Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

QUDDIESA GĦAS-SAĊERDOTI AMERIKANI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Filadelfia – Il-Ħamis, 4 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież konfratelli saċerdoti.

1. Waqt li niċċelebra din il-quddiesa, li tiġbor flimkien il-presidenti tal-organiżmi presbiterjali, jew Kunsilli, tad-dojoċesijiet kollha tal-Istati Uniti, it-tema vitali li timponi ruħha għar-riflessjoni tagħna hija waħda biss: is-saċerdozju u l-importanza ċentrali tiegħu fil-missjoni tal-Knisja. Fl-enċiklika Redemptor Hominis iddeskrivejt tali dmir bil-kliem li ġej: “Id-dmir fundamentali tal-Knisja tal-epoki kollha u, b’mod partikolari ta’ dik tagħna, huwa dak li nidderieġu l-ħarsa tal-bniedem, li nindirizzaw il-kuxjenza u l-esperjenza tal-umanità kollha lejn il-misteru ta’ Kristu, li ngħinu l-bnedmin kollha biex ikollhom familjarità mal-profondità tar-Redenzjoni, li sseħħ fi Kristu Ġesù” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 10).

Il-Kunsilli presbiterjali jikkostitwixxu struttura ġdida fil-Knisja, mixtieqa mill-Konċilju Vatikan II u mil-leġislazzjoni riċenti tal-Knisja. Din l-istruttura ġdida tagħti espressjoni konkreta lill-għaqda tal-Isqfijiet u tal-presbiteri fis-servizz pastorali tal-merħla ta’ Kristu, u tassisti lill-Isqof fid-dmir speċifiku tiegħu li jmexxi d-dijoċesi, billi jipprovdilhom il-kunsill tal-kollaboraturi rappreżentattivi magħżula fost il-presbiterju. Il-konċelebrazzjoni tallum tal-Ewkaristija trid tkun sinjal ta’ konferma tal-ġid imwettaq mill-Kunsilli presbiterjali tagħkom matul is-snin li għaddew, u fl-istess ħin inkuraġġiment biex ikomplu b’entużjażmu u deċiżjoni dan it-tragward important kif inhu dak li “jippromwovu l-konformità tal-ħajja  u tal-azzjoni tal-poplu ta’ Alla mal-Vanġelu” (Ecclesiae sanctae, 16 § 1). Imma ‘l fuq minn kollox ix-xewqa li din il-quddiesa tikkostitwixxi okkażjoni speċjali biex inkellmu, permezz tagħkom, lil ħuti saċerdoti kollha ta’ dan in- nazzjon dwar is-saċerdozju tagħna. Bi mħabba kbira ntenni l-kliem li ktibtilkom nhar Ħamis ix-Xirka: “Għalikom jiena Isqof, magħkom jiena saċerdot”.

Il-vokazzjoni saċerdotali tagħna ingħatatilna minn Kristu nnifsu. Din hija sejħa personali u ndividwali: konna msejħa b’isimna, bħal Ġeremija. Din hija sejħa għas-servizz; aħna mibgħuta biex nippridkaw il-Bxara t-Tajba ta’ Alla, biex niddedikaw “il-ħsieb tar-ragħaj għall-merħla tal-Mulej”. Din hija sejħa għal komunjoni ta’ intenzjonijiet u ta’ azzjoni: biex nibnu saċerdozju uniku ma’ Ġesù u bejnietna, propju bħal ma Ġesù u l-Missier huma ħaġa waħda: Għaqda simboleġġjata hekk tajjeb f’din il-quddiesa kkonċelebrata.

Is-saċerdozju mhuwiex biss dmir mogħti lilna: huwa vokazzjoni, sejħa li rridu nagħtuha widen b’mod kontinwu. Li nisimgħu din is-sejħa u nwieġbu b’mod ġeneruż għal dak li hija tinvolvi huwa dmir ta’ kull saċerdot, imma huwa wkoll responsabiltà tal-Kunsill Presbiterjali. Din ir-responsabiltà tfisser approfondiment u għarfien tas-saċerdozju hekk kif Kristu waqqfu, hekk kif hu ried li jkun u li jibqà, hekk kif il-Knisja b’mod fidil tispjegah u tittrażmettih. Fedeltà għas-sejħa għas-saċerdozju tfisser tibni dan is-saċerdozju flimkien mal-poplu ta’ Alla permezz ta’ ħajja ta’ servizz skont il-prijoritajiet apostoliċi: tikkonċentra kollox “fit-talb u fil-ministeru tal-Kelma” (At 6,4).

Fil-Vanġelu ta’ San Mark il-vokazzjoni saċerdotali tat-Tnax-il Appostlu hija bħal blanzun, li l-fjuritura tiegħu tifrex tejoloġija sħiħa tas-saċerdozju. F’nofs il-ministeru ta’ Ġesù, naqraw li hu “telà fuq il-muntanja, sejjaħ ħdejh lil dawk li ried u huma marru ħdejh. Ħatar Tnax li baqgħu miegħu u biex ukoll jibgħathom jippridkaw”: imbagħad s-silta evanġelika telenka isem it-Tnax-il Appostlu (Mk 3,13-14). Hawn aħna naraw tliet aspetti sinifikattivi tas-sejħa ta’ Ġesù; l-ewwel ħaġa huwa sejjaħ l-ewwel saċerdoti tiegħu ndividwalment u b’isimhom; sejħilhom għas-servizz tal-Kelma tiegħu, sabiex jippridkaw il-Vanġelu; u għamilhom kumpanji tiegħu, billi assoċjahom mal-għaqda ta’ ħajja u ta’ azzjoni li huwa jaqsam flimkien mal-Missier fil-profond tal-ħajja trinitarja.

2. Ejjew nesploraw din id-dimensjoni tripla tas-saċerdozju tagħna billi nirriflettu fuq il-qari bibbliku tallum. Infatti l-Vanġelu jqiegħed fit-tradizzjoni tal-vokazzjoni profetika s-sejħa tat-Tnax-il Appostlu min-naħa ta’ Ġesù. Meta saċerdot jirrifletti dwar il-vokazzjoni ta’ Ġeremija għall-uffiċċju profetiku, jibqà fl-istess ħin rassikurat u maħsud: “La tibżax…għaliex jien ninsab miegħek biex nipproteġik”, jgħid il-Mulej lil dawk kollha li jsejjaħ, “hekk hu, jiena nqiegħed kliemi fuq fommok”. Min ma jħossux imsabbar meta jismà dan il-kliem divin rassikuranti? Meta nqisu għaliex huwa meħtieġ dan il-kliem rassikuranti, ma narawx jewwilla fina stess din l-istess riluttanza li nerġgħu nsibu fit-tweġiba ta’ Ġeremija? Bħalu, kultant, il-kunċett tagħna ta’ dan il-ministeru huwa marbut wisq mal-art: nonqsu mill-fiduċja f’Dak li jsejħilna, Nistgħu wkoll nibqgħu marbutin mal-viżjoni tagħna tal-ministeru billi naħsbu li dan jiddependi wisq mit-talenti u l-ħiliet tagħna, u kultant billi ninsew li huwa Alla li jsejħilna, kif sejjaħ lil Ġeremija minn ġuf ommu. Il-ħaġa ewlenija la hi x-xogħol tagħna linqas il-ħila tagħna; aħna msejħin bien nippronunzjaw kliem Alla, mhux tagħna; biex namministraw is-sagramenti li huwa afda lill-Knisja; biex insejħu lill-poplu għal imħabba li huwa l-ewwel wieħed li rrenda possibbli.

