Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Katidral ta’ Gniezno, 3 ta’
Ġunju 1979
Eminentissmu u wisq maħbub Primat tal-Polonja!
Għeżież Ħuti Arċisqfijiet u
Isqfijiet Pollakki.
1. Insellem fikom ilkoll lill-poplu ta’ Alla, li jgħix f’Art
Twelidi: Saċerdoti, Familji,
Reliġjużi, Laiċi! Insellem
lill-Polonja mgħammda iktar minn
elf sena ilu! Insellem
lill-Polonja imdaħħla
fil-misteri tal-ħajja divina
permezz tas-sagramenti
tal-Magħmudija u tal-Griżma.
Insellem lill-Knisja fuq l-art
tal-antenati tiegħi,
fil-komunjoni u l-għaqda
ġerarkika mas-Suċċessur ta’ San
Pietru. Insellem lill-Knisja
fil-Polonja li, sa mill-bidu,
kienet iggwidata mill-qaddisin
Isqfijiet u Martri Wojciech (Adalberto)
u Stanislaw, magħqudin mar-Reġina
tal-Polonja, is-Sinjura tagħna
ta’ Jasna Gora (Chiaromonte –
Czestochowa): ġejt fostkom bħala
pellegrin tal-Ġublew il-kbir,
insellem lilkom ilkoll, Ħuti
Irġiel u Nisa għeżież, bil-bewsa
fraterna tal-paċi.
2. Hekk hu, wasal mill-ġdid jum il-Pentekoste, u aħna ninsabu b’mod
spiritwali fiċ-ċenaklu ta’
Ġerusalem, u fl-istess ħin
ninsabu hawn preżenti: f’dan
iċ-ċenaklu tal-millenju Pollakk
tagħna, li fih dejjem tkellimna
bl-istess qawwa d-data
misterjuża ta’ dak il-Bidu, li
minnu nibdew ngħoddu s-snin
tal-istorja ta’ Art Twelidna u
tal-Knisja, imdaħħla fiha. L-istorja
tal-Polonja dejjem fidila. Hekk
hu, fil-jum tal-Pentekoste,
fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem,
titwettaq l-wegħda ssiġillata
bid-demm tal-Feddej fuq
il-Kalvarju: “Irċievu l-Ispirtu
Santu; lil min taħfrulu dnubietu
jkunu maħfura u lil min ma
taħfruhomlux ma jkunux maħfura”
(Ġw 20,22-23). Il-Knisja
titwieled propju mill-qawwa ta’
dan il-kliem. Titwieled mill-qawwa
ta’ dan in-nifs. Imħejjiha mill-ħajja
kollha ta’ Kristu, hija
titwieled b’mod definittiv meta
l-Appostli rċivew mingħand
Kristu d-don tal-Pentekoste,
meta rċivew mingħandu l-Ispirtu
Santu. L-inżul tiegħu jindika l-bidu
tal-Knisja, li tul
il-ġenerazzjonijiet kollha trid
tintroduċi l-umanità – l-individwi
u n-nazzjonijiet – fl-għaqda
tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. L-inżul
tal-Ispirtu Santu jfisser
il-bidu u l-kontinwità ta’ dan
il-misteru. Il-kontinwità hija
nfatti r-ritorn kostanti
għall-bidu.
U hekk hu nisimgħu kif, fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem, l-Appostli
mimlijin bl-Ispirtu Santu “bdew
jitkellmu bil-lingwi l-oħra kif
l-Ispirtu tahom il-qawwa biex
jesprimu ruħhom” (At 2,4).
Il-lingwi differenti saru
tagħhom, saru l-lingwi propji
tagħhom, grazzi għall-azzjoni
misterjuża tal-Ispirtu Santu li
“jonfoħ fejn irid” (Ġw 3,8)
u jġedded “il-wiċċ tal-art” (Sal 104,30).
U għalkemm l-Awtur tal-“Atti” ma
jelenkax fost il-lingwi, li
f’dak il-jum l-Appostli bdew
jitkellmu, il-lingwa tagħna,
kellu jasal żmien li fih
is-Suċċessuri tal-Appostli
taċ-ċenaklu kellhom jaslu li
jibdew jitkellmu l-lingwa
tal-antenati tagħna u jħabbru
l-Vanġelu lill-Poplu, li biss
f’din il-lingwa setgħu jifhmuh u
jaċcettawh.
3. Sinifikattivi huma l-ismijiet tal-Kastelli tal-Piast, li fihom
seħħet t-translazzjoni storika
tal-Ispirtu u fl-istess ħin
inxtegħlet il-fjakkola
tal-Vanġelu fuq art l-antenati
tagħna. Il-lingwa tal-Appostli
għall-ewwel darba kisbet,
bħallikieku kienet traduzzjoni
ġdida, ħoss li il-poplu li kien
jgħix għal għonq il-Varta u
l-Vistula fehem u li aħna għadna
nifħmu sallum.
Infatti, il-kastelli li magħhom huwa marbut il-bidu tal-fidi fuq
l-art tal-Pollakki, antenati
tagħna, huma dawk ta’ Poznan –
fejn sa mill-iktar żminijiet
antiki, u jiġifieri wara sentejn
mill-magħmudija ta’ Mieszko,
kien jgħammar l-Isqof – dak ta’
Gniezmo – fejn fis-sena 1000
seħħ l-att il-kbir ta’ karattru
ekkleżjastiku u statali-. Ħdejn
ir-relikwi ta’ San Wojciech
(Sant’Adalberto), iltaqgħu
l-mibgħuta tal-Papa Silvestru II
ta’ Ruma mal-Imperatur Ruman
Ottone III u mal-ewwel re
Pollakk(li dak iż-żmien kien
għadu prinċep) Boleslao Chrobry
(il-Qalbieni), iben u suċcessur
ta’ Mieszko, waqqfu l-ewwel
metropolija Pollakka u b’dan
il-mod qiegħdu l-bażi tal-ordni
ġerarkiku għall-istorja kollha
tal-Polonja. Fl-istruttura ta’
din il-metropolija, aħna nsibu,
fis-sena 1000, is-sedji
episkopali ta’ Krakovja, Qroclaw
u Kolobrzeg, marbutin
f’otganizzazzjoni ekkeżjastika
unika.
Kull darba li niġu hawn, f’dan il-post, hemma bżonn li naraw
iċ-ċenaklu ta’ Pentekoste miftuħ
mill-ġdid. U jeħtieg li nisimghu
l-lingwaġġ ta’ missirijietna li
fih bdiet tidwi l-aħbar
tal-“opri kbar ta’ Alla” (At 2,11).
U huwa wkoll hawn li l-Knisja
fil-Polonja fl-1966 intonat
l-ewwel “Te Deum” tagħha ta’
ringrazzjament għall-millenju
tal-Magħmudija, li għalih kelli
x-xorti li nieħu sehem bħala
l-metropolita ta’ Krakovja.
Ippermettu li llum, bħala
l-ewwel Papa tad-demm Pollakk,
inkanta għal darb’oħra flimkien
magħkom dan it-“Te Deum”
tal-millenju. Bla qies u
tal-għaġeb huma d-digrieti
tal-Mulej li jippjanaw it-toroq
li jwasslu, minn Silvestru II sa
Ġwanni Pawlu II, f’dan il-post!
4. Wara tant sekli reġa nfetaħ mil-ġdid iċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem u
bi stagħġib ma kinux biss
il-popli tal-Mesopotamja u
tal-Ġudea, tal-Egittu u tal-Asja
li stagħġbu, jew dawk li ġew
minn Ruma imma l-popli Slavi u
l-popli l-oħrajn li jgħixu f’din
ix-caqliba tal-Ewropa, li semgħu
lill-Appostli ta’ Ġesù Kristu
jitkellmu l-lingwa tagħhom u
rrakkontawlhom bil-lingwa
tagħhom “l-opri kbar ta’ Alla”.
Meta storikament l-ewwel sultan
tal-Polonja ried jintroduċi fiha
l-Kristjaneżmu u jgħaqqadha
mas-Sede ta’ San Pietru, huwa
dar b’mod speċjali lejn il-popli
ġirien, u ħa b’martu lil
Bobrawa, bint il-Prinċep Ċek
Boleslao, li billi kienet
nisranija, saret parrina ta’
żewġha u tas-sudditi kollha
tiegħu. Flimkien magħha ġew
fil-Polonja missjunarji, li
kienu minn diversi nazzjonijiet
tal-Ewropa, l-Irlanda, l-Italja,
il-Ġermanja, bħall-Isqof Qaddis
u martri, San Bruno ta’
Querfurt. Fit-tifkira
tal-Knisja, fuq l-artijiet ta’
Boleslao, impressjona b’mod
inċiżiv San Wojciech
(Sant’Adalberto), iben u ragħaj
tan-nazzjon ġar Ċek. Hija
magħrufa l-istorja tiegħu waqt
il-perijodu li fih kien Isqof
ta’ Praga, huma magħrufa
l-pellegrinaġġi tiegħu f’Ruma u
b’mod speċjali il-waqfa tiegħu
fil-qorti ta’ Gniezno, li kellha
tħejjih għall-aħħar vjaġġ tiegħu
missjunarju fit-Tramuntana.
Fl-inħawi tal-Baħar Baltiku
dan-l-Isqof eżiljat, dan
il-missjunarju nstankabbli sar
dik iż-żerriegħa li taqà fl-art
fejn tmut biex tagħti ħafna
frott (cf.Ġw 12,24).
Ix-xhieda tal-martirju,
ix-xhieda tad-demm ssiġillat
b’mod speċjali l-magħmudija li
elf sena ilu rċivew
missirijietna. Il-fdalijiet
immartirizzati tal-Appostlu
(Adalberto) tefgħu s-sisien
tal-Kristjaneżmu tal-art kollha
Pollakka. U għalhekk, huwa sewwa
li nara quddiem għajnejja din
il-kitba, din il-kitba miktuba
bil-lingwa fraterna, bil-lingwa
ta’Sant’Adalberto: “Ftakar,
Santità, f’uliedek Ċeki”.
Fiż-żminijiet l-imgħoddija, dawn
il-lingwi slavi hekk qrib ta’
xulxin, kienu jidwu b’mod iktar
simili. Il-lingwistika turi, kif
kienu twieldu mill-istess għerq
slav, mill-għerq komuni
tal-Kristjaneżmu, mill-għerq ta’
Sant’Adalberto. “Ftakar,
Santità, f’uliedek iċ-Ċeki”. Ma
jistax dan il-Papa, li jġib
l-eredità ta’ Adalberto, jinsa
lil dawn l-ulied. U aħna lkoll,
għeżież Ħuti Irġiel u Nisa, li
nġibu fina l-istess eredità ta’
Adalberto, ma nistgħux ninsew
lil dawn ħutna!
5. Meta llum fl-anniversarju tal-inżul tal-Ispirtu Santu fis-sena
tal-Mulej 1979, inmorru lura
għal dawk iż-żminijiet inizjali,
ma nistgħux ma nħossux qrib
il-lingwa ta’ missirijietna
wkoll lingwi oħra slavi girien,
li magħhom allura beda jitkellem
iċ-ċenaklu miftuħ b’mod wiesà
fuq l-istorja.
B’mod speċjali ma jistax ma jħossx dawn il-lingwi l-ewwel Papa Slav
fl-istorja tal-Knisja. Forsi
propju mħabba f’dan Kristu
għażlu, forsi minħabba f’hekk
l-Ispirtu Santu mexxieh, sabiex
huwa jintroduċi fil-komunjoni
tal-Knisja l-fehim tal-kliem u
tal-lingwi li għadhom jidwu
barranija fil-widna mdorrija
għall-ħsejjes Rumani, Ġermaniċi,
Anglosassoni, Ċelti. Ma jridx
jewwilla Kristu li l-Ispirtu
Santu jagħmel li l-Knisja Omm fi
tmiem it-tieni millenju
tal-Kristjaneżmu tbaxxi b’fehim
amoruż, b’sensibiltà singolari,
lejn il-ħsejjes ta’ dak
il-lingwaġġ uman, li jitħabblu
f’xulxin fil-għerq komuni,
fl-etimoloġija komuni, u li –
minkejja n-noti differenti
(saħansitra fl-ortigrafija) –
idoqqu b’mod reċiproku viċini u
familjari? Ma jridx jewwilla
Kristu, ma jiddisponix l-Ispirtu
Santu, li dan il-Papa – li jġorr
f’ruħu stampata b’mod profond
l-istorja tan-nazzjon tiegħu sa
mill-istess bidu tiegħu, u wkoll
l-istorja tal-popli aħwa u
ġirien – juri u jikkonferma,
b’mod speċjali, fl-epoka tagħna
l-preżenza tagħhom fil-Knisja u
l-kontribut speċjali tagħhom
għall-istorja tal-Kristjaneżmu?
Mhuwiex jewwilla pjan
providenzjali li huwa jqanqal
l-iżviluppi li propju hawn,
f’din il-parti tal-Ewropa,
għarfet l-arkitettura għanja
tat-tenpju tal-Ispirtu Santu?
Ma riedx forsi Kristu, ma jiddisponix forsi l-Ispirtu Santu, li dan
il-Papa Pollakk, Papa Slav
propju issa jimmanifesta
l-għaqda spiritwali tal-Ewropa
nisranija? Nafu li din l-għaqda
nisranija tal-Ewropa hija
magħmula minn żewġ
tradizzjonijiet kbar: tal-Punent
u tal-Lvant. Aħna l-Pollakki, li
għażilna matul il-millenju kollu
is-sehem fit-Tradizzjoni
tal-Punent, l-istess bħal ħutna
Litwani, dejjem irrispettajna
matul il-millenju tagħna
t-tradizzjonijiet insara
tal-Lvant L-artijiet tagħna
kienu ospitali għal dawn
it-tradizzjonijiet meraviljużi
li għandhom oriġni f’Ruma
l-ġdida, f’Kostantinopli, imma
wkoll nixtiequ b’mod
sensazzjonali nitolbu lil dawn
ħutna, li jesprimu t-tradizzjoni
tal-Kristjaneżmu tal-Lvant, li
jiftakru l-kliem tal-Appostlu:
“fidi waħda, magħmudija waħda,
Alla wieħed Missier kulħadd,
Missier Sidna Ġesù Keistu”, li
jiftakru dan kollu li issa,
fl-epoka tar-riċerka tal-għaqda
l-ġdida tal-insara, fl-epoka
tal-ekumeniżmu l-ġdid,
jikkoperaw magħna f’din l-opra
kbira li fiha hemm preżenti
l-Ispirtu Santu. Iva, Kristu
jrid, l-Ispirtu Santu
jiddisponi, li dak li qiegħed
ngħid jien ikun migħud propju
hawn, issa, fi Gniezno, fl-art
tal-Piast, fil-Polonja, ħdejn
ir-relikwi ta’ San Wojciech
(Sant’Adalberto) u ta’ San
Stanislaw, quddiem x-xbiha
tal-Verġni-Omm Alla, Sinjura ta’
Chiaromonte u Omm il-Knisja.
Jinħtieġ li fl-okkażjoni tal-Magħmudija tal-Polonja tkun imfakkra
l-kristjanilizzazzjoni
tas-Slavi, tal-Kroati u
tas-Sloveni, li fosthom ħadmu
l-missjunarji, diġa madwar
is-sena 650, waqt li wasslu
it-twettiq tal-evanġelizzazzjoni
fil-parti l-kbira lejn is-sena
800; tal-Bulgari, li l-prinċep
tagħhom Borys I irċieva
l-Magħmudija fis-sena 864 jew
865; tal-Moravi u s-Slovakki, li
ħdejhom waslu l-missjunarji
qabel is-sena 850, segwiti
mill-Qaddisin Ċirillu u Metodju,
li waslu fil-Moravja l-kbira
biex jikkonsolidaw il-fidi
tal-komunitajiet żgħażagħ;
taċ-Ċeki, li l-prinċep tagħhom
Borivoi kien mgħammed minn San
Metodju. Fl-isfera tat-tidwil
evanġeliku ta’ San Metodju u
tad-dixxipli tiegħu sabu ruħhom
ukoll il-Vislani u l-Islavi li
kienu jgħixu fis-Serbia. Jeħtieġ
li niftakru wkoll il-Magħmudija
tar-Russja f’Kiev, fl-1988. Hemm
bżonn fl-aħħarnett niftakru
l-kristjanizzazzjoni tal-Islavi
li jgħixu tul ix-xmara Elba:
l-Obotriti, il-Wieleti u
sd-Serbi Lusaziani.
Il-kristjanizzazzjoni tal-Ewropa
twettqet għal kollox
bil-magħmudija tal-Litwanja
fis-snin 1386 u 1387.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II – Slav, iben in-nazzjon Pollakk – iħoss
kemm huma mgħaddsa b’mod profond
fl-art tal-istorja l-għeruq li
minnhom huwa stess jieħu
l-otiġni, kemm sekli għandha
wara spallejha din il-kelma
tal-Ispirtu Santu li huwa stess
ixandar mill-Għolja Vatikana ta’
San Pietru u hawn, fi Gniezno,
mill-għolja ta’ Lech u fi
Krakovja mill-għoli tal-Wawel.
Dan il-Papa – xhud ta’ Kristu, maħbub tas-Salib u tal-Qawmien
mill-Imwiet –jiġi llum f’dan
il-post biex jagħti xhieda lil
Kristu ħaj fir-ruħ ta’ art
twelidu, lil Kristu ħaj
fl-erwieħ tan-nazzjonijiet li
minn żmien ilu laqgħuh bħala
“t-triq, il-verita u l-ħajja” (Ġw 14,6).
Huwa jiġi biex jitkellem quddiem
il-Knisja kollha, quddiem
l-Ewropa u d-dinja, dwar dawk
in-nazzjonijiet u
popolazzjonijiet spiss minsija.
Jiġi biex jgħajjat “b’leħen
għoli”. Jiġi biex jindika
t-toroq li b’diversi modi
jwasslu lura lejn iċ-ċenaklu
tal-Pentekoste, lejn is-Salib u
l-Qawmien mill-Imwiet. Jiġi biex
iħaddan lil dawn il-popli kollha
– flimkien mal-propju Nazzjon –
u biex jagħfashom ma’ qalb
il-Knisja, mal-qalb ta’ Omm
il-Knisja, li fiha jqiegħed
fiduċja bla limiti.
6. Minn hawn u ftit ieħor tintemm hawn, fi Gniezno, iż-żjara
tas-Sagra Ikona. Ix-xbiha
ta’Sidtna ta’ Jasna Gora, ix-xbiha
tal-Omm tesprimi b’mod singolari
l-preżenza tagħha fil-misteru ta’
Kristu u tal-Knisja li tgħix sa
minn bosta sekli fl-art Pollakka.
Din ix-xbiha, li sa minn iktar
minn għoxrin sena żżur l-knejjes
singli, id-dijoċesijiet,
il-parroċċi f’din l-art, ittemm
minn hawn u ftit ieħor iż-żjara
tagħha fi Gniezno, sede antika
tal-Primati, u tmur Jasna Gora
biex tibda l-pellegrinaġġ tagħha
fid-dijoċesi ta’ Czestochowa.
Huwa tassew b’ferħ kbir li nistà
nwettaq dan l-istadju
tal-pellegrinaġġ tiegħi flimkien
ma’ Marija, u flimkien magħha
nsib ruħi għal għonq l-itinerarju
storiku l-kbir li spiss wettaqt,
minn Gniezno għal Krakovja, minn
ġo Jasna Gora, minn San Wojciech
(Sant’Adalberto) għal San
Stanislaw, permezz tal-“Verġni
Omm Alla, minn Alla mfawra
bil-glorja, Marija”.
Itinerarju prinċipali tal-istorja spiritwali tagħna li fuqu jimxu
l-Pollakki kollha, dawk
tal-Punent u dawk tal-Lvant, kif
ukoll dawk barra minn Art
Twelidna fid-diversi
nazzjonijiet, fid-diversi
kontinenti li nittama li qegħdin
jisimgħuni… Ikun diffiċli
għalija li naħseb li kwalunkwè
widna Pollakka u Slava fi
kwalunkwè rokna tal-globu, ma
setgħetx tismà l-kelma tal-Papa
Pollakk u Slav. Għeżież tiegħi,
nittama li qegħdin tisimgħuni,
nittama liqegħdin tisimgħuni,
għaliex qegħdin ngħixu fl-epoka
tat-tant imxandra libertà
tal-bdil tal-informazzjoni,
tal-bdil tal-ġid kulturali u
aħna hawn nilħqu l-għeruq ta’
dan il-ġid. Hekk, Ħuti Itġiel u
Nisa, ninsabu fuq l-itinerarju
ewlieni tal-istorja spiritwali
tagħna.
Dan huwa fl-istess ħin wieħed mill-itinerarji ewlenin tal-istorja
tal-Islavi kollha, u wieħed
mill-itinerarji ewlenin
tal-istorja tal-Ewropa. F’dawn
il-jiem għall-ewwel darba se
jmur bħala pellegrin għal għonq
dan l-itinerarju dan il-Papa, l-Isqof
ta’ Ruma, is-Suċċessur ta’
Pietru, l-ewwel fost dawk li
ħarġu miċ-ċenaklu tal-Pentekoste
ta’ Ġerusalem, waqt li kantaw:
“Mulej, Alla tiegħi, kemm inti
kbir! Imlibbes bil-majjestà u
bil-glorja, imdawwar bid-dawl
bħallikieku b’mant… Kemm huma
kbar, Mulej, l-opri tiegħek!
Agħmilt kollox bil-għaqal, l-art
hija mimlija bil-krejaturi
tiegħek…Toħloqhom meta tibgħat
l-Ispirtu tiegħek u ġgedded
il-wiċċ tal-art” (Sal 104,1-2.24.30).
Hekk se jkanta magħkom, għeżież
Konnazzjonali, dan il-Papa, demm
minn demmkom, għadam minn
għadamkom, u magħkom se jgħajjat:
“Il-glorja tal-Mulej hija għal
dejjem; jifraħ il-Mulej bl-opri
tiegħu… Il-glorja tal-Mulej hija
għal dejjem. għalih ikun
aċċettabbli l-kant tiegħi” (Sal 104,31.34).
Inmorru flimkien fuq din it-triq
tal-istorja tagħna, il-Jasna
Gora, lejn il-Wawel, lejn San
Stanislaw. Inmorru waqt li
naħsbu fl-imgħoddi, imma b’ruħna
mifruxa lejn il-futur… Ma
nerġgħux lura lejn l-imgħoddi!
Se nmorru lejn il-futur!
“Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20,22)!
Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Emanuel Zarb
|