mill-ġdid għall-għaqda għax qed tfittex dak li hu l-għajn tal-għaqda tagħna, Ġesù Kristu.  Hu “dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lhud 13:8).  Fit-talb flimkien Ġesù hu tassew preżenti, jitlob “fina”, “magħna” u “għalina”.  Ħuwa hu li jmexxi t-talb tagħna fl-Ispirtu Paraklitu li wiegħed u mbagħad ta lill-Knisja, fiċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm, meta waqqafha fl-għaqda tal-bidu tagħha.

Fil-mixja ekumenika lejn l-għaqda żgur għandu l-aqwa post it-talb flimkien, l-għaqda fit-talb ta’ dawk li jinġabru flimkien madwar Kristu nnifsu.  Jekk l-Insara, minkejja l-firdiet tagħhom, jaslu biex ikunu aktar magħqudin fit-talb flimkien madwar Kristu dejjem aktar jintebħu kemm ftit hu dak li jifridhom meta hu mqabbel ma’ dak kollu li jgħaqqadhom.  Jekk jiltaqgħu aktar ta’ spiss u aktar regolarment quddiem Kristu fit-talb, ikunu jistgħu jiksbu l-kuraġġ biex iqisu sewwa r-realtà umana tal-firdiet tagħhom u jerġgħu jsibu ruħhom flimkien f’dik il-komunità tal-Knisja li Kristu bla heda jibni fl-Ispirtu s-Santu, minkejja d-dgħufija u l-limiti kollha tal-bnedmin.

23.  Fl-aħħarnett it-tisħib fit-talb iwassal lin-nies biex iħarsu lejn il-Knisja u lejn il-Kristjaneżmu mod ieħor.  M’għandniex ninsew li Kristu talab lill-Missier biex id-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda bejniethom ħalli l-għaqda tagħhom tkun xhieda tal-missjoni tiegħu u d-dinja temmen li l-Missier bagħtu (Ara Ġw 17:21).  Nistgħu ngħidu li l-moviment ekumeniku f’ċertu sens twieled mill-esperjenza negattiva ta’ kull waħda mill-Knejjes jew Komunitajiet Ekklesjali li, huma u jħabbru l-Evanġelju, ħarsu lejn il-Knisja jew Komunità Ekklesjali tagħhom biss.  Din kienet kontradizzjoni li ma setgħux ma jintebħux biha dawk li semgħu l-bxara tas-salvazzjoni u f’din il-ħaġa raw tfixkil għalihom biex jaċċettaw l-Evanġelju.  Diżgrazzjatament dan it-tfixkil kbir għadu hemm.  Veru li għad m’aħniex f’għaqda sħiħa bejnietna... iżda, minkejja l-firdiet tagħna, aħna mexjin lejn l-għaqda sħiħa, dik l-għaqda li kellha l-Knisja tal-Appostli fil-bidu tagħha u li aħna qed infittxu bis-sinċerità kollha.  It-talb tagħna flimkien, imnebbaħ mill-fidi, jipprova dan.  F’din it-talba ningħaqdu flimkien f’isem Kristu li hu Wieħed.  Hu l-għaqda tagħna.

It-talb “Ekumeniku” hu għall-qadi tal-missjoni Nisranija u għall-kredibbiltà tagħna.  Għalhekk b’mod speċjali jrid ikun preżenti fil-ħajja tal-Knisja u f’kull ħidma li ssir bil-għan li tiġi l-quddiem l-għaqda tal-Insara.  Qisna qed inħossu bla heda l-ħtieġa li nerġgħu lura u niltaqgħu fiċ-Ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka, ukoll jekk il-preżenza tagħna f’dak il-post ma tistax tkun perfetta, qabel ma jingħeleb it-tfixkil li hemm għall-għaqda ekkleżjali sħiħa u l-Insara kollha jkunu jistgħu jinġabru għaċ-ċelebrazzjoni flimkien tal-Ewkaristija”.[44]

24.  Hi ħaġa ta’ ferħ tara li ħafna laqgħat ekumeniċi kważi dejjem idaħħlu t-talb, anżi jilħqu l-qofol tagħhom fit-talb.  L-Ottavarju ta’ Talb u għall-Għaqda tal-Insara li jiġi ċelebrat f’Jannar, u f’xi pajjiżi, qrib Għid il-Ħamsin, sar tradizzjoni mxerrda ma’ kullimkien u twaqqfet sewwa.  Iżda hemm ħafna okkażjonijiet oħra matul is-sena meta l-Insara jistgħu jaslu biex jitolbu flimkien.  Dwar dan, nixtieq insemmi l-esperjenza speċjali tal-pellegrinaġġi tal-Papa lil Knejjes fil-kontinenti u l-pajjiżi tal-oikomene ta’ llum.  Nagħraf sewwa li kien il-Konċilju Vatikan II li wassal lill-Papa biex jaqdi l-ministeru appostoliku tiegħu b’dan il-mod partikulari.  U nista’ ngħid wisq aktar.  Il-Konċilju għamel dawn iż-żjajjar tal-Papa bħala responsabbilità speċifika tal-ħidma tal-Isqof ta’ Ruma għall-qadi tal-għaqda.[45]  Iż-żjajjar tiegħu kważi dejjem qed ikollhom laqgħa ekumenika u talb flimkien ma’ ħutna li qed ifittxu l-għaqda fi Kristu u fil-Knisja.  B’emozzjoni mill-aqwa, niftakar it-talb flimkien mal-Primat tal-Knisja Anglikana fil-Kattidral ta’ Canterbury (29 ta’ Mejju 1982); f’dak il-bini hekk tal-għaġeb jein rajt “xhieda titkellem ħafna sew tal-ħafna snin tal-qsim tal-wirt flimkien u sew tas-snin kollhom niket tal-firda li ġiet wara.[46]  U lanqas nista’ ninsa l-laqgħat li saru fil-pajjiżi Skandinavi u Nordiċi (l-10 ta’ Ġunju 1989) fl-Amerika ta’ fuq u fl-Amerika t’Isfel, fl-Afrika u fil-kwartieri ġenerali tal-Work Council of Churches (12 ta’ Gunju 1984), l-organiżmu mpenjat li jsejjaħ il-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali membri tiegħu ha jfittxu “l-għan ta’ għaqda li tidher fil-fidi waħda u f’tisħib Ewkaristiku wieħed, imfissrin fil-qima u fil-ħajja flimkien fi Kristu”.[47]  U kif qatt nista’ ninsa s-sehem tiegħi fil-Liturġija Ewkaristika fil-Knisja ta’ San Ġorġ fil-Patrijarkat Ekumeniku (30 ta’ Novembru 1979) u fis-servizz li sar fil-Bażilika ta’ San Pietru waqt iż-żjara f’Ruma tal-Venerabbli Hija, il-Patrijarka Dimitrios I (6 ta’ Diċembru 1987)?  Dak in-nhar fuq l-Artal tal-Konfessjoni għidna flimkien il-Kredu Niċenu-Kostantinopolitan fil-verżjoni oriġinali Griega tiegħu.  Diffiċli tfisser bi ftit kliem in-natura waħdanija ta’ kull waħda minn dawn l-okkażjonijiet ta’ talb.  Minħabba s-suriet differenti li għandha kull waħda minn dawn il-laqgħat għax kundizzjonata mill-ġrajjiet tal-imgħoddi, kull darba kull waħda tkellmet bil-mod propju tagħha.  Kollha huma parti mit-tifkiriet tal-Knisja kif hi mmexxija mill-Ispirtu Paraklitu ha tfittex l-għaqda sħiħa ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu.

25.  Mhux il-Papa biss sar pellegrin.  F’dawn l-aħħar snin, ħafna mexxejja magħrufin tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Ekkleżjali ġew iżuruni f’Ruma u jien stajt ningħaqad magħhom fit-talb, kemm pubblikament u kemm privatament.  Semmejt iż-żjara tal-Patrijarka Ekumeniku Dimitrios I, u issa nixtieq infakkar il-laqgħa ta’ talb li saret ukoll fil-Bażilika ta’ San Pietru meta isseħħibt mal-Arċisqfijiet Luterani Primati tal-Isverzja u tal-Finlandja għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar fl-okkażjoni tas-sitt mitt sena mill-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Briġida (5 ta’ Ottubru, 1991).  Dan hu biss eżempju wieħed għaliex l-għarfien tad-dmir li nitolbu għall-għaqda sar parti integrali tal-ħajja tal-Knisja.  M’hemmx ġrajja importanti jew ġrajja li tfisser ħafna, li ma tiksibx ġid mill-fatt li l-Insara jiltaqgħu flimkien u jitolbu.  Ma jistax ikun li nagħti lista sħiħa ta’ dawn il-laqgħat kollha, ukoll jekk kull laqgħa jistħoqqilha li tiġi mfakkra.  Tassew li l-Mulej qabadna minn idejna u qed imexxina.  Dan il-bdil u dan it-talb kollu ġa kiteb paġni fuq paġni fil-“Ktieb tal-għaqda” tagħna, “Ktieb” li rridu spiss neħduh f’idejna u naqrawh u nerġgħu naqrawh biex minnu niksbu ispirazzjonijiet u tamiet ġodda.

26.  It-talb, it-talb tal-komunità dejjem jgħinna nsibu mill-ġdid il-verità tal-kelma tal-Evanġelju:  “Il-Missier tagħkom wieħed hu” (Mt 23:9), il-Missier – Abba – li lilu Kristu talab, Kristu, l-Iben imnissel mill-Missier u ta’ natura waħda mal-Missier.  U aktar:  “L-imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8).  It-talb “Ekumeniku” juri din id-dimensjoni ta’ fraternità fi Kristu, li miet biex jiġbor flimkien l-ulied Alla li kienu xterrdu, biex ikunu “għalih ulied” (Ef 1:5), u nkunu nistgħu nuru aħjar kemm ir-realtà misterjuża tal-paternità ta’ Alla u kemm il-verità dwar in-natura umana li fiha għandhom sehem kull individwu u l-individwi kollha.

It-talba “Ekumenika” bħala talba tal-aħwa tfisser dan kollu.  Propju għax mifrudin minn xulxin, jiltaqgħu fi Kristu, b’tama aqwa, huma u jafdawlu l-ġejjieni tal-għaqda tagħhom u x-xirka tagħhom.  Hawn ukoll nistgħu napplikaw it-tagħlim tal-Konċilju.  “Il-Mulej Ġesù meta talab lill-Missier biex ilkoll inkunu ħaġa waħda... bħalma aħna ħaġa waħda” (Gw 17:21-22) fetaħ wesgħat magħluqin għar-raġuni tal-bniedem, għax ta x’wieħed jifhem li hemm ċertu xebħ bejn l-għaqda tat-Tliet Persuni Divini u l-għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u l-imħabba”.[48]

Il-bidla tal-qlub li hi kondizzjoni essenzjali għal kull tfittix awtenitku u tal-għaqda, toħroġ mit-talb, u s-sħubija tagħha tiddependi mit-talb:  “Mill-qagħda ġdida tagħna, miċ-ċaħda tagħna nfusna u minn imħabba bla qies, joħorġu x-xewqat għall-għaqda u jaslu għall-kobor sħiħ tagħhom.  Irridu għalhekk nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-grazzja biex tassew niċħdu lilna nfusna, inkunu umli u nuru ħlewwa fil-qadi tal-oħrajn u qagħda ta’ ġenerożità fraterna mal-oħrajn”.[49]

27.  It-talb għall-għaqda mhuwiex xi ħaġa riżervata biss għal dawk li qed iħossu n-nuqqas tal-għaqda bejn l-Insara.  Fid-djalogu personali ħerqan li kull wieħed u waħda minna għandu jkollu mal-Mulej fit-talb, il-ħerqa għall-għaqda m’għandhiex tonqos.

Hekk biss din il-ħerqa tista’ ssir kollha kemm hi parti minn ħajjitna u mill-impenji li għalihom dħalna fil-Knisja.  Propju biex ninsisti fuq dan id-dmir li jien ippreżentajt lill-Insara tal-Knisja Kattolika l-ħajja li nqis eżemplari ta’ Soru Trappista, il-Beata Marija Gabriella tal-Għaqda, li jien ibbeatifikajt fil-25 ta’ Jannar 1983.[50]  Suor Marija Gabriella, li kellha l-vokazzjoni li tinfatam mid-dinja, għaddiet ħajjitha timmedita u titlob il-kap sbatax tal-Evanġelju ta’ San Ġwann u titlob u toffri ħajjitha għall-għaqda tal-Insara.  Din hi tassew il-ġebla tax-xewka tat-talb kollu, l-offerta sħiħa tal-ħajja bla ebda kondizzjoni ta’ xejn lill-Missier, b’Ibnu, fl-Ispirtu s-Santu.  L-eżempju ta’ Swor Marija Gabriella jgħallimna; jgħinna nifhmu li ma hemmx mumenti speċjali, qagħdiet jew postijiet ta’ talb għal għaqda.  It-talba ta’ Kristu lill-Missier tingħatalna bħala eżempju għal kulħadd, dejjem u kullimkien.

Djalogu ekumeniku

28.  Jekk it-talb hu r-“ruħ” tal-tiġdid ekumeniku u tal-ħerqa għall-għaqda, hu l-pedament u l-għajnuna ta’ kull mal-Konċilju jifhem bi “djalogu”.  Din il-fehma żgur mhijiex illum kontra s-sura personalistika tal-ħsieb.  Il-ħila għad-“djalogu” għandha l-għeruq tagħha fin-natura tal-persuna u fid-dinjità tagħha.  Kif taraha l-filosofija, din il-qagħda hi marbuta mal-verità Nisranija dwar il-bniedem u mfissra mill-Konċilju:  “il-bniedem hu l-kreatura waħdanija fuq l-art li Alla riedha għaliha nfisha”; għalhekk il-bniedem “ma jistax isib b’mod sħiħ lilu nnifsu jekk mhux bl-għoti sinċier tiegħu nnifsu”.[51]  Id-djalogu hu pass li ma tistax tgħaddi mingħajru fil-mixja lejn il-kobor sħiħ tal-bniedem fih innifsu, kemm ta’ kull individwu u kemm ta’ kull komunità ta’ bnedmin.  Għalkemm il-ħsieb ta’ “djalogu” jista’ jidher li qed tingħatalu preferenza fuq id-dimensjoni konoxxitiva, (dia-logos), iżda kull djalogu għandu dimensjoni globali, eżistenzali.  Jimpenja l-bniedem kollu kemm hu, u d-djalogu bejn komunitajiet jimpenja b’mod partikulari is-soġġettività ta’ kull komunità.

Din il-verità dwar id-djalogu, imfissra hekk fil-fond mill-Papa Pawlu VI fl-Enċiklika tiegħu Ecclesiam Suam,[52] ittieħdet ukoll mill-Konċilju fit-tagħlim u l-ħidma ekumenika tiegħu.  Id-djalogu mhuwiex biss bdil ta’ fehmiet.  B’xi mod hu dejjem “bidl ta’ doni”.[53]

29.  Hu għalhekk li d-Digriet tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu jagħti importanza wkoll lil “kull sforz biex jitwarrbu kliem, ġudizzji, u għemil li ma jkunux iwieġbu skont il-verità u s-sewwa għall-qagħda tal-aħwa mifrudin u hekk jagħmlu aktar diffiċli r-relazzjonijiet ma’ xulxin”.[54]  Id-Digriet iqis il-kwistjoni fid-dawl tal-qagħda tal-Knisja Kattolika u jsemmi l-kriterji li trid tħares fir-relazzjonijiet tagħha mal-Insara l-oħra.  Iżda f’dan kollu meħtieġa reċiproċità.  Il-ħarsien ta’ dawn il-kriterji hu mpenn ta’ dawk kollha li jridu jidħlu fi djalogu bejniethom, u hi kondizzjoni meħtieġa qabel jibda d-djalogu.  Jeħtieġ ngħaddu minn qagħda ta’ antagoniżmu u ġlied għall-qagħda fejn kull parti tqies lill-ieħor bħala sieħeb.  Meta jidħlu għad-djalogu, kull parti għandha tissopponi li hemm ix-xewqa tar-rikonċiljazzjoni fil-parti l-oħra, hemm ix-xewqa għall-għaqda fil-verità.  Biex dan iseħħ, kull sinjal ta’ oppożizzjoni kontra xulxin irid jispiċċa.  Hekk biss id-djalogu jista’ jgħin biex tingħeleb il-firda u tressaqna aktar lejn l-għaqda.

30.  Nistghu ngħidu, b’sens ta’ ħajr liema bħalu lil-Ispirtu tal-Verità, li l-Konċilju Vatikan II kien żmien ta’ barka, li matulu tqiegħdu l-pedamenti għat-tisħib tal-Knisja Kattolika fid-djalogu ekumeniku.  Fl-istess waqt, il-presenza ta’ tant osservaturi mill-ħafna Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali, l-impenn tagħhom fil-fond fil-ġrajjiet kollha tal-Konċilju, il-ħafna laqgħat u t-talb flimkien li l-Konċilju wassal biex setgħu jsiru, kollox għen biex ikun hemm il-kondizzjonijiet għad-djalogu ma’ xulxin.  Tul il-Konċilju, ir-rappreżentanti tal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra bl-esperjenza taghhom raw kemm l-Episkopat Kattoliku mad-dinja kollha, u b’mod partikulari, is-Santa Sede, kienu lesti ha jibdew id-djalogu.

Strutturi lokali għad-djalogu

31.  L-impenn tal-Knisja għad-djalogu ekumeniku, kif deher ċar mill-Konċilju ’l hawn, mhuwiex responsabbiltà tas-Sede Appostolika biss, imma hu dmir ukoll ta’ kull Knisja individwali lokali jew partikulari.  Kummissjonijiet speċjali ha jġibu ’l quddiem l-ispirtu u l-ħidma ekumenika twaqqfu mill-Konferenzi tal-Isqfijiet u mis-Sinodi tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali.  Strutturi adatti bħalhom qed jagħmlu ħidma fi Djoċesijiet individwali.  Dawn l-iniżjattivi huma sinjal tal-impenn prattiku mxerred ma’ kullimkien tal-Knisja Kattolika biex tapplika n-normi tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu:  dan hu aspett essenzjali tal-moviment ekumeniku”.[55]  Id-djalogu mhux biss beda, imma sar ħtieġa mill-aqwa, wieħed mill-prioritajiet tal-Knisja.  Bħala frott ta’ dan, il-“metodi” tad-djalogu ttejbu, u dan għen biex jikber l-ispirtu tad-djalogu.  Hawn ta’ min isemmi l-ewwelnett “id-djalogu bejn esperti tal-affari tagħhom minn Knejjes u Komunitajiet differenti.  Fil-laqgħat tagħhom li jiġu organizzati bi spirtu reliġjuż, kull wieħed ifisser it-tagħlim tal-Komunità tiegħu aktar fil-fond u joħroġ sewwa l-karatteristiċi distintivi tiegħu”.[56]  Iżda mbagħad jiswa ħafna li l-Insara jkunu midħla tal-metodu li bih id-djalogu seta jseħħ.

32.  Kif tgħid id-Dikjarazzjoni tal-Konċilju dwar il-Libertà Reliġjuża:  “il-verità wieħed għandu jfittixha b’mod li jkun jaqbel mad-dinjità tal-persuna umana, u man-natura soċjali tagħha.  It-tfittix irid isir b’mod ħieles, bl-għajnuna tal-maġisteru jew tat-tagħlim, jew ta’ komunikazzjoni istruttiva jew ta’ djalogu.  Bihom in-nies ifehmu lil xulxin il-verità li sabu jew jaħsbu li sabu biex jgħinu lil xulxin fit-tfittix tal-verità.  Iżda, meta tingħaraf il-verità, titħaddan bil-kunsens personali ta’ kull individwu”.[57]

Id-djalogu ekumeniku għandu importanza essenzjali.  “B’dan id-djalogu kulħadd jista’ jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull waħda mill-Komunitajiet, u jibda japprezzahom iżjed.  Barra minn hekk, dawn il-Komunitajiet jaslu għall-kooperazzjoni aqwa f’kull proġett li l-kuxjenza Nisranija titlob għall-ġid komuni.  Jiltaqgħu wkoll għal talb flimkien, fejn dan hu permess.  Fl-aħħarnett ilkoll jitwasslu biex jeżaminaw il-fedeltà tagħhom lejn ir-rieda ta’ Kristu għall-Knisja u, fejn meħtieġ, jidħlu bil-ħeġġa kollha għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ riforma”.[58]      

 Djalogu bħala eżami ta’ kuxjenza

35.  Fil-ħsieb tal-Konċilju, id-djalogu ekumeniku għandu juri t-tfittix flimkien tal-verità, b’mod partikulari tal-verità dwar il-Knisja.  Fil-fatt, il-verità tifforma l-kuxjenzi, u tiddirieġi l-isforzi biex l-għaqda tiġi ’l quddiem.  Fl-istess waqt, titlob li l-kuxjenzi u l-għemil tal-Insara, bħala aħwa mifrudin minn xulxin, għandhom ikunu mnebbħin mit-talba ta’ Kristu għall-għaqda, u joqogħdu għaliha.  Hemm relazzjoni stretta ħafna bejn talb u djalogu.  Aktar mat-talb ikun fil-fond u aktar jinħass, aktar jagħti frott id-djalogu.  Jekk min-naħa d-djalogu jiddependi mit-talb, min-naħa l-oħra, it-talb ukoll ikun frott aktar misjur tad-djalogu.