Għalhekk iċ-ċediment għas-sejħa ta’ Alla għandu jitwettaq b’fiduċja estrema u bla riservi. Iċ-ċediment tagħna għar-rieda ta’ Alla għandu jkun totali: l-iva migħuda darba għal dejjem immudellata fuq l-iva migħuda minn Ġesù nnifsu. Bħal ma jgħidilna San Pawl: “Bħal ma Alla jżomm kelmtu, jiena niddikjara li kelmti lejkom mhix issa iva u issa le, imma fih kien hemm l-iva” (2Kor 1,18-19).

Din is-sejħa ta’ Alla hija grazzja, hija rigal, teżor “li aħna għandna f’vażuni tal-fuħħar, għaliex jidher li l-qawwa straordinarja tiġi mingħand Alla u mhux minn għandna” (2Kor 4,7). Imma dan ir-rigal mhux mogħti lis-saċerdot qabel kollox għalih innifsu, huwa anzi rigal ta’ Alla lill-Knisja kollha u għall-missjoni tiegħu fid-dinja. Is-saċerdozju huwa sinjal sagramentali stabbli li juri li l-imħabba tar-Ragħaj it-Tajjeb għall-merħla tiegħu ma tiġi nieqsa qatt. Fl-ittra tiegħi lis-saċerdoti, f’Ħamis ix-Xirka li għadda, żviluppajt dan l-aspett tas-saċerdozju bħala rigal ta’ Alla: is-saċerdozju tagħna – għidt – “jikkostitwixxi “ministerium” partikolari, jiġifieri “servizz” fir-rigward tal-komunità ta’ dawk li jemmnu. Però ma jiġbidx l-oriġni minn din il-komunità, bħallikieku hija kienet li “sejħet” jew “iddelegat”. Is-saċerdozju sagramentali huwa, fis-sewwa, rigal għal din il-komunità u jiġi mingħand Kristu nnifsu, mill-milja  tas-saċerdozju tiegħu” (Ġwanni Pawlu II, Epistula ad universos Ecclesiae Sacerdotes adveniente Feria V in Cena Domini anno MCMLXXIX, 8 aprile 1979, 4).

F’din l-offertà tar-rigali lill-poplu tiegħu huwa r-regalatur divin li jieħu l-inizjattiva: huwa hu li jsejjaħ “li min hu stess stabilixxa”.

Min hawn, meta nirriflettu dwar l-intimità bejn il-Mulej u l-profeta tiegħu, is-saċerdot tiegħu – intimità li tgelgel bħala riżultat tas-sejħa li biha hu ħa l-inizjattiva – aħna nistgħu nifhmu aħjar ċerti karatteristiċi tas-saċerdozju u nirrejalizzaw il-konformità tagħhom mal-missjoni tal-Knisja tallum bħal ma dik tal-imgħoddi:

a) Is-saċerdozju huwa għal dejjem – “Tu es sacerdos in aeternum” – aħna ma nerġgħux nieħdu r-rigal la darba offrut. Mhuwiex possibbli li Alla, li ta l-impuls biex ngħid iva, issa jrid jisma le!

b) Linqas ma jrid jissorprendi lid-dinja li s-sejħa ta’ Alla permezz tal-Knisja tkompli tipproponilna ministeru ċelibatrorju ta’ mħabba u ta’ servizz, fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu. L-imħabba ta’ Alla, infatti, messitna fil-profondità tal-eżistenza tagħna. U wara sekli ta’ esperjenza, il-Knisja taf kemm b’mod profond jaqbel li s-saċerdoti jistgħu jagħtu din it-tweġiba konkreta f’ħajjithom biex jesprimu il-milja tal-iva li taw lill-Mulej meta dan sejħilhom b’isimhom, għas-servizz tiegħu.

c) Il-fatt li sejħa personali, individwali għas-saċerdozju hija mogħtija mill-Mulej lill-“irġiel minnu magħżula” u bi qbil mat-tradizzjoni profetika. Dan għandu jgħinna biex nifhmu li d-deċiżjoni tradizzjonali tal-Knisja li ssejjaħ għas-saċerdozju xi rġiel, u ma ssejjaħx xi nisa, ma tinvolvi ebda dikjarazzjoni ta’ drittijiet umani linqas esklużjoni tan-nisa mill-qdusija u mill-missjoni tal-Knisja. Pjuttost din id-deċiżjoni tesprimi l-konvinċiment tal-Knisja dwar din id-dimensjoni speċjali tar-rigal tas-saċerdozju, li permezz tiegħu Alla għażel li jirgħa l-merħla tiegħu.

3. Għeżież ħuti: “Il-merħla ta’ Alla tinsab f’nofskom: iddedikaw għalih l-attenzjoni tar-ragħaj”. Kemm hu marbut b’mod strett mal-essenza tal-fehim tagħna tas-saċerdozju d-dmir tar-ragħaj; fl-istorja tas-salvazzjoni din hija xbiha rikorrenti tal-attenzjoni ta’ Alla għall-poplu tiegħu. U biss fl-uffiċċju ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, jistà jkun mifhum il-ministeru pastorali tagħna bħala saċerdoti. Ftakru kif, fis-sejħa tat-Tnax, Ġesù sejħilhom biex ikunu preċiżament sħabu “biex jibgħathom jippridkaw l-Bxara t-Tajba”. Is-saċerdozju huwa missjoni u servizz, huwa hu mibgħut minn Ġesù biex “jipprovdi attenzjoni ta’ ragħaj lill-merħla tiegħu”. Din il-laratteristika tas-saċerdot – biex infakkar espressjoni sabiħa dwar Ġesù bħala “bniedem-għall-oħrajn” – turina s-sens ġenwin tal-“jipprovdi attenzjoni ta’ ragħaj”. Huwa qiegħed hemm biex jindika l-għarfien tal-umanità għall misteru ta’ Alla, tal-profondità tal-fidwa li titwettaq fi Kristu Ġesù. Il-ministeru saċerdotali huwa essenzjalment missjunarju: dan ifisser li nkunu mibgħuta għall-oħrajn, bħalma Kristu kien mibgħut mill-Missier tiegħu, għall-kawża tal-Vanġelu, biex jevanġelizza. Skont il-kliem ta’ Pswlu VI, “tevanġelizza tfisser twassal il-Bxara t-Tajba lill-istrati kollha tal-umanità… u ġġeddidhom” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 18). Fil-bażi u fiċ-ċentru tad-dinamiżmu tiegħu, l-evanġelizzazzjoni tinkludi stqarrija ċara li l-fidwa tinsab f’Ġesù Kristu, Bin Alla. Ismu, it-tagħlim tiegħu, ħajtu, il-wegħdiet tiegħu, saltnatu u l-misteru tiegħu aħna nħabbruh lid-dinja. U l-effett ta’ dan it-tħabbir tagħna u allura l-veru success tas-saċerdozju tagħna jiddependu mill-fedeltà tagħna għall-Maġisteru li permezz tiegħu l-Knisja tgħasses “id-depożitu tajjeb bl-għajnuna  tal-Ispirtu Santu li jgħammar fina” (2Tm 1,14).

Bħala mudell ta’ kull ministeru u apostolat fil-Knisja, il-ministeru saċerdotali m’għandu qatt ikun ikkonċeput f’termini ta’ x’se nakkwista: bħala rigal, dan huwa rigal li għandu jkun ipproklamat u maqsum mal-oħrajn.  Ma narawhx b’mod ċar fit-tagħlim ta’ Ġesù meta omm Ġakbu u Ġwanni talbet li ż-żewġ uliedha joqogħdu bilqiegħda wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fis-saltna tiegħu? “Il-kapijiet tan-nazzjonijiet jiddominaw fuqhom u l-kbar jeżerċitaw il-poter fuqhom. M’għandux ikun hekk fostkom; imma dak li jrid isir kbir fostkom għandu jkun qaddej tagħkom, u dak li jrid ikun l-ewwel fostkom, għandu jagħmel lilu nnifsu skjav tagħkom; appuntu bħal bin il-bniedem, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’riskatt għall-kotra” (Mt 20,25-28).

Propju kif Ġesù kien perfettament bniedem-għall-oħrajn, billi ta lilu nnifsu kompletament fuq is-salib, hekk is-saċerdot huwa fuq kollox qaddej u bniedem-għall-oħrajn meta jaġixxi in persona Christi fl-Ewkaristija, billi jiggwida l-Knisja f’dik iċ-ċelebrazzjoni li fiha jġedded is-Sagrifiċċju tas-Salib. Għalhekk fis-sagrifiċċju ewkaristiku ta’ kuljum tal-Knisja il-Bxara t-Tajba, li l-Appostli kienu mistiedna biex ixandru, tiġi ppridkata fil-milja tagħha; l-opra tar-redenzjonoi tagħna tiġi mġedda.

Kemm b’mod perfett is-Santi Padri tal-Konċilju Vatikan II ħatfu din il-verità fundamentali fid-digriet tagħhom dwar il-ħajja u l-ministeru saċerdotali: Is-sagramenti l-oħra, kif ukoll il-ministeri ekkleżjastiċi kollha u l-opri tal-apostolat, huma b’mod strett magħqudin mal-Ewkaristija Mqaddsa u huma ordnati għaliha… Għalhekk l-Ewkaristija tippreżenta ruħha bħala sors u quċċata tal-evanġelizzazzjoni kollha” (Presbyterorum Ordinis, 5). Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija aħna s-saċerdoti, aħna propju fil-qalb tal-ministeru tas-servizz tagħna, fil-“provediment ta’ attenzjoni ta’ ragħaj għall-merħla ta’ Alla”. L-isforzi pastorali kollha tagħna ma jkunux kompluti sakemm il-poplu tagħna ma jkunx iggwidat għall-parteċipazzjoni sħiħa u attiva fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku.

4. Ejjew niftakru kif Ġesù sejjaħ lit-Tnax bħala sħabu. Is-sejħa għas-servizz saċerdotali tinkludi l-istedina għal intimità partikolari ma’ Kristu. L-esperjenza migħuxa tas-saċerdoti f’kull ġenerazzjoni wasslithom biex jiskopru f’ħajjithom u fil-ministeru tagħhom iċ-ċentralità assoluta tal-għaqda personali tagħhom ma’ Ġesù, ta’ li jkunu sħabu. Hadd ma’ jistà fil-fatt, iwassal l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù jekk hu nnifsu l-ewwel wieħed ma jkunx għamel lilu nnifsu sieħeb kostanti permezz tat-talb personali, jekk ma jkunx tgħallem mingħand Ġesù l-misteru li jrid ixandar.”

Din l-għaqda ma’ Ġesù, immudellata fuq l-għaqda tiegħu mal-Missier, terġà tilbes dimensjoni ntrinsika ulterjuri, kif turi t-talba tiegħu matul l-Aħħar Ċena: “Sabiex ikunu ħaġa waħda, Missier, bħalna” (Ġw 17,11). Is-saċerdozju tiegħu huwa wieħed, u din l-għaqda trid tkun attwali u effettiva fost is-sħab li huwa għażel. Minn hawn l-għaqda fost is-saċerdoti, migħuxa fi fraternità u ħbiberija, issir esiġenza u parti integranti tal-ħajja ta’ saċerdot.

L-għaqda fost is-saċerdoti mhijiex unità jew fraternità skop għaiha nfisha. Din hija għall-imħabba tal-Vanġelu biex tissimboleġġja, fl-attwazzjoni tas-saċerdozju, id-direzzjoni essenzjali li għaliha jsejjaħ lilna lkoll il-Vanġelu: l-għaqda tal-imħabba miegħu u b’mod mutwu mal-oħrajn. U din l-għaqda biss tistà tiggarantixxi paċi, ġustizzja u dinjità lil kull esseri uman. Bla ebda dubju huwa dan is-sinifikat li hemm taħt it-talba ta’ Ġesù meta hu jkompli: “Nitlob ukoll għal dawk li għall-kelma tagħhom jemmnu fija; sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik” (Ġw 17,20-22). Għalhekk kif tistà d-dinja temmen li l-Missier bagħat lil Ġesù jekk ma tarax b’mod tanġibli li dawk li jemmnu fi Kristu semgħu l-kmandament tiegħu li “jħobbu lil xulxin”? U kif jistgħu dawk li jemmnu jkunu assikurati li din l-imħabba hija konkretament possibli, jekk ma jkollhomx l-eżempju tal-unità tas-saċerdoti tagħhom, ta’ dawk li Ġesù nnifsu jifforma ruħu fis-saċerdozju bħala sħabu?

Ħuti saċerdoti: ma ħassejniex forsi il-qalba tal-argument: iż-żelu tagħna għas-saċerdozju stess? Dan huwa inseparabbli minn dan għas-servizz tal-poplu. Din il-Quddiesa kkonċelebrata – li tissimboleġġja tant tajjeb l-unità tas-saċerdozju tagħna – toffri lid-dinja kollha x-xhieda ta’ dik l-unità li għaliha Ġesù talab lil Missieru b’vantaġġ għalina. Imma m’għandhiex issir manifestazzjoni pura passiġġiera li tirrendi sterili l-kelma ta’ Ġesù. Kull Ewkaristija ġġedded din it-talba għall-unità: Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek mxerrda fuq l-art kollha, irrendiha perfetta fl-imħabba f’għaqda mal-Papa tagħna Ġwanni Pawlu, l-Isqof tagħna u l-ordni kollha saċerdotali”.

Il-Kunsilli Presbiterjali tagħkom, bħala strutturi ġodda fil-Knisja, jfornu opportunità meraviljuża li tixhed b’mod viżibbli l-uniku saċerdozju li fih tippartiċipaw flimkien mal-Isqfijiet tagħkom u ma’ xulxin, u biex turu x’għandu jkun iċ-ċentru tat-tiġdid ta’ kull struttura ekkleżjali: l-unità li għaliha talab Kristu.

5. Fil-bidu ta’ din l-omelija jiena nkarigajtkom bid-dmir li tassumu r-responsabiltà tas-saċerdozju tagħkom, dmir għal kull wieħed minnkom personalment, dmir li għandu jinqasam bejn is-saċerdoti kollha u li jirrigwarda b’mod partikulari il-Kunsilli Presbiterjali tagħkom. Il-fidi tal-Knisja kollha tesiġi li jkollha il-fehim eżatt ċar ħafna tas-saċerdozju u ta’ postu fil-missjoni tal-Knisja. Hekk il-Knisja tiddependi minnkom fl-approfondiment dejjem iktar ta’ dan il-fehim, u biex jitqiegħed fil-prattika f’ħajjitkom u fil ministeru tagħkom. Fi kliem ieħor: biex tipparteċipaw d-don tas-saċerdozju tagħkom lill-Knisja billi ġġeddu it-tweġiba li diġa tajtu għall-istedina ta’ Kristu: “Ejja warajja”, billi toffru lilkom infuskom kompletament, bħal ma għamel hu.

Kultant nisimgħu min jgħid: “Itolbu għas-saċerdoti”. U illum jien nindirizza dan il-kliem bħala appell, bħala nvokazzjoni lill-fidili kollha tal-Knisja fl-Istati Uniti. Itolbu għas-saċerdoti, sabiex kull wieħed minnhom ikun irid kostantament jirripeti l-iva tiegħu għall-vokazzjoni li rċieva, jibqà sod fil-predikazzjoni tal-messaġġ evanġeliku, u fidil għal dejjem bħala sieħeb ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti saċerdoti, ladarba inġeddu l-misteru paskwali u aħna bħala dixxipli f’riġlejn is-Salib flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù, ippermettuli li nafdakom lilha. F’imħabbitha nsibu l-qawwa għad-dgħufija tagħna, il-ferħ għal qlubna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb