Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...


VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-IRLANDA

QUDDIESA MQADDSA QRIB IS-
SANTWARJU TA’ KNOCK

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Knock, 30 ta’ Settembru 1979

 

Għeżież Ħuti fi Kristu, ulierd fidili u wlied ta’ Marija.

1. Hawn qiegħed nilħaq l-iskop tal-vjaġġ tiegħi fl-Irlanda: Is-Santwarju ta’ Sidtna ta’ Knock. Mill-waqt li fih sirt naf biċ-ċentinarju ta’ dan is-Santwarju, li qed jiġi ċċelebrat din is-sena, ħassejt xewqa qawwija li niġi hawn, ix-xewqa li għal darb’oħra nwettaq pellegrinaġġ ieħor fis-Santwarju ta’ Omm Kristu, Omm il-Knisja, is-Sultana tal-Paċi. Din ix-xewqa tiegħi ma tissorprendikomx. Nibda minn żgħożiti u f’Pajjiżi, kienet drawwa tiegħi li nagħmel pellegrinaġġi għas-santwarji tal-Madonna. Dawn ukoll għamilthom ukoll meta kont Isqof u Kardinal.

Naf tajjeb ħafna li kull poplu, kull Pajjiż, u wkoll kull dijoċesi, għandhom il-postijiet qaddisa tagħhom li fihom il-qalb tal-poplu kollu ta’ Alla tħabbat, wieħed jistà jgħid, b’mod iktar ħaj: postijiet ta’ laqgħa speċjali bejn Alla u l-esseri umani: postijiet li fihom jgħammar Kristu b’mod speċjali f’nofsna. Jekk dawn il-postijiet huma sikwit tant ikkonsagrati lil Ommu, dan jirrivelalna b’forma iktar sħiħa n-natura tal-Knisja tiegħu. Sa mill-Konċilju Vatikan II, li temm il-Kostituzzjoni tiegħu dwar il-Knisja bil-kapitolu dwar “Il-Beata Verġni Marija, Omm Alla, fil-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja”, dan il-fatt huwa llum għalina iktar evidenti minn qatt qabel: iva, għalina lkoll, għall-insara kollha. Ma xxandrux ma’ ħutna kollha, ukoll dawk li magħhom għadna m’aħniex magħqudin għal kollox, li aħna poplu pellegrin? Bħalma darba waħda dan il-poplu ppellegrina taħt il-gwida ta’ Mosè hekk aħna, il-poplu ta’ Alla tal-patt il-ġdid, qegħdin nimxu bħala pellegrini taħt il-gwida ta’ Kristu.

Jiena hawn bħala pellegrin, sinjal tal-Knisja pellegrinanti matul id-dinja u parteċipanti, permezz tal-preżenza tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru, b’mod għal kollox speċjali għaċ-ċelebrazzjoni ċentenarja ta’ dan is-Santwarju. Il-liturġija tal-kelma tal-Quddiesa tallum tofrili l-mod biex nagħti t-tislima tiegħi ta’ pellegrin lil Marija, waqt li nersaq quddiemha fis-Santwarju Marjan tal-Irlanda fi Cnoc Mhuire, l-għolja ta’ Marija.

2. “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek” (Lq 1,42). Dan huwa l-kliem li bih Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu Santu, sellmet lil Marija, il-qariba tagħha ta’ Nażżaret.

“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”! Din hija wkoll it-tislima tiegħi lil Muire Máthair Dé, Marija Omm Alla, Sultana tal-Irlanda, f’dan is-Santwarju ta’ Knock. B’dan il-kliem irrid nesprimi l-ferħ immens u l-gratitudni li llum timla qalbi f’dan il-post. Ma stajtx nixtieq li nagħmel mod ieħor. Il-waqtiet l-iktar għoljin tal-vjaġġi pastorali riċenti tiegħi kienu ż-żjajjar lis-Santwarji ta’ Marija: lill-Madonna ta’ Guadalupe fil-Messiku, lill-Madonna s-Sewda ta’ Jasna Gora f’art Twelidi u tliet ġimgħat ilu, lill-Madonna ta’ Loreto fl-Italja. Illum niġi hawn għaliex irrid li intom ilkoll tkunu tafu li d-devozzjoni tiegħi lejn Marija torbotni mal-poplu tal-Irlanda b’mod speċjalissmu.

3. Din tagħkom hija tradizzjoni spiritwali antika ta’ devozzjoni lejn il-Madonna. Marija tista tgħid verament dwar l-Irlanda dak li għadna kemm smajna fl-ewwel qari: “Tfajt għeruqi f’nofs poplu glorjuż” (Sir 24,12). Il-qima lil Marija hija hekk minsuġa b’mod profond fil-fidi tagħkom li l-oriġni tagħha jintilef fl-ewwel sekli tal-evanġelizzazzjoni ta’ Pajjiżkom. Qaluli li fid-djalett Irlandiż, l-ismijiet ta’ Alla, ta’ Ġesù u ta’ Marija huma marbutin ma’ xulxin, u li rarament fit-talb jew fil-barka jissemma l-isem ta’ Alla mingħajr ma jissemma wkoll l-isem ta’ Marija. Naf ukoll li għandkom poeżija Irlandiża tat-VIII seklu li ssejjaħ lil Marija “Xemx tar-razza tagħna”, u li litanija tal-istess żmien tonoraha bħala “Omm il-Knisja ċelesti u dinjija”. Imma aħjar minn kwalunkwè espressjoni letterarja hija d-devozzjoni lejn Marija kostanti u radikata li tiġġustifika s-suċċess tal-evanġelizzazzjoni ta’ San Patrizju, li ġabilkom il-fidi kattolika fil-milja kollha tagħha.

Huwa allura konvenjenti, u dan jimlieni bil-ferħ meta ninnota, li l-poplu Irlandiż iżomm din id-devozzjoni tradizzjonali lejn Omm Alla fil-familji u fil-parroċċi tiegħu, u b’mod speċjali f’dan is-Santwarju ta’ Cnoc Mhuire. Għal seklu sħiħ qaddistu dan il-post ta’ pellegrinaġġ bit-talb tagħkom, bis-sagrifiċċji tagħkom, bil-penitenza tagħkom. Dawk kollha li ġew hawn irċivew l-barka permezz tal-interċessjoni ta’ Marija. Minn dak il-jum ta’ grazzja, il-21 ta’ Awissu tal-1879, sallum il-morda u l-batuti, l-handikappati fil-ġisem u fil-moħħ, l-imħawdin fil-fidi tagħhom jew fil-kuxjenza tagħhom, ilkoll sfaw imfejqa, imsabbra u imwettqa fil-fidi tagħhom għaliex kellhom fiduċja li Omm Alla kienet se twassalhom għand binha Ġesù. Kull darba li pellegrin jiġi f’dan il-post li darba kien raħal oskur mimli ilma qiegħed fil-Kontea ta’ Mayo, kull darba li raġel jew mara jew tfajjel jiltaqgħu fil-knisja antika tad-dehra jew fis-Santwarju l-ġdid ta’ Marija Sultana tal-Irlanda, ikun biex iġeddu l-fidi tagħhom fil-fidwa li tiġi permezz ta’ Ġesù, li bidilna lkoll f’ulied Alla u werrieta tas-saltna tas-smewwiet.

Billi jkollkom fiduċja f’Marija, intom tirċievu lil Kristu. F’Marija “il-Verb sar bniedem”; fiha, Bin Alla sar bniedem, hekk li aħna lkoll nistgħu nagħrfu kemm hi kbira d-dinjità umana tagħna. Waqt li ninsabu f’dan l-imkien ikkonsagrat, inħarsu fil-għoli lejn Omm Alla u ngħidu: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”.

Iż-żmien preżenti huwa waqt important fl-istorja tal-Knisja universali u b’mod speċjali, tal-Knisja tal-Irlanda. Tant sinifikati ġodda u validi instabu f’dak li jesprimi ruħu fl-esseri nsara. Tant problem ġodda jridu jkunu ffaċċjati mill-fidili, kemm minħabba ir-ritmu miżjud tal-bidla fis-soċjetà, kif ukoll minħabba l-esiġenzi ġodda mitluba għall-poplu ta’ Alla, esiġenzi ta’ għixien mill-aqwa tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni. Il-Konċilju Vatikan II u s-Sinodu tal-Isqfijiet ġabu vitalità pastorali ġdida fil-Knisja kollha. Il-Predeċessur meqjum tiegħi Pawlu VI ħareġ direttivi għaqlin għat-tiġdid u offra lill-poplu ta’ Alla ispirazzjoni u entużjażmu għal dan id-dmir.  F’kull ħaġa li huwa qal u għamel, Pawlu VI għallem lill-Knisja tkun miftuħa għal kull bżonn tal-umanità u fl-istess ħin li tkun fidila mingħajr dgħufija għall-messaġġ inalterabbli ta’ Kristu.

