Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...


 

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-IRLANDA

QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ IRLANDIŻI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Galway, 30 ta’ Settembru 1979

 

Għeżież żgħażagħ, ħuti f’Sidna Ġesù Kristu!

1. Din hija okkażjoni tassew speċjali u mportanti ħafna. Dalgħodu l-Papa jappartieni liż-żgħożija Irlandiża! Jien stennejt dan il-waqt; tlabt fit-talb li nkun nistà nmiss lil qlubkom bil-kliem ta’ Ġesù. Irrid hawn infakkar dak li għidt tant spiss bħala Arċisqof ta’ Krakovja u li tennejt bħala Suċċessur ta’ San Pietru: jiena nemmen fiż-żgħażagħ b’qalbi kollha u bil-qawwa kollha tal-konvinzjoni tiegħi. U llum ngħid: jiena nemmen fiż-żgħażagħ tal-Irlanda! Jiena nemmen fikom li tinsabu quddiemi, f’kull wieħed u waħda minnkom!

Waqt li nħares lejkom, jiena nara l-Irlanda tal-futur, Għada intom tibnu l-qawwa ħajja ta’ Pajjiżkom; intom tiddeċiedu x’se tkun l-Irlanda. Għada bħala tekniċi jew għalliema, infermieri jew segretarji, bdiewa jew kummerċjanti, tobba jew inġiniera, saċerdoti jew reliġjużi: għada intom ikollkom il-poter li tagħmlu iva li l-ħolm isir realtà. Għada l-Irlanda tiddependi minnkom!

Waqt li nħares lejkom miġburin madwar dan l-altar u waqt li nismagħkom titolbu, jien nilmaħ il-futur tal-Knisja. Alla għandu l-pjanijiet tiegħu għall-Knisja fl-Irlanda, imma għandu bżonnkom biex tgħinuh. Il-Knisja tal-futur tiddependi mill-kollaborazzjoni ħielsa tagħkom bil-grazzja ta’ Alla.

Waqt li nħares lejn l-eluf ta’ żgħażagħ li jinsabu quddiemi jiena nara wkoll sfidi li fihom se ssibu ruħkom. Ġejtu mill-parroċċi tal-Irlanda f’rappreżentanza ta’ tant li ma setgħux ikunu hawn. Ġorru fi qlubkom il-wirt għani rċevut mingħand il-ġenituri tagħkom, mingħand l-għalliema tagħkom, mingħand is-saċerdoti tagħkom. Ġorru fi qlubkom it-teżori li għaddewlkom l-istorja u l-kultura tal-Irlanda, imma kunu wkoll involuti fil-problemi li l-Irlanda trid tiffaċċja.

2. Illum għall-ewwel darba mindu San Patrizju ppriedka l-fidi fl-Irlanda, is-Suċċessur ta’ Pietru gie minn Ruma u medd riġlejh fuq l-art Irlandiża. Bi dritt tajjeb intom tistaqsu liema messaġġ qiegħed iwasslilkom u liema kliem se jgħid liż-żgħożija Irlandiża. Il-messaġġ tiegħi ma jistax ikun ieħor għajr il-messaġġ ta’ Kristu nnifsu; kliemi ma jistax ikun għajr il-Kelma ta’ Alla.

Ma ġejtx hawn biex nagħti tweġiba lill-mistoqsijiet kollha tagħkom. Għandkom l-Isqfijiet tagħkom li huma kurrenti tas-sitwazzjonijiet u tal-problemi lokali tagħkom; għandkom is-saċerdoti tagħkom, b’mod speċjali dawk li jiddedikaw ruħhom għall-kura pastorali esiġenti, imma wkoll sodisfaċenti taż-żgħażagħ. Huma jafukom personalment u jgħinukom biex issibu t-tweġibiet ġusti. Imma jien ukoll inħossni li naf u nifhem liż-żgħażagħ, U jien naf li intom bħal tant żgħażagħ oħra tal-età tagħkom f’Pajjiżi oħra intom interessati dwar dak li qed iseħħ fis-soċjetà li ddawwarkom. Minkejja li għadkom tgħixu f’atmosfera li fiha l-veri prinċipji reliġjużi u morali huma miżmuma b’qima, intom qegħdin tintebħu li l-fedeltà tagħkom ta’ dawn il-prinċipji qiegħda ssib ruħha f’modi differenti għall-prova. It-tradizzjonijiet reliġjużi u morali tal-Irlanda, il-vera ruħ tal-Irlanda, qiegħda ssib ruħha fil-prova minħabba tentazzjonijiet li ma jaħfruha lill-ebda soċjetà fl-epoka tagħna. Bħal tant żgħażagħ oħra f’partijiet differenti tad-dinja, jingħadilkom li hemm bżonn twettqu xi tibdil, li għandkom tgawdu minn iktar libertà, li għandkom tkunu differenti mill-ġenituri tagħkom u li jiddependi biss minnkom, li tiddeċiedu dwar ħajjitkom..

Il-prospettiva ta’ progress ekonomiku krexxenti u l-opportunità li tiksbu partiċipazzjoni ikbar fil-ġid li s-soċjetà moderna tistà toffri jidhrilkom bħala opportunità biex tilħqu libertà iktar wiesgħa. Iktar ma tippossiedu – tistgħu tkun ttentati li taħsbu – iktar tħossokom meħlusa minn kull speċi ta’ restrizzjoni. Biex tagħmlu l-flus u jkollkom iktar, biex teliminaw l-isforz u l-preokkupazzjoni, tistgħu tkunu ttentati biex taqbdu it-toroq qosra li jinvolvu l-onestà, il-verità u x-xogħol. Il-progress tax-xjenza u tat-teknoloġija donnu inevitabbli u intom tistgħu tkunu miġbuda li tħarsu lejn is-soċjetà teknoloġika biex ikollkom tweġiba għall-problemi kollha tagħkom.

3. Ir-rilassiment tal-pjaċir, li għandu jinkiseb kull darba u kulfejn jistà jinstab, se jkun qawwi u jistà jkunilkom ippreżentat bħala parti mill-progress lejn awtonomija u libertà ikbar tar-regoli. Ix-xewqa li teħilsu lilkom infuskom minn restrizzjonijiet esterni tistà turi ruħha b’qawwa kbira fil-kamp tas-sesswalità, hekk magħqud b’mod strett mal-personalità umana. L-ideali morali li l-Knisja u s-soċjetà għollew quddiemkom għal tant żmien, jistgħu jkunulkom ippreżentati bħala ħaġa tal-imgħoddi u bħala ostaklu għall-iżvilupp sħiħ tal-personalità tagħkom. L-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, id-divertimenti u l-letteratura jippreżentawlkom mudell ta’ ħajja li fih sikwit kull wieħed jgħix għalih innifsu u li fih l-affermazzjoni sfrenata ta’ dak li jkun ma tħalli ebda spazju ta’ interessament fl-oħrajn.

Tisimgħu min jgħidilkom li l-prattiċi reliġjużi tagħkom huma antikwati b’mod irrimedjabbli, li jingumbraw l-mod tal-eżistenza tagħkom u l-futur tagħkom, li b’dak li jistà jofrilkom il-progress soċjali u xjentifiku intom tkunu tistgħu torganizzaw ħajjitkom, u li Alla issa sab ruħu mwarrab fil-ġemb. Persuni reliġjużi wkoll jistgħu jaddottaw tali atteġġjamenti, li jixorbu mill-atmosfera li ddawwarhom, mingħajr ma jintebħu bl-ateiżmu prattiku li hemm fl-oriġni tagħhom.

Soċjetà li b’tali mod tilfet il-prinċipji reliġjużi u morali l-iktar għolja tagħha ssir priża faċli ta’ manipulazzjoni u ta’ dominju min-naħa ta’ qawwiet li, taħt l-iskuża ta’ libertà iktar wiesgħa, jirrenduha ferm iktar skjava.

Iva, għeżież żgħażagħ, la tagħlqux għajnejkom għad-dgħufijiet morali li llum jheddu s-soċjetà tagħkom, u li minnhom ma tistgħux tipproteġu ruħkom weħedkom. Kemm żgħażagħ diġa bidlu l-kuxjenza tagħhom u ssostitwew il-veru gost tal-għixien bid-droga u s-sess, l-alkohol, il-vandaliżmu u l-illużjoni vojta tal-ġid purament materjali.

4. Hemm bżonn xi ħaġa oħra: xi ħaġa li intom issibu biss fi Kristu għaliex hu biss huwa l-kejl u l-miżien li tridu tużaw biex tivvalutaw ħajjitkom. Fi Kristu intom tiskopru l-vera kobor tal-umanità tagħkom; huwa jgħinkom tifhmu d-dinjità tagħkom ta’ esseri umani “maħluqa xbiha u xebħ ta’ Alla” (Ġen 1,26). Kristu jippossiedi t-tweġibiet għall-problemi tagħkom u l-imfietaħ tal-istorja; huwa għandu s-setgħa li jeżalta l-qlub. Huwa jsejħilkom, imma jsejħilkom għall-verità, huwa li hu “it-triq, il-verità, il-ħajja” (Ġw 14,6). Iva, Kristu jsejħilkom, imma jsejħilkom għall-verità. Is-sejħa hija esiġenti, għaliex jistedinkom biex iħallikom “tinħafnu” minnu għal kollox, b’mod li l-esiġenzi kollha tagħkom jidhru f’dawl differenti. Huwa hu Bin Alla, li jirrivela lilkom il-wiċċ mimli mħabba tal-Missier. Huwa hu l-Għalliem, u l-uniku li jgħallem b’awtorità. Huwa l-ħabib li jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja… imma sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15,15). U ta’ prova tal-imħabba tiegħu billi ta ħajtu għalikom.

Is-sejħa tiegħu hija esiġenti għaliex huwa għallimna xi jfisser tkun tassew bniedem. Jekk ma tagħtix widen għas-sejħa ta’ Ġesù, nhuwiex possibbli li twettaq il-milja tal-umanità tiegħek. Intom tridu tibnu fuq il-pedament li huwa Kristu (cf.1Kor 3,11); bih biss ħajjitkom ikollha sinifikat u tkun denja li tkun migħuxa.

Intom ġejjin minn familji kattoliċi; morru b’mod regolari biex tiltaqgħu ma’ Kristu fit-tqarbin imqaddes, il-Ħdud u wkoll matul il-ġimgħa; ħafna minnkom titolbu kuljum fi ħdan il-familji tagħkom. Nittama li tkomplu hekk ukoll tul il-ħajja kollha tagħkom. Imma jistà wkoll jiġri li tkunu mħajra titbiegħdu minn Kristu; dan jistà jseħħ b’mod speċjali jekk taraw kontradizzjoni, fil-ħajja ta’ xi wħud minn sħabkom, bejn il-fidi li jipprofessaw u l-mod tal-għixien tagħhom. Imma jien nixtieq ninsisti fli nitlobkom li tisimgħu dejjem is-sejħa ta’ Kristu, għaliex huwa biss jistà jgħallimkom is-sinifikat veru tal-ħajja u tar-realtà temporali.

5. Ippermettuli, f’dan il-kuntest, li nerġà nfakkar sentenza oħra tal-Vanġelu, sentenza li rridu niftakru wkoll meta l-konsegwenzi tagħha jirrivelaw ruħhom b’mod partikolari diffiċli li dak li jkun jaċċettahom. Din hija dik li Kristu xandar fid-diskors tal-Muntanja: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom” (Lq 6,27). Intom diġa ntbaħtu li waqt li nirreferi għal dan il-kliem tas-Salvatur għandi quddiem moħħi l-ġrajjiet dolorużi li għal iktar minn għaxar snin ilhom iseħħu fl-Irlanda ta’ Fuq. Jiena ċert li ż-żgħażagħ kollha qegħdin jgħixu tali ġrajjiet b’mod intens ħafna u b’niket kbir, ladarba dawn qegħdin iħallu effetti profondi fi qlubkom żgħażagħ. Dawn il-ġrajjiet, miżerabbli bħal ma huma, għandhom ukoll jikkostitwixxu stimolu għar-riflessjoni. Huma jesiġu li intom tiffurmaw ġudizzju ntern tal-kuxjenza, biex taraw liema hu postkom ta’ żgħażagħ kattoliċi, f’dan il-każ.

Smajtu kliem Ġesù: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom”. L-amar ta’ Ġesù ma jfissirx li m’aħniex marbutin mill-imħabba għal Art Twelidna; ma jfissirx li għandna nibqgħu ndifferenti quddiem l-inġustizzja, fid-diversi aspetti temporali u storiċi tagħha. Dan il-kliem ta’ Ġesù jelimina biss il-mibegħda. Jiena nitlobkom biex tirriflettu profondament: X’kienet tkun il-ħajja umana kieku Ġesù ma xandarx dan il-kliem? X’kienet tkun id-dinja li kieku fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna kellna nagħtu il-primat lill-mibegħda bejn l-individwi, bejn il-klassijiet, bejn in-Nazzjonijiet? X’kien ikun il-futur tal-umanità li kellna nbbażaw fuq din il-mibegħda l-futur tal-individwi u tan-nazzjonijiet?

Kultant jistà jkollna l-impressjoni li quddiem l-esperjenzi tal-istorja u għas-sitwazzjonijiet konkreti, l-imħabba tilfet qawwietha u huwa impossibbli tipprattikaha. Għall-kuntrarju, fl-aħħar minn l-aħħar, l-imħabba dejjem twassal għar-rebħa, l-imħabba mhi qatt telliefa. Li kieku ma kienx hekk, l-umanità kienet tkun ikkundannata għall-qerda.

6. Għeżież żgħażagħ ħbieb, dan huwa l-messaġġ li llum jien qed nafdalkom, waqt li nitlob li teħduh magħkom, li tagħmluh parti mill-familji tagħkom id-dar u minn ħbiebkom fl-iskola u fuq ix-xogħol. Waqt li tergġhu lura d-dar għidu lill-ġenituri tagħkom u lil dawk li jridu jisimgħuh, li l-Papa jemmen fikom u jorbot fuqkom. Għidu li ż-żgħażagħ huma l-qawwa tal-Papa, li jixtieq jaqsam magħhom it-tama tiegħu għall-futur u l-inkuraġġiment tiegħu.

Wassaltilkom il-kliem ta’ qalbi. Issa ħalluni nitlobkom xi ħaġa bi tpattija. Intom tafu li mill-Irlanda jiena se nmur fil-Ġnus Magħquda. Il-verità li xandart quddiemkom hija l-istess li se nippreżenta, f’forma differenti, quddiem din l-Assemblea Suprema tan-Nazzjonijiet. Nittama li t-talb tagħkom – it-talb taż-żgħażagħ Irlandiżi – jakkumpanjani u jsostnini f’din il-missjoni mportanti. Norbot fuqkom, għaliex il-futur tal-ħajja umana fuq din l-art huwa fin-nofs, f’kull Pajjiż u fid-dinja kollha. Il-futur tal-popli u n-Nazzjonijiet kollha, il-futur tal-istess umanità jiddependi minn dan: jekk il-kliem ta’ Ġesù fid-Diskors tal-Muntanja, jekk il-Messaġġ tal-Vanġelu jkun mismugħ mill-ġdid għal darb’oħra.

Jalla l-Mulej Ġesù jkun dejjem magħkom!

Bil-verità tiegħu li tagħmilkom ħielsa (cf. Ġw 8,32); bil-kelma tiegħu li tiftaħ il-misteru tal-bniedem u tirrivela lill-bniedem l-umanità tiegħu stess; bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu li ġgeddidna u tqawwina, inqiegħdu din l-intenzjoni f’riġlejn Marija, Omm Alla u Sultana tal-Irlanda, eżempju ta’ mħabba ġeneruża u ta’ dedikazzjoni għas-servizz tal-oħrajn. Żgħażagħ tal-Irlanda, jiena nħobbkom! Żgħażagħ tal-Irlanda, jiena nberikkom! Inberikkom f’isem Sidna Ġesù Kristu!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb