Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ĊELEBRAZZJONI TAL-VESPRI U TAT-«TE DEUM»
TA’ RINGRAZZJAMENT GĦAL TMIEM IS-SENA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Knisja ta’ Ġesù – It-Tnejn, 31 ta’ Diċembru 1979

 

1. “Uliedi, din hija l-aħħar siegħa . . .”; b’dan il-kliem jibda l-ewwel qari tal-liturġija tallum, meħud mill-ittra ta’ San Ġwann Appostlu (1 Ġw 2, 18). Dan il-qari huwa ffissat għall-31 ta’ Diċembru, is-sebà jum tal-ottava tal-Milied. Kemm hu attwali dan il-kliem! Kemm inħossu b’mod effikaċi l-elokwenza tiegħu aħna hawn miġburin fil-Knisja Rumana ta’ Ġesù, fil-waqt li fih idoqqu l-aħħar sigħat tas-sena, li waslet fi tmiemha. Kull siegħa tal-ħin uman hija sa ċertu punt l-aħħar, għaliex dejjem unika u rrepetibbli. F’kull siegħa tgħaddi xi partiċella ta’ ħajjitna, partiċella li ma terġax tiġi lura iktar. U kull waħda ta’ tali partiċelli - għalkemm mhux dejjem nagħtu każ –  tipproġettana lejn l-eternità.

Forsi l-aħħar sigħat ta’ dan il-jum – Meta s-sena tal-Mulej 1979, u magħha it-tminn deċenju tas-seklu tagħna jaslu fi tmiemhom – jgħidulna aħjar minn kull siegħa oħra tas-soltu. U għalhekk nerġgħu nħossu b’mod ikbar l-bżonn li nsibu ruħna, f’dawn l-aħħar sigħat tas-sena, quddiem il-Mulej tagħna, quddiem Alla li, bl-eternità tiegħu, iħaddan u jassorbi iż-żmien uman tagħna; il-bżonn li nkunu quddiemu, li nkellmuh bil-kontenut stess l-iktar profond tal-eżistenza tagħna.  Huma dawn il-waqtiet addattati għal meditazzjoni profonda fuqna nfusna u fuq id-dinja; il-waqtiet biex “nagħmlu l-kontijiet” magħna nfusna u mal-ġenerazzjoni li aħna parti minnha. Huwa dan il-ħin propizju għal talba ndirizzata biex niksbu l-maħfra, talba ta’ radd il-ħajr u ta’ supplika.

2. “I-Verb kien fid-dinja” (cf. Ġw 1, 10). Propju issa reġà lura l-perijodu li fih il-Knisja tirrendi ruħha konxja b’mod partikolari tal-verità li jesprimi dan il-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. Fid-dinja kien il-Verb: dak il-Verb li fil-bidu kien qrib Alla” u “kollox sar permezz tiegħu, u mingħajru xejn ma sar minn dak kollu li jeżisti” (Ġw 1, 2-3). Dan il-Verb “sar bniedem u ġie jgħammar fostna”, Ġie jgħammar ukoll jekk “dawk tiegħu ma laqgħuhx” (Ġw 1, 11).

Il-kalkolu tas-snin, li bihom ninqdew, iridu jixhdu li għaddew appuntu 1979 sena mill-waqt li fih dan ġara. Iż-żmien jixhed mhux biss il-mogħdija tad-dinja u l-mogħdija tal-bniedem fid-dinja; dan jirrendi xhieda wkoll għat-twelid tal-Verb etern mill-Verġni Marija, għat-twelid li, bħal kull twelid tal-bniedem, jiġi determinat miż-żmien: mis-sena, mill-jum, mis-siegħa.

Bdanakollu, fil-waqt preżenti, matul din il-laqgħa tagħna, l-attenzjoni tagħna tiġi attirata, l-ewwelnett mis-sentenza segwenti tal-Vanġelu ta’ Ġwanni:

Mill-milja tiegħu aħna lkoll irċivejna grazzja fuq grazzja” (Ġw 1, 16). M’hawnx hawn ukoll muftieħ biex nifhmu s-sena li waslet biex tintemm? Mhemmx bżonn naħsbu dwarha fil-prospettiva ta’ kull grazzja li rċivejna mill-milja ta’ Ġesù Kristu, Alla u Bniedem? Ma gejniex ninġabru hawn biex inroddu ħajr għal kull waħda minn dawn il-grazzji u fl-istess waqt għal kollha f’daqqa?

Bla ebda dubju iva.

Il-grazzja hija realtà interna. Hija polz misterjuż tal-ħajja divina fl-erwieħ umani. Hija ritmu intern tal-intimità ta’ Alla magħna, u għalhekk ukoll tal-intimità tagħna ma’ Alla. Din hija s-sors ta’ kull veru ġid f’ħajjitna. U hija s-sies tal-ġid li ma jgħaddix. Permezz tal-grazzja aħna diġa ngħixu f’Alla, fl-unità tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, għalkemm ħajjitna tiżvolġi ruħha dejjem f’din id-dinja. Hija tagħti valur soprannaturali lil kull ħajja, għalkemm din il-ħajja hija, umanament u skont il-kriterji tat-temporalità, fqira ħafna, mhix apparixxenti u diffiċli.

Hemm bżonn mela li illum niżżu ħajr għal kull grazzja ta’ Alla li kienet ikkomunikata lil kwalunkwè bniedem: mhux biss lil kull wieħed u waħda minna, hawn preżenti, imma lil kull ħuna u oħtna f’kull parti tad-dinja. B’dan il-mod l-innu tagħna ta’ ringrazzjament marbut ma’ l-aħħar jum tas-sena, li waslet biex tintemm, isir kważi resumè kbir. F’dan ir-resumè tkun preżenti l-Knisja kollha, ladarba hi hija kif jgħallimna l-Konċilju, sagrament tas-salvazzjoni umana (cf. Lumen Gentium, 1). Kristu, li mill-milja tiegħu ilkoll nirċievu grazzja fuq grazzja, huwa propju l-“Kristu tal-Knisja”; u l-Knisja hija dak il-Ġisem Mistiku li kostantament jilbes il-Verb Etern imwieled fiż-żmien, mill-Verġni.

Waqt li nindirizzaw qlubna lejn dan il-misteru, il-liturġija tallum issir sors tat-talb l-iktar profond tar-ringrazzjament tagħna.

3. Madankollu l-istess liturġija tagħmilna konxji wkoll mill-eżistenza tal-ħażin fl-istorja tal-bniedem u tal-umanità. U jekk kull ġid jimmudella din l-istorja fil-forma tal-Ġisem ta’ Kristu, il-ħażin minflok, bħala kontradizzjoni tal-ġid, jassumi fil-lingwaġġ tal-Ittra ta’ Ġwanni l-isem tal-“antikristu”.

Fit-tali sens l-Appostlu jikteb: “Fil-fatt issa diġa tfaċċaw ħafna antikristi. Minn dan nagħrfu li hija l-aħħar siegħa” (1 Ġw 2, 18). Mela din l-aħħar siegħa tas-sena ma tistax tgħaddi mingħajr riflessjoni dwar it-tema tal-ħażin, dwar it -tema tad-dnub, li dwaru kull wieħed u waħda minna nħossuna parteċipi, ladarba lil kull wieħed u waħda tkellimna l-kuxjenza tagħna  .

L-aħħar siegħa tintrabat, b’mod partikolari, mal-prospettiva tal-ġudizzju li jidwi fil-leħen tal-kuxjenza umana, u fl-istess ħin mal-prospettiva tal-ġudizzju ta’ Alla, tal-Mulej li ġej biex jiġġudika d-dinja, kif iħabbar is-salm responsorjali tal-liturġija tallum. U jżid: “Se jiġgudika d-dinja b’ġustizzja u b’verità lill-bnedmin kollha” (cf. Sal 96, 13).

L-istess riflessjoni dwar il-ħażin, li tagħha toffrilna l-okkażjoni l-aħħar siegħa tas-sena, titlob minna li nmorru f’ċertu sens ‘il hemm mil-limiti tal-kuxjenza tagħna, u mir-responsabiltà morali personali. Il-ħażin li jeżisti fid-dinja, li jdawwar u li jhedded l-bniedem, in-nazzjonijiet, l-umanità donnu li huwa ikbar, ferm ikbar, mill-ħażin li tiegħu nħossuna personalment responsabbli kull wieħed u waħda minna.  Huwa bħallikieku dan jikber skont id-dinamika inerenti propja u jissupera l-intenzjonijiet tal-bniedem, bħal donnu joħroġ minna imma ma huwiex tagħna, biex nutilizzaw mill-ġdid għal darb’oħra l-espressjonijiet tal-Appostlu.

Ħajjitna ma turiniex jewwilla dimensjonijiet simili tal-ħażin? L-aħħar sena ma writniex jewwilla tali grad ta’ theddida li meta l-bniedem jaħseb dwarha jasal biex jistaqsi lilu