34.  Minħabba d-djalogu ekumeniku nistgħu nitkellmu b’maturità aqwa dwar it-talb flimkien u għal xulxin.  Dan seta’ jkun għaliex id-djalogu jaqdi wkoll, u l-istess waqt, id-dmir ta’ eżami tal-kuxjenza.  Dwar dan kif ma niftakrux il-kliem tal-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann:  “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna, u l-verità ma tkunx fina.  Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen” (1:8-9).  San Ġwann iżid jgħid ukoll; “Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina” (1:10).  Eżortazzjoni hekk qawwija biex nagħrfu l-qagħda tagħna ta’ midinbin, għandha tkun l-ispirtu li biħ aħna nidħlu għad-djalogu ekumeniku.  Jekk dan l-eżami tal-kuxjenza ma jsirx “djalogu bejn il-kuxjenzi” nistgħu nkunu żguri minn dak li tgħidilna din l-Ittra?  “Uliedi, dan qed niktibulkom, biex ma tidinbux, imma jekk xi ħadd jidneb għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu l-ġust.  U hu ħallas għal dnubietna, u mhux għal tagħna biss, imma wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (2:1-2).  Id-dnubiet kollha tad-dinja tħaddnu mis-sagrifiċċju ta’ Kristu għas-salvazzjoni, u għalhekk id-dnubiet ukoll li saru kontra l-għaqda tal-Knisja:  id-dnubiet tal-Insara sew tal-isqfijiet u sew tal-fidili.  Iżda wkoll wara tant dnubiet li wasslu għal dawn il-firdiet kollha, l-għaqda tal-Insara għad tista’ tkun, jekk aħna bl-umiltà kollha magħarfu li dnibna u nifhmu li jeħtieġ li jinħafru u jiġu megħluba d-dnubiet personali, imma wkoll id-dnubiet soċjali, dawk l-“istrutturi” stess tad-dnub li wasslu għall-firda u għenuha u wettquha.

35.  Għal darb’oħra l-Konċilju Vatikan II jgħinna.  Nistgħu ngħidu li d-Digriet dwar l-Ekumeniżmu, kollu kemm hu, hu mimli bi spirtu ta’ konverżjoni.[59]  Id-djalogu ekumeniku f’dan id-Dokument jikseb karatteristika propja:  jinbidel fi djalogu ta’ konverżjoni u għalhekk, skont kliem Pawlu VI, jinbidel f’veru “djalogu ta’ salvazzjoni”.[60]  Id-djalogu ma jistax jibqa’ sejjer permezz ta’ laqgħat flimkien, bi bdil ta’ fehmiet u bl-għoti ta’ doni propji lil kull komunità.  Iżda għandu jfittex ukoll, anżi fuq kollox, direzzjoni oħra, ’il fuq, lejn il-Feddej tad-dinja u s-Sid tal-istorja, li Hu l-paċi tagħna.  Din id-dimensjoni tad-djalogu ekumeniku hi l-għarfien flimkien u ta’ xulxin bħala irġiel u nisa midinbin.  Dan l-għarfien jiftaħ għall-aħwa li qed jgħixu f’komunitajiet li mhumiex f’xirka waħda bejniethom, dak l-ispazju intern li fih Kristu, il-bidu tal-għaqda fil-Knisja, jista’ jaħdem b’mod effikaċi bil-qawwa kollha tal-Ispirtu Paraklitu.

Djalogu biex jintemm in-nuqqas ta’ ftehim

36.  Id-djalogu hu wkoll strument naturali biex bih jitqabblu bejniethom fehmiet differenti, u l-ewwelnett biex jitqiesu dawk in-nuqqasijiet ta’ ftehim li qed ifixklu għaqda sħiħa bejn l-Insara.  Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu jinsisti l-ewwel nett fuq id-dispożizzjoni morali meħtieġa biex jibdew diskussjonijiet dottrinali.

“Fid-djalogu ekumeniku, it-teoloġi Kattoliċi, huma u jħaddnu d-duttrina tal-Knisja, u huma u ifittxu flimkien mal-aħwa mifrudin, li jistudjaw il-misteri qaddisa, għandhom ifittxu li jimxu ’l quddiem b’imħabba għall-verità, b’karità u umiltà”.[61]

L-imħabba għall-verità hija d-dimensjoni l-aktar għolja ta’ tħabrik veru hu jkun hemm għaqda sħiħa bejn l-Insara kollha.  Mingħajr din l-imħabba ma jistax ikun li wieħed jitkellem dwar id-diffikultajiet teoloġiċi, kulturali, psikoloġiċi u soċjali li juri ruħhom meta jiġi studjat oġġettivament in-nuqqas ta’ ftehim li jkun hemm.  Ma dan id-dimensjoni interna u personali għandu jkun hemm imseħbin, b’qawwa liema bħala, spirtu ta’ karità u ta’ umiltà:  ta’ karità ma min qed jitkellem, u ta’ umiltà lejn il-verità li tingħaraf u li forsi tista’ titlob li wieħed jirrivedi l-affermazzjonijiet u d-drawwiet tiegħu.

Meta jiġu studjati l-firdiet, il-Konċilju jitlob li d-duttrina kollha tiġi mfissra b’mod l-aktar ċar.  Jitlob ukoll li l-mod u l-metodu kif tiġi mfissra l-fidi Kattolika ma jkunux ta’ tfixkil għad-djalogu mal-aħwa.[62]  Żgur li wieħed jista’ jagħti xhieda tad-duttrina propja tiegħu u jfissirha b’mod korrett, leali u jiftiehem, u fl-istess waqt iqis kemm il-mod kif jaħseb l-ieħor u kemm l-esperjenza storika li għadda minnha l-ieħor.

Hi ħaġa ċara li l-għaqda sħiħa sseħħ meta titħaddan il-verità kollha li lejha l-Ispirtu s-Santu qed iwassal id-dixxipli tal-Mulej.  Għalhekk irid jiġi evitat kull tnaqqis u kull xorta ta’ kunsens malajr.  Iridu jinħallu problemi kbar:  inkella aktar tard f’xi żmien ieħor jerġgħu jidhru fl-istess sura jew f’xi sura oħra.

37.  Id-Digriet Unitatis Redintegratio jgħid ukoll liema kriterji wieħed għandu juża meta jiġi biex ifisser jew iqabbel id-duttrina Kattolika:  “Wieħed għandu jiftakar li hemm ordni jew ġerarkija fil-veritajiet tad-duttrina Kattolika, minħabba r-rabta diversa li għandhom mal-pedament tal-fidi Kattolika.  B’dan il-mod titħejja t-triq biex ilkoll, f’sura ta’ pika bejn l-aħwa, jitħeġġu għall-għarfien aktar fil-fond u għall-manifestazzjoni aktar ċara tal-għana bla qjies ta’ Kristu”.[63]

38.  Fid-djalogu bilfors titfaċċa l-problema tal-formuli diversi li l-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali għandhom biex ifissru d-duttrina; dan għandu aktar minn konsegwenza waħda għall-ħidma tal-ekumeniżmu.

Qabel xejn, fil-formuli duttrinali li ma jaqblux ma’ dawk li għandha l-komunità li tagħha wieħed hu membru, wieħed għandu minnufih jara jekk il-kliem użat fl-aħħar mill-aħħar ma jfissirx l-istess ħaġa, kif ġara, biex insemmi eżempju, f’dikjarazzjonijiet li saru dan l-aħħar u li jiena u l-Papiet ta’ qabli ffirmajna mal-Patrijarki ta’ Knejjes li għall-mijiet ta’ snin kellna bejnietna nuqqas ta’ ftehim dwar il-Kristoloġija.

Id-Dikjarazzjoni Mysterium Ecclesiae tgħid:  “Għalkemm il-veritajiet li l-Knisja trid tassew tgħallem bil-formuli dommatiċi tagħha, jintgħażlu mill-fehmiet li jistgħu jinbidlu maż-żmien u jkun u jistgħu jiġu mfissrin mingħajrhom, jista’ jiġri wkoll li l-Maġisteru Mqaddes jgħallem dawn il-veritajiet bi kliem li b’xi mod juru l-fehmiet taż-żmien li jkun.  Meta nqisu dan, nistgħu ngħidu li l-formuli dommatiċi tal-Maġisteru tal-Knisja fil-bidu fissru sewwa l-verità rivelata u jibqgħu dejjem adatti biex iwassluha lil dawk li jifhmuha sewwa”.[64]  Dwar dan, id-djalogu ekumeniku jwassal lil dawk li qed jieħdu sehem fih biex jistaqsu lil xulxin, jifhmu lil xulxin, ifissru lil xulxin, u jippermetti wkoll li jinstabu affarijiet mhux mistennija.  Il-polemika intolleranti u l-kontroversji biddlu f’dikjarazzjonijiet li wieħed ma jistax jaċċettahom, dak li fil-fatt ma kienx ħlief żewġ suriet kif wieħed iħares lejn l-istess verità minn żewġ naħiet differenti.  Jeħtieġ illum li tinsab formula li hija u tħaddan il-verità sħiħa, tmur ’l hemm mill-qari parżjali tagħha jew mit-tifsiriet qarrieqa tagħha.  Wieħed mill-vantaġġi tal-ekumeniżmu hu dak li permezz tiegħu l-Komunitajiet Insara jiksbu għajnuna biex jagħrfu l-għana bla qies tal-verità.  F’dan il-qasam ukoll dak li l-Ispirtu jagħmel fl-“oħrajn” jista’ jkun ta’ ġid għal kull komunità[65] u b’xi mod jgħallimha l-misteru ta’ Kristu.  L-ekumeniżmu veru hu grazzja ta’ verità.

39.  Fl-aħħarnett id-djalogu jwassal lil dawk li qed jiddjalogaw bejniethom biex ikollhom quddiemhom in-nuqqas veru ta’ ftehim li jkun hemm dwar il-fidi.  Dawn in-nuqqasijiet ta’ ftehim għandhom l-ewwelnett jitqiesu bi spirtu ta’ mħabba fraterna sinċiera, b’rispett sħiħ għall-kuxjenza propja u tal-oħrajn, b’umiltà kbira u mħabba għall-verità.  F’dan il-każ il-konfront għandu żewġ elementi essenzjali li għalihom għandha ssir riferenza:  l-Iskrittura u t-Tradizzjoni.  Għall-Kattoliċi hemm ukoll l-għajnuna vitali tal-Maġisteru ħaj tal-Knisja.

Kooperazzjoni fil-prattika

40.  Ir-relazzjonijiet bejn l-Insara ma jwasslux  biss għall-għarfien aħjar ta’ xulxin, għat-talb flimkien u għad-djalogu; jaħsbu wkoll għall-kooperazzjoni fil-prattika u jitolbuha fl-oqsma kollha pastorali, kulturali u soċjali u wkoll fix-xhieda għat-tħabbira tal-Evanġelju.[66]

“Il-kooperazzjoni bejn l-Insara kollha turi b’mod ħaj dik l-għaqda li ġa hemm fosthom, u turi f’dawl aħjar il-wiċċ ta’ Kristu Qaddej”.[67]  Din il-kooperazzjoni li għandha l-għeruq tagħha fl-istess fidi, hi mhux biss mimlija b’imħabba bejn l-aħwa imma hija wkoll manifestazzjoni ta’ Kristu nnifsu.

Barra dan il-kooperazzjoni ekumenika hija skola ta’ ekumeniżmu, it-triq dinamika li twassal għall-għaqda.  Il-ħidma flimkien twassal għall-għaqda fil-fidi:  “Permezz ta’ din il-kooperazzjoni dawk kollha li jemmnu fi Kristu malajr jitgħallmu kif jistgħu jsiru jafu aħjar lil xulxin u jistmaw aktar lil xulxin, u kif iwittu t-triq għall-għaqda tal-Insara”.[68]

Quddiem id-dinja l-kooperazzjoni bejn l-Insara qisha xhieda nisranija flimkien u ssir mezz ta’ evanġelizzazzjoni li jkun ta’ ġid għal wieħed u għall-ieħor.

 

KAP II

IL-FROTT TAD-DJALOGU

Il-Fraternità misjuba mill-ġdid

41.  Dak li għidna hawn fuq dwar id-djalogu ekumeniku minn mindu ntemm il-Konċilju Vatikan II iwassalna biex inroddu ħajr lill-Ispirtu tal-Verità, imwiegħed minn Kristu l-Mulej lill-Appostli u lill-Knisja (ara Ġw 14:26).  Din hi l-ewwel darba fl-istorja li l-ħidma għall-għaqda tal-Insara kibret daqshekk u xterdet b’dan il-mod.  Dan huwa don kbir mogħti minn Alla li jistħoqqlu li jitfakkar b’radd ta’ ħajr liema bħala.  Mill-milja ta’ Kristu aħna lkoll ħadna, “grazzja fuq grazzja” (Ġw 1:16).  L-għarfien ta’ kull ma ġa tana Alla hi l-kundizzjoni meħtieġa biex tħejjina ħa nirċievu d-doni li għad neħtieġu biex tasal għat-tmiem tagħha l-ħidma ekumenika għall-għaqda tal-Insara.

Ħarsa lejn dak li sar f’dawn l-aħħar tletin sena twassalna biex nifhmu aħjar il-ħafna frott li nkiseb minn din il-konverżjoni tagħna lkoll lejn l-Evanġelju li l-Ispirtu ta’ Alla ġieb permezz tal-moviment ekumeniku.

42.  Ġara li — biex insemmi eżempju — skont l-istess spirtu tad-Diskors tal-Muntanja, l-Insara ta’ xi waħda mill-konfessjonijiet m’għadhomx aktar iqisu l-Insara l-oħra bħala għedewwa u barranin, imma jaraw fihom ħuthom.  Fl-aħħar mill-aħħar illum it-tendenza hi li l-istess kliem l-aħwa mifrudin jiġu mibdula ma’ kliem aktar adatt biex ifisser kemm hi kbira l-għaqda — marbuta mal-karattru tal-magħmudija — li lilha l-Ispirtu s-Santu qiegħed jagħti l-ħajja, minkejja li mhumiex neqsin firdiet storiċi u kanoniċi.  Illum id-diskors qed ikun dwar “l-Insara l-oħra”, “l-Imgħammdin l-oħra”, “l-Insara tal-Komunitajiet l-oħra”;  waqt li d-Direttorju dwar Prinċipji u Normi fl-Ekumeniżmu jsejjaħ il-Komunitajiet li tagħhom dawn l-Insara huma membri Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali li “mhumiex f’xirka sħiħa mal-Knisja Kattolika”.[69]  Dan il-mod aktar wiesgħa ta’ diskors juri bidla kbira ta’ mentalità.  L-għarfien mill-Insara kollha li lkoll huma ta’ Kristu qed isir dejjem aktar sħiħ.  Dan rajtu jiena stess personalment fiċ-ċelebrazzjonijiet ekumeniċi, li huma wieħed mill-ġrajjiet importanti tal-Vjaġġi Appostoliċi tiegħi f’naħat diversi tad-dinja, jew f’laqgħat u ċelebrazzjonijiet ekumeniċi f’Ruma.  Il-“fraternità universali tal-Insara” saret konvinzjoni ekumenika tassew soda.  Issa li ntessew l-iskomuniki tal-imgħoddi, il-Komunitajiet li dari kienu għedewwa ta’ xulxin, illum qed jgħinu lil xulxin; xi kultant jisilfu ’l xulxin il-postijiet tal-kult; qed jiġu offerti boroż ta’ studju għall-formazzjoni tal-ministri tal-Komunitajiet neqsin mill-mezzi; jed jiġu avviċinati l-awtoritajiet ċivili biex Insara oħra mixlija nġustament ikunu mħarsin; qed jintwerew kemm huma fiergħa l-kalunnji li tagħhom xi gruppi jsibu ruħhom vittmi.

F’kelma waħda, l-Insara kkovertew għall-imħabba li tħaddan id-dixxipli kollha ta’ Kristu.  Jekk jiġri li, minħabba rvellijiet politiċi imseħbin mal-vjolenza, tidher ċerta aggressività jew spirtu ta’ vendetta, l-awtoritajiet għandhom ifittxu li toħroġ rebbieħa l-“Liġi Ġdida” tal-ispirtu tal-imħabba.  Dan l-ispirtu, jiddispjaċini ngħid, ma rnexxilux ibiddel il-qagħdiet kollha ta’ ġlied brutali.  F’dawn iċ-ċirkostanzi d-dmir ekumeniku spiss jistenna minn dawk li qed jaqduh għażliet li jitolbu qawwa ta’ eroiżmu.

Hawnhekk jeħtieġ intenni li l-ispirtu ta’ fraternità mhux frott ta’ xi filantropija liberali jew ta’ xi spirtu mhux ċar ta’ familja.  Għall-kuntrarju rrid ngħid li l-għarfien ta’ din il-fraternità hu frott tal-għarfien ta’ Magħmudija waħda u għalhekk hemm il-ħtieġa li jissebbaħ il-Mulej fl-għemejjel tiegħu.  Id-Direttorju dwar Prinċipji u Normi fl-Ekumeniżmu juri x-xewqa li jkun hemm għarfien pubbliku tal-Magħmudija ta’ xulxin minn kulħadd;[70] dan imur ’l hemm minn kull għemil ta’ kortesija ekumenika, u hu dikjarazzjoni ekklesjoloġika fundamentali.

Tajjeb li wieħed jiftakar li l-karattru fundamentali tal-Magħmudija għall-bini tal-Knisja ħareġ ċar ukoll mid-djalogu bejniethom ta’ ħafna mill-partijiet impenjati.[71]

Solidarjetà għall-qadi tal-ġens kollu tal-bnedmin

43.  Dejjem aktar ta’ spiss qed jiġri li dawk li qed imexxu l-Komunitajiet Insara jieħdu qagħda waħda flimkien, f’isem Kristu, quddiem problemi serji li għandhom x’jaqsmu mal-vokazzjoni tal-bniedem:  il-libertà, il-ġustizzja, il-paċi, il-ġejjieni tad-dinja.  Huma u jagħmlu dan, huma jkunu “qed jingħaqdu” flimkien għall-qadi ta’ wieħed mid-dmirijiet Insara:  jiġifieri dak li jfakkru lis-soċjetà b’mod realistiku r-rieda ta’ Alla, huma u jħeġġu lill-awtoritajiet u liċ-ċittadini biex ma jaqbdux it-triq tan-niżla li twassal għat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem.  Jidher — u dan tikkonfermah l-esperjenza — li f’xi ċirkostanzi leħen l-Insara kollha flimkien għandu qawwa akbar minn leħen wieħed.

Iżda mhux il-mexxejja biss tal-Komunitajiet qed jingħaqdu f’dan l-impenn għall-għaqda.  Ħafna Insara mill-Komunitajiet kollha, minħabba l-fidi tagħhom, qed jissieħbu flimkien f’proġetti qalbiena ħa tinbidel id-dinja, biex jirbaħ ir-rispett għad-drittijiet u għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd u speċjalment għal dawk tal-foqra, tal-imċaħħdin u ta’ dawk li ma għandhom lil ħadd li jidħol għalihom.  Fl-Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis bil-ferħ faħħart din il-kollaborazzjoni, u wrejt li l-Knisja Kattolika ma setghetx tibqa’ lura minnha.[72]  L-Insara, li dari kienu jaħdmu kull wieħed għal rasu, illum huma mpenjati flimkien fil-qadi ta’ din il-kawża biex tissebbaħ il-ħniena ta’ Alla.

Il-mod tal-ħsieb u tal-għemil hu ġa dak tal-Evanġelju.  Għalhekk, jiena u nwettaq dak li ktibt fl-ewwel Enċiklika tiegħi Redemptor Hominis, kelli l-okkażjoni li “ninsisti fuq din il-ħaġa u ninkoraġġixxi kull sforz li sar f’din id-direzzjoni, fil-livelli kollha fejn niltaqgħu ma’ ħutna l-Insara l-oħra[73] u raddejt ħajr lil Alla għal dak li għamel fil-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra, u għal dak li għamel permezz tagħhom”, kif għamel ukoll permezz tal-Knisja Kattolika.[74]  Illum bil-ferħ kollu qed naraw kemm in-nisġa tal-kooperazzjoni ekumenika dejjem aktar qed tinxtered.  Permezz tal-“World Council of Churches” ukoll qed issir ħidma kbira f’dan il-qasam.

Qed nersqu lujn xulxin permezz tal-Kelma ta’ Alla u tal-Kult divin

44.  Il-progress li sar fil-kooperazzjoni ekumenika b’mod liema bħalu jidher ukoll f’qasam ieħor, dak tal-Kelma ta’ Alla.  Ħsiebu l-ewwel imur lejn il-fatt, hekk importanti għall-gruppi ta’ ilsna differenti, tat-traduzzjonijiet ekumeniċi tal-Iskrittura.  Wara li l-Konċilju Vatikan II ħareġ il-Kostituzzjoni Dei Verbum, il-Knisja ma setgħetx ma tilqax bil-ferħ dan il-fatt.[75]  Dawn it-traduzzjonijiet, magħmulin minn esperti, joffru pedament żgur għall-predikazzjoni u għall-ħidma pastorali tad-dixxipli kollha ta’ Kristu.  Min jiftakar x’influwenza kellhom fuq il-firda, speċjalment fil-punent, id-diskussjonijiet dwar l-Iskrittura, jifhem xi progress sar permezz ta’ dawn it-traduzzjonijiet flimkien.

45.  Għat-tiġdid liturġiku li seħħ fil-Knisja Kattolika wieġbet l-iniżjattiva ta’ xi Komunitajiet Ekkleżjali oħra biex iġeddu l-kult tagħhom.  Xi wħud minnhom, fuq bażi ta’ xewqa espressa fuq livell ekumeniku,[76]  warrbu d-drawwa tagħhom li jiċċelebraw l-Ikla tal-Mulej darba fit-tant biss, u għażlu li jiċċelebrawha kull nhar ta’ Ħadd.  Imbagħad, jekk inqabblu flimkien iċ-ċikli tal-qari liturġiku ta’ ħafna Komunitajiet Insara tal-Punent, insibu li jaqblu flimkien f’dak li hu essenżjali.  F’livell ekumeniku wkoll,[77] ingħatat importanza għal kollox speċjali lil-liturġija, lill-ikoni, lill-paramenti, lid-dwal, lill-inċenz, lil ġesti.  Barra dan, fl-istituti teoloġiċi fejn jiġu ppreparati l-ministri ta’ għada, l-istudju tal-istorja u tat-tifsir tal-liturġija sar parti mill-programm tal-istudji bħala ħtieġa li qed tinħass mill-ġdid.

Dan hu sinjal ta’ qbil dwar ħafna aspetti tal-ħajja sagramentali.  Veru li, minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar il-fidi, għad ma tistax tiġi ċċelebrata l-istess Liturġija Ewkaristika, iżda hemm ħerqa kbira li niċċelebraw flimkien l-Ewkaristija waħda tal-Mulej, u din il-ħerqa hi ġa tifħir flimkien, hi talba.  Flimkien qed induru lejn il-Missier u dan dejjem aktar qed nagħmlu “qalb waħda”.  Xi kultant jidher li aħna aktar qrib għall-mument li fih nistgħu nwettqu din l-għaqda “vera għalkemm mhux sħiħa”.  Min qatt kien jaħseb li se sseħħ ħaġa bħal din mitt sena ilu?

46.  Meta din hija l-qagħda, tajjeb infakkru li l-ministri Kattoliċi f’każijiet partikulari, ċerti u definiti, jistgħu jamministraw is-Sagramenti tal-Ewkaristija, tal-Penitenza, tad-Dlik tal-Morda lill-Insara oħra, li mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika, iżda għandhom ħerqa kbira li jirċievu dawn is-sagramenti, qed jitolbuhom minn rajhom u juru li għandhom il-fidi li l-Knisja Kattolika tistqarr dwar dawn is-sagramenti.  Min-naħa l-oħra, x’ċerti każijiet partikulari, l-Kattoliċi ukoll jistgħu jitolbu dawn is-sagramenti mingħand ministru ta’ dawk il-Knejjes li fihom dawn is-sagramenti huma validi.  Ġew stabbiliti n-normi dwar dan kollu, u dawn in-normi jeħtieġ li jkunu mħarsin f’ġieħ il-progress ekumeniku.[78]

Stima tal-ġid li jinsab fost l-Insara l-oħra

47.  Id-djalogu mhuwiex biss dwar duttrina, imma jimpenja l-persuna kollha, għax hu djalogu ta’ mħabba.  Il-Konċilju Vatikan II jgħid:  “Jeħtieġ li l-Kattoliċi bil-ferħ jagħrfu u japprezzaw il-ġid tassew Nisrani, li jinsab fost ħutna mifrudin, li hu frott wirt komuni.  Hi ħaġa xierqa u sewwa tagħraf l-għana ta’ Kristu u l-għemejjel ta’ virtù fil-ħajja tal-Insara l-oħra li qed jagħtu xhieda ta’ Kristu xi kultant bit-tixrid ta’ demmhom.  Alla hu dejjem tal-għaġeb u jgħaġġeb fl-għemejjel tiegħu”.[79]

48.  Ir-relazzjonijiet li l-membri tal-Knisja Kattolika waqfu mal-Insara l-oħra mill-Konċilju ’l hawn, urew dak li Alla jagħmel f’dawk li huma membri tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra.  Dawn il-kuntatti mill-qrib, f’ħafna livelli, bejn ragħajja u membri tal-Komunitajiet, wasluna biex nagħrfu x-xhieda li l-Insara l-oħra jagħtu għal Alla u għal Kristu.  Hekk infetaħ qasam tassew wiesgħa għall-esperjenza ekumenika kollha, li fl-istess waqt hu sfida għal żmienna.  Mhux forsi s-seklu għoxrin żmien ta’ xhieda kbira, “sat-tixrid tad-demm”?  U dan ma jgħoddx ukoll għall-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra, li jieħdu isimhom minn Kristu msallab u mqajjem mill-imwiet?

Din ix-xhieda komuni ta’ qdusija, bħala xhieda ta’ fedeltà lejn Mulej wieħed, hi qawwa ekumenika, għanja bil-grazzja b’mod tassew tal-għaġeb.  Il-Konċilju Vatikan II tenna li l-ġid li hemm fost l-Insara l-oħra, jista’ jkun ta’ edifkazzjoni għall-Kattoliċi:  “Lanqas għandna ninsew li kull ma jsir mill-aħwa mifrdua bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu jista’ jgħin ukoll għall-edifikazzjoni tagħna.  Kull ma hu tassew Nisrani, mhuwiex kuntrarju għall-ġid veru tal-fidi, iżda dejjem jista’ jwassal biex jintlaħaq b’mod aktar perfett il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja.[80]  Id-djalogu ekumeniku, bħal veru djalogu ta’ salvazzjoni, mhux se jonqos li jġib il-quddiem dan il-proċess, li ġa mexa sewwa, biex inkompli miexi lejn l-għaqda sħiħa.

It-tkabbir tal-għaqda

49.  Frott mill-aqwa tar-relazzjonijiet bejn l-Insara u tad-djalogu li qed ikollhom bejniethom hu t-tkabbir tal-għaqda.  Dawn ir-relazzjonijiet u dan id-djalogu wasslu lill-Insara biex jagħrfu l-elementi tal-fidi li għandhom flimkien bejniethom.  Dan wassal biex isaħħaħ dejjem aktar l-impenn tagħhom għall-għaqda sħiħa.

F’dan kollu, il-Konċilju Vatikan II jibqa’ ċentru qawwi ta’ inċentivi u orjentament.  Il-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium tgħaqqad id-duttrina dwar il-Knisja mal-għarfien tal-elementi ta’ salvazzjoni li jinsabu fil-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra.[81]  Mhux qed nitkellem dwar għarfien ta’ elementi statiċi li huma preżenti passivament f’dawn il-Knejjes u f’dawn il-Komunitajiet.  Għax dawn huma ġid tal-Knisja ta’ Kristu, u min-natura tagħhom stess jimbuttaw biex l-għaqda sseħħ.

Minn dan jiġi, li t-tfittix tal-għaqda tal-Insara mhuwiex xi għemil fakultattiv jew opportun, imma hu esigenża li toħroġ min-natura stess tal-komunità Nisranija.

Hekk ukoll, id-djalogi teoloġiċi bilaterali mal-Komunitajiet Insara kbar jibdew mill-għarfien tal-grad ta’ għaqda li ġa hemm, biex imbagħad ftit ftit jisħarrġu u jiġu studjati dawk l-elementi li ma hemmx qbil fuqhom, ma’ kull waħda mill-Komunitajiet.  Lill-Insara ta’ żminijietna l-Mulej taħom li jkunu jistgħu jnaqsu l-għadd ta’ elementi tal-fidi li dwarhom ma kienx hemm qbil.

Id-djalogu mal-Knejjes tal-Lvant

50.  Dwar dan, qabel xejn irridu nammettu, b’radd ta’ ħajr partikulari lil Providenza ta’ Alla, li r-rabtiet mal-Knejjes tal-Lvant, imdgħajfin tul mijiet ta’ snin, reġgħu ssaħħu permezz tal-Konċilju Vatikan II.  L-osservaturi ta’ dawn il-Knejjes li ħadu sehem fil-Konċilju, flimkien mal-legati tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Ekkleżjali tal-Punent, urew pubblikament, f’mument hekk solenni tal-Knisja Kattolika r-rieda komuni għat-tfittix tal-għaqda.

Il-Konċilju, min-naħa tiegħu, ħares lejn il-Knejjes tal-Lvant oġġettivament u b’tjieba liema bħalha, u wera ċar il-karattru ekkleżjali tagħhom u r-rabtiet veri ta’ għaqda li jorbtuhom mal-Knisja Kattolika.  Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu jgħid: “Biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull waħda minn dawn il-Knejjes, il-Knisja ta’ Alla tinbena u tikber”, u jżid jgħid li għalhekk dawn il-Knejjes għalkemm mifrudin għandhom “veri sagramenti, u speċjalment, bil-qawwa tas-suċċessjoni appostolika, dawk tas-saċerdożju u tal-Ewkaristija, u permezz tagħhom huma marbutin magħna b’rabta liema bħalha”.[82]     

Tal-Knejjes tal-Lvant huma magħrufin it-tradizzjoni liturġika u spiritwali kbira li għandhom, il-karattru speċifiku tal-iżvilupp storiku tagħhom, id-dixxiplina li huma ħarsu sa mill-bidu u li ġiet imwettqa minn Missirijiet Qaddisa u minn Sinodi, u minn Konċilji Ekumeniċi wkoll, u l-mod propju tagħhom kif jgħallmu d-duttrina.  Dan kollu qed jingħad b’konviżjoni li d-differenzi li għandhom ma jmorrux kontra l-għaqda tal-Knisja, anżi jżidulha l-ġieħ u jgħinu mhux ftit ha sseħħ il-missjoni tagħha.  Il-Konċilju Vatikan II ried jibni d-djalogu fuq l-għaqda li ġa hemm, u jfakkar propju l-għana li hemm fil-Knejjes tal-Lvant.  “Il-Konċilju Mqaddes għalhekk iħeġġeġ lil kulħadd, u speċjalment lil dawk li qed jaħdmu bil-ħsieb li seħħ l-għaqda sħiħa tant mixtieqa bejn il-Knejjes tal-Lvant u l-Knisja Kattolika, biex iqisu sewwa din il-qagħda speċjali tal-bidu tal-kobor tal-Knejjes tal-Lvant, u s-sura tar-relazzjonijiet li kien hemm bejnhom u bejn is-Sedi ta’ Ruma qabel il-firda, u jiffurmaw ġudizzju dwar dan kollu.”[83]

51.  Din il-fehma tal-Konċilju kienet ta’ siwi kemm għar-relazzjonijiet fraterni li ġew il-quddiem permezz ta’ djalogu ta’ mħabba, u permezz tad-diskussjonijiet dottrinali li seħħu fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali Mista biex iġġib il-quddiem id-djalogu bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa kollha kemm hi.  Din il-fehma tat kotra ta’ frott ukoll fir-relazzjonijiet mal-Knejjes Antiki tal-Lvant.

Kien proċess tqil li mexa bil-mod, iżda kien għajn ta’ ferħ liema bħalu u qanqal il-qlub għax biż-żmien wassal għall-għarfien ftit ftit li aħna lkoll aħwa.

Kuntatti mill-ġdid

52.  Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Knisja ta’ Ruma u mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, il-proċess li għadni kemm semmejt, beda bil-ftuħ għal xulxin mill-Papiet Ġwanni XXIII u Pawlu VI min-naħa, u l-Patrijarka Athenagoras u s-suċċessuri tiegħu min-naħa l-oħra.  Il-bidla li seħħet ġiet imfissra storikament permezz ta’ att ekkleżjali li bih “tneħħiet it-tifkira minn ħdan dawn il-Knejjes”[84] tal-iskomunika li disa’ mitt sena ilu, is-sena 1054, saret simbolu tax-xiżma bejn is-Sede ta’ Ruma u dik ta’ Kostantinopli.  Din il-ġrajja ekkleżjali hekk mimlija b’impenn ekumeniku, seħħet fl-aħħar jiem tal-Konċilju, nhar is-7 ta’ Diċembru 1965.

U hekk il-Konċilju ntemm b’att solenni li fl-istess waqt kien tisfija ta’ tifkira storika u maħfra għal xulxin u mpenn sħiħ għat-tfittix tal-għaqda.

Il-Laqgħa tal-Papa Pawlu VI mal-Patrijarka Athenagoras I f’Ġerusalemm fix-xahar ta’ Jannar 1964 kienet seħħet ftit qabel, tul il-pellegrinaġġ tal-Papa fl-Art Imqaddsa.  F’dik l-okkażjoni l-Papa seta’ jiltaqa’ wkoll ma’ Beneditt, il-Patrijarka Ortodoss ta’ Ġerusalemm.  Imbagħad il-Papa Pawlu VI fil-15 ta’ Lulju 1967 għamel żjara lill-Patrijarka Athenagoras fil-Phanar, is-Sede tiegħu fil-belt ta’ Kostantinopli; fix-xahar ta’ Ottubru tal-istess sena il-Patrijarka ġie milqugħ mill-istess Papa b’solennità kbira.  Dawn il-laqgħat fit-talb urew liema hi t-triq għar-rikonċiljazzjoni bejn il-Knisja tal-Lvant u l-Knisja tal-Punent u biex jerġa’ jkun hemm dik l-għaqda li kienet teżisti bejnhom tul l-ewwel elf sena.

Wara l-mewt ta’ Pawlu VI u l-pontifikat qasir ta’ Ġwann Pawlu I, meta ġie fdat lili l-ministeru ta’ Isqof ta’ Ruma, deherli li l-ewwel dmir tiegħi fil-qadi pontifiċju tiegħi kien li nġedded il-kuntatti personali tiegħi mal-Patrijarka Ekumeniku Dimitrios I, li kien issa laħaq flok il-Patrijarka Athenagoras fis-Sede ta’ Kostantinopli.  Meta mort inżuru fil-Phanar fid-29 ta’ Novembru 1979, flimkien ftehemna li nibdew djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi kollha, li huma f’għaqda kanonika mad-Sede ta’ Kostantinopli.  Dwar dan, tajjeb milli jidher, li nżid ngħid li dak iż-żmien kienu ġa bdew it-tħejjijiet għall-Konċilju tal-Knejjes Ortodossi fil-ġejjieni.  Il-ħidma biex ikun hemm armonija bejniethom ikun żgur ta’ għajnuna għall-ħajja u għas-saħħa ta’ dawk il-Knejjes ħutna u dan ukoll jekk tqies il-ħidma li jridu jagħmlu fil-mixi lejn l-għaqda.  Il-Patrijarka Ekumeniku ried ipatti ż-żjara li għamiltlu u fix-xahar ta’ Diċembru 1987 ferħan ilqajtu f’Ruma b’imħabba sinċiera u bis-solennità kollha li kienet tixraqlu.  F’din il-qagħda ta’ fraternità ekkleżjali ta’ min ifakkar id-drawwa li issa ilha ħafna snin li f’Ruma għall-Festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl tiġi delegazzjoni tal-Patrijarka Ekumeniku, u tintbagħat fil-Phanar delegrazzjoni tas-Santa Sede għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Andrija.

53.  Dawn il-kuntatti regolari jgħinu, fost affarijiet oħra, fil-bdil dirett ta’ tagħrif u ta’ opinjonijiet biex jiġi l-quddiem ftehim fil-ħidma flimkien bħal aħwa.  Fl-aħħar mill-aħħar it-talb tagħna flimkien għal xulxin darriena ngħixu qrib xulxin u qed jimbuttana nilqgħu flimkien ir-rieda tal-Mulej dwar il-Knisja tiegħu u naraw li sseħħ bil-fatti.  Fit-triq li mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn għaddejna minnha hemm almenu żewġ ġrajjiet li għandhom ikunu mfakkra sewwa, żewġ ġrajjiet li jfissru ħafna u għandhom importanza kbira fir-relazzjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent:  l-ewwelnett hemm il-Ġublew imniedi fl-1984 b’tifkira tal-ħdax il-mitt sena tal-ħidma evanġelizzatriċi ta’ San Ċirillu u San Metodju; dan wassalni biex niddikjara bħala kompatruni tal-Ewropa lil dawk iż-żewġ Qaddisin Appostli tal-Islavi u ħabbara tal-fidi.

Qabel dan, Pawl VI, fis-sena 1964 waqt il-Konċilju, ipproklama lil San Benedittu l-Patrun tal-Ewropa.  Meta ssieħeb iż-żewġ Aħwa ta’ Salonika mal-aqwa fundatur tal-monakiżmu fil-Punent indirettament tkun qed turi l-importanza ta’ dik it-tradizzjoni ekkleżjali u kulturali tal-Lvant u tal-Punent li għad għandha tifsir kbir għall-elfejn sena ta’ Kristjaneżmu, li kkaratterizzaw l-istorja kollha tal-kontinent tal-Ewropa.  Għalhekk mhijiex ħaġa barra minn postha tfakkar li San Ċirillu u San Metodju kienu ġejjin minn ħdan il-Knisja Biżantina ta’ dak iż-żmien, meta dik il-Knisja kienet f’għaqda mal-Knisja ta’ Ruma.  Meta ddikjarajthom Patruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedittu mhux biss xtaqt inwettaq il-verità tal-istorja tar-Reliġjon Nisranija fil-kontinent tal-Ewropa, imma noffri wkoll argument mill-aqwa għad-djalogu bejn il-Lvant u l-Punent, li qanqal tant tamiet wara l-Konċilju.  L-Ewropa, kif issib l-għeruq spiritwali tagħha f’San Benedittu, issibhom ukoll f’San Ċirillu u f’San Metodju.  Qrib it-tmiem tat-tieni elf sena wara t-twelid ta’ Kristu, dawn il-Qaddisin għandhom jiġu miqjuma flimkien sew bħala Patruni ta’ żminijietna u sew bħala Qaddisin li lilhom il-Knejjes u n-Nazzjonijiet tal-Ewropa jridu jafdawlhom il-ġejjieni tagħhom.

54.  Il-ġrajja l-oħra li jidhili li għandi nfakkar hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Elf Sena tal-Magħmudija tan-Nazzjoni tar-Rus’ (988-1988).  Il-Knisja Kattolika, u b’mod speċjali s-Sede Apostolika, riedu jieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet Ġubilari u riedu juru li l-Magħmudija li ngħatat bil-belt ta’ Kiev lil Vladimir kienet waħda mill-ġrajjiet ewlenin tal-evanġelizzazzjoni tad-dinja.  Jafu l-fidi tagħhom lil din il-ġrajja mhux biss in-nazzjonijiet Slavi kbar tal-Lvant tal-Ewropa, imma wkoll dawk il-ġnus li jgħammru ’l hemm mill-muntanji Urali sal-Alaska.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-espressjoni li jien imdorri nuża spiss tikseb it-tifsir sħiħ tagħha.  Il-Knisja trid tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha.  Fl-ewwel elf sena tal-Kristjaneżmu l-espressjoni tfisser l-aktar ir-relazzjoni bejn Bisanżju u Ruma; wara l-Magħmudija tan-Nazzjoni tar-Rus’ it-tifsir tagħha twessa’ aktar; l-evanġelizzazzjoni xterdet tant li l-espressjoni ħaddnet il-Knisja kollha.  Jekk inqisu mbagħad li l-missjoni tas-salvazzjoni qrib ix-xmara Dnieper, bdiet fi żmien meta l-Knisja tal-Lvant u l-Knisja tal-Punent ma kinux mifrudin minn xulxin, joħroġ ċar li l-għaqda sħiħa rridu nfittxuha f’għaqda fejn huma mħarsin diversitajiet leġittimi.  Dan tennejtu bil-qawwa kollha fl-Enċiklika Slavorum Apostoli[85] f’ġieħ San Ċirillu u San Metodju u wkoll fl-Ittra Appostolika Magnum Baptismi Donum[86] li bgħatt lill-Insara kollha tal-Knisja Kattolika biex infakkar l-Elf Sena tal-Magħmudija tar-Rus’ ta’ Kiev.

Knejjes Aħwa

55.  Id-digriet tal-Konċilju Unitatis Redintegratio, fil-ħarsa tiegħu lejn l-istorja, kellu quddiemu l-għaqda li, minkejja l-ħafna kuntrarjitajiet, kienet teżisti fl-ewwel elf sena:  dan b’xi mod jista’ jservi ta’ eżempju:  “Bi pjaċir il-Konċilju... irid ifakkar lil kulħadd li fil-Lvant kienu qed jikbru u jissaħħu ħafna Knejjes partikulari jew lokali, u fost dan kellhom l-ewwel post il-Knejjes Patrijarkali, li ħafna minnhom kellhom il-ġieħ li ġew imwaqqfa mill-Appostli”.[87]  Il-mixi tal-Knisja beda nhar Għid il-Ħamsin fil-belt ta’ Ġerusalemm u l-iżvilupp oriġinali tagħha fl-oikoumene ta’ dak iż-żmien kien madwar San Pietru u l-Ħdax (ara Atti 2: 14).  Meta l-istrutturi tal-Knisja kienu qed jitfasslu skont dan il-partrimonju Appostoliku.  L-għaqda tal-Knisja, tul l-ewwel elf sena, kienet imħarsa f’dawn l-istess strutturi mill-Isqfijiet, is-Suċċessuri tal-Appostli, f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma.  Jekk illum, qrib it-tmiem tat-tieni elf sena, irridu nfittxu l-għaqda sħiħa, irridu nħarsu lejn l-istruttura ta’ din l-għaqda.

Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu jqiegħed fid-dawl aspett karatteristiku ieħor, aspett li bil-qawwa tiegħu l-Knejjes partikulari kienu jżommu l-għaqda bejniethom, jiġifieri “il-ħerqa u l-ħsieb li jżommu relazzjonijiet ta’ aħwa bejniethom fil-fidi u fl-imħabba, relazzjonijiet li bħal aħwa għandu jkun hemm bejn il-Knejjes lokali”.[88]

56.  Wara l-Konċilju Vatikan II seħħet sura ta’ rabta ma’ din it-tradizzjoni, billi reġgħet daħlet id-drawwa li nsejħu “Knejjes Aħwa” il-Knejjes partikulari jew lokali miġburin madwar l-Isqof tagħhom.  It-tneħħija tal-iskomunika ta’ xulxin, li biha twarrab tfixkil kanoniku u psikoloġiku, kien pass il-quddiem ifisser ħafna lejn għaqda sħiħa.

L-istrutturi tal-għaqda li kien hemm qabel il-firda huma patrimonju ta’ esperjenza li jurina t-triq li minnha għandna ngħaddu ħa tinkiseb għaqda sħiħa.  Kif kien jixraq, tul dan it-tieni elf sena l-Mulej ma waqafx ixerred fil-Knisja tiegħu kotra frott ta’ grazzja u ta’ kobor.  Iżda disgrazzjatament it-tbegħid minn xulxin tal-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent, tbegħid li kien dejjem aktar jikber, ċaħħadhom mill-għana ta’ dawn id-doni għal xulxin.  “Jeħtieġ isir sforz kbir bil-grazzja ta’ Alla biex terġa’ sseħħ l-għaqda bejniethom, għajn ta’ tant ġid għall-Knisja ta’ Kristu.  Dan l-isforz jitlob minna rieda sħiħa bla ebda tnikkir ta’ xejn, talb umli u kooperazzjoni dejjem sejra li xejn ma hu se jżommha.  San Pawl iħeġġiġna għal dan:  “Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin” (Gal 6:2).  Kemm tgħodd għalina u kemm hi adatta l-eżortazzjoni tal-Appostlu!  Is-sejħa tradizzjonali ta’ “Knejjes Aħwa” għandha dejjem tissieħeb magħna f’dan il-mixi tagħna.

57.  Kif xtaq Pawlu VI l-għan dikjarat tagħna hu li flimkien insibu l-għaqda sħiħa waqt li jibqgħu mħarsin id-diversitajiet leġittimi tagħna.  Alla tana s-setgħa li nilqgħu fil-fidi din ix-xhieda tal-Appostli.  Bil-Magħmudija aħna ħaġa waħda fi Kristu (ara Gal 3:28).  Bis-saħħa tas-suċċessjoni appostolika s-saċerdożju u l-Ewkaristija jsieħbuna flimkien b’mod l-aktar intimu; bit-tisħib tagħna fid-doni li Alla jagħti lill-Knisja tiegħu, aħna f’għaqda mal-Missier, bl-Iben, fl-Ispirtu s-Santu.  F’kull Knisja lokali jseħħh dan il-misteru tal-imħabba ta’ Alla.  Mhux din hi r-raġuni tal-espressjoni Tradizzjonali hekk sabiħa li biha l-Knejjes lokali jħobbu jsejħu lil xulxin “Knejjes Aħwa”? (ara Digriet Unitatis Redintegratio, 14).   Għal mijiet ta’ snin għexna din il-ħajja ta’ Knejjes waqt li ċċelebrajna flimkien Konċilji Ekumeniċi li ħarsu d-depositu tal-fidi minn kull tibdil.  U issa, wara żmien twil li fih ma konniex qed nifhmu lil xulxin, il-Mulej tana li mill-ġdid insibu ruħna qisna Knejjes aħwa minkejja d-diffikultajiet li fl-imgħoddi inqalgħu bejnietna”.[89]  Jekk illum, qrib il-bidu tat-tielet elf sena, inħabirku biex isseħħ għaqda sħiħa, ħsiebna jrid ikun dejjem f’dan il-għan, u għal dan il-għan irridu nagħmlu kollox.

Ir-rabta ma’ din it-tradizzjoni hekk ta’ ġieħ hi ta’ frott kbir għall-Knisja.  Il-Konċilju jgħid li “l-Knejjes tal-Lvant sa mill-bidu kellhom teżor li minnu l-Knisja tal-Punent ħadet ħafna fl-oqsma tal-liturġija, tat-tradizzjoni spiritwali u tal-ordni ġuridiku”.[90]  Ta’ dan it-“teżor” huwa wkoll “l-għana ta’ dawk it-tradizzjonijiet spiritwali li l-aktar intwerew fil-monakiżmu”.  Dan għaliex fil-Lvant “sa minn iż-żminijiet glorjużi tal-Missirijiet Qaddisa dehret dik l-ispirtwalità monastika li xterdet imbagħad fil-Punent”.[91]  Kif ġa wrejt fl-Ittra Appostolika ta’ dan l-aħħar, Orientale Lumen, il-Knejjes tal-Lvant għexu b’ġenerożità kbira l-impenn li jiġi mill-ħajja ċenobitika, “mill-evanġelizzazzjoni li hi l-ogħla qadi li n-nisrani jista’ jagħti lil ħutu, sa l-ħafna suriet oħra ta’ qadi spiritwali u materjali.  Anżi nistgħu ngħidu li l-monakiżmu fl-imgħoddi — u kemm-il darba fiż-żminijiet ta’ wara — kien strument privileġġjat għall-evanġelizzazzjoni tal-ġnus”.[92]  

Il-Konċilju mhux biss juri sewwa dak li jagħmel il-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent jixbħu lil xulxin, imma, bl-ebda eżitazzjoni ta’ xejn, b’fedeltà sħiħa lejn l-istorja jgħid:  “Ma għandniex għax nistagħġbu li xi drabi xi aspetti tal-misteru rivelat jistgħu jingħarfu aħjar u jitqegħdu f’dawl aqwa issa minn Knisja u issa minn oħra, hekk li l-ħafna formuli teoloġiċi ta’ spiss, aktar milli huma kontra xulxin, nistgħu ngħidu li jikkompletaw lil xulxin”.[93]  Il-bdil tad-doni bejn il-Knejjes permezz ta’ din il-komplementarjetà jwassal biex l-għaqda tagħti kotra ta’ frott.

58.  Mill-għaqda fil-fidi li ġa hemm u li ġiet imtennija mill-Konċilju Vatikan II ħarġu xi konsegwenzi pastorali li jiswew ħafna għall-ħajja ta’ kuljum tal-Insara u għall-promozzjoni tal-Ispirtu tal-għaqda.  Minħabba r-rabtiet sagramentali tassew qawwija li hemm bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi, id-Digriet Orientalium Eccelesiarum jgħid dan:  “L-esperjenza pastorali turi ċar li fil-każ tal-aħwa Ortodossi jista’ jkun hemm, u għandhom jitqiesu sewwa, ċirkostanzi ta’ individwi li fihom la se jsir xejn li jkun ta’ ħsara għall-għaqda tal-Knejjes u lanqas se jkun hemm xi perikli li jridu jiġu evitati, imma biss hemm ħtieġa kbira għas-salvazzjoni u għall-ġid spiritwali tal-persuni.  Għalhekk il-Knisja Kattolika, skont iċ-ċikostanzi taż-żminijiet, spiss uriet u qed turi mġiba inqas iebsa billi offriet lill-Insara kollha l-mezzi tas-salvazzjoni u x-xhieda tal-imħabba permezz ta’ tisħib fis-sagramenti u f’funzjonijiet u għemil imqaddes ieħor”.[94] 

Din il-fehma teoloġika u pastorali sabet postha fiż-żewġ Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika wara li tqiset l-esperjenza li nkisbet fis-snin ta’ wara l-Konċilju.[95]  L-aspett pastorali ta’ dan ġie mfisser ċar fid-Direttorju tal-Prinċipji u n-Normi għall-Applikazzjoni tal-Ekumeniżmu.[96]

F’din il-ħaġa hekk importanti li titlob ukoll għaqal kbir, l-Isqfijiet huma fid-dmir li jgħallmu lill-Insara ha jkunu jafu sewwa r-raġunijiet eżatti ta’ dan it-tisħib f’dak li għandu x’jaqsam mal-kult liturġiku u mal-ħafna regolamenti li hemm dwaru.  Qatt ma trid titħalla fil-ġenb id-dimensjoni ekkesjoloġika tat-tisħib fis-sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija.

Progress fid-djalogu

59.  Wara li fl-1979 twaqqfet il-Kummissjoni Internazzjonali Mista għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa kollha kemm hi; din ħadmet bla heda u mexxiet l-istħarriġ tagħha lejn l-oqsma li, bi qbil ma’ kulħadd, intagħżlu minn qabel bil-ħsieb li terġa’ sseħħ l-għaqda sħiħa bejn iż-żewġ Knejjes.  Din l-għaqda mibnija fuq fidi waħda, miexja fuq il-passi tal-esperjenza u t-tradizzjoni tal-Knisja antika, issib it-tifsir sħiħ tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.  Bi spirtu kollu kemm hu pożittiv, il-Kummissjoni Mista bbażzat ruħha fuq kull ħaġa li ġa hemm qbil bejnietna, u hekk imxiet fis-sod ħafna l-quddiem u, kif stajt ngħid flimkien mal-Venerabbli Hija, il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I, Patrijarka Ekumeniku, waslet biex tgħid li “l-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa jistgħu jistqarru flimkien bħala l-fidi komuni tagħhom il-fidi fil-misteru tal-Knisja u fir-rabta tal-fidi u s-sagramenti”.[97]  Il-Kummissjoni mbagħad għarfet ukoll u qalet:  “fil-Knejjes tagħna s-suċċessjoni appostolika hi fundamentali għall-qdusija u l-għaqda tal-Poplu ta’ Alla”.[98]  Dawn huma fehmiet importanti ħafna biex id-djalogu jkun jista’ jkompli miexi ’l quddiem.  U dan mhux kollox:  dawn id-dikjarazzjonijiet magħmulin flimkien iwasslu biex il-Kattoliċi u l-Ortodossi, sa minn issa, fi żmienna, jistgħu jagħtu xhieda flimkien, bil-fedeltà kollha, ħalli isem il-Mulej jitħabbar u jissebbaħ.

60.  Dan l-aħħar il-Kummissjoni Internazzjonali Mista għamlet pass ’l quddiem ifisser ħafna fil-kwistjoni tassew diffiċli ta’ kif u b’liema mod għandna nfittxu t-triq li twassalna biex isseħħ l-għaqda sħiħa bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa, kwistjoni li spiss kienet ta’ tiġrib fir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi.  Il-Kummissjoni bniet il-pedamenti duttrinali li fuqhom tinsab soluzzjoni pożittiva għall-kwistjoni li hi bażata fuq id-duttrina taż-żewġ Knejjes Aħwa.  F’dan ukoll deher ċar li l-metodu li għandu jintuża biex ikun hemm għaqda sħiħa, u d-djalogu skont il-verità, imwettaq u mogħti l-ħajja minn djalogu fl-imħabba.  L-għarfien tad-dritt tal-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant li jorganizzaw u iġibu ’l quddiem l-appostolat tagħhom u l-impenn ta’ dawn il-Knejjes fid-djalogu tal-imħabba u fid-djalogu teoloġiku jgħinu mhux biss biex ikun hemm veru rispett bħal aħwa bejn l-Ortodossi u l-Kattoliċi li jgħixu fl-istess pajjiż, imma biex ikun hemm ukoll impenn komuni għall-għaqda.[99]  Ġa sar xi pass ’l quddiem.  L-impenn irid ikompli.  Iżda minn issa wieħed qed jara spirtu ta’ sliem u paċi li se jwassal biex it-tħabrik għall-għaqda jagħti aktar frott.

Dwar il-Knejjes tal-Lvant li huma f’għaqda mal-Knisja Kattolika, il-Konċilju wera l-istima tiegħu għalihom b’dan il-kliem:  “Dan il-Konċilju irodd ħajr lil Alla li ħafna orjentali ulied il-Knisja Kattolika... ġa qed jgħixu f’għaqda sħiħa ma’ ħuthom li jħaddnu t-tradizzjoni tal-Punent u jiddikjara li dan il-patrimonju kollu spiritwali u liturġiku, dixxiplinaru u teoloġiku fit-tradizzjonijiet diversi tiegħu jappartjeni lill-kattoliċità u l-appostoliċità sħiħa tal-Knisja.[100]  Żgur li l-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant fl-Ispirtu tad-Digriet tal-Ekumeniżmu, jagħrfu jissieħbu b’mod pożittiv fid-djalogu tal-imħabba u fid-djalogu teoloġiku, sew f’livell lokali u sew f’livell internazzjonali u hekk jgħinu għall-għarfien ta’ xulxin u għall-ħidma ħerqana favur għaqda sħiħa.[101]

61.  Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Knisja Kattolika ma tridx ħaġ’oħra ħlief li sseħħ għaqda sħiħa bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja tal-Lvant.  F’dan trid timxi fuq l-esperjenza tal-ewwel elf sena.  F’dak iż-żmien “l-iżvilupp ta’ tant esperjenzi ta’ ħajja ekkleżjali ma kienx ta’ tfixkil għall-Insara biex ikomplu jħossu u jkunu żguri li qegħdin f’darhom, huma f’liema Knisja qegħdin, għaliex mill-Knejjes kollha kienet titla’, b’varjetà tassew tal-għaġeb ta’ ilsna, ta’ melodiji, ta’ tifħir lill-Missier wieħed, bi Kristu, fl-Ispirtu s-Santu: ilkoll kienu ġemgħa waħda għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, qalb u xbieha għall-ġemgħa kollha, mhux biss minħabba l-ispiritwalità u l-ħajja morali, imma wkoll minħabba l-istess struttura tal-Knisja fil-varjetà tal-ministeri u tal-qadi tagħha taħt il-presidenza tal-Isqof, is-suċċessur tal-Appostli.  L-ewwel Konċilji huma xhieda qawwija ta’ din l-għaqda li baqgħet isseħħ fost ħafna diversitajiet”.[102]  B’liema mod tista’ terġa’ sseħħ din l-għaqda wara kważi elf sena?  Din hi l-ħidma li trid taqdi, ħidma wkoll li trid timpenja l-Knisja Ortodossa.  Dan kollu jurina kemm hu floku d-djalogu mwettaq bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Ir-relazzjonijiet mal-Knejjes Antiki tal-Lvant

62.  Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn b’ħafna manjieri u b’ritmu mhux dejjem l-istess, il-Knisja Kattolika reġgħet waqfet relazzjonijiet fraterni mal-Knejjes Antiku tal-Lvant li rrifjutaw il-formoli dommatiċi tal-Konċilji ta’ Efesu u ta’ Kalċedonja.  Dawn il-Knejjes kollha bagħtu l-legati tagħhom għall-Konċilju Vatikan II; il-Patrijarki tagħhom tawni ġieħ biż-żjarat tagħhom u l-Isqof ta’ Ruma seta’ jkellimhom bħala aħwa li wara tant żmien bil-ferħ jerġgħu jiltaqgħu flimkien.  Il-bidu mill-ġdid tar-rabtiet ta’ fraternità ma’ dawn il-Knejjes Antiki tal-Lvant, li spiss kienu xhieda tal-fidi Nisranija f’ċirkostanzi ostili u traġiċi, juri ċar kif Kristu qiegħed iseħibna, minkejja li hemm fin-nofs tfixkil storiku u politiku, soċjali u kulturali.  U propju fuq il-problema Kristoloġiku stajna flimkien mal-Patrijarki ta’ xi whud minn dawn il-Knejjes inxandru l-fidi komuni tagħna fi Kristu, veru Alla u veru bniedem.  Pawlu VI kien iffirma xi dikjarazzjonijiet f’dan is-sens mal-Qdusija Tiegħu Shenouda III, Papa u Patrijarka Ortodoss tal-Kopti,[103] u mal-Patrijarka Ortodoss tas-Sirja ta’ Antjokja, il-Qdusija Tiegħu Ġakbu III.[104]  Jien stess stajt inwettaq dan il-ftehim Kristoloġiku u ninqeda bih biex inġib l-quddiem id-djalogu mal-Papa Shenouda,[105] u biex tiġi l-quddiem ħidma pastorali flimkien mal-Patrijarka Siro-Antjoken Mor Injażju Zakka I Iwas.[106]

Mal-Venerabbli Patrijarka tal-Knisja Etjopika Abuna Paulos li ġie Ruma jżurni fil-11 ta’ Lulju 1993 flimkien insistejna fuq l-għaqda kbira li hemm bejn iż-żewġ Knejjes tagħna:  “Għandna l-istess fidi li rċevejna mill-Appostli, l-istess sagramenti.  L-istess ministeru li għandu l-għeruq tiegħu fis-suċċessjoni appostolika.  Illum nistgħu ngħidu li għandna l-istess fidi fi Kristu, fidi li għal żmien twil ġabet firda bejnietna”.[107]

Fi żmien iktar qrib lejn illum, il-Mulej tani l-ferħ kbir li niffirma Dikjarazzjoni Kristoloġika Komuni mal-Patrijarka tal-Assirja tal-Lvant, il-Qdusija Tiegħu Mar Dinkha IV li għal dan il-għan ġie jżurni f’Ruma fix-xahar ta’ Novembru 1994.  “Wara li qisna l-formularji teoloġiċi differenti, stajna flimkien nistqarru l-fidi vera fi Kristu.[108]  Irrid nuri l-ferħ kollu tiegħi għal dan kollu bi kliem il-Verġni Marija:  “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”(Lq 1:46).

63.  Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontroversji Kristoloġiċi tradizzjonali, l-ħidma ekumenika wasslet biex ikun hemm kjarifikazzjoni f’dak li hu essenzjali f’din il-ħaġa tant li fl-aħħar stajna nagħtu xhieda tal-fidi li għandna flimkien.  Irridu nammettu għal darb’oħra li dan kollu żgur inkiseb permezz ta’ riċerka teoloġika u djalogu bejn l-aħwa.  U mhux biss dan.  Dan kollu jqawwilna qalbna; jurina li t-triq li qbadna hija dik tajba u bir-raġuni kollu nistgħu nittamaw li flimkien nistgħu ngħollu l-kwistjonijiet li għad fadal bejnietna.

Djalogu mal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra tal-Punent

64.  Fil-pjan tassew wiesgħa ħa sseħħ l-għaqda sħiħa ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu, id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu iqies ukoll ir-relazzjonijiet mal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali tal-Punent.  Bil-ħsieb li joħloq kundizzjonijiet għall-fraternità Nisranija u għad-djalogu, l-Konċilju jiġbor it-twissijiet tiegħu f’żewġ konsiderazzjonijiet ġenerali:  waħda ta’ karattru storiku u psikoloġiku l-oħra ta’ natura dottrinali u teoloġika.  Dwar waħda d-dokument jgħid:  “Il-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali li, jew minħabba t-taqlib kbir li seħħ fil-Punent fiż-żminijiet tan-Nofs jew aktar tard, infirdu mis-Sede Appostolika Rumana, għandhom rabta mal-Knisja Kattolika minħabba ċerta affinità speċjali u minħabba relazzjonijiet ħafna fil-qrib tul iż-żmien twil ta’ ħajja Nisranija li l-poplu Nisrani għex f’għaqda Ekkleżjastika”.[109]  Dwar l-oħra, bl-istess realiżmu, jgħid; “Iżda rridu nammettu li bejn il-Knisja Kattolika u dawn il-Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali hemm differenzi kbar ħafna, differenzi, mhux biss ta’ natura storika, soċjoloġika, psikoloġika u kulturali imma wkoll, u fuq kollox, ta’ interpretazzjoni tal-verità rivelata”.[110]

65.  Iżda l-għeruq huma komuni u l-istess, minkejja d-differenzi u l-orjentamenti li fil-Punent mexxew l-iżvilupp tal-Knisja Kattolika u tal-Knejjes u tal-Komunitajiet li ħarġu mir-riforma.  Għalhekk kollha għandhom l-istess karatteristika; huma kollha “tal-Punent”.  “Id-differenzi”, għalkemm kbar ħafna, ma jfixklux l-influwenza tagħhom fuq xulxin u lanqas il-komplementarjetà.

L-ewwel passi tal-Moviment Ekumeniku bdew propju mal-Knejjes u l-Komunitajiet tar-Riforma.  Fl-istess żmien, sa mix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1920, il-Patrijarka Ekumeniku wera x-xewqa li titwaqqaf xi ħidma ta’ għajnuna, xi ko-operazzjoni bejn il-komunitajiet Insara.  Dan ukoll juri li l-aspett kulturali mhuwiex it-tfixkil prinċipali.  Il-kwistjoni essenzjali hi kollha kemm hi kwistjoni dwar il-fidi.  It-talb ta’ Kristu, Sid waħdieni tagħna, Feddej u mgħallem tagħna, hi talba li timpenja lil kulhadd, sew il-Lvant u sew il-Punent.  Hi ordni u ħtieġa li jitwarrbu l-firdiet biex tinsab u titwaqqaf mill-ġdid l-għaqda minn dawk li huma wkoll imbuttati għaliha minħabba l-esperjenza qarsa tal-firda.

66.  Il-Konċilju Vatikan II ma riedx jiddeskrivi r-reliġjon Nisranija ta’ “wara r-Riforma”, għaliex il-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali huma “different mhux biss minna, imma huma differenti wkoll u mhux ftit bejniethom” minħabba li kellhom bidu differenti u minħabba raġunijiet ta’ duttrina u ta’ ħajja spiritwali”.[111]  Id-Dgiriet dwar l-Ekumeniżmu jinnota wkoll li l-Moviment Ekumeniku u x-xewqa għall-għaqda mal-Knisja Kattolika għad ma xterdux kullimkien.[112]  Iżda minkejja dawn iċ-ċirkostanzi, il-Konċilju jħajjar għad-djalogu.

Id-Digriet tal-Konċilju mbagħad ifittex li “juri ċar sewwa xi punti” li jistgħu jkunu l-pedament għal dan id-djalogu u jħeġġu għalih”.[113]

Ħsiebna l-ewwel imur fuq l-Insara li bid-dieher jistqarru li Ġesù Kristu hu Alla u l-Mulej, Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin għas-sebħ ta’ Alla wieħed, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.[114]

Dawn l-aħwa għandhom imħabba u qima kbira għall-Iskrittura; “Huma u jitolbu lill-Ispirtu s-Santu, fl-istess Kotba Mqaddsa jfittxu ’l Alla li jkellimhom fi Kristu, imħabbar mill-Profeti, il-Verb ta’ Alla li sar bniedem għalina.  Fil-Kotba Mqaddsa jikkontemplaw il-ħajja ta’ Kristu u kull ma l-Imgħallem Divin għallem u temm għas-salvazzjoni tal-bnedmin, speċjalment il-misteri tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet:  jistqarru l-awtorità divina tal-Kotba Mqaddsa”.[115]  Iżda fl-istess waqt “ma jaħsbuhiex bħalna dwar ir-relazzjoni bejn il-Kotba Mqaddsa u l-Knisja, fejn skont il-fidi Kattolika l-Magisteru Awtentiku għandu post speċjali fit-tifsir u x-xandir tal-kelma ta’ Alla miktuba”.[116]  Iżda minkejja dan, fid-djalogu ekumeniku hu strument mill-aqwa fl-id setgħana ta’ Alla biex tinkiseb dik l-għaqda li l-Feddej qed joffri lill-bnedmin kollha.[117]

Iżda s-Sagrament tal-Magħmudija li għandna flimkien, hu rabta sagramentali ta’ għaqda li jinsab f’dawk kollha li twelidu mill-ġdid bil-Magħmudija”.[118]  Il-konsegwenzi teoloġiċi, pastorali u ekumeniċi tal-Magħmudija li għandna flimkien huma ħafna u mportanti.  Għalkemm il-Magħmudija minnha nfisha tagħti “biss il-bidu”, trid twassalna għal stqarrija sħiħa tal-fidi, għall-għaqda sħiħa mal-istitut tas-salvazzjoni kif riedu Kristu, għad-dħul fix-xirka Ewkaristika”.[119]

67.  Fi żmien ir-Riforma dehru differenzi storiċi u dottrinali dwar il-Knisja, is-sagramenti u l-ministeru ordnat.  Għalhekk il-Konċilju talab li “id-duttrina dwar l-Ikla tal-Mulej, is-sagramenti l-oħra, u l-kult u l-ministeru tal-Knisja jidħlu fid-djalogu.”[120]

Waqt li d-Digriet Unitatis Redintegratio jgħid kif il-Komunitajiet ta’ wara r-Riforma “m’għandhomx dik l-għaqda sħiħa magħna li toħroġ mill-Magħmudija”, juri li huma, “l-aktar minħabba n-nuqqas tas-Sagrament tal-Ordni, ma żammewx ir-realtà ġenwina u sħiħa tal-Misteru Ewkaristiku”, ukoll jekk “huma jagħmlu tifkira tal-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej fl-Ikla Mqaddsa, u jistqarru li l-ħajja titfisser f’għaqda ma’ Kristu u jistennew il-miġja tiegħu fil-glorja”.[121]

68.  Id-Digriet ma jinsiex il-ħajja spiritwali u l-konsegwenzi morali li jiġu minnha:  “Il-ħajja Nisranija ta’ dawn ħutna titmantna bil-fidi fi Kristu, u tiġi l-quddiem bil-grazzja tal-Magħmudija u bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.  Turi ruħha fit-talb privat, fil-meditazzjoni tal-Iskrittura, fil-ħajja Nisranija tal-familja, fil-kult tal-komunità miġbura biex tfaħħar ’l Alla.  Barra dan, il-kult tagħhom xi drabi juri li għandu elementi mportanti tal-liturġija komuni tal-qedem”.[122]

Dan id-dokument tal-Konċilju ma jieqafx biss fuq dawn l-aspetti spiritwali, morali, kulturali, imma juri l-apprezzament tiegħu għal dawk is-sentimenti ħajja ta’ ġustizzja u ta’ mħabba vera għall-proxxmu li jinsabu fost dawn ħutna; id-Dokument ma jinsiex lanqas l-inizjattivi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet soċjali tal-ħajja ħa jkunu aktar umani, u biex isseħħ il-paċi.  Dan kollu jagħmluh b’rieda sinċiera li jkunu magħqudin mal-Kelma ta’ Kristu bħala għajn tal-ħajja Nisranija kollha.

B’dan il-mod id-dokument iqanqal għadd ta’ kwistjonijiet fil-qasam etiku-morali li llum qed isiru dejjem aktar urġenti:  “Fost l-Insara ħafna mhux dejjem jifhmu l-Evanġelju bħall-Kattoliċi fejn jidħlu problemi morali”.[123]  F’dan il-qasam hekk wiesgħa hemm ħafna spazju għad-djalogu dwar il-prinċipji morali tal-Evanġelju u l-applikazzjoni tagħhom. 

69.  Ix-xewqat tal-Konċilju Vatikan II u l-istedina li għamel ġa seħħu u d-djalogu teoloġiku bilaterali ġa beda mal-ħafna Knejjes u Komunitajiet Insara tad-dinja tal-Punent.

Madankollu għal djalogu multilaterali sa mis-sena 1964 beda proċess biex jitwaqqaf grupp imħallat ta’ ħidma mal-“Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes”, u mis-sena 1968 xi teoloġi Kattoliċi saru membri effettivi tad-dipartiment teoloġiku ta’ dan il-Kunsill, magħruf bħala Kummissjoni “Faith and Order”.  Id-djalogu ta’ u qed jagħti frott, u huwa mimli tamiet.  Is-suġġetti proposti mid-Dokument tal-Konċilju bħala materja għad-djalogu ġa bdew jiġu trattati jew ma jdumux ma jiġu trattati.  Id-deliberazzjonijiet ta’ ħafna djalogi bilaterali, magħmulin b’tant dedikazzjoni li stħoqqilhom it-tifħir tal-komunità ekumenika kollha, kienu dwar ħafna kwistjonijiet kontroversi, bħalma huma l-Magħmudija, l-Ewkaristija, il-ministeru ordnat, in-natura sagramentali u l-awtorità tal-Knisja, is-suċċessjoni appostolika.  B’dan il-mod tfaċċaw possibiltajiet ta’ xi soluzzjonijiet li ħadd ma kien jistenna, u fl-istess waqt ingħarfet il-ħtieġa ta’ studju aktar fil-fond ta’ ċerti problemi.

70.  Dan l-istudju diffiċli, li jitlob ukoll għaqal kbir, għax jorbot problemi ta’ fidi u ta’ rispett għall-kuxjenza ta’ dak li jkun, tal-oħrajn ukoll, minn dejjem kien imsieħeb u mwettaq bit-talb tal-Knisja Kattolika u tal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra.  It-talba għall-għaqda li ġa għamlet għeruq u hi mxerrda sewwa fin-nisġa kollha tal-Knisja turi li l-Insara kollha qed jagħrfu l-importanza tal-kwistjoni ekumenika.  U dan propju għax it-tħabrik għall-għaqda sħiħa jitlob li dawk kollha li jemmnu u jagħrfu Mulej wieħed, jaraw ma’ xulxin il-fidi tagħhom.  It-talba hi għajn ta’ dawl fuq l-verità li trid tiġi milqugħa kollha kemm hi.

Barra dan permezz ta’ din it-talba, it-tfittix għall-għaqda, flok li qed ikun riżervat biss għall-ispeċjalisti, qed jinteressa lil kull min hu mgħammed.  Kulħadd, ikun x’ikun postu fil-Knisja u tkun xi tkun il-formazzjoni kulturali tiegħu, jista’ jagħti sehem attiv b’mod sieket u intimu ħafna. 

Relazzjonijiet ekkleżjali

71.  Jeħtieġ  li nroddu ħajr lill-Providenza ta’ Alla għal kull ġrajja li tagħti xhieda tal-progress li sar fit-triq għat-tfittix tal-għaqda.  Flimkien mad-djalogu teoloġiku jixraq li wieħed isemmi s-suriet l-oħra ta’ laqgħat flimkien, it-talb komuni u l-kollaborazzjoni fil-prattika.  Il-Papa Pawlu VI, meta għamel żjara lis-Sede tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes f’Ginevra, fl-għaxra ta’ Ġunju 1969, u tkellem mad-delegati tal-ħafna Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali, mexxa sewwa l-quddiem dan il-proċess.  Dawn il-kuntatti jgħinu ħafna biex jiġi l-quddiem l-għarfien ta’ xulxin u tikber il-fraternità Nisranija.

Tul il-Pontifikat qasir tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu I mhux darba qal li ried ikompli f’din it-triq.[124]  Lili l-Mulej tani li naħdem f’din id-direzzjoni.  Barra l-laqgħat ekumeniċi mportanti li kien hemm Ruma, parti kbira kbira mill-vjaġġi pastorali tiegħi hi regolarment dedikata għal xhieda favur l-għaqda tal-Insara.  Anżi xi vjaġġi tiegħi juru “prijorità” ekumenika, l-aktar dawk fin-nazzjonijiet fejn il-Kattoliċi huma minoranza ħdejn il-komunitajiet li ħarġu mir-Riforma jew fejn dawn huma parti kbira ta’ dawk li jemmnu fi Kristu f’xi soċjetajiet.

72.  Dan jgħodd l-aktar għall-bliet tal-Ewropa, fejn kellhom bidu dawn il-firdiet, u fl-Amerika ta’ Fuq.  F’din il-ħaġa , mingħajr ma jnaqqsu xejn mill-vjaġġi l-oħra tiegħi, jistħoqqilhom attenzjoni speċjali l-pellegrinaġġi tiegħi fil-kontinent tal-Ewropa li ħaduni darbtejn fil-Ġermanja, f’Novembru tas-sena 1980 u f’April u Mejju 1987, iż-żjara tiegħi fir-Renju Unit (Ingliterra, Skożja u Wales) f’Mejju u Ġunju 1982 fl-Isvizzera f’Ġunju 1984, fil-pajjiżi Skandinavi u Nordiċi (Finlandja, Sveżja, Norveġja, Danimarka u Izlanda) fejn jien mort f’Ġunju tas-sena 1989.  Fil-ferħ, fir-rispett għal xulxin fis-solidarjetà Nisranija u fit-talb iltqajt ma’ tant u tant aħwa lkoll impenjati fil-fedeltà lejn l-Evanġelju.  Dan kollu naraħ li kien għalija għajn ta’ inkoraġġament mill-aqwa.  Ħassejt il-preżenza tal-Mulej fostna.

Hawnhekk irrid insemmi qagħda ġejja minn imħabba fraterna u kollha mdawwla b’dija kbira ta’ fidi, li għext b’tisħib liema bħalu.  Qed itkellem dwar iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi li ppresidejt fil-Finlandja u fl-Isveżja, fil-vjaġġ tiegħi fil-pajjiżi Skandinavi u Nordiċi.  Waqt it-tqarbin l-Isqfijiet Luterani resqu lejn iċ-ċelebrant; f’ġest miftiehem minn qabel riedu juru x-xewqa li jasal il-waqt li fih Kattoliċi u Luterani jkunu jistgħu jissieħbu fl-istess Ewkaristija, u talbu l-barka taċ-ċelebrant.  Bil-qalb kollha tajthom il-barka tiegħi.  L-istess ġest hekk mimli tifsir ġie mtenni f’Ruma waqt Quddiesa li ċċelebrajt fi Pjazza Farnese fl-okkażjoni tas-sitt ċentinarju tal-kanonizzazzjoni ta’ Santa Briġida fit-8 ta’ Ottubru 1991.

Hassejt l-istess sentimenti u mħabba wkoll ’l hemm mill-oċeanu fil-Kanada, f’Settembru 1984, u l-aktar f’Settembru 1987 fl-Istati Uniti, fejn wieħed jara ftuħ ekumeniku mill-aqwa.  Biex insemmi eżempju, dan ġara fil-laqgħa ekumenika li saret f’Columbia, f’South Carolina, fil-11 ta’ Settembru 1987.  Hu mportanti fih innifsu l-fatt stess li dawn il-laqgħat tal-aħwa “tar-Riforma” mal-Papa qed isiru regolarment.  Inħossni tassew grat li huma jilqgħuni bil-qalb, kemm dawk li huma responsabbli f’dawn il-Komunitajiet u kemm il-Komunità kollha kemm hi.  Għalhekk qist li kienet tfisser ħafna ċ-ċelebrazzjoni ekumenika tal-kelma li saret f’Columbia u bħala suġġett kellha l-familja.

73.  U nifraħ ħafna wkoll nara kif, fiż-żmien wara l-Konċilju u fil-Knejjes lokali, qed isiru ħafna iniżjattivi u ħidmiet favur l-għaqda tal-Insara, li qed iwasslu l-qawwa kbira tagħhom fi ħdan il-Konferenzi Episkopali, id-djoċesijiet u l-komunitajiet parrokkjali, u wkoll fl-ambjenti u l-moviment Ekkleżjali kollha.

Kollobrazzjoni li ġa qed isseħħ

74.  “Mhux kull min jgħidli Mulej, Mulej jidħol fis-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 7:21).  Il-konsistenza u l-onestà tal-intenzjonijiet u ta’ dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju jidhru li huma veri meta jidhru fil-ħajja ta’ kuljum.  Id-Digriet tal-Konċilju dwar l-Ekumeniżmu jwissi: “il-fidi li biha nemmnu fi Kristu tagħti frott ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr għall-ġid li jiġina mingħand Alla; magħha jiżdied sens ħaj ta’ ġustizzja u mħabba sinċiera għall-proxxmu”.[125]

Dak li għadna kemm urejna hu għalqa għammiela mhux biss għad-djalogu imma wkoll għall-kollaborazzjoni attiva:  “Il-fidi attiva ħolqot mhux ftit istituti għall-għajnuna fejn hemm miżerja spiritwali u materjali, għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, għat-titjib tal-qagħdiet soċjali biex ikunu aktar jixirqu l-bniedem, u għat-twaqqif tal-paċi fid-dinja”.[126]

Il-ħajja kulturali u soċjali toffri wesgħat kbar għall-kooperazzjoni ekumenika.  L-Insara dejjem aktar qed isibu ruħhom flimkien biex iħarsu d-dinjità tal-bniedem, iġibu ’l quddiem il-ġid tal-paċi, japplikaw Evanġelju fil-ħajja soċjali u biex l-ispirtu Nisrani jidher aktar fix-xjenżi u fl-arti.  U spiss aktar qed ikunu flimkien biex jinsab tarf għall-ħtiġijiet u l-miżerji ta’ żmienna:  il-ġuħ, id-diżgrazzji, l-inġustizzja soċjali.

75.  Din il-kooperazzjoni, ispirata mill-istess Evanġelju, għall-Insara qatt ma hi biss ħidma umanitarja.  L-għaliex tagħha hu kliem il-Mulej:  “Kont bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35).  Kif ġa wrejt il-kooperazzjoni tal-Insara kollha flimkien turi ċar xi grad ta’ għaqda ġa hemm bejniethom.[127]

Quddiem id-dinja l-ħidma flimkien tal-Insara kollha fis-soċjetà għandha dehra mill-aqwa ta’ xhieda mogħtija flimkien lill-isem tal-Mulej.  Tieħu wkoll s-sura ta’ tħabbira għax turi wiċċ Krsitu.

In-nuqqas ta’ ftehim dwar duttrina li għad hemm jolqtu ħażin u jillimitaw din il-kooperazzjoni.  Iżda l-għaqda li ġa hemm bejn l-Insara toffri pedament sod mhux biss għall-ħidma flimkien fil-qasam soċjali imma wkoll f’dak reliġjuż.

Din il-kooperazzjoni għandha tħaffef il-ħidma għall-għaqda.  Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu wera li minnha “dawk kollha li jemmnu fi Kristu” malajr jistgħu jitgħallmu, isiru jafu aħjar lil xulxin u jistmaw aktar lil xulxin u hekk iħejju t-triq għall-għaqda tal-Insara”.[128]

76.  U hawnhekk kif ma tiftakarx fl-interess ekumeniku għall-paċi li juri ruħu fit-talb u fil-ħidma b’tisħib dejjem akbar ta’ Insara u għal raġunijiet teoloġiċi dejjem aktar għoljin?  Ma jistax isir mod ieħor.  Forsi ma nemmnux fi Kristu, il-Prinċep tas-Sliem?  L-Insara huma dejjem aktar magħqudin flimkien kontra kull sura ta’ vjolenza, mill-gwerer għall-inġustizzji soċjali.

Aħna msejħin għall-impenn dejjem aktar attiv biex dejjem jidher aktar ċar li l-ġlied li hemm bħalissa mhuwiex għal raġunijiet reliġjużi, ukoll jekk dizgrazzjatament mhux bogħod il-periklu li dawn ir-raġunijiet jiġu strumentalizzati għall-għanjiet politiċi u polemiċi.

Fl-1986 f’Assisi waqt il-Jum Dinji tat-Talb għall-Paċi l-Insara ta’ ħafna Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali talbu b’leħen wieħed lil Sid l-istorja l-paċi għad-dinja.  Dak in-nhar, mod ieħor, imma bl-istess għan, talbu wkoll għall-paċi l-Lhud u r-rappreżentanti tar-reliġjonijiet mhux Insara, f’għaqda ta’ sentimenti li qanqlu mill-qiegħ l-ispirtu tal-bnedmin.

Ma rridx ninsa Il-Jum ta’ Talb għall-Paċi fl-Ewropa speċjalment fil-Balkani li wassalni bħala pellegrin fil-belt ta’ San Franġisk fid-9 u l-10 ta’ Jannar 1993 u l-Quddiesa għall-Paċi fil-Balkani u b’mod speċjali fil-Bosnja-Erzegovina, li ppresidejt fil-Bażilka ta’ San Pietru fit-23 ta’ Jannar 1994, waqt l-Ottavarju ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara.  Meta nħarsu lejn id-dinja l-ispirtu tagħna jimtela bil-ferħ.  Dan għax naraw li l-Insara qed jiġu mqanqlin dejjem aktar favur il-paċi.  Jaraw li għandha rabta kbira mat-tħabbira tal-Evanġelju u mal-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

 

KAP III

KEMM GĦAD FADLILNA TRIQ?

Inkomplu nsaħħu d-djalogu

77.  Ilum nistgħu nistaqsu kemm għad fadlilna triq x’nimxu sa ma jasal dak il-jum imbierek li fih isseħħ għaqda sħiħa fil-fidi u nkunu nistgħu niċċelebraw flimkien, b’qalb waħda, l-Ewkaristija Imqaddsa tal-Mulej.  L-għarfien aħjar ta’ xulxin li ġa seħħ bejnietna, il-ftehim duttrinali li ġa ntlaħaq, bħala effett kellhom it-tkattir tax-xirka bil-fatti u b’rieda sħiħa, iżda mhumiex biżżejjed għall-kuxjenza tal-Insara li jistqarru Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.  L-għan aħħari tal-moviment ekumeniku hu s-sħubija mill-ġdid b’mod li jidher u tal-għaqda sħiħa tal-imgħammdin kollha.  Quddiem dan il-għan kull ma nkiseb sa issa hu biss parti mit-triq, għalkemm parti li ġġiegħelek tittama ħafna u hi ta’ siwi kbir.

78.  Fil-moviment ekumeniku mhijiex biss il-Knisja Kattolika flimkien mal-Knejjes Ortodossi li tħaddan din il-fehma.  It-tendenza għal din is-sura ta’ għaqda qed juruha oħrajn ukoll.[129]

L-ekumeniżmu jitlob li l-Komunitajiet Insara jgħinu lil xulxin biex fihom ikun hemm tassew dak li fih u dak li jitlob “il-wirt li waslilna mill-Appostli”.[130]  Mingħajr dan ma jistax ikun hemm għaqda sħiħa.  Din l-għajnuna lil xulxin fit-tfittix tal-verità hi sura mill-aqwa ta’ mħabba evanġelika.  It-tfittix għall-għaqda ġie mfisser fil-ħafna dokumenti ta’ tant Kummissjonijiet Internazzjonali Misti ħa jseħħ id-djalogu.  Dawn id-dokumenti jitkellmu fuq il-Magħmudija, l-Ewkaristija, il-ministeru u l-awtorità, u kollha telqu minn ċerta għaqda fundamentali dwar duttrina.  Issa rridu ngħaddu minn dan l-għaqda fundamentali tal-bidu, iżda mhux sħiħa, għall-għaqda viżibbli meħtieġa u biżżejjed, li tidher hekk tassew bil-fatti, biex il-Knejjes ikunu tassew sinjal ta’ dik l-għaqda sħiħa fil-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika, li tidher fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Dan il-mixi lejn għaqda viżibbli meħtieġa u biżżejjed, f’għaqda fil-Knisja waħda li Kristu ried, titlob ħidma qalbiena dejjem sejra.  Biex dan iseħħ jeħtieġ li “ma ngħabbux ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ” (ara Atti 15:28).

79.  Minn issa stess nistgħu naraw liema kwistjonijiet jeħtiġilhom jiġu studjati aktar fil-fond biex jintlaħaq kunsens sħiħ fil-fidi: (1) ir-relazzjoni lejn l-Iskrittura, li għandha l-ogħla awtorità dwar il-fidi, u t-Tradizzjoni, li (wieħed ma jistax jgħaddi mingħajrha biex ifisser il-Kelma ta’ Alla); (2) l-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, offerta ta’ tifħir lill-Missier, tifkira sagrifiċjali u Preżenza Reali ta’ Kristu, tiswib santifikanti tal-Ispirtu s-Santu; (3) l-Ordinazzjoni bħala Sagrament fit-tliet ordnijiet tal-ministeru: episkopat, presbiterat u djakonat; (4) il-Maġisteru tal-Knisja, fdat lill-Papa u lill-Isqfijiet f’xirka miegħu, miftiehem bħala responsabbilità u awtorità f’isem Kristu għat-tagħlim u l-ħarsien tal-fidi; (5) il-Verġni Marija, Omm Alla u Ikona tal-Knisja, Omm spiritwali li tidħol għad-dixxipli ta’ Kristu u għall-umanità kollha.

F’din il-mixja qalbiena lejn l-għaqda, it-trasparenza u l-għaqal tal-fidi jridu li nevitaw kull ireniżmu qarrieq u li nittraskuraw in-normi tal-Knisja.[131]  Għall-kuntrarju mbagħad, l-istess trasparenza u l-istess għaqal iġagħluna naħarbu l-bruda fl-impenn tagħna għall-għaqda, u wisq aktar nevitaw oppożizzjoni minħabba xi preġudizzji, jew dik is-sura ta’ disfattiżmu li tara f’kollox l-aspett negattiv biss.

Ikollok dehra tal-għaqda li tħaddan kull ma titlob il-verità rivelata kollha kemm hi, ma jfissirx li tkun trid iżżomm lura l-moviment ekumeniku.[132]  Anżi trid li jiġu evitati soluzzjonijiet taparsi li xejn sod u żgur ma joħroġ minnhom.[133]  Il-verità titlob li mmorru sal-aħħar.  Mhux din hi l-liġi tal-Evangelju?

L-aċċettazzjoni tar-riżultati li jintlaħqu

80.  Waqt li jkun qed isir djalogu fuq kwistjonijiet ġodda jew qed jiġi l-quddiem djalogu fuq livell aktar fil-fond, għandna ħidma ġdida quddiemna: kif se nilqgħu r-riżultati li ġa nkisbu.  Ma jistgħux jibqgħu biss tal-kummissjonijiet bilaterali imma jridu jsiru patrimonju ta’ kulħadd.  Biex dan iseħħ u jissaħħu r-rabtiet tal-għaqda jeħtieġ li jkun hemm stħarriġ serju li, b’modi, suriet u kompetenzi diversi, jimpenja l-Poplu t’Alla kollu kemm hu.  Huma kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fidi u għalhekk jeħtieġu l-kunsens ta’ kulħadd, mill-Isqfijiet sal-lajċi (ilkoll għandhom l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu).[134]  Hu l-istess Spirtu li jgħin il-Maġisteru u jqanqal is-sensus fidei.

Biex ikunu milqugħin ir-riżultati tad-djalogu jeħtieġ proċess kritiku u eżatt biex jagħrbilhom sewwa u jara jekk jaqblux sewwa mat-Tradizzjoni u mal-fidi li rċevejna mill-Appostli u qed tgħixha l-komunità ta’ dawk li jemmnu, miġbura madwar l-Isqof, ir-Ragħaj leġittimu tagħha.

81.  Dan il-proċess li jrid isir bil-għaqal kollu u b’qagħda ta’ fidi, u jkollu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, biex jirnexxi jeħtieġ li r-riżultati tiegħu jixxandru f’waqthom minn persuni kompetenti.  F’din il-ħaġa għandha importanza kbira l-ħidma li jistgħu jagħmlu t-teoloġi u l-fakultajiet tat-teoloġija, huma u jħaddmu l-kariżma tagħhom fil-Knisja.  Imbagħad hija ħaġa ċara ħafna li l-kummissjonijiet ekumeniċi f’din il-ħaġa għandhom responsabbiltajiet u dmirjiet għal kollox singulari.

L-Isqfijiet u s-Sede Appostolika qed isegwu u jgħinu l-proċess kollu.  L-awtorità li tgħallem hi r-responsabbli li tgħid l-aħħar kelma.

F’dan kollu jkun hemm għajnuna kbira jekk issir distinzjoni bejn id-depożitu tal-fidi u l-mod kif tiġi formulata, kif irrakkomanda l-Papa Ġwanni XXIII fid-diskors li għamel fil-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II.[135]

Tkun tingħata xhieda ta’ qdusija meta jkompli l-ekumeniżmu spiritwali

82.  Nifhmu sewwa kif il-ħidma ekumenika timpenja sewwa lill-Insara Kattoliċi.  L-Ispirtu jsejħilhom għall-eżami attent tal-kuxjenza tagħhom.  Il-Knisja Kattolika trid tidħol f’dak li nistgħu nsejħulu “id-djalogu tal-konverżjoni”, li fih jinsab il-pedament intern tad-djalogu ekumeniku.  F’dan id-djalogu li jseħħ quddiem Alla, kull wieħed irid jagħraf ħtijietu, jistqarrhom u jintelaq f’idejn Dak li jidħol għalina quddiem il-Missier, Ġesù Kristu.

Żgur li din il-qagħda ta’ konverżjoni għar-rieda tal-Missier, li hi fl-istess waqt qagħda ta’ penitenza u ta’ fiduċja sħiħa fil-qawwa rikonċiljatriċi tal-verità li hi Kristu, twassal għat-tmiem tajjeb tiegħu l-pellegrinaġġ twil u iebes tal-ekumeniżmu.  “Id-djalogu ta’ konverżjoni” ta’ kull Komunità mal-Missier, bla ebda skuża għaliha nfisha, hi l-pedament tar-relazzjonijiet fraterni li huma xi ħaġa wisq aktar minn ftehim kordjali u soċjabbiltà esterna biss.  Ir-rabtiet tal-koinonia fraterna jridu jintisġu quddiem Alla u f’Ġesù Kristu.

Il-waqfien quddiem Alla biss jista’ jagħti pedament sod għall-konverżjoni tal-individwi Insara u għat-tiġdid dejjem sejjer tal-Knisja bħala istituzzjoni umana u tad-dinja wkoll.[136]  Dawn huma l-kondizzjonijiet meħtieġa fil-bidu ta’ kull impenn ekumeniku.  Wieħed mill-ewwel ħidmiet fundamentali tad-djalogu ekumeniku hi l-isforz li jrid isir biex il-Komunitajiet Insara jkunu impenjati f’dan il-qasam kollu kemm hu spiritwali, fejn Kristu, bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu, iġiegħel lil kulħadd biex bla ebda eċċezzjoni, jagħrbel lilu nnifsu quddiem il-Missier u jistaqsi kienx fidil lejn il-pjan tiegħu għall-Knisja.

83.  Tkellimt dwar ir-rieda tal-Missier, dwar spażju spiritwali fejn kull komunità tisma’ s-sejħa biex tegħleb it-tfixkil li hemm għall-għaqda sħiħa.  Il-Komunitajiet Insara kollha jafu li din il-ħaġa, bil-qawwa li jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, mhijiex xi ħaġa li ma jifilħuhiex.  Kollha għandhom il-martri tal-fidi.[137]  Minkejja li kienu jinsabu fit-tiġrib tal-firda, dawn ħutna żammew fihom infushom rabta ma’ Kristu u ma’ Missieru hekk fil-fond u hekk sħiħa li waslithom sat-tixrid tad-demm.  U forsi mhijiex din ir-rabta li ridt insemmi f’dak li sejjaħtlu id-“djalogu tal-konverżjoni”?  U mhux forsi dan id-djalogu li jinsisti fuq il-ħtieġa li ninżlu sal-għeruq tal-esperjenza tal-verità ha jkollna għaqda sħiħa?

84.  F’dehra tad-dinja li fiha Alla jinsab f’nofsha, aħna l-Insara ġa għandna Martiroloġju komuni.  Jiġbor fih ukoll il-martri ta’ żmienna, wisq aktar milli wieħed qatt jista’ jobsor, u dan juri f’livell tassew għoli kif Alla jħares l-għaqda fost l-imgħammdin kollha fl-esiġenżi l-aktar għoljin tal-fidi li juru ruħhom bis-sagrifiċċju tal-ħajja.[138]  Jekk hu possibbli li wieħed imut għall-fidi, dan juri li jista’ jintlaħaq dan il-għan ukoll fejn hemm esiġenżi oħra tal-fidi.  Ġa wrejt, u dan għamiltu bil-ferħ kollu tiegħi, li hemm u qed tikber għaqda, imperfetta iva imma vera, f’ħafna livelli ta’ ħajja ekkleżjali.  Jidhirli li din l-għaqda hi ġa perfetta f’dak li aħna lkoll inqisu bħala l-qofol tal-ħajja tal-grazzja, il-martyria sal-mewt, għaqda ma’ Kristu li aktar vera minnha ma jistax ikun hemm, ma’ Kristu li xerred demmu u b’dan is-sagrifiċċju qarreb lejn xulxin dawk li darba kienu mbegħdin (ara Ef 2:13).

Jekk għall-komunitajiet Insara kollha, il-martri huma prova tal-qawwa tal-grazzja, mhumiex huma biss li jagħtu xhieda ta’ din il-qawwa.  Għalkemm ma tidhirx l-għaqda li għad mhijiex sħiħa tal-komunitajiet tagħna, hija mibnija fis-sod fl-għaqda sħiħa tal-Qaddisin, jiġifieri dawk li wara li temmew ħajja ta’ fedeltà lejn il-grazzja fuq l-art qegħdin issa f’għaqda ma’ Kristu fil-glorja.  Dawn il-Qaddisin jappartjenu għall-Knejjes u għall-Komunitajjiet Ekkleżjali kollha, li fetħulhom il-bieb għall-għaqda tas-salvazzjoni.  Meta nitkellmu dwar patrimonju komuni rridu ngħoddu mhux biss l-istituzzjonijiet, ir-riti, il-mezzi tas-salvazzjoni, id-drawwiet tradizzjonali li l-komunitajiet kollha baqgħu jħarsu u li bihom ġew iffurmati, imma l-ewwel u qabel kollox hemm din il-verità tal-qdusija.[139]

Fid-dinja li toħroġ mill-“patrimonju tal-qaddisin” li jappartjeni għall-Komunitajiet kollha, “id-djalogu ta’ konverżjoni” lejn għaqda viżibbli sħiħa jidher f’dawl ta’ tama.  Din il-presenza universali tal-Qaddisin turi l-qawwa tal-Ispirtu.  Hi sinjal u prova tar-rebħa ta’ Alla fuq is-setgħat tal-ħażen, li jifirdu l-ġens kollu tal-bnedmin.  Kif tkanta l-liturġija “il-gieħ mogħti lill-Qaddisin hi ġieħ mogħti lill-istess doni tiegħek”.[140]

Fejn hemm rieda sinċiera għall-mixi wara Kristu, l-Ispirtu spiss isawwab il-grazzja tiegħu fi triqat mhux tas-soltu.  L-esperjenza ekumenika waslitna biex nifhmu dan aħjar.  Jekk fl-ispazju spiritwali intern li ġa semmejt il-Komunitajiet jagħarfu tassew “jikkonvertu”, Alla jagħmel magħhom dak li għamel mal-Qaddisin tagħhom.  Iwarrab it-tfixkil li tqiegħed fl-imgħoddi u jmexxihom fi triqatu, fejn irid: jiġifieri lejn koinonia li tidher u li fl-istess waqt hi tifħir tas-sebħ tiegħu u qadi tal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni.

85.  Għax fil-kobor bla qjies tal-ħniena tiegħu Alla dejjem jista’ joħroġ il-ġid minn qagħdiet li jġarrbu l-pjan tiegħu, nistgħu naraw li bl-Ispirtu wassal biex f’xi każijiet il-firdiet servew biex jidhru aktar ċari xi aspetti tal-ħajja Nisranija, kif ġara fil-ħajja tal-Qaddisin.  Minkiejja li l-firda seħħet f’ħafna biċċiet u minnhom irridu nfiequ, seħħet sura ta’ tqassim ta’ għana ta’ grazzja li għad iżżejjen il-koinonia.  Il-grazzja ta’ Alla tkun ma’ dawk kollha li jimxu fuq l-eżempju tal-Qaddisin u jimpenjaw ruħhom li jwieġbu għal kull ma tkun trid.  Għaliex mela aħna qed noqogħdu naħsbuha biex nikkonvertu għat-tamiet tal-Missier?  Hu magħna.

 Il-kontribut tal-Knisja Kattolika ha sseħħ l-għaqda tal-Insara

86.  Il-Kostituzzjoni Lumen Gentium f’affermazzjoni fundamentali li ġiet imtennija mid-Digriet Unitatis Redintegratio,[141] qalet li l-Knisja waħda ta’ Kristu ssib il-milja tagħha fil-Knisja Kattolika.[142]  Id-Digriet tal-Ekumeniżmu jgħid li fil-Knisja Kattolika hemm il-milja tal-mezzi tas-salvazzjoni.[143]  L-għaqda sħiħa sseħħ meta kulħadd jissieħeb fil-milja tal-mezzi tas-salvazzjoni li Kristu ħalla f’idejn il-Knisja.

87.  Tul il-mixi li jrid iwassal għall-għaqda sħiħa, id-djalogu ekumeniku qed ifittex li jqanqal għajnuna għal xulxin bħal aħwa, għajnuna li biha l-Komunitajiet jimpenjaw ruħhom  li jagħtu lil xulxin dak li kull waħda minnhom teħtieġ biex skont il-pjan ta’ Alla tikber sa ma tilħaq il-kobor sħiħ tagħha (ara Ef 4:11-13).  Jien għidt li aħna nħossu bħala Knisja Kattolka li rċevejna ħafna mingħand il-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra mix-xhieda li taw għal ċerti valuri Insara komuni, mill-istudji tagħhom dwar dawn il-valuri u wkoll mill-mod kif stmawhom u użawhom.  Fost il-progress kollu li sar tul dawn l-aħħar tletin sena, irridu nagħtu importanza kbira għal din l-influwenza fraterna li kellna fuq xulxin.  Issa li wasalna sa hawn[144] irridu nqisu bis-serjetà kollha l-għana kollu li ksibna minn għand xulxin.  Dan il-għana li ġiena mill-fatt tal-għaqda li ġa hemm bejnietna, minħabba l-elementi ekkleżjali li ġa jinsabu fil-Komunitajiet Insara, żgur jimbuttana għal dik l-għaqda sħiħa viżibbli li hi l-għan mixtieq tal-mixi li qed nagħmlu.  Hi s-sura ekumenika tal-liġi Evanġelika dwar il-qsim bejnietna.  Dan iwassalni biex intenni “Jeħtieġ nuru f’kull ħaġa l-ħerqa tagħna li nersqu lejn dak li ħutna l-Insara jixtiequ u jistennew minn għandna, waqt li min-naħa tagħna naslu biex inkunu nafu kif jaħsbuha u xi jħossu.  Jeħtieġ li d-doni ta’ kull Knisja u Komunità jiġu l-quddiem ħa jkunu ta’ siwi u ta’ vantaġġ għal kulħadd”.[145]

Il-ministeru tal-għaqda tal-Isqof ta’ Ruma

88.  Fost il-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-Knisja ta’ Ruma tħoss li baqgħet iżżomm il-ministeru tas-Suċċessur ta’ San Pietru, l-Isqof ta’ Ruma, li Alla għamlu ħa jkun “il-bidu u l-pedament viżibbli u etern tal-għaqda”,[146] u li hu mwettaq mill-Ispirtu biex jagħti sehem minn dan il-ġid essenzjali lill-oħrajn kollha.  Skont l-espressjoni sabiħa tal-Papa San Girgor il-Kbir, il-ministeru tiegħu hu dak ta’ qaddej tal-qaddejja ta’ Alla (servus servorum Dei).  Din l-espressjoni hi ħarsien bl-aħjar mod mill-periklu li tiġi mifruda s-setgħa, u b’mod partikulari s-setgħa tal-primat, mill-ministeru, ħaġa li tmur kontra t-tifsir li l-Evanġelju jagħti tas-setgħa: “Jien qiegħed f’nofskom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22:27), qal Sidna Ġesù Kristu, il-Kap tal-Knisja.  Min-naħa l-oħra, kif kelli l-okkażjoni ngħid fil-laqgħa mal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes f’Ġinevra fit-12 ta’ Ġunju 1984, il-konvinzjoni tal-Knisja Kattolka li żammet b’fedeltà sħiħa t-Tradizzjoni Appostolika u l-fidi tal-Missirijiet tal-Knisja, li fil-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma tara s-sinjal viżibbli u l-garanzija tal-għaqda: hi diffikultà għall-kotra l-kbira tal-Insara l-oħra minħabba ċerti tifkirijiet tassew ta’ niket.  Għal dak li aħna responsabbli tiegħu flimkien mal-Papa ta’ qabli Pawlu VI nitlob maħfra.[147] 

89.  Ifisser ħafna, u dan iqawwili qalbi l-fatt li l-kwistjoni tal-primat tal-Isqof ta’ Ruma issa saret suġġett ta’ studju u studju li qed ikompli sejjer; ifisser ħafna wkoll il-fatt li din il-kwistjoni qed titqies essenzjali mhux biss fid-djalogi teoloġiċi li l-Knisja Kattolka qed ikollha mal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali, imma wkoll, b’mod aktar ġenerali, fil-moviment ekumeniku kollu kemm hu.  Dan l-aħħar dawk li ħadu sehem fil-Ħames Assemblea Dinjija tal-Kummissjoni “Faith and Order” tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes li saret f’Santiago de Compostela, irrikmandaw li “jibda studju mill-ġdid dwar din il-kwistjoni ta’ ministeru universali ta’ għaqda Nisranija”.[148]  Wara mijiet ta’ snin ta’ polemika ħarxa l-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali dejjem aktar qed iħarsu b’ħarsa ġdida lejn dan il-ministeru tal-għaqda.[149]

90.  L-Isqof ta’ Ruma hu l-Isqof tal-Knisja li tgħożż is-sinjali tal-martirju ta’ San Pietru u San Pawl.  “Bi pjan misterjuż tal-Providenza kien f’Ruma li San Pietru temm il-mixi tiegħu wara Kristu u f’Ruma ta l-aqwa xhieda tiegħu ta’ mħabba u fedeltà.  Kien f’Ruma li San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, ta hu wkoll l-ogħla xhieda tiegħu.  Hekk il-Knisja ta’ Ruma saret il-Knisja ta’ San Pietru u San Pawl.[150]

Fit-Testment il-Ġdid, San Pietru għandu post mill-aqwa.  Fl-ewwel parti tal-Atti tal-Appostli jidher bħala l-kap u kelliem tal-Kulleġġ tal-Appostli, li hu msejjaħ “Pietru mal-Ħdax l-oħra” (2:14; ara wkoll 2:37; 5:29).  Il-post mogħti lil San Pietru hu mibni fuq l-istess kliem ta’ Kristu kif huma mfakkra mit-tradizzjoni Evanġelika.

91.  L-Evanġelju ta’ San Mattew juri x’inhi l-ħidma pastorali ta’ San Pietru fil-Knisja u jgħid sewwa x’inhi: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam urik dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.  U jiena ngħidlek: “Int Pietru u fuq din il-Blata jien nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħelbuhiex.  U jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (16:17-19).  San Luqa juri b’mod ċar li Kristu talab lil Pietru biex iwettaq lil ħutu, imma fl-istess ħin urieħ id-dgħufija tiegħu, bħala bniedem u l-ħtieġa li jikkonverti (ara Lq 22:31-32).  Dan propju qisu tħabbira ċara quddiem id-dgħufija umana ta’ San Pietru li l-ministeru partikulari tiegħu fil-Knisja hu kollu kemm hu ġej mill-grazzja:  qisu li l-Imgħallem innifsu qed iħabrek għall-konverżjoni ta’ Pietru, biex iħejjih għall-ministeru fil-Knisja li kien se jafdalu u li kien se jitlob ħafna minnu.  Il-ħidma ta’ San Pietru hi dejjem marbuta mal-fatt tad-dgħufija tiegħu; dan nerġgħu narawh fir-raba’ Evanġelju:  “Xmun, bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?... Irgħa n-ngħaġ tiegħi”(Ġw 21:15).  Ifisser ħafna wkoll li skont San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin Kristu wara li qam mill-imwiet l-ewwel deher lil Ċefa u mbagħad lit-Tnax (ara 15:5).

Jiswa ħafna naraw kif id-dgħufija ta’ San Pietru u dik ta’ San Pawl juru li l-Knisja hi mibnija fuq il-qawwa bla qjies tal-grazzja (ara Mt 16:17; 2Kor 12:7-10).  San Pietru malli ġie lilu mogħti d-dmir tiegħu, ġie minnufih inċanfar bl-aħrax minn Kristu:  “Int tfixkil għalija” (Mt 16:23).  Ma nistgħux hawn ma narawx, fil-ħniena li San Pietru kien jeħtieġ, relazzjoni mal-ministeru tal-ħniena li San Pietru nnifsu kellu jkun l-ewwel wieħed li jġarrbu.  Lil Ġesù wkoll ċaħdu tliet darbiet.  U l-Evanġelju ta’ San Ġwann ukoll juri ċar li San Pietru rċieva li d-dmir jirgħa l-merħla tal-Mulej waqt stqarrija ta’ mħabba għal tliet darbiet (ara Ġw 21:15-17), stqarrija li twieġeb għat-tliet ċaħdiet tiegħu (ara 13:38).  San Luqa, min-naħa tiegħu, bi kliem Kristu, li ġa semmejt kliem li t-tradizzjoni tal-bidu miegħu intrabtet biex turi x’kienet il-missjoni ta’ San Pietru, jwettaq il-fatt li San Pietru għandu “jwettaq lil ħutu meta jerġa’ lura għas-sewwa”(ara Lq 22:32).

92.  San Pawl imbagħad itemm id-deskrizzjoni tal-ministeru tiegħu b’dik id-dikjarazzjoni tassew tal-għaġeb li kienet waslitlu mingħand il-Mulej innifsu:  “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjaf”, u għalhekk seta jgħid “meta nkun dgħajjef, inkun qawwi”(2Kor 12:9-10).

Fil-Knisja, mqaddsa bid-demm taż-żewġ Prinċpijiet tal-Appostli, l-Isqof ta’ Ruma hu l-werriet tal-missjoni ta’ San Pietru u jaqdi ministeru li għandu l-bidu tiegħu mill-ħniena ta’ Alla li hi ta’ ħafna suriet, ħniena li tikkonverti l-qlub u tagħti l-qawwa tal-grazzja fejn id-dixxiplu jagħraf l-imrar kollu tad-dgħufija u tal-miżerja tiegħu.  L-awtorità ta’ dan il-ministeru hi kollha kemm hi għall-qadi tal-pjan kollu ħniena ta’ Alla, u trid dejjem tiftiehem f’dan is-sens.  Biha titfisser is-setgħa tiegħu; f’dan is-sens tiftiehem is-setgħa tiegħu.

93.  Is-Suċċessur ta’ San Pietru huwa u jissieħeb mal-istqarrija għal tliet darbiet tal-imħabba ta’ San Pietru, stqarrija li wieġbet għat-tliet ċaħdiet tiegħu, jaf li għandu jkun sinjal ta’ ħniena.  Il-ministeru tiegħu hu ministeru ta’ ħniena, li ħareġ minn att ta’ ħniena ta’ Kristu.  Din il-parti tal-Evanġelju kollha kemm hi trid tinqara u terġa’ tinqara biex il-ministeru ta’ San Pietru ma jitlef xejn mill-verità u t-trasparenża tiegħu.

Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa minn Kristu biex turi lid-dinja imxekkla mill-ħafna ħtijiet u mill-ħafna pjanijiet imdallma tagħha, li minkejja dan kollu, Alla jista, fil-ħniena tiegħu, jikkonverti l-qlub lejn l-għaqda u jwassalhom għal xirka miegħu.

94.  Dan il-qadi tal-għaqda, li għandu l-għeruq tiegħu fil-ħidma tal-ħniena ta’ Alla, ġie fdat fl-istess Kulleġġ tal-Isqfijiet lil wieħed minn dawk li rċevew mill-Ispirtu d-dmir mhux biex iħaddmu s-setgħa fuq il-poplu — kif jagħmlu l-kapijiet tan-nazzjonijiet u s-setgħanin (ara Mt 30:25; Mk 10:42) — imma biex imexxuh lejn mergħat ħienja.  Dan id-dmir jista’ jitolbu s-sagrifiċċju ta’ ħajtu (ara Ġw 10:11-18).  Santu Wistin, wara li wera li Kristu hu “r-Ragħaj waħdieni li fih huma lkoll ħaġa waħda” iħeġġeġ: “Jeħtieġ li lkoll ikunu f’ragħaj wieħed u jtennu l-leħen tar-Ragħaj waħdieni li n-ngħaġ jisimgħu leħnu u jimxu wara r-Ragħaj tagħhom, mhux wara dak jew wara l-ieħor, imma wara r-ragħaj waħdieni.  Jeħtieġ li lkoll itennu l-istess leħen u ma jkollhomx ilħna li ma jaqblux ma’ leħnu.  Jeħtieġ li n-ngħaġ jisimgħu dan il-leħen imsaffi minn kull firda, mnaddaf minn kull għelt”.[151]  Id-dmir tal-Isqof ta’ Ruma fil-Ġemgħa tar-Ragħajja kollha hu li jisħar (episkopein) bħala għassies biex permezz tar-Ragħajja fil-Knejjes partikulari kollha jinstema’ l-leħen veru ta’ Kristu r-Ragħaj.  U hekk f’kull Knisja partikulari fdata lilhom, isseħħ il-Knisja waħda qaddisa, Kattolika u Appostolika.  Il-Knejjes kollha huma f’għaqda sħiħa viżibbli meta r-Ragħajja kollha huma f’xirka ma’ San Pietru u hekk magħqudin ma’ Kristu.

Bis-setgħa u l-awtorità li mingħajrhom dan id-dmir hu fieragħ, l-Isqof ta’ Ruma jrid iħares l-għaqda tal-Knejjes kollha.  F’din il-ħaġa hu l-ewwel wieħed fost il-qaddejja tal-għaqda.  Dan il-primat jitħaddem fuq ħafna livelli fil-ħarsien tax-xandir tal-Kelma, fiċ-ċelebrazzjoni Sagramentali u Liturġika, fil-missjoni, fid-dixxiplina u fil-ħajja Nsranija.  Hu dmir is-Suċċessur ta’ San Pietru li jfakkar x’jitlob il-ġid komuni tal-Knisja, jekk lil xi ħadd tiġih it-tentazzjoni li jużah għall-interess propji tiegħu.  Hu fid-dmir li jwiddeb, iwissi u xi drabi wkoll jgħid li dik il-fehma jew dik il-fehma l-oħra li qed tinxtered ma taqbel xejn mal-fidi waħda.  Meta ċ-ċirkostanzi jitolbuh hu jitkellem f’isem l-Isqfijiet kollha li huma f’għaqda miegħu.  Jistgħu wkoll — taħt ċerti kondizzjonijiet iffissati mill-Konċilju Vatikan I — jiddikjara ex cathedra li xi duttrina hi parti mid-depositu tal-fidi.[152]  Huwa u jagħti xhieda bħal din għall-verità, ikun jaqdi l-għaqda.

95.  Dan kollu jrid dejjem isir f’xirka.  Meta l-Knisja Kattolika tgħid li d-dmir tal-Isqof ta’ Ruma hu li jwieġeb għar-rieda ta’ Kristu ma tkunx qed tifred dan id-dmir mill-missjoni fdata lill-Isqfijiet kollha flimkien, għax huma wkoll huma “vigarji u delegati ta’ Kristu”.[153]  L-Isqof ta’ Ruma hu parti mill-Kulleġġ tagħhom u huma ħutu fil-ministeru.  Dak li għandu x’jaqsam mal-għaqda tal-komunitajiet Insara kollha, hu kollu kemm hu parti mill-ħerqa tal-Primat.  Bħala Isqof ta’ Ruma, naf sewwa u tennejt f’din l-Enċiklika li l-għaqda sħiħa viżibbli tal-Komunitajiet kollha li fihom jgħammar l-Ispirtu, hi x-xewqa ħerqana ta’ Kristu.  Jien konvint li f’din il-ħaġa għandi responsabbiltà speċjali, l-aktar dik li nagħraf li t-tamiet ekumeniċi tal-kotra kbira tal-Komunitajiet Insara, u nagħti kas tat-talba li qed issirli li nsib sura tat-tħaddim tal-Primat li mingħajr ma jitwarrab xejn minn dak li hu essenzjali fih, ikun miftuħ għal din il-qagħda ġdida.  Għal elf sena l-Insara kienu magħqudin flimkien “f’għaqda fraterna ta’ fidi u ta’ ħajja sagramentali u bil-kunsens ta’ kulħadd is-Sede ta’ Ruma kienet tagħmel ħidma ta’ moderatur meta kienu jinqalgħu differenzi bejniethom dwar fidi u dixxiplina”.[154]  B’dan il-mod kien jitħaddem il-primat.  Meta kellimt lill-Patrijarka Ekumeniku, il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I, għidtlu li kont naf sewwa li “għal ħafna raġunijiet diversi u kontra r-rieda ta’ wieħed u tal-ieħor, dak li kellu jkun qadi spiss wera ruħu f’dawl għal kollox differenti.  Iżda, bix-xewqa li verament nobdi ’l Kristu, nagħraf li jien bħala Isqof ta’ Ruma ġejt imsejjaħ biex naqdi dan il-ministeru.  Jalla jagħtina d-dawl tiegħu l-Ispirtu s-Santu u jdawwal l-Isqfijiet kollha u t-teoloġi tal-Knejjes tagħna biex flimkien, kif għandu jkun, infittxu dawn is-suriet li fih dan il-ministeru jista’ jkun qadi ta’ mħabba magħruf min-naħa u mill-oħra”.[155]

96.  Hu dmir liema bħalu li ma nistax nirrifjutaħ u ma nistax intemmu waħdi.  L-għaqda vera, għalkemm mhux perfetta, li hemm bejnietna m’għandhiex twassal lir-responsabbli tal-Knejjes u lit-teoloġi tagħhom biex jibdew miegħi fuq din il-kwistjoni djalogu bejn l-aħwa, kollu sabar, u nkunu nistgħu nisimgħu ’l xulxin ’il fuq minn kull polemika, li ma tħalli ebda frott, bil-ħsieb biss li nagħmlu r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu u nħalluh jinfidna bl-għajta tiegħu “Ha jkunu huma wkoll ħaġa waħda biex id-dinja tagħraf li inti bgħattni”?(Ġw 17:21)?

Ix-xirka tal-Knejjes partikulari kollha mal-Knisja ta’ Ruma biex isseħħ l-għaqda

97.  Il-Knisja Kattolika, kemm fil-prattika tagħha u kemm f’dokumenti uffiċjali, dejjem żammet li x-xirka tal-Knejjes partikulari mal-Knisja ta’ Ruma u tal-Isqfijiet tagħhom mal-Isqof ta’ Ruma hi kundizzjoni essenzjali — skont il-pjan ta’ Alla — għall-għaqda sħiħa viżibbli.  Jeħtieġ li l-għaqda sħiħa li tagħha l-Ewkaristija hi l-ogħla manifestazzjoni sagramentali jkollha t-tifsir viżibbli tagħha f’ministeru li fih l-Isqfijiet kollha jagħrfu li huma magħqudin flimkien fi Kristu u li f’dan il-fidili jsibu mwettqa l-fidi tagħhom.  L-ewwel parti tal-Atti tal-Appostli turi lil San Pietru bħala l-kelliem f’isem il-Kulleġġ tal-Appostli u qaddej tal-għaqda tax-xirka — u dan b’rispett għall-awtorità ta’ San Ġakbu, il-kap tal-Knisja ta’ Ġerusalemm.  Dan id-dmir ta’ San Pietru irid jibqa’ fil-Knisja biex, taħt Kap wieħed li hu Kristu Ġesù, tidher quddiem id-dinja bħala x-xirka tad-dixxipli kollha tiegħu.

U mhux xi sura ta’ dan il-ministeru juru li hi meħtieġa dawk kollha li huma mpenjati fl-ekumeniżmu?  Dan ifisser tippresjedi fil-verità u fl-imħabba biex id-dgħajsa — sabiħa din ix-xbieha li l-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes għażel bħala simbolu — ma titfarrakx mit-tempesti u fl-aħħar tkun tista’ tasal sal-port tagħha.

Għaqda sħiħa u evanġelizzazzjoni

98.  Il-moviment ekumeniku ta’ żmienna, aktar mill-isforzi ekumeniċi tal-imgħoddi li madankollu mhux ta’ min inaqqas l-importanza tagħhom, jingħaraf b’mod speċjali mill-aspett missjunarju tiegħu.  Mill-kliem San Ġwann li qed jittieħed bħala ħsieb li jimbuttana — Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda biex id-dinja temmen li inti bgħattni (Ġw 17:21) — ingħatat importanza hekk qawwija lill-kliem biex id-dinja temmen, li hemm il-periklu li xi drabi ninsew li l-ħsieb tal-Evanġelista hu li l-għaqda hi l-aktar għall-glorja tal-Missier.  Iżda hi ħaġa ċara li l-firda bejn l-Insara hi kontra l-Verità li huma fid-dmir li jxandru u għalhekk il-firda ddgħajjef ħafna x-xhieda tagħhom.  Il-Predeċessur tiegħi l-Papa Pawlu VI dan għarfu sewwa u qalu fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii Nuntiandi.  “Għaliex aħna ħabbara tal-Evanġelju rridu noffru lill-fidili ta’ Kristu dehra mhux ta’ nies mifrudin minn xulxin u mifrudin minħabba kontroversji li bl-ebda mod ma jedifikaw, imma nies sħaħ fil-fidi li jafu jinġabru flimkien, ’il fuq minn kull tilwim li hemm illum, għax flimkien iridu jfittxu l-verità sinċerament u bla ebda interessi partikulari.  Hekk hu: l-evanġelizzazzjoni żgur tirnexxi jekk tkun marbuta max-xhieda tal-għaqda tal-Knisja.  Hawnhekk jaqbel li nuru li s-sinjal tal-għaqda bejn l-Insara kollha huwa t-triq u l-mezz tal-evanġelizzazzjoni.  Il-firda bejn l-Insara hi ħaġa serja ħafna u tasal biex iddgħajjef l-istess opra ta’ Kristu”.[156]

Kristu nistgħu nħabbru l-Evanġelju tar-rikonċiljazzjoni jekk fl-istess waqt ma nħabirkux għar-rikonċiljazzjoni tal-Insara?  Jekk hu minnu li l-Knisja immexxija mill-Ispirtu s-Santu u mwegħda li tibqa’ għal dejjem, ħabbret u qed tħabbar l-Evanġelju lin-nazzjonijiet kollha, mhux inqas veru li għandha quddiema u trid tegħleb id-diffikultajiet kollha li jiġu minn din il-firda.  Quddiem ħabbara tal-fidi li ma jaqblux ma’ xulxin, għalkemm kollha jitkellmu fuq Kristu, dawk li ma jemmnux jagħarfu jilqgħu l-messaġġ veru?  Ma jaħsbux forsi li l-Evanġelju hu għajn ta’ firda, minkejja li jiġi mxandar bħala liġi fundamentali tal-imħabba?

99.  Meta ntenni li għalija, bħala Isqof ta’ Ruma, l-impenn ekumeniku hu fost il-ħidmiet pastorali tal-Pontifikat tiegħi li għandhom ikunu minn tal-ewwel,[157] ħsiebi jmur fit-tfixkil kbir li toħloq il-firda għax-xandir tal-Evanġelju.  Komunità Nisranija li temmen fi Kristu u tixtieq bil-ħeġġa tal-Evanġelju s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha bl-ebda mod ma tista’ ma tagħtix widen għas-sejħa tal-Ispirtu s-Santu li qed imexxi l-Insara kollha lejn għaqda sħiħa viżibbli.  Dan hu wieħed mill-kmandamenti tal-imħabba li għandna nilqgħuh bla tlaqliq.  L-ekumeniżmu mhuwiex kwistjoni li tolqot biss il-komunitajiet Insara.  Hu dwar l-imħabba li Alla għandu għall-ġens kollu tal-bnedmin fi Kristu, u t-tfixkil għal din l-imħabba hi offiża magħmula lil Alla u lill-pjan tiegħu li jiġbor lil kulħadd fi Kristu.  Il-Papa Pawlu VI kiteb lil Patrijarka Ekumeniku Athenagoras I:  “L-Ispirtu s-Santu u msieħeb magħna fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni biex l-għaqda tal-Knejjes tagħna tkun sinjal dejjem aktar jiddi ta’ tama u ta’ faraġ għall umanità kollha”.[158]

 

EŻORTAZZJONI

 

100.  Meta dan l-aħħar kellimt lill-Isqfijiet, il-kleru u l-fidili tal-Knisja Kattolika biex nurihom it-triq li minnha jridu jgħaddu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena Elfejn, fost ħwejjeġ oħra għidt:  L-aħjar tħejjija “ma tistax ma tkunx impenn imġedded biex sa fejn jista’ jkun it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II jidħol fil-ħajja ta’ kull wieħed u tal-Knisja kollha.[159]  Il-Konċilju — bħall Avvent — hu l-bidu ta’ dak il-mixi li se jwassalna fuq l-għatba tat-Tielet Elf Sena.  Jiena u nqis l-importanza li l-Konċilju ta lill-ħidma biex isseħħ l-għaqda tal-Insara f’dan iż-żmien tagħna ta’ grazzja ekumenika, deher meħtieġ li jiena ntenni l-konvinzjonijiet fundamentali  li l-Konċilju naqqax fil-kuxjenza tal-Knisja Kattolika, jiena nfakkarhom fid-dawl tal-progress kollu li intant sar biex isseħħ l-għaqda sħiħa tal-imgħamdin kollha.

Żgur li l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem f’din l-opra u qed imexxi l-Knisja lejn is-sħubija kollha tal-pjan tal-Missier skont ir-rieda ta’ Kristu, li hi mfissra b’qawwa hekk ħerqana fit-talb li skont ir-Raba’ Evanġelju ħarġet minn fomm Dak li kien sejjer lejn il-ħidma tas-salvazzjoni tal-Għid.  Kif ried dak inhar, hekk illum Kristu jrid impenn ġdid minn kulħadd għall-għaqda sħiħa u viżibbli.

101.  Inħeġġeġ għalhekk lil Ħuti fl-Episkopat biex jidħlu għal dan l-impenn.  Iż-żewġ Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika fost id-dmirijiet tal-Isqof isemmu wkoll id-dmir li jġib l-quddiem l-għaqda tal-Insara u jgħin kull ħidma u kull inizjattiva biex tiġi l-quddiem din l-għaqda għax iħoss li l-Knisja hi marbuta b’dan id-dmir u għax din hi r-rieda ta’ Kristu.[160]   Din hi parti mill-missjoni tal-Isqof u hu dmir li joħroġ direttament mill-fedeltà lejjn Kristu r-Ragħaj tal-Knisja.  L-Insara kollha huma mistiedna mill-ispirtu ta’ Alla biex jagħmlu dak li jistgħu ħa jissaħħu dejjem aktar ir-rabtiet tal-għaqda fost l-Insara kollha u tikber il-kooperazzjoni fost id-dixxipli kollha ta’ Kristu:  “It-tħassib biex isseħħ l-għaqda jimpenja l-Knisja kollha sew l-Insara u sew ir-ragħajja, kulħadd skont il-ħila li għandu”.[161] 

102.  Il-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla tagħti ħajja lill-Knisja u tibniha tul iż-żminijiet.  Fuq it-talba trid tistrieħ il-ħerqa li mhijiex ħlief xewqa kbira għall-għaqda u għalhekk it-talb hu wieħed mill-għemejjel meħtieġa tal-imħabba li bih ningħaqda ma’ Kristu u mal-Missier, għani fil-ħniena.  It-talb irid ikun l-aqwa għemil tagħna fil-mixi flimkien mal-Insara l-oħra kollha, lejn l-elf sena li hi hekk fil-qrib.

Kif se jseħħ dan?  “B’radd il-ħajr”, għaliex mhux sejrin għal din il-laqgħa b’idejna vojta; “L-Ispirtu jgħinna fin-nuqas ta’ ħila tagħna... u jidħol għalina bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8:26) u jgħallimna nitolbu ’l Alla dak li neħtieġu.  Kif se niksbu dan?  Bit-tama fl-Ispirtu li jista’ jwarrab minna x-xbihat tal-imgħoddi u t-tifkiriet kollha mrar tal-firdiet; jista’ jagħtina dawl, qawwa u qalb biex nagħmlu l-passi meħtieġa ħalli l-ħidma tagħna tkun aktar vera, u jekk nistaqsu dan kollu jistax isir, it-tweġiba hi dejjem: iva.  L-istess tweġiba semgħetha Marija ta’ Nazaret li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax ikun.  Niftakar fil-kliem li bih San Ċiprijanu jikkommenta l-Missierna, it-talba tal-Insara kollha:  “Alla ma jilqax l-offerta ta’ min mhux paċi ma’ ħuh:  dan għaliex Alla jtaffi l-għadab tiegħu biss bit-talb tal-bniedem li jħobb is-sliem u l-paċi.  L-aqwa sagrifiċċju għal Alla hu l-għaqda tagħna bħal aħwa fis-sliem bejnietna, l-għaqda tagħna bħala poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.[162]

Issa li fuq ix-xefaq qed tidher elf sena oħra, għaliex m’għandniex nitolbu l-Mulej b’ħeġġa ġdida u għarfien aħjar il-grazzja, li jagħti lilna lkoll il-grazzja li nitħejju għal dan is-sagrifiċċju tal-għaqda?

103. Jien, Ġwann Pawlu, il-qaddej umli tal-qaddejja ta’ Alla, nagħmel tiegħi kliem l-Appostlu San Pawl li bil-martirju tiegħu flimkien ma’ dak ta’ San Pietru ta lil din is-Sede ta’ Ruma id-dija tax-xhieda tiegħu, biex lilkom il-fidili tal-Knisja Kattolika, u lilkom wkoll ħuti tal-Knejjes u l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra kollha, ngħidilkom:  Ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu tama waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom... Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll” (2Kor 13:11-13).

Minn Ruma, minn San Pietru, fil-15 ta’ Mejju, fis-Solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema, fis-sena 1995, is-17-il sena tal-Pontifikat.

 

Joannes Paulus pp. II   


 

[1] Diskors wara l-Vija Sagra tal-Ġimgħa Mqaddsa (1 ta’ April, 1994), 3.

[2] Konċilju Vatikan II, Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 1.

[3] Ara Ittra Appostolika Tertio Millennio Adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 15.

[4] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra lil-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika dwar xi aspetti tal-Knisja bħala Xirka, Communionis Notio (28 ta’ Mejju, 1992), 4.

[5] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 1.

[6] Ibid.

[7] Ibid., 4.

[8] Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 14.

[9] Ara Konċilju Vatikan II, Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 1 u 2.

[10] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni. Dommatika Lumen Gentium, 14.

[11] Ibid., 8.

[12] Konċilju Vatikan II Digriet Unitatis Redintegratio, 3.

[13] Ibid.

[14] n. 15.

[15] Ibid.

[16] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 15.

[17] Ibid., 3.

[18] Ibid.

[19] Ara San Girgor il-Kbir, Homiliæ in Evangelium 19, 1; Konċilju Vatikan II, Kost. Domm. Lumen Gentium, 2.

[20] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[21] Ibid., 7.

[22] Ara ibid.

[23] Ibid., 6.

[24] Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Dei Vebum, 7.

[25] Ara Ittra Appostolika Euntes in Mundum (25 ta’ Jannar 1988).

[26] Ara Enċiklika Slavorum Apostoli (2 ta’ Gunju 1985).

[27] Ara Direttorju għall-Applikazzjoni tal-Prinċipji u tan-Normi dwar l-Ekumeniżmu (25 ta’ Marzu, 1993).

[28] Ara, b’mod partikulari, id-Dokument ta’ Lima Baptism, Eucharist and Ministry (Jannar 1982); u l-istudju tal-Joint Working Group between the Catholic Church and the Council of Churches, Confessing the “One” Faith (1991), Dokument n. 153 ta’ Communion on Faith and Order, Geneva 1991.

[29] Ara Diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, 11 ta’ Ottubru, 1962.

[30] Qed nitkellem dwar is-Segretarjat biex iġib ’l quddiem l-Għaqda tal-Insara, imwaqqaf mill-Papa Ġwanni XXIII bil-Motu Proprio Supemo Dei Nutu (5 ta’ Gunju 1960), 9; u mwettaq imbagħad b’dokumenti oħra: Ġwanni XXIII Motu Proprio Appropinquante Concilio (6 ta’ Awwissu, 1962, c. III, a.7,2,1; ara Pawlu VI Kostituzzjoni Appostolika Regimini Ecclesiæ Universæ (15 ta’ Awwissu, 1967), 92-94; dan id-Dikasteru issa jissejjaħ Kunsill Pontifiċju biex iġib il-quddiem l-Għaqda tal-Insara:  ara Ġwann Pawlu II, Kostituzzjoni Appostolika Pastor Bonus (28 ta’ Ġunju, 1988), V, art. 135-138.

[31] Diskors fil-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II (11 ta’ Ottubru, 1962).

[32] Ara Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 6.

[33] Konċilju Vatikan II, Digriet Dignitatis Humanæ, 1.

[34] Enċiklika Slavorum Apostoli (2 ta’ Ġunju, 1985), 11.

[35] Ibid., 13.

[36] Ibid., 11.

[37] Diskors lill-Aboriġeni (29 ta’ Novembru 1986), 12.

[38] Ara San Vincenż ta’ Lerius, Commonitorium Primum, 23.

[39] Konċilju Vatikan II Digriet Unitatis Redintegratio, 6.

[40] Ibid., 5.

[41] Ibid., 7.

[42] Ibid., 8.

[43] Ibid.

[44] Ara Ibid., 4.

[45] Ara Ġwann Pawlu II, Ittra Appostolika Tertio Millennio Adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 24.

[46] Diskors fil-Kattidral ta’ Canterbury (29 ta’ Mejju, 1982), 5.

[47] World Council of Churches, Constitutions and Rules, III, 1.

[48] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 24.

[49] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 7.

[50] Marija Sagheddu twieldet f’Dorgali (Sardinja) fl-1914.  Ta’ wieħed u għoxrin sena daħlet fil-monasteru trappista ta’ Grottaferrata.  Permezz tal-ħidma appostolika tal-Abbé Paul Couturier waslet biex tagħraf il-ħtieġa tat-talb u tas-saġrifiċċju spiritwali għall-għaqda tal-insara.  Fl-1936, waqt Ottavarju tal-Għaqda għażlet li toffri ħajjitha għall-għaqda fil-Knisja.  Wara marda kiefra Swor Marija Gabriella mietet fit-23 ta’ April 1939.

[51] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Pastolari Gaudium et Spes, 24.

[52] Ara Acta Apostolicae Sedis 56 (1964) pp. 609-659.

[53] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 13.

[54] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[55] Ara Codex Luris Canonici kan. 755; Codex Canonum Eccelesiarum Orientalium kan. 902-904.

[56] Ara Konċilju Vatikan, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[57] Konċilju Vatikan, Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 3.

[58]  Konċilju Vatikan, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

 

[59] Ara Ibid., 4.

[60] Enċiklika Ecclesiam Suam (6 ta’ Awwissu), III.

[61] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 11.

[62] Ara ibid.

[63] Ara Kongregrazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Dikjarazzjoni Mysterium Ecclesiae (24 ta’ Ġunju 1973), 4.

[64] Ibid., 5.

[65] Ara Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[66] Dikjarazzjoni Kristoloġika tal-Knisja Kattolika flimkien mal-Knisja tal-Assirja tal-Lvant. (ara Osservatore Romano, 12 ta’ Novembru 1994).

[67] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 12.

[68] Ibid.

[69] Kunsill Pontifiċju biex iġib ’l quddiem l-Għaqda bejn l-Insara Directorium principiis et normis de oecumenismo exsequendis (25 ta’ Marzu 1993, 5).

[70] Ara n. 94.

[71] Ara Commison on Faith and Order of the World Council of Churches, Baptism, Eucharist and Ministry (Jannar 1982).

[72] Ara Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 32.

[73] Diskors lill-Kardinali tal-Kurja Rumana (28 ta’ Ġunju 1985), 10; ara Enċiklika Redemptor Hominis (4 ta’ Marzu 1979), 11.

[74] Diskors lill-Kardinali tal-Kurja Rumana (28 ta’ Ġunju, 1985), 10.

[75] Ara Segretarjat biex iġib ’l quddiem l-Għaqda tal-Insara u Kumitat Eżekuttiv tal-United Bible Societies, Guiding Principles for Interconfessional Cooperation in translating the Bible (1968).  Dan id-dokument ġie rivedut u mbagħad pubblikat mis-Segretarjat biex jġib il-quddiem l-Għaqda tal-Insara, Directives concernant la coopération interconfessionelle dans la traduction de la Bible (16 ta’ Novembru 1987).

[76] Ara Commission on Faith and Order of the World Council of Churches, Baptism, Eucharist and Ministry (Jannar 1982).

[77] Insemmu bħala eżempju l-laqgħat fi żmien aktar qrib tagħna tal-World Council of Churches f’Vancouver (1983), f’Canberra (1991), u tal-Commission on Faith and Order f’Santiago de Compostela (1993).

[78] Ara Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 8 u 15; Codex Luris Canonici kan. 844; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium, kan. 671; Kunsill Pontifiċju biex iġib ’l quddiem l-Għaqda tal-Insara, Directoire pour l-application des principes et des nomes sur l’Oecumenisme (25 ta’ Marzu 1993) 122-125, 129-131, 123-132.

[79] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[80] Ibid.

[81] Ara n. 15.

[82] N. 15.

[83] Ibid., 14.

[84] Ara Dikjarazzjoni tal-Papa Pawlu VI u tal-Patrijarka ta’ Kostantinopli Atenagora 1 (7 ta’ Diċembru 1965); Tomos Agapis, Vatikan-Phanar 1970.

[85] Ara Acta Apostolicae Sedis, 77 (1985) pp 779-813.

[86] Ara Acta Apostolicae Sedis, 80 (1988) 935-936; ara wkoll l-Ittra Magnum Baptismi Donum (14 ta’ Frar 1988).

[87] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 14.

[88] Ibid.

[89] Brevi Anno Ineunte (25 ta’ Lulju 1967);  Tomos Agapis Vatikan-Phanar (1958-1970).

[90] Konċilju Vatikan II Digriet Unitatis Redintegratio, 14.

[91] Ibid., 15.

[92] N. 14 L’Osservatore Romano (2-3 ta’ Mejju 1995).

[93] Konċilju Vatikan II Digriet Unitatis Redintegratio, 17.

[94] N. 26.

[95] Ara Codex Luris Canonici Kan. 844, 2 u 3; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium Kan. 671, 2 u 3.

[96] Kunsill Pontifiċu biex iġib ’l quddiem l-Għaqda tal-Insara, Directoire des principes et des normes sur l’Ecuménisme (25 ta’ Marzu 1993), 122-128.

[97] Dikjarazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u tal-Patrijarka Dimitrios I (7 ta’ Diċembru 1987).

[98] Kummissjoni Internazzjonali Mista għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa kollha kemm hi, Dokument II Sacramento dell’Ordine nella Struttura Sacramentale della Chiesa, in Particolare l’Importanza della Successione Apostolica per la Santificazione e l’Unità del Popolo di Dio (26 ta’ Ġunju 1988).

[99] Ġwann Pawlu II, Ittra lill-Isqfijiet tal-Ewropa dwar ir-Relazzjonijiet bejn Kattoliċi u Ortodossi fis-Sitwazzjoni l-Ġdida fl-Ewropa tan-Nofs u tal-Lvant (31 ta’ Mejju 1991).

[100] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 17.

[101] Ara Ittra Appostolika Orientale Lumen (2 ta’ Awwissu 1995), 24.

[102] Ibid., 18.

[103] Dikjarazzjoni Komuni tal-Papa Pawlu VI u tal-Qdusija Tiegħu Shenouda III Papa ta’ Lixandra u Patrijarka tas-Sede ta’ San Mark (10 ta’ Mejju 1973).

[104] Ara Dikjarazzjoni Komuni tal-Papa Pawlu VI u tal-Beatitudni Tiegħu Mar Injazju Jacoub II, Patrijarka ta’ Antjokja tas-Siri u tal-Lvant kollu (27 ta’ Ottubru 1971).

[105] Ara Diskors lid-Delegati tal-Knisja Kopta Ortodossa (2 ta’ Ġunju 1979).

[106] Ara Dikjarazzjoni Komuni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u tal-Qdusija Tiegħu Moran Mor Injazju Zakka I Iwas Patrijarka Siro-Ortodoss ta’ Antjokja u tal-Lvant kollu (23 ta’ Gunju 1984).

[107] Diskors lil Abuna Paolos, Patrijarka tal-Knisja Ortodossa tal-Etjopja (11 ta’ Ġunju 1993), 4.

[108] Dikjarazzjoni Teoloġika Komuni tal-Knisja Kattolika u tal-Knisja tal-Assirja tal-Lvant.

[109] Konċilju Vatikan II Digriet Unitatis Reditagratio, 19.

[110] Ibid.

[111] Ibid.

[112] Ara Ibid.

[113] Ibid.

[114] Ibid., 20.

[115] Ibid., 21.

[116] Ibid.

[117] Ibid.

[118]  Ibid., 22.

[119]  Ibid.

[120]  Ibid., 22; ara 20.

[121] Ibid., 22.

[122]  Ibid., 23.

[123] Ibid.

[124] Ara Messaġġ Urbi et Orbi (27 ta’ Awwissu 1978).

[125] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 23.

[126] Ibid.

[127] Ara Ibid., 12.

[128] Ibid.

[129] Il-ħidma kollha sabar tal-Kummissjoni “Fath and Order” waslet għal dehra bħal din u ġiet milqugħa mis-VII Assemblea Ekumenika tal-Knejjes li għamlitha tagħha fid-Dikjarazzjoni ta’ Canberra (20 ta’ Frar 1991) u ġiet imtennija fil-Konferenza Dinjija ta’ “Fatih and Order”, li saret f’Santiago de Compostela (3-14 ta’ Awwissu 1993).

[130]  Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 14.

[131] Ara ibid., 4 u 11.

[132] Ara Diskors lill-Kardinali u lill-Kurja Rumana (28 ta’ Ġunju 1985), 6.

[133] Ara ibid.

[134] Konċilju Vatikan II, Konstituzzjoni Dommatika Lumen Gentium 12.

[135] Ara Acta Apostolicæ Sedis, 554 (1962).

[136] Ara Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 6.

[137] Ara ibid. 4 Omelija ta’ Pawlu VI fil-Kanonizzazzjoni tal-Martri tal-Uganda (18 ta’ Ottubru 1964).

[138] Ara Ġwann Pawlu II, Ittra Appostolika Tertio Millennio Adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 37; Enċiklika Veritatis Splendor (4 ta’ Awwissu 1993).

[139] Ara Pawlu VI Diskors fis-Santwarju ta’ Namugongo Uganda (2 ta’ Awwissu 1969).

[140] Ara Missal Ruman, Prefazju tal-Qaddisin 1.

[141] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 4.

[142] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 8.

[143] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio 3.

[144] Wara d-Dokument ta’ Lima tal-Kummissjoni “Faith and Order” dwar Baptism, Eucharist and Ministry (Jannar 1982) u fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni tas-VII Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, The Unit of the Church as “koinonia” Gift and Task (7-20 ta’ Frar 1991).

[145] Diskors lill-Kardinali u lill-Kurja Rumana (28 ta’ Ġunju 1985), 4.

[146] Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 25.

[147] Ara Diskors fil-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes (12 ta’ Ġunju 1984), 2.

[148] Konferenza Dinjija “Faith and Order”.  Rapport tat-II Sessjoni f’Santiago de Compostela (14 ta’ Awwissu 1993) Confessing the One Faith in God’s Glory, 31,2.

[149] Xi eżempji: il-Final Report tal-Anglican-Roman Catholic International Commission (Settembru 1981); Kummissjoni Internazzjonali Mista għad-Djalogu bejn il-Knisja Kattolika u d-Dixxipli ta’ Kristu, Rapport 1981; Kummissjoni Nazzjonali Mista Kattoliku-Luterana. Dokument The Ministry in the Church (13 ta’ Marzu 1981); il-kwistjoni turi ruħha b’mod tassew ċar fir-riċerka li saret mid-Djalogu Teologiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa kollha kemm hi.

[150] Diskors lill-Kardinali u lill-Kurja Rumana (28 ta’ Ġunju 1995), 3.

[151] Sermon XLVI, 30.

[152] Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika, Pastor Aeternus.

[153] Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika, Lumen Gentium, 27.

[154] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 14.

[155] Omelija fil-Bażilika Vatikana quddiem Dimitrios I, Arċisqof ta’ Kostantinopli u Patrijarka Ekumeniku (6 ta’ Diċembru 1987), 3.

[156] Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975)77; ara Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio,1: Kunsill Pontifiċju biex iġib ’l quddiem l-Għaqda tal-Insara, Directoire pour l’Application des Principes et dew Normes sur l-Oecumensime (25 ta’ Marzu 1993), 205-209.

[157] Diskors lill-Kardinali u lill-Kurja Rumana (29 ta’ Ġunju 1985), 4.

[158] Ittra tat-13 ta’ Jannar 1970, Tomos Agapis, Vatikan-Phanar (1958-1970).

[159] Ittra Appostolika Tertio Millennio Adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 20.

[160] Codex Luris Canonici, Kan. 755; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalum, Kan. 902.

[161] Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis Redintegratio, 5.

[162] De Dominica Oratione, 23.