Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-
IRLANDA
QUDDIESA MQADDSA FI
DROGHEDA
OMELIJA TAL-QDUSIJA
TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Dublin, 29 ta’
Settembrue 1979
Għeżież Ħuti f Ġesù
Kristu.
1. Wara t-tislima lill-art
Irlandiża illum mal-wasla tiegħi f’Dublin, inwettaq l-ewwel vjaġġ tiegħi, fl-art
Irlandiża, hawn f’dan il-post, Drogheda. Iġġibni hawn il-karba ta’ tant sekli.
Nasal hawn bħala
pellegrin tal-fidi. Nasal ukoll bħala Suċċessur ta’ Pietru, li Kristu afdalu l-ħsieb
speċjali tal-Knisja universali. Nixtieq inżur b’mod speċjali dawk il-postijiet
fl-Irlanda, li fihom il-qawwa ta’ Alla u l-azzjoni tal-Ispirtu Santu wrew ruħhom
b’mod speċjali. Se nfittex qabel kollox dawk il-postijiet li jġibu fihom is-sinjal
tal-“bidu”; u “bidu” huwa marbut mal-“ikun l-ewwel”, mal-primat, Tali post
fl-art Irlandiża huwa Armagh, għal sekli is-Sedja Episkopali tal-Primat
tal-Irlanda.
Il-Primat huwa dak li
għandu l-ewwel post fost l-Isqfijiet, Rgħajja tal-Poplu ta’ Alla f’din l-art.
Dan il-Primat huwa marbut mal-“bidu” tal-fidi u tal-Knisja f’dan il-pajjiż.
Irrid ngħid, huwa marbut mal-wirt ta’ San Patrizju, patrun tal-Irlanda.
Minn hawn ix-xewqa li
nagħmel dan l-ewwel vjaġġ tiegħi fl-Irlanda vjaġġ lejn il-“bidu”, lejn il-post
tal-primat. Il-Knisja hija mibnija fit-totalità tagħha fuq is-sisien
tal-Appostli u tal-Profeti, billi Ġesù Kristu kien huwa stess il-ġebla tax-xewka
(cf. Ef 2,20). Imma f’kull art u nazzjon il-Knisja għandha l-ġebla
partikolari propja tal-pedament. Huwa għalhekk għal dan il-pedament hawn
fis-Sedja Primazjali ta’ Armagh, li lejha għall-ewwel darba niddirieġi l-passi
tiegħi ta’ pellegrin. Is-Sedja ta’ Armagh hija Sedja primazjali għaliex hija
s-Sedja ta’ San Patrizju. L-Arċisqof ta’ Armagh huwa l-Primat tal-Irlanda kollha
illum għaliex huwa il-Comharba Pádraig, is-suċċessur ta’ San Patrizju, l-ewwel
Isqof ta’ Armagh.
2. Waqt li jinsab
għall-ewwel darba fuq art Irlandiża, fuq l-art ta’ Armagh, is-Suċċessur ta’
Pietru ma jistax jonqos li jfakkar l-ewwel miġja hawn, iktar minn elf u ħames
mitt sena ilu, ta’ San Patrizju. Sa mill-jiem li kien qattà bħala ragħaj ċkejken
fi Slemish, sal-mewt tiegħu f’Saul, Patrizju kien xhud ta’ Ġesù Kristu. Jgħidu
li, mhux bogħod minn dan il-post, fuq l-għolja ta’ Slane, huwa kebbes
għall-ewwel darba fl-Irlanda n-nar tal-Għid, sabiex id-dawl ta’ Kristu jiddi fuq
l-Irlanda kollha u jgħaqqad il-poplu kollu tagħha fl-imħabba tal-uniku Ġesù
Kristu. Dan huwa għalija mottiv ta’ ferħ kbir li ninsab hawn illum magħkom,
quddiem l-għolja ta’ Slane, u nxandar dan l-istess Ġesù Kristu, il-Verb Inkarnat
ta’ Alla, is-Salvatur tad-Dinja. Huwa hu l-Mulej tal-istorja, id-dawl tad-dinja,
it-tama tal-futur tal-ġeneru uman kollu. Bil-kliem tal-Liturġija paskwali,
iċċelebrat għall-ewwel darba fl-Irlanda minn San Patrizju fuq l-għolja ta’
Slane, insellmu llum lil Kristu: huwa hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem
ta’ kollox, Iż-żminijiet u s-sekli kollha jappartienu lilu. Lilu tkun il-glorja
għal dejjem. “Lumen Christi: Deo gratias”! Id-dawl ta’ Kristu: Niżżu ħajr lil
Alla! Jalla d-dawl ta’ Kristu, id-dawl tal-fidi jkompli jdawwal lill-Irlanda,
Jalla ebda dlam ma qatt jitfih .
Sabiex ikun fidil,
sal-mewt, fid-dawl ta’ Kristu, talab San Patrizju għalih innifsu Sabiex il-poplu
Irlandiż jibqà dejjem fidil għad-dawl ta’ Kristu, talab bla jaqtà
għall-Irlandiżi. Kiteb fl-istqarrijiet tiegħu: “Alla qatt ma jippermetti li
jiġrili li nitlef il-poplu li hu reġ1 rebaħ fl-iktar partijiet imbegħda
tad-dinja. Nitlob lil Alla li jagħtini perseveranza u li jindenja ruħu li
jagħmel li jien inkun xhud fidil tiegħu sal-aħħar ta’ ħajti għal Alla… Sa
miż-żmien li sirt nafu f’żgħożiti, l-imħabba ta’ Alla u l-biżà tiegħu kibru fija
u s’issa, bis-saħħa tal-grazzja ta’ Alla, ikkonservajt il-fidi” (S. Patrizju, Confessione,
44,58).
3. “Ikkonservajt
il-fidi”. Din kienet l-ambizzjoni tal-Irlandiżi tul il-korsa tas-sekli.
Fil-persekuzzjoni u fil-faqar, fil-karestija u fl-eżilju, intom ikkonservajtu
l-fidi. Għal ħafna dan fisser il-martirju. Hawn fi Drogheda, fejn huma meqjuma
r-relikwi tiegħu, nixtieq insemmi martri Irlandiż, San Oliver Plunkett, li
għall-kanoniżazzjoni tiegħu fis-Sena Mqaddsa 1975, kelli l-pjaċir li nassisti,
bħala Kardinal ta’ Krakovja, fuq stedina ta’ ħabib tiegħi, il-mibki Kardinal
Conway. San Oliver Plunkett, Primat tal-Irlanda għal tnax-il sena, jibqà eżempju
eminenti tal-imħabba ta’ Kristu għall-bnedmin kollha. Bħala Isqof, ippriedka
messaġġ ta’ maħfra u ta’ paċi. Infatti huwa kien id-difensur tal-maħqurin u
l-promutur tal-ġustizzja, li qatt ma għaddiet fuq il-vjolenza. Lill-bnedmin
vjolenti, il-kelma tiegħu kienet il-kelma tal-Appostlu Pietru: “Tpattux deni
b’deni, lanqas azzjoni ħażina b’azzjoni ħażina” (1Pt 3,9). Martri
tal-fidi, huwa ssiġilla bil-mewt l-istess messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni, li kien
ippriedka tul ħajtu. F’qalbu ma kienx hemm risentiment għaliex il-qawwa tiegħu
kienet l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jagħti ħajtu
għall-merħla tiegħu. Kliemu fil-punt tal-mewt kien kliem ta’ maħfra
għall-għedewwa kollha tiegħu.
4. Fidi u fedeltà huma
s-sinjali distintivi tal-Knisja fl-Irlanda, Knisja tal-Martri, Knisja ta’
xhieda;’ Knisja ta’ fidi erojka u ta’ fedeltà erojka. Dawn huma s-sinjali
storiċi li jindikaw t-traċċi tal-fidi fuq l-art Irlandiża. Il-Vanġelu u l-Knisja
xeħtu għeruq profondi fir-ruħ tal-poplu Irlandiż. Is-Sedja ta’ Armagh, is-Sedja
ta’ Patrizju, hija l-post li jippermetti li naraw tali traċċi u li nindunaw
b’tali għeruq. Dan huwa l-post li fih huwa possibbli li niltaqgħu u li minnu
nindirizzaw lil dawk id-dijoċesijiet l-oħra u fidili, li l-popli tagħhom batew
tant minħabba l-ġrajjiet tal-aħħar għaxar snin: Down u Connor, Rerry, Dromore,
Clogher, Kilmore.
Matul il-perijodu ta’
tħejjija għall-vjaġġ tiegħi fl-Irlanda, apprezzajt b’mod speċjali l-istedina
tal-Primat tal-Irlanda kollha biex inżur il-Katidral tiegħu f’Armagh, B’mod
speċjali sinifikattiv kien ukoll il-fatt li l-istedina tal-Primat kienet
milqugħa u mtennija mir-rappreżentanti tal-Knisja Irlandiża u mill-kapijiet u
l-membri ta’ Knejjes oħra, inklużi bosta oħrajn mill-Irlanda ta’ Fuq, Jiena grat
b’mod pertikulari għal dawn l-istediniet kollha.
Dawn l-istediniet juru
l-satt li l-Konċilju Vatikan II qiegħed iwassal il-frott tiegħu u li aħna
niltaqgħu mal-kollegi kristjani ta’ Knejjes oħra, bħal ma persuni li flimkien
jistqarru lil Ġesù Kristu, bħala l-Mulej, u li jersqu lejn xulxin fir-riċerka
tal-għaqda u tax-xhieda komuni.
Dan l-att tassew
fratern u ekumeniku min-naħa tar-rappreżentanti tal-Knejjes hu wkoll xhieda li
l-ġrajjiet traġiċi, li jseħħ fl-Irlanda ta’ Fuq, m’għandhomx is-sors tagħhom
fil-fatt li jappartienu huma għall-Knejjes u Stqarrijiet differenti. Minkejja
dan li jtenni ruħu tant spiss quddiem l-opinjoni mondjali, din mhix gwerra
tar-reliġjon, ta’ lotta bejn Kattoliċi u Protestanti. Bil-maqlub, il-Kattoliċi u
l-Protestanti, bħala persuni li jistqarru lil Kristu, waqt li jisiltu
ispirazzjoni mill-fidi u mill-Vanġelu, ifittxu li jersqu lejn xulxin fl-għaqda u
fil-paċi, Meta huma jiftakru l-ikbar Kmandament ta’ Kristu, il-kmandament
tal-imħabba, ma jistgħux jaġixxu b’mod differenti.
5. Imma l-Kristjaneżmu
ma jordnalniex nagħlqu għajnejna għall-problemi diffiċli tal-bnedmin. Huwa ma
jippermettilniex li nittraskuraw u nirrifjutaw li naraw sitwazzjonijiet soċjali
jew internazzjonali nġusti. Dak li l-Kristjaneżmu jipprojbixxi huwa l-appell
f’tali sitwazzjonijiet għat-toroq tal-mibegħda, għall-assassinju ta’ persuni
ndifiżi, għall-metodi tat-terroriżmu. Ippermettuli li ngħid ukoll:
il-Kristjaneżmu jinkludi u jagħraf il-lotta nobbli u ġusta għall-ġustizzja, imma
l-Kristjaneżmu huwa b’mod deċiż kuntrarju għal kull att iddestinat biex iħeġġeg
il-mibegħda u biex jippromwovi jew jipprovoka l-vjolenza, u l-lotta għall-kawża
tal-“lotta”. Il-kmandament “la toqtolx” għandu jobbliga l-kuxjenza tal-umanità,
jekk ma rridux li tirrepeti ruħha t-traġedja terribbli u d-destin ta’ Kajjin.
6. Għal din ir-raġuni
qistu konvenjenti li niġi hawn qabel ma nmur l-Amerka, fejn nittama li nwassal
indirizz fl-Organizzazzzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar dawn l-istess problem
tal-paċi u tal-gwerra, tal-ġustizzja u tad-drittijiet umani. Iddeċidejna
flimkien, il-Kardinal Primat u jien, li jkun aħjar għalija li niġi hawn, fi
Dtrogheda, u li minn hawn inkun onorajt il-“bidu” tal-fidi u lill-primat f’art
twelidkom; u li minn hawn inkun irriflettejt flimkien magħkom, quddiem Alla,
quddiem l-istorja nisranija brillanti tagħkom, dwar din il-problema estremament
urġenti, dwar il-problema tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni .
Hemm bżonn li nfittxu,
b’mod speċjali, fejn huma l-kawżi ta’ din il-lotta drammatika. Hemm bżonn li
nsejħu b’isimhom dawn is-sistemi u dawn l-ideoloġiji li huma responsabbli għal
din il-lotta. Hemm bżonn ukoll li nirriflettu jekk l-ideoloġija tar-rivoluzzjoni
tagħmilx il-veru ġid tal-poplu tagħkom, il-veru ġid tal-bniedem. Huwiex
possibbli tibni l-ġid ta’ individwi u ta’ popli fuq il-mibegħda, fuq il-gwerra?
Huwiex ġust li timbotta l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-fossa tal-fratriċidju?
Mhuwiex jewwilla meħtieġ li nfittxu soluzzjonijiet differenti għall-problemi
tagħna? Il-lotta fratriċidja ma tirrendilniex iktar urġenti r-riċerka
bil-qawwiet kollha tagħna għal soluzzjonijiet paċifiċi? Tali huma
l-kwistjonijiet li jien se niddiskuti fi ftit jiem oħra quddiem l-Assemblea
tal-Ġnus Magħquda. Hwn illum, f’din l-għażiża art Irlandiża, li minnha telqu
qabli tant nies lejn l-Amerka, nixtieq niddiskutihom magħkom.
7. Il-messaġġ tiegħi
lilkom illum ma jistax ikun differenti minn dak li San Patrizju u San Oliver
Plunkett ħabbrulkom. Jien nippridka dak li huma ppridkaw: Kristu, li huwa
l-“Prinċep tal-Paċi” (Iż 9,5); li rrikonċiljana ma’ Alla u fl-istess ħin
ma’ xulxin (cf.2Kor 5,18); li huwa s-sors ta’ kull għaqda.
Il-qari jkellimna dwar
Ġesù, bħala “ir-Ragħaj it-Tajjeb”, li l-unika xewqa tiegħu hija li jiġbor lil
kulħadd f’merħla waħda. Jiena ġejt għandkom f’ismu, f’isem Ġesù Kristu, li miet
biex “jgħaqqad flimkien l-ulied li kienu tferrxu” (Ġw 11,52). Din hija
l-missjoni tiegħi, dan huwa l-messaġġ tiegħi lilkom: Ġesù Kristu li huwa l-paċi
tagħna. Kristu “huwa l-paċi tagħna” (Ef 2,11). Illum u dejjem huwa
jtennilna: “Nagħtikom il-paċi tiegħi, inħallilkom il-paċi tiegħi” (Ġ w 14,27).
Qatt, qabel, fl-istorja tal-ġeneru uman ma tkellmu daqshekk dwar il-paċi
u b’tant ħeġġa sejħu l-paċi, daqskemm fi żminna.
L-indipendenza kull ma
tmur tikber tal-popli u tan-Nazzjonijiet tissenjalizza kważi lil kulħadd
talinqas bħala prinċipju l-ideal ta’fraternità umana universali.
L-istituzzjonijiet internazzjonali l-kbar jiddibattu l-koeżistenza paċifika
tal-umanità. L-opinjoni pubblika qiegħda kull ma tmur tagħraf iktar l-assurdità
tal-gwerra bħala mezz biex issolvi d-diskriminazzjonijiet, Il-paċi qiegħda
dejjem iktar tidher bħala l-kondizzjoni meħtieġa għar-relazzjonijiet fraterni
bejn in-Nazzjonijiet u fost il-popli. Il-paċi qiegħda dejjem iktar tidher b’mod
iktar ċar bħala l-unika triq għall-ġustizzja; il-paċi hija minnha nfiha opra
tal-ġustizzja. Imma mill-ġdid, ripetutament, hija partikular osservat bħal ma
l-paċi hija mhedda u meqruda. Għaliex allura l-konvinzjonijiet tagħna mhux
dejjem huma fi qbil mal-imġieba tagħna u mal-atteġġjamenti tagħna?
U kif inhu li mhux
dejjem aħna lesti li nwarrbu l-ġlied kollu ta’ ħajjitna?
8. Il-paċi hija
r-riżultat ta’ bosta atteġġjamenti u realtajiet konverġenti, hija l-prodott ta’
fatti morali, ta’ prinċipji etiċi bbażati fuq il-messaġġ tal-Vanġelu u minnu
msaħħin.
Fl-ewwel post irrid
hawn insemmi l-ġustizzja. Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Mondjali tal-Paċi
tal-1971, il-meqjum Predeċessur tiegħi, dak il-Pellegrin tal-Paċi li kien Pawlu
VI, qal: “Il-Paċi vera għandha tkun imsejsa fuq il-ġustizzja, fuq is-sens
tad-dinjità intanġibbli umana, fuq l-għarfien ta’ ugwaljanza inkanċellabbli u
feliċi fost il-bnedmin, fuq id-domma bażilari tal-fraternità umana. Jiġifieri
tar-rispett, tal-imħabba dovuta lejn kull bniedem, għaliex bniedem”. Min-naħa
tiegħi jiena sostnejt dan il-messaġġ fil-Messiku u fil-Polonja. Nerġà nsostnih
mill-ġdid hawn fl-Irlanda. Kull esseri uman għandu drittijiet inaljenabbli li
għandhom ikunu rrispettati. Kull komunità umana, etnika, storika, kulturali jew
reliġjuża għandha drittijiet li għandhom jiġu rrispettati.
Il-paċi tkun mhedda
kull darba li wieħed minn dawn id-drittijiet jiġi miksur. Il-liġi morali,
għassiesa tad-drittijiet umani, protettriċi tad-dinjità umana, ma tistax
titwarrab fil-ġemb minn xi persuna jew grupp, linqas mill-istess Stat,
għall-ebda mottiv, linqas għas-sikurezza jew fl-interessi tal-liġi jew
tal-ordni. Il-liġi ta’ Alla hija mħallef ‘il fuq minn kull raġuni tal-Istat,
Sakemm jeżistu l-inġustizzji u kwalunkwè setturi li jmissu d-dinjità tal-persuna
umana, kemm fil-kamp politiku, soċjali jew ekonomiku, kif ukoll fl-isfera
kulturali jew reliġjuża, ma tistax teżisti paċi vera. Għandhom ikunu ndividwati
l-kawżi tad-diżugwaljanzi permezz ta’ valutazzjoni kuraġġuża u oġġettiva, u
għandhom ikunu eliminati, b’mod li kull persuna tkun tista tiżviluppa lilha
nfisha u tikber skont il-qies sħiħ tal-propja umanità.
9. Fit-tieni post,
il-paċi ma tistax tkun stabbilità permezz tal-vjolenza, il-paċi ma tistà qatt
tiffjorixxi fi klima ta’ terror, ta’ intimidazzjoni u ta’ mewt. Huwa Ġesù stess
li jgħid: “Dawk kollha li jitfgħu jdejhom fuq ix-xabla imutu bix-xabla” (Mt 26,52).
Din hija l-kelma ta’ Alla, u jħeġġeġ lill-ġenerazzjoni ta’ bnedmin vjolenti biex
iwarrbu din il-mibegħda u l-vjolenza u biex jikkonvertu.
Inżid illum leħni ma’
dak ta’ Pawlu VI u tal-Predeċessuri l-oħra tiegħi, mal-ilħna tal-mexxejja
reliġjużi tagħkom, mal-ilħna tal-irġiel u n-nisa kollha li jirraġunaw, u
nipproklama, bil-konvinzjoni tal-fidi tiegħi fi Kristu u bil-kuxjenza
tal-missjoni tiegħi, li l-vjolenza hija ħażina, li l-vjolenza hija inaċċettabbli
bħala soluzjoni tal-problemi, li l-vjolenza mhix denja tal-bniedem. Il-vjolenza
hija gidba, minħabba li tmur kontra l-veriità tal-fidi tagħna, il-verità
tal-umanità tagħna. Il-vjolenza teqred dak li hija trid tiddefendi, għaliex
teqred it-tessut reali tas-soċjetà. Jiena nitlob magħkom sabiex is-sens morali u
l-konvinċiment nisrani tal-irġiel u n-nisa Irlandiżi jkunu jistgħu li ma jaslu
qatt li jkunu mdallma u maqtugħa mill-gidba tal-vjolenza sabiex ħadd ma jkun
jistà jsejjaħ l-assassinju b’isem ieħor li mhuwiex assassinju, sabiex
lill-ispirat tal-vjolenza ma nkunu qatt nistgħu nagħtuh l-kwalifika tal-loġika
inevitabbli jew ta’ ritaljazzjoni meħtieġa. Ejjew niftakru li l-kelma tibqà għal
dejjem: “Dawk kollha li jixħtu jdejhom fuq ix-xabla jmutu bix-xabla”.
10.Hemm kelma oħra li
għandha tagħmel parti mill-vokabiularju ta’ kull nisrani, b’mod speċjali meta
jittellgħu barrieri ta’ mibegħda u suspett. Din il-kelma ddoqq rikonċiljazzjoni.
“Jekk mela tippreżenta l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk
għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli d-don tiegħek quddiem l-altar u mur l-ewwel
irranġa ma’ ħuk imbagħad erġà lura biex toffri d-don tiegħek” (Mt 5,23-24).
Dan il-kmandament ta’ Ġesù huwa iktar b’saħħtu minn kwalunkwè barriera li
l-inkompetenza jew il-malizzja umana tistà tibni. Ukoll meta l-fidi tagħna
fit-tjubija fundamentali ta’ kull esseri uman tiġi xxukkjata jew imdgħajfa,
ukoll jekk il-konvinzjonijiet u l-atteġġjamenti sostnuti fit-tul iwebbsu qlubna,
hemm sors qawwi li hu iktar b’saħħtu minn kull delużjoni, qrusa jew suspett
definit, u dik il-qawwa hija Ġesù Kristu, li ġab fid-dinja maħfra u
rikonċiljazzjoni.
Nagħmel appell lil
dawk kollha li qegħdin jisimgħuni, lil dawk kollha li huma qalbhom maqtugħa wara
l-bosta snin ta’ konflitti, vjolenza u aljenazzjoni, sabiex huma jippruvaw dak
li jidher impossibbli: itemmu dak li huwa ntollerabbli. Jiena nqim il-bosta
sforzi li saru minn irġiel u nisa innumerevoli fl-Irlanda ta’ Fuq biex jimxu
l-mogħdija tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Il-kuraġġ, il-paċenzja, it-tama
ndomitabbli f’irġiel u nisa ta’ paċi li dawlu d-dlam ta’ dawn is-snin ta’ prova.
L-ispirtu ta’ maħfra nisranija muri mill-ħafna, li batew f’persunthom jew
fl-għeżież tagħhom, ispira lill-multitudni. Fis-snin li ġejjin meta l-kliem
tal-mibegħda u l-fatti tal-vjolenza jkunu ntesew, ikun il-kliem ta’ mħabba u
l-atti ta’ paċi u ta’maħfra li jibqgħu miftakra. Ikunu dnwn li jispiraw
lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Lilkom ilkoll li
qegħdin tisimgħuni ngħidilkom: temmnux fil-vjolenza, la tappoġġjawx il-vjolenza.
Mhijiex din it-triq nisranija. Mhijiex it-triq tal-Knisja kattolika, Emmnu
fil-paċi, fil-maħfra u fl-imħabba: dawn infatti huma ta’ Kristu.
Il-komunitajiet li
huma magħqudin flimkien minħabba l-aċċettazzjoni tal-messaġġ suprem ta’ mħabba
ta’ Ġesù, espress fil-paċi u fir-riokonċiljazzjoni u fir-rifjut tagħhom ta’ kull
vjolenza jikkostitwixxu qawwa irreżistibbli biex iwettqu dak li ħafna waslu biex
jaċċettaw bħala impossibbli u ddestinat li jibqà tali.
11. Issa nixtieq
nindirizza lil dawk l-irġiel u nisa kollha impenjati fil-vjolenza. Nagħmel
appell lilkom, bil-lingwaġġ ta’ karba mqanqla. Għarkupptejja nitlobkom biex
titbegħdu mill-mogħdijiet tal-vjolenza u terġgħu lura fit-toroq tal-paċi. Intom
tistgħu tipproklamaw ukoll li qegħdin tfittxu l-ġustizzja. Jien ukoll nemmen
fil-ġustizzja u qed infittex il-ġustizzja. Imma l-vjolenza iddewwem biss il-jum
tal-ġustizzja. Il-vjolenza teqred l-opra tal-ġustizzja. Iktar vjolenza
fl-Irlanda titraxxina biss f’qerda l-art li intom tipprofessaw li tħobbu u
l-valuri li intom issostnu li tikkultivaw. F’isem Alla nitlobkom: erġgħu lura
lejn Kristu, li miet sabiex il-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu fil-maħfra u
fil-paċi. Huwa qiegħed jistenniekom, waqt li jixtieq li kull wieħed minnkom jiġi
għandu, hekk li jkun jistà jgħid lil kull wieħed minnkom: dnubietek maħfura; mur
bis-sliem.
12. Nagħmel appell
liż-żgħażagħ li jistgħu jkunu iktar maħtufin minn organizzazzjonijiet impenjati
fil-vjolenza. Jiena ngħidilkom, bl-imħabba kollha li għandi għalikom,
bil-fiduċja kollha li għandi fiż-żgħażagħ: tisimgħux l-ilħna li jitkellmu
bil-lingwaġġ tal-mibegħda, tal-vendetta, tar-ritaljazzjoni. La ssegwu ebda gwida
li twassalkom fit-triqat li jsawbu l-mewt. Ħobbu l-ħajja, irrispettaw il-ħajja,
fikom u fl-oħrajn. Qiegħdu lilkom infuskom għas-servizz tal-ħajja, mhux
tal-mewt. La temmnux li l-kuraġġ u l-qawwa jkunu ppruvati mill-qtil u
mill-qerda. Il-veru kuraġġ jikkonsisti fil-ħidma għall-paċi. Il-vera qawwa
tikkonsisti fl-għaqda tagħkom maz-żgħażagħ u maż-żgħażagħ tal-generazzjoni
tagħkom kullimkien biex tibnu soċjetà ġusta, umana u nisranija, permezz
tat-toroq tal-paċi. Il-vjolenza hija l-għadu tal-ġustizzja, Il-paċi biss tistà
twassal għall-vera ġustizzja.
Għeżież żgħażagħ
tiegħi; jekk inħtaftu mit-toroq tal-vjolenza, ukoll jekk wettaqtu atti ta’
vjolenza, erġgħu lura lejn Kristu, li d-don tiegħu ta’ addijo lid-dinja kien
il-paċi. Jekk terġgħu lura lejn Kristu biss, issibu paċi għall-kuxjenzi mħawdin
tagħkom, u serenità għal irwieħkom bla sabar.
U lilkom Missirijiet u
Ommijiet nġħidilkom: għallmu lil uliedkom x’għandhom jagħmlu biex jaħfru,
irrendu djarkom postijiet ta’ mħabba u ta’ maħfra; biddlu triqatkom u l-viċinati
tagħkom f’ċentri ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Ikun delitt kontra ż-żgħażagħ
u l-futur tagħhom li tippermettu li wkoll iben wieħed jikber biss bl-esperjenza
tal-vjolenza u tal-mibegħda.
13. Issa nixtieq indur
fuq dawk li jinsabu f’pożizzjoni ta’ gwida, fuq dawk kollha li jistgħu
jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika, fuq dawk il-membri kollha tal-partiti politiċi
u fuq dawk kollha li jappoġġjawhom. Lilkom ngħidilkom: La taħsbux li tittradixxu
lill-Komunità tagħkom meta tfittxu li tifhmu u trrispettaw u li taċċettaw lil
dawk ta’ tradizzjoni differenti. Servu mill-aħjar li tistgħu it-tradizzjoni
propja, waqt li taħdmu mal-oħrajn għar-rikonċiljazzjoni. Kull waħda mill-Komunitajiet
storiċi fl-Irlanda tistà biss tweġġà lilha nfisha billi tfittex li tweġġà
lill-oħra. Il-vjolenza kontinwa tistà biss tikkomprometti dak kollu li huwa l-iktar
prezzjuż fit-tradizzjonijiet u fl-aspirazzjonijiet taż-żewġ komunitajiet”.
Jalla ħadd minn dawk
li jinteressaw ruħhom fl-Irlanda ma jkollu ebda illużjoni dwar in-natura u t-theddida
tal-vjolenza politika. L-ideoloġija u l-metodi tal-vjolenza saru problema
internazzjonali ta’ gravità maġġura. Iktar ma ddum il-vjolenza fl-Irlanda, iktar
jikber il-periklu li din l-art għażiża tistà ssir iktar tejatru għat-terroriżmu
internazzjonali.
14. Lil dawk kollha li
jġorru r-responsabiltajiet politiċi fl-affari tal-Irlanda, nixtieq inkellem
bl-istess urġenza u ntensità, li bihom kellimt lill-bnedmin tal-vjolenza. La
tikkawżawx linqas taċċettaw linqas tittolleraw kondizzjonijiet li joffru skuża
jew ġustifikazzjoni għall-bnedmin tal-vjolenza. Dawk li jirrikorru
għall-vjolenza dejjem isostnu li l-vjolenza biss twassal għall-bidla. Huma
jiddikjaraw li l-azzoni politika ma tistax twettaq il-ġustizzja. Intom Politiċi
jeħtieg li tippruvawlhom li għandhom żball. Intom jeħtieġ turuhom li teżisti
triq paċifika, politika lejn il-ġustizzja. Hemm bżonn turuhom li l-paċi twettaq
l-opri tal-ġustizzja, waqt li l-vjolenza dan ma tagħmlux.
Inħeġġeġ lilkom li
intom imsejħa għad-dmir nobbli tal-politika biex ikollkom il-kuraġġ tiffaċċjaw
ir-responsabiltajiet tagħkom, biex tkunu gwidi fil-kawża tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni
u tal-ġustizzja. Jekk il-politiċi ma jiddeċidux u ma jaġixxux għal bidla ġusta,
allura il-kamp huwa miftuħ għall-bnedmin tal-vjolenza. Il-vjolenza tiffjorixxi
meta jkun hemm il-vojt politiku u rifjut ta’ mossa politika. Pawlu VI, waqt li
kiteb lill-Kardinal Conway f’Marzu 1972, qallu: “Kull wieħed għandu jagħmel
il-parti tiegħu. L-ostakli li jeżistu fit-triq tal-ġustizzja jiġu mwarrba:
ostakli bħan-nuqqas ta’ ugwaljanza ċivili, id-diskriminazzjoni soċjali u
politika, u n-nuqqas ta’ qbil bejn individwi u bejn gruppi. Hemm bżonn li jkun
hemm rispett mutwu u kostanti għall-oħrajn; għall-persuni tagħhom,
għad-drittijiet tagħhom u għall-aspirazzjonijiet leġittimi tagħhom”. Illum
qiegħed nagħmel tiegħi dan il-kliem tal-Predeċessur meqjum tiegħi.
15. Ġejt fi Drogħeda
għal missjoni kbira ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Ġejt bħala pellegrin ta’
paċi, tal-paċi ta’ Kristu. Lill-Kattoliċi, lill-Protestanti, il-messaġġ huwa
tal-paċi u tal-imħabba. Jalla ebda Protestant Irlandiż ma jrid jaħseb li l-Papa
huwa għadu, periklu jew theddida. Ix-xewqa tiegħu iżda hija li l-Protestanti
jaraw fija ħabib u ħuhom fi Kristu. Titilfux il-fiduċja li din iż-żjara tiegħi
tistà tkun fertili u li dan leħni jistà jkun mismugħ. U wkoll jekk ma jkunx
mismugħ, jixhed l-istorja li f’waqt diffiċli fl-esperjenza tal-poplu Irlandiż l-Isqof
ta’ Ruma medd riġlu fuq artkom, li hu kien magħkom u talab magħkom għall-paċi u
għar-rikonċiljazzjoni, għar-rebħa tal-ġustizzja u tal-imħabba fuq il-mibegħda u
fuq il-vjolenza. Iva, din ix-xhieda tagħna fl-aħħar tinbidel f’talba, talba li
tiġi mill-qalb għall-paċi tal-popli li jgħixu fuq din l-art, paċi għall-poplu
kollu tal-Irlanda.
Jalla din it-talba
ħerqana għall-paċi tinfed b’mod l-iktar imdawwal fil-kuxjenzi kollha,
tippurifikhom u taħfinhom.
Kristu, Prinċep
tal-Paċi; Marija, Omm il-Paċi, Reġina tal-Irlanda; San Patrizju, San Oliver, u
intom ilkoll, Qaddisin tal-Irlanda; jien, flimkien ma dawk kollha li jingħaqdu
miegħi, nitlobkom! Ħudu ħsieb l-Irlanda, Ipproteġu lill-umanità. Amen.
Miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|