PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)
QUDDIESA QRIB IL-KAMP TAL-KONĊENTRAMENT TA’ AUSCHWITZ-BIRKENAU
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Auschwitz-Birkenau, 7 ta’ Gunju 1979
1. “...Din hija r-rebħa li
għelbet lid-dinja: il-fidi tagħna” (1Ġw 5,4).
Il-Kliem tal-Ittra ta’ San
Ġwann jiġuni f’moħħi u jippenetrawni f’qalbi, hekk kif ninsab f’dan il-post fejn
seħħet rebħa partikolari tal-fidi. Dik il-fidi li twelled l-imħabba ta’ Alla u
tal-proxxmu, l-unika mħabba, l-imħabba suprema li hija lesta “li tagħti ħajjitha
għal ħbiebha” (Ġw 15,13; cfr. Ġw 10,11). Rebħa tal-imħabba, li l-fidi animat
sal-waqtiet estremi tax-xhieda aħħarija u definittiva.
Din ir-rebħa tal-fidi u
tal-imħabba kienet murija hawn f’dan il-post – minn bniedem, li ismu kien
Massimiljanu Marija, kunjomu: Kolbe; ta’ professjoni (kif kien miktub dwaru fir-reġistri
tal-kamp tal-konċentrament): saċerdot kattoliku; ta’ vokazjoni: iben San
Franġisk; imwieled: iben ta’ genituri sempliċi, ħaddiema u devoti, nissieġa
fil-viċinanzi ta’ Łódź; għall-grazzja ta’ Alla u bil-ħaqq tal-Knisja: beatu.
Rebħa ta’ fidi u mħabba,
wisq iktar brillanti, minħabba li seħħet f’post mibni għaċ-ċaħda totali tal-fidi
– dik f’Alla u dik fil-bniedem – u biex ikunu kkalpestati b’mod radikali mhux
biss l-imħabba, imma s-sinjali kollha tad-dinjità umana.
Post mibni fuq il-mibegħda
u fuq id-disprezz tal-bniedem fl-isem ta’ idejoloġija miġnuna, post mibni fuq
il-krudeltà. Għalih iwassal bieb, li għadu jeżisti, li fuqu hemm imqiegħda kitba:
“Arbeit macht frei”, li għandha ħoss disprezzanti, għaliex il-kontenut tagħha
kien kontradittiv b’mod radikali minħabba dak li kien iseħħ ġewwa.
F’dan il-bunker tal-ġuħ,
post ta’ massakru terribbli li kkawża l-mewt ta’ erbà miljun bnedmin minn
diversi nazzjonijiet, Patri Massimiljanu, waqt li offra ruħu minn rajh
għall-mewt biex isalva lil ħuh – li sallum il-ġurnata għadu jgħix fl-art
Pollakka – wassal għal rebħa spiritwali tixbaħ lil dik ta’ Kristu stess.
Imma Patri Massimiljanu
Kolbe kien l-uniku? Huwa, bla dubju, kiseb rebħa li minnufih affettwat lil sħabu
priġunieri u li tagħha, għadu wkoll sallum, jinstemà l-eku fil-Knisja u fid-dinja.
Nafu, iżda, b’rebħiet
simili oħra, naħseb, per eżempju, fil-mewt fil-forn krematorju ta’ kamp
tal-konċentrament tal-Karmelitana Sor Benedetta tas-Salib – f’Edith Stein,
studenta illustri ta’ Husserl, li saret ornament tal-filosodija Tedeska
kontemporanja – dixxendenti ta’ familja Lhudija li kienet toqgħod f’Wroclaw.
Ma rridx nieqaf fuq dawn
iż-żewġ kunjomijiet meta nagħmel il-mistoqsija: hu kien l-uniku? Hi kienet l-unika…?
Għall-kuntrarju nistaqsi, kemm rebħiet inkisbu f’dan il-post ta’ persuni ta’
diversi stqarrijiet, idejoloġċji u bla dubju ta’ xejn mhux biss fost dawk li
kienu jemmnu?
Nixtiequ nħaddnu
bis-sentiment tal-qima l-iktar profonda kull waħda minn dawn ir-rebħiet, kull
waħda minn dawk il-manifestazzjonijiet ta’ umanità. Fil-post li fih b’mod
orribbli kienet ikkalpestata d-dinjità tal-bniedem, f’isem il-mibegħda razzjali
u d-disprezz, ir-rebħa kbira finali kienet miksuba mill-fidi u mill-imħabba.
Jistà wieħed jimmeravilja
ruħu li l-Papa, mwieled u edukat f’din l-art, il-Papa li wasal għas-Sedja ta’
San Pietru mid-dijoċesi li fit-territorju tagħha jinsab il-kamp ta’Auschwitz,
beda l-ewwel Enċiklika tiegħu bil-kliem Redemptor
Hominis u li ddedikaha fit-totalità tagħha għall-kawża
tal-bniedem, għad-dinjità tal-bniedem, għet-theddid kontrieh u fl-aħħarnett
għad-drittijiet inaljenabbli li b’mod hekk faċli jistgħu jiġu kkalpestati u
annjentati minn bnedmin bħalu? Ma nkomplux inlibbsu l-bniedem b’libsa
differenti, narmawh bl-apparat tal-vjolenza, nieqfu ninponulu l-idejoloġija li
fiha d-drittijiet tal-bniedem jkunu sottomessi għall-esiġenzi tas-sistema,
sottomessi għal kollox, hekk li fil-fatt ma jibqgħux jeżistu?
2. Illum ġejt hawn bħala
pellegrin. Huwa fatt li ħafna drabi sibt ruħi hawn… Hafna drabi! U ħafna drabi
inżilt fiċ-ċella tal-mewt ta’ Massimiljanu Kolbe u waqaft quddiem il-ħajt
tal-qtil u għaddejt minn qalb ir-rovini tal-ifran krematorji ta’ Birkenau. Ma
stajt x ma niġix hawn bħala Papa.
Niġi mela hawn f’dan
is-santwarju speċjali, li fih twieled – nistà ngħid – il-patrun tas-seklu
diffiċli tagħna, hekk bħal ma disà sekli ilu twieled taħt ix-xabla ġo Rapalla
San Stanislaw, Patrun tal-Pollakki.
Imma niġi mhux biss biex
inqim lill-patrun tas-seklu tagħna. Niġi biex nħares għal darb’oħra fl-għajnejn
flimkien Magħkom, indipendentement minn dik li hija l-fidi Tagħkom, il-kawża
tal-bniedem.
Ġejt biex nitlob flimkien
magħkom ilkoll li llum ġejtu hawn – u flimkien mal-Polonja kollha – u flimkien
mal-Ewropa kollha. Kristu jrid li jien, wara li sirt Suċċessur ta’ Pietru,
nagħti xhieda quddiem id-dinja ta’ dak li jikkostitwixxi l-kobor tal-bniedem ta’
żmienna u l-miżerja tiegħu. Ta’ dak li huwa t-telfa tiegħu u r-rebħa tiegħu.
Allura ġejt u ninżel
għarkubtejja fuq din il-Golgota tad-dinja kontemporanja, fuq dawn l-oqbra,
il-biċċa l-kbira mingħajr isem, bħall-qabar il-kbira tas-Suldat mhux Magħruf.
Ninżel għarkubtejja quddiem il-lapidi kollha waħda wara l-oħra u li fuqhom hemm
minquxa t-tifkira tal-vittmi ta’ Birkenau b’dawn il-lingwi li ġejjin: Pollakk,
Ingliż, Bulgaru, Żingaru, Ċek, Daniż, Franċiż, Grieg, Lhudi, Yiddish, Spanjol,
Fjamming, Serb-Kroat, Tedesk, Norveġiż, Russu, Rumen, Ungeriż, Taljan.
B’mod speċjali nieqaf
flimkien magħkom, għeżież parteċipanti f’din il-laqgħa, quddiem il-lapida
bil-kitba bil-lingwa Lhudija. Din il-kitba tqanqal it-tifkira tal-Poplu, li
wliedu subien u bniet kienu ddestinati għall-isterminju totali. Dan il-Poplu
għandu l-oriġni tiegħu minn Abraham, li huwa missier il-fidi tagħna (cfr. Rm
4,12), kif esprima ruħu Pawlu ta’ Tarsu. Propju dan il-Poplu, li rċieva mingħand
Alla l-kmandament “la toqtolx”, ipprova fuqu stess il-qies speċjali ta’ xi
jfisser toqtol. Quddiem din il-lapida mhu leċtu għal ħadd li jgħaddi minn
quddiemha b’indifferenza.
Ukoll quddiem lapida oħra
nagħżel li nieqaf: dik tal-lingwa Russa. Ma jien se nżid ebda kumment. Nafu dwar
liema nazzjon titkellem. Nafu dwar liema kienet il-parti li kellu dan in-nazzjon
fl-aħħar gwerra terribbli għal-libertà tal-popli. Quddiem din il-lapida wieħed
ma jistax jgħaddi b’mod indifferenti.
Fl-aħħarnett l-aħħar
lapida: dik bil-lingwa Pollakka. Huma sitta l-miljuni tal-Pollakki li tilfu
ħajjithom matul it-tieni gwerra mondjali: parti minn ħamsa tan-nazzjon. Stadju
ieħor tal-ġlieda sekolari ta’ dan in-nazzjon, tan-nazzjon tiegħi,
għad-drittijiet tiegħu fundamentali fost il-popli tal-Ewropa. Għajta oħra
għad-dritt għall-postu fuq il-mappa tal-Ewropa. Kont ieħor doloruż mal-koxjenza
tal-umanità.
Għażilt tliet lapidi biss.
Hemm bżonn li wieħed jieqaf quddiem kull waħda minn dawk eżistenti, u hekk se
nagħmlu.
3. Auschwitz huwa tali
kont mal-kuxjenza tal-umanità permezz tal-lapidi li jixhdu l-vittmi ta’ dawn
il-popli li wieħed ma jistax biss iżurhom, imma hemm bżonn ukoll li jaħseb
b’biżà għal din li kienet waħda mill-fruntieri tal-mibegħda.
Auschwitz huwa waħda
mix-xhieda tal-gwerra. Il-gwerra ġġib magħha tkabbir sproporzjonat tal-mibegħda,
tal-qerda, tal-krudeltà. U jekk dak li jkun ma jistax jinnega li din
timmanifesta wkoll possibiltajiet ġodda tal-kuraġġ uman, tal-eroiżmu,
tal-patrijottiżmu, jibqà madankollu l-fatt li fiha jispikka il-kont tat-telf.
Jispikka dejjem iktar, għaliex kuljum tikber il-ħila distruttiva tal-armi
ivvintati mit-teknika moderna. Tal-gwerra huma responsabbli mhux biss dawk li
jikkawżawha b’mod dirett, imma wkoll dawk li ma jagħmlux dak kollu possibbli
biex jevitawha. U għalhekk jien għandi l-permess li nirrepeti f’dan il-post
il-kliem li Pawlu VI ippronunzja quddiem l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda:
“Biżżejjed tiftakru li d-demm ta’ miljuni ta’ bnedmin u tbatijiet bla numru u li
qatt ma nstemgħu bħalhom, straġi inutli u rovini formidabbli jistabilixxu l-patt
li jgħaqqadhom, b’ġurament li għandu jbiddel l-istorja futura tad-dinja: mhux
iktar il-gwerra, mhux iktar il-gwerra! Il-paċi, il-paċi għandha tiggwida x-xorti
tal-Popli u tal-umanità kollha kemm hi!” (Paolo VI, Allocutio
in Consilio Nationum Unitarum: AAS 57, 1965, p. 881).
Jekk madankollu din
is-sejħa kbira ta’ Auschwitz, il-karba tal-bniedem hawn immarterizzat għandha
ġġib frott għall-Ewropa ( u wkoll għad-dinja), hemm bżonn li tislet
il-konsegwenzi kollha ġusti mid “Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-bniedem”,
bħalma ħeġġeġ li jsir Ġwanni XXIII fl-enċiklika Pacem in terris.
Infatti fiha tiġi “magħrufa, fil-forma l-iktar sollenni, id-dinjità tal-persuna
lill-esseri umani kollha; u għalhekk jiġi pproklamat tagħhom bħala dritt
fundamentali dak li liberament ifittxu l-verità, fl-attwazzjoni tal-ġid morali u
tal-ġustizzja; u d-dritt għal ħajja dinjituża, u jiġu wkoll ipproklamati
drittijiet oħra marbutin ma’ dawk li aċċennajna” (Ġwanni XXIII, Pacem
in Terris, IV: AAS 55 [1963], p. 295-296).
Hemm bżonn li nerġgħu lura
għall-għerf tax-xwejjaħ surmast Paweł Włodkowic, Rettur tal-Università
Jagellonica fi Krakovja fil-XV-il seklu, biex nassiguraw id-drittijiet
tan-nazzjonijiet: għall-eżistenza, għal-libertà, għall-indipendenza,
għall-kiltura propja, għall-iżvilupp onest.
Jikteb Włodkowic: “Fejn
jopera iktar il-poter milli l-imħabba, ifittxu l-interessi tagħhom u mhux dawk
ta’ Ġesù Kristu, għalhekk facilment jitbegħdu min-norma tal-liġi divina… (…)
Kull dritt jopponi għal min jhedded lil dawk li jridu jgħixu fil-paċi: jopponi
d-dritt ċivili… u kanoniku…, id-dritt naturali, jiġifieri il-prinċipju: “Dak li
trid għalik, agħmlu għall-oħrajn”. Jopponi d-dritt divin, minħabba li… fl-istabbilit
“La tisraqx” tiġi pprojbita kull serqa u fl-istabbilit “La toqtolx” kull
vjolenza” (Paweł Włodkowic, Saevientibus [1415], Tract. II, Solutio
quaest. 4ª; cf. L. Ehrlich, Pisma Wybrane Pawła Włodkowica, Warszawa
1968, t. 1, p. 61; 58-59).
U mhux biss jopponi ruħu
d-dritt, imma wkoll u, b’mod speċjali l-imħabba. Dik l-imħabba tal-proxxmu li
fiha timmanifesta ruħha tittraduċi ruħha l-imħabba ta’ Alla li Kristu pproklama
bħala l-kmandament tiegħu. Imma huwa wkoll il-kmandament li kull bniedem iġorr
miktub f’qalbu, minqux mill-istess Ħallieq tiegħu.
Tali kmandament
jikkonkretizza ruħu fir-“rispett tal-ieħor”, tal-personalità tiegħu,
tal-koxjenza tiegħu; jikkonkreta ruħu fid-“djalogu mal-ieħor”, fli jkun jaf
jirriċerka u jagħraf kemm tajjeb u pożittiv jistà jkun ukoll f’min għandu ideat
differenti minn tagħna, ukoll f’min, in buona fede, sinċerament jiżbalja…
Qatt ma huwa leċitu għal
nazzjon li jkabbar il-poter tiegħu bil-prezz tal-iskjavitù tal-ieħor, bil-prezz
tal-konkwista, tal-insult, tal-isfruttament u tal-mewt!
Dawn huma l-ħsibijiet ta’
Ġwanni XXIII u ta’ Pawlu VI dwar il-paċi fid-dinja moderna. Dan il-kliem qiegħed
jiġi ppronunzjat mis-suċċessur indenn tagħhom. Imma jippronunzjahom fl-istess
waqt l-iben tan-Nazzjon li fl-istorja tiegħu remota u riċenti ġarrab mill-oħrajn
tbatijiet multipli.
Bdanakollu ppermettuli li
ma nsemmihomx b’isimhom… Ninsabu fil-post li fih nixtiequ naħsbu dwar kull poplu
u dwar kull persuna bħala ħutna. U jekk f’dak li għidt kien hemm qrusa, għeżież
Ħuti, ma kinitx intenzjoni tiegħi li nakkuża, imma biss li nfakkar.
Infatti qiegħed nitkellem
mhux biss bir-rigward ta’ dawk li f’numru ta’ erbà miljuni ta’ vittmi mietu
f’dan il-kamp enormi; qiegħed nitkellem f’isem in-nazzjonijiet kollha, li
d-drittijiet tagħhom jiġu vvjolati u minsija. Dan qiegħed ngħidu għaliex għal
dan jimbuttani il-ħsieb għall-verità u għall-bniedem, preżenti fina lkoll.
Għalhekk nitlob lil dawk
kollha li qegħdin jisimgħuni biex jikkonċentraw ruħhom u biex jikkonċentraw
il-forzi kollha tagħhom waqt li jimpenjaw ruħhom favur il-bniedem. Nitlob lil
dawk kollha li qegħdin jisimgħuni bil-fidi f’Ġesù Kristu biex jinġabru fit-talb
għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni.
Għeżież Ħuti, m’għandi
xejn iktar xi ngħid.
Jiġini f’moħħi l-kliem
tas-supplika:
Alla Qaddis, Alla Qawwi,
Qaddis u Immortali!
Mill-pestilenza, mill-ġuħ,
min-nar u mill-gwerra… u mill-gwerra, eħlisna, o Mulej.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|