Leali għat-tagħlim tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet flimkien mal-Papa, il-Knisja tal-Irlanda aċċettat bi gratitudni l-għana tal-Konċilju u tas-Sinodi. Il-poplu kattoliku Irlandiż qabel fedelment, xi drabi minkejja l-pressjonijiet kuntrarji, mal-espressjonijiet tal-fidi għanja, mal-prattiċi sagramentali mħeġġa u mad-dedikazzjoni għall-karità, li dejjem kienu marka speċjali tal-Knisja tagħkom.  Imma d-dmir tat-tiġdid fi Kristu ma jintemm qatt, Kull ġenerazzjoni, bil-mentalità u l-karatteristiċi tagħha, hija bħal kontinent ġdid li jinħtieġ jintrebaħ għal Kristu. Il-Knisja trid b’mod kostanti tfittex toroq ġodda li jirrenduha kapaċi li tifhem b’mod iktar profond u ġġib ‘il quddiem b’vigorożità mġedda l-missjoni riċevuta mill-Fundatur tagħha. F’dan id-dmir ardwu, bħal bosta drabi oħra fi żminijiet oħra meta l-Knisja sabet ruħha quddiem sfida ġdida, aħna nduru lejn Marija, Omm Alla u s-Sedja tal-Għerf, waqt li jkollna fiduċja li hija tindikalna t-triq lejn Binha. Omelija Irlandiża antika għall-festa tal-Epifanija (mill-“Leabhar Breac”) tgħid li bħal ma l-Maġi sabu lil Ġesù fuq irkupptejn Ommu, hekk aħna llum insibu lil Kristu fuq irkupptejn il-Knisja.

4. Marija kienet verament magħquda ma’ Ġesù. Il-Vanġeli ma zammewlniex ħafna minn kliemha, imma dawk li żammewlna jeħduna mill-ġdid għand Binha u għal kliemu. F’Kana tal-Galilea, waqt li ddur minn fuq Binha lejn il-qaddejja tgħid: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). L-istess messaġġ hija tgħid lilna llum.

5. “Agħmlu dak li jgħidilkom”. Dak li Ġesù jgħidilna – b’ħajtu u b’kelmtu – dan inżamm għalina fil-Vanġeli, u fl-ittri tal-Appostli u ta’ San Pawl, u li ġew trażmessi lilna mill-Knisja. Hemm bżonn li nirrendu ruħna familjari ma’ dan il-kliem. U dan nagħmluh billi nisimgħu l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fil-liturġija tal-kelma li tintroduċina għas-Sagrifiċċju ewkaristiku;  billi naqraw l-Iskritturi weħedna; fil-familja, jew flimkien mal-ħbieb, billi nirriflettu dwar dak li l-Mulej jgħidilna meta nirreċitaw ir-Rużarju u ngħaqqdu d-devozzjoni tagħna lejn Omm Alla bit-talb meditat tal-misteri tal-ħajja ta’ Binha. Kull darba li jkollna problemi, li nħossuna mtaqqlin, li jkollna nagħmlu għażliet imposti fuqna tal-fidi, il-kelma tal-Mulej issabbarna u tiggwidana.

Kristu qatt ma abbanduna lis-segwaċi tiegħu mingħajr gwida fid-dmir tal-fehim u l-għixien tal-Vanġelu. Qabel ma reġà lura għand il-Missier, wiegħed li se jibgħat l-Ispirtu Santu lill-Knisja: “Imma l-Konsulatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jiena għidtilkom” (Ġw 14,26).

Dan l-istess Spirtu jiggwida lis-suċċessuri tal-Appostli, l-Isqfijiet tagħkom, magħqudin mal-Isqof ta’ Ruma, li lilhom ġie afdat id-dmir li jippriservaw il-fidi u li “jippridkaw il-Vanġeli lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15). Isimgħu leħinhom, għaliex huma jġibulkom il-Kelma tal-Mulej.

6. “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom”. Tant ilħna differenti jattakkaw lin-nisrani fid-dinja tallum hekk meraviljuża u hekk esiġenti. Tant ilħna foloz jinsabu f’taqbida mal-kelma tal-Mulej, Dawn huma l-ilħna li jissuġġerulkom li l-verità hija inqas important mill-profitt personali; li l-kumdità, is-saħħa u l-pjaċir huma l-veri għanijiet tal-ħajja; li r-rifjut ta’ ħajja ġdida huwa aħjar mill-ġenerożità tal-ispirtu u tar-responsabiltà tal-ilqugħ; li l-ġustizzja għandha tkun miksuba imma mingħajr impenn personali tan-nisrani; li l-vjolenza tistà tkun mezz biex jinkiseb tmiem tajjeb; li l-għaqda tistà tkun mibnija migħajr l-abbandun tal-mibegħda.

U issa nerġgħu lura minn Kana tal-Galilea għas-Santwarju ta’ Knock. Ma nħossux li Omm Kristu waqt li tindikahulna hawn lilna wkoll u waqt li tindirizzalna l-istess kliem li użat f’Kana: tgħidilna: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom”? Hija qiegħda tgħidu lilna lkoll. Leħinha huwa mismugħ b’mod iktar espress minn ħuti fl-Episkopat, ir-rgħajja tal-Knisja fl-Irlanda, li, waqt li stednuni hawn talbuni li nwieġeb għal stedina li kienet ġejja minn Omm il-Knisja. U hekk, meqjumin Ħuti, qiegħed inwieġeb, waqt li bil-ħsieb nidħol fil-fond fl-imgħoddi ta’ Pajjiżkom u waqt li nħoss ukoll il-qawwa tal-preżent elokwenti tiegħu, hekk mimli ferħ, madankollu, fl-istess ħin, hekk inkwetanti u kultant hekk doloruż. Qiegħed inwieġeb, bħal ma għamilt fi Guadalupe fil-Messiku u f’Jasna Gora fil-Polonja. F’ismi u favur tagħkom u f’isem il-poplu kollu nisrani tal-Irlanda, nippronunzja, fl-aħħar ta’ din l-omelija, il-kliem li ġej ta’ fiduċja u ta’ konsagrazzjoni:

“Omm, f’dan is-Santwarju inti tilqà il-poplu ta’ Alla tal-Irlanda kollha u b’mod kostanti indikajtlu lil Kristu fl-Ewkaristija u fil-Knisja. F’dan il-waqt sollenni aħna nisimgħu kliemek b’attenzjoni speċjali: “Agħmlu dak kollu li Ibni jgħidilkom”. U aħna nixtiequ nwieġbu għal kliemek b’qalbna kollha. Nixtiequ nagħmlu dak kollu li Ibnek jgħidilna, dak li jikkmandana, għaliex huwa għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Aħna nixtiequ nwettqu u ntemmu dak kollu li jiġi minnu, dak kollu li hemm miġbur fil-Bxara t-Tajba, l-istess bħalma għamlu l-antenati tagħna għal tant sekli.  Il-fedeltà tagħhom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu u l-attakkament erojku lejn is-Sedja Apostolika, għandhom b’ċertu mod ittimbrat fina lkoll sinjal indelibbli preżenti fina lkoll.  Din il-fedeltà, tul is-sekli, immaturat frott ta’ eroiżmu nisrani u ta’ tradizzjonijiet virtużi ta’ ħajja f’armonija mal-liġi ta’ Alla b’mod speċjali f’armonija mal-eqdes kmandament tal-Vanġelu, dak tal-imħabba. Irċivejna dan il-wirt splendidu minn idejhom fil-bidu ta’ epoka ġdida, imħabba li resqin lejn it-twettiq tat-tieni millenju minn meta l-Iben ta’ Alla kien iġġenerat minnek, “alma Mater” tagħna, u aħna feħsiebna ngħaddu dan il-wirt lill-futur bl-istess fedeltà li biha missirijietna antiki tawh xhieda.

Illum, għalhekk, fl-okkażjoni tal-ewwel żjara ta’ Papa fl-Irlanda, aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek, Omm Kristu u Omm il-Knisja, qlubna, il-kuxjenzi tagħna, xogħolna, sabiex ikunu jistgħu jgħinuna inżommu l-fidi li nistqarru. Nafdaw u nikkonsagraw lilek lil dawk kollha li jiffurmaw il-komunità tal-poplu Irlandiż u l-komunità tal-Poplu ta’ Alla li jgħix f’dan il-Pajjiż Aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek l-Isqfijiet tal-Irlanda, il-kleru, ir-reliġjużi rġiel u dawk nisa, l-irhieb u s-sorijiet kontemplattivi, is-seminaristi, in-novizzi. Nafdaw u nikkonsagraw lilek l-għalliema, il-katekisti, l-istudenti, il-kittieba, il-poeti, l-awturi, l-artisti, il-ħaddiema u l-kapijiet tagħhom, l-impjegati u d-diriġenti, il-professjonisti, dawk li huma mpenjati fil-politika u fil-ħajja pubblika, dawk li jiffurmaw l-opinjoni pubblika. Nafdaw u nikkonsagraw lilek, il-miżżewġin u lil dawk li qegħdin iħejju ruħhom għaż-żwieġ, dawk li huma msejħin biex jaqdu lilek u lill-proxxmu fiċ-ċelibat, il-morda, l-anzjani, il-morda tal-moħħ, l-handikappati u dawk kollha li jassistuhom u jieħdu ħsiebhom. Nafdaw u nikkonsagraw lilek il-ħabsin u dawk kollha li jħossuhom imwarrbin. L-eżiljati, dawk li jħossu it-tbigħid mid-dar, u dawk li jħossuhom weħedhom.

Nafdaw għall-ħarsien matern tiegħek l-art tal-Irlanda, fejn kont u fejn għadek tant maħbuba. Għin lil din l-art biex tibqà, sinċerament, dejjem miegħek u ma’ Ibnek. Il-prosperità ma twassal qatt lill-irġiel u lin-nisa tal-Irlanda biex jinsew lil Alla jew biex jabbandunaw il-fidi tagħhom. Żommhom fil-prosperità fidili għall-fidi li qatt ma kienu se jaslu li jiċħduha fil-faqar u fil-persekuzzjoni. Żommhom bogħod mir-regħba, mill-għira, mit-tiftix tal-interess egoistiku jew partikolaristiku. Għinhom jaħdmu flimkien b’sens ta’ ideal nisrani u għal skop komuni nisrani, biex jibnu jiġifieri soċjetà ġusta, paċifika u msejsa fuq l-imħabba, li fiha l-foqra ma jkunu qatt ittraskurati u d-drittijiet ta’ kulħadd, speċjalment tad-dgħajfin, ikunu rrispettati. Sultana tal-Irlanda, Marija, Omm il-Knisja ċelesti u tad-dinja,  Máthair Dé, żomm l-Irlanda fidila għat-tradizzjonijiet spiritwali tagħha u għall-wirt nisrani tagħha. Għinha twieġeb għall-missjoni storika tagħha li twassal id-dawl ta’ Kristu lin-Nazzjonijiet u hekk, waqt li taħdem għall-glorja ta’ Alla, tkun l-unur tal-Irlanda..

O Omm. Nistgħu nibqgħu siekta dwar dak li nsibu l-iktar li jinkwetana, li jħallina bosta drabi skuraġġjati? B’mod partikolari nafdawlek din il-ferita kbira li issa taffettwa lill-poplu tagħna, fit-tama li jdejk ikollhom il-ħila jikkurawha u jfejquha. Ilkoll interessati f’dawk l-erwieħ żgħażagħ li kienu mdaħħlin f’dawk l-atti mdemma ta’ vendetta u ta’ mibegħda. Omm, la tabbandunax lil dawn il-qlub żgħażagħ. Omm, kun magħhom fis-sigħat l-iktar mudlama, meta ma nkunux nistgħu la nwissuhom u linqas nassistuhom. Omm, ipproteġina lkoll u b’mod speċjali liż-żgħażagħ Irlandiżi milli jkunu mkaxkra mill-ostilità u l-mibegħda. Għallimna niddistingwu b’mod ċar dak li jiġi mill-imħabba għall-Pajjiżna minn dak li jwassal il-marka tal-qerda u l-marka ta’ Kajjin. Agħmel li nifhmu li l-mezzi krudili ma jistgħu qatt iwasslu għal tmiem tajjeb, li kull ħajja umana hija sagra, li l-assassinju huwa assassanju, ftit jimporta xi jkun il-mottiv jew l-iskop. Salva lill-oħrajn, dawk li jassistu għal ġrajjiet terribbli, minn periklu ieħor: dak li jgħixu ħajja nieqsa mill-ideali nsara jew f’konflitt mal-prinċipji tal-moralità.

Jalla widnejna jisimgħu biċ-ċarezza kollha leħnek matern: “Agħmlu dak li Ibni jgħidilkom”, Għinna nipperseveraw ma’ Kristu; għinna, o Omm il-Knisja, wkoll biex nibnu l-Ġisem tiegħu Mistiku, waqt li ngħixu dik il-ħajja li huwa biss jaf jagħtina mill-milja tiegħu, u li hija fl-istess ħin divina u umana”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb