Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA GĦALL-ĦADDIEMA TA’ JASNA GORA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Czestochowa, 6 ta’ Ġunju 1979

1. Jasna Gora saret il-kapitali spiritwali tal-Polonja, li fiha jiġu pellegrini mill-partijiet kollha ta’ Art Twelidna, biex isibu l-għaqda tagħhom ma’ Kristu Sidna permezz tal-qalb ta’ Ommu. U mhux mill-Polonja biss, imma wkoll minn ‘il hemm minn fruntieri oħra. Ix-xbiha tal-Madonna ta’ Jasna Gora saret fid-dinja kollha sinjal tal-għaqda spiritwali tal-Pollakki. Hija hi wkoll. Ikolli ngħid, sinjal ta’ għarfien tal-ispiritwalità tagħna u, fl-istess ħin ta’ postna fil-familja kbira tal-popli nsara miġburin fl-għaqda tal-Knisja. Tal-għaġeb huwa nfatti dak is-saltnar tal-Omm permezz tax-xbiha tagħha f’Jasna Gora: is-saltnar tal-Qalb dejjem iktar meħtieġ għad-dinja, li għandu t-tendenza li jesprimi kollox permezz ta’ kalkoli bierda u skopijiet purament materjali. 

Waqt li nasal bħala pellegrin f’Jasna Gora, nixtieq minn hawn ningħaqad b’mod kordjali ma’ dawk kollha li jappartienu lil din l-komunità spiritwali, lil din il-familja kbira mifruxa mal-art kollha Pollakka, u ‘l hemm mill-fruntieri tagħha. Nixtieq li aħna lkoll niltaqgħu fil-qalb tal-Omm. Ningħaqad permezz tal-fidi, it-tama u t-talb ma dawk kollha li ma jistgħux jiġu hawn. Imma ningħaqad b’mod speċjali mal-komunitajiet kollha tal-Knisja ta’ Kristu fil-Polonja, mal-Knejjes kollha dijoċeżani bir-Rgħajja tagħhom, mal-parroċċi kollha, mal-familji reliġjużi maskili u femminili. 

B’mod partikolari ndur lejkom li llum ġejtu hawn mis-Slesia u minn Zaglebie Dabrowskie. Dawn iż-żewġ artijiet, dawn iż-żewġ reġġjuni tal-Polonja antika u moderna huma qrib tiegħi. Il-għana tal-Polonja attwali huwa fil-biċċa l-kbira marbut mar-riżorsi naturali, li bihom il-Providenza divina iddotat dawn l-artijiet, u għall-oqsma kbar tax-xogħol uman li twaqqfu hawn tul l-aħħar sekli. Storikament kemm is-Slesia kif ukoll Zaglebie – u speċjalment is-Slesia – dejjem baqgħu f’għaqda stretta mas-sedja ta’ San Stanislaw. Bħala metropolita antik ta’ Krakovja, nixtieq nesprimi l-perħ speċjali tiegħi għal din il-laqgħa tagħna, li llum qiegħda titwettaq f’riġlejn Jasna Gora. Dejjem kont jien qrib bil-qalb għall-Knisja ta’ Katowice li ġġib għall-ħajja kattolika tal-Polonja, bħala entità, esperjenzi u valuri partikolari.

2. Fuq kollox l-esperjenza tax-xogħol enormi. Ir-rikkezzi tal-art, kemm dawk li jidħru fuq il-wiċċ tagħha kif ukoll dawk li rridu nfittxu għalihom fil-fond tal-art, isiru rikkezzi tal-bniedem bil-prezz biss tax-xogħol uman. Dan ix-xogħol huwa meħtieġ – xogħol versatili, tal-intellett u tal-idejn – sabiex il-bniedem ikun jistà jwettaq il-missjoni manifika li l-Ħallieq afdalu, missjoni li l-ktieb tal-Ġenesi jesprimi bil-kliem: “Aħkmu u ddominaw (l-art)” (Ġen 1,28). L-art hija afdata lill-bniedem, u permezz tax-xogħol, il-bniedem jiddominaha. Ix-xogħol huwa wkoll id-dimensjoni fundamentali tal-eżistenza tal-bniedem fuq l-art. Għall-bniedem ix-xogħol m’għandux biss sinifikat tekniku, imma wkoll etiku. Nistgħu ngħidu li l-bniedem “jaħkem” għalih l-art meta huwa stess, b’imġibtu, isir is-sid, mhux l-iskjav, u wkoll sid u mhux skjav tax-xogħol.

Ix-xogħol għandu jgħin lill-bniedem biex isir aħjar, spiritwalment iktar matur, iktar responsabbli, sabiex ikun jistà jwettaq il-vokazzjoni tiegħu fuq l-art, kemm bħala persuna irripetibbli, kif ukoll fil-komunità umana li hija l-familja. Waqt li jingħaqdu flimkien ir-raġel u l-mara, propju f’din il-komunità, li l-karattru tagħha kien stabbilit mill-Ħallieq stess sa mill-bidu, jagħtu ħajja lil bnedmin ġodda. Ix-xogħol għandu jirrendi possibbli għal din il-komunità umana li ssib il-meżżi meħtieġa biex tifforma u żżomm ruħha.

Ir-raġuni li tkun tal-familja hija waħda mill-fatturi fundamentali li jiddeterminaw l-ekonomija u l-politika tax-xogħol. Dawn tal-aħħar jikkonservaw il-karattru etiku tagħhom, meta jqisu l-bżonnijiet tal-familja u d-drittijiet tagħha. Permezz tax-xogħol l-bniedem adult għandu jaqlà l-meżżi meħtieġa għall-manteniment tal-familja tiegħu. Il-maternità għandha titqies fil-politika u l-ekonomija tax-xogħol bħala skop kbir u dmir kbir għalih innifsu. Magħha infatti huwa marbut ix-xogħol tal-omm, li twelled, li tradda, li teduka, li ħadd ma jistà jissostitwixxi. Xejn ma jistà jissostitwixxi l-qalb ta’ omm, li f’dar hija dejjem preżenti u dejjem tistenna. Il-veru rispett tax-xogħol iġib miegħu stima li tixraq lill-maternità, u ma jistax ikun mod ieħor. Minn dan tiddependi wkoll is-saħħa morali tas-soċjetà kollha.

Ħsibijieti u qalbi jinfetħu mill-ġdid għal darb’oħra għalikom, irġiel tax-xogħol iebes, li magħkom ħajti personali u l-ministeru pastorali tiegħi rabtuni b’modi differenti. Nawguralkom li x-xogħol li twettqu ma jiqafx ikun is-sors tal-qawwa soċjali tagħkom. Grazzi għax-xogħol tagħkom, ikunu qawwija djarkom! Grazzi għax-xogħol tagħkom, tkun qawwija Art Twelidna kollha!

3. U għalhekk għal darb’oħra mill-ġdid indawwar ħarsti lejn is-Slesia e Zaglebie ħaddiema: lejn il-fonderiji, lejn iċ-ċmieni tal-fabbriki; u hija art ta’ xogħol kbir u ta’ talb kbir. Il-wieħed u l-ieħor magħqudin strettament flimkien fit-tradizzjoni, ta’ dan il-Poplu, li t-tislima tiegħu l-iktar komuni hija espressa mill-kelmiet “Szczesc Boze” (Alla jgħinek), kelmiet li jorbtu u jirreferu l-ħsieb ta’ Alla max-xogħol uman.

Ikun ahjar illum li nbierek il-Providenza Divina waqt li niżżiha ħajr għaliex f’din l-art l-iżvilupp enormi tal-industrija – żvilupp tax-xogħol uman – mexa pass wieħed mal-bini tal-knejjes, mat-twaqqif tal-parroċċi, mal-approfondiment u r-raffurzament tal-fidi. Għaliex l-iżvilupp ma nvolviex il-skristjanizzazzjoni, il-ksur ta’ dik l-allejanza, li fir-ruħ umana għandhom jikkonkludu x-xogħol u t-talb, skont il-motto tal-benedittini: “Ora et labora”. It-talb, li f’kull xogħol uman jipprovdi r-riferenza gHal Alla Ħallieq u Redentur, jikkontribwixxi fl-istess ħin għall-“umanizzazzjoni” totali tax-xogħol. “Ix-xogħol jeżisti…sabiex inqumu” (C. K. Norwid). Il-bniedem appuntu, li bir-rieda tal-Ħallieq kien imsejjaħ, sa mill-bidu, sabiex jaħkem l-art permezz tax-xogħol, inħoloq ukoll xbiha u xebħ ta’ Alla nnifsu. Huwa ma jistà b’ebda mod ieħor jsib lilu nnifsu, jikkonferma min hu, jekk mhux billi jfittex lil Alla fit-talb. Waq li jfittex lil Alla, billi jiltaqà miegħu permezz tat-talb, il-bniedem għandu neċessarjament jsib lilu nnifsu, billi huwa jixbaħ lil Alla. Ma jistax isib lilu nnifsu b’mod ieħor jekk mhux fil-Prototip tiegħu. Ma jistax, permezz tax-xogħol, jikkonferma d-“dominju” tiegħu fuq l-art, jekk mhux billi jitlob kontemporanjament. 

Għeżież Ħuti Irġiel u Nisa! Bnedmin tax-xogħol iebes tas-Slesia, ta’ Zaglebie u tal-Polonja kollha! Tħallux li tkunu mħajra mit-tentazzjoni li l-bniedem jistà jerġà jsib għal kollox lilu nnifsu billi jiċħad lil Alla, billi jħassar it-talb minn ħajtu, billi jibqà biss ħaddiem, billi jilludi ruħu li l-prodotti tiegħu biss jistgħu jimlew il-bżonnijiet tal-qalb umana. “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem” (Mt 4,4). Dan jgħidu dak li jaf il-qalb umana, u għamel provi biżżejjed biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet materjali. “It-talba tal-Mulej”, tiġbor fiha wkoll l-invokazzjoni għall-ħobż. Dan minkejja, li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem. Ibqgħu fidili lejn l-esperjenzi tal-ġenerazzjonijiet, li kkultivaw din l-art, li tellgħu fil-wiċċ it-teżori moħbija tagħha, b’Alla fi qalbhom, bit-talb fuq xuftejhom. Ippreservaw dak li kien is-sors tal-qawwa ta’ missirijietkom u tal-antenati tagħkom, tal-familji tagħkom, tal-komunitajiet tagħkom! “It-talb u x-xogħol” isiru sors ġdid ta’ qawwa f’din il-ġenerazzjoni, u wkoll fil-qlub  ta’ wliedkom, tan nepputijiet tagħkom, u tal-pronepputijiet tagħkom. 

4. Ngħidilkom: “Szczesc Boze”: Alla jgħinkom! 

U dan ngħidu permezz ta’ Qalb l-Omm, ta’ Dik li s-saltna tagħha f’Jasna Gora tikkonsisti fli tkun Omm amoruża għalina lkoll. 

Ngħidulkom permezz tal-Qalb ta’ dik l-Omm, li għażlet għaliha post iktar qrib ta’ djarkom, tal-minjieri tagħkom u tal-fabbriki tagħkom, tal-irħula u l-bliet tagħkom, il-post ta’ Piekary. Żidu dan li qiegħed ngħidilkom illum minn din il-quċċata ta’ Jasna Gora ma’ dak li tant drabi għidtilkom, bħala metropolita ta’ Krakovja, mill-quċċata ta’ Piekary. U ftakruh! Amen. 

“Szczesc Boze”: Alla jgħinkom. Amen. 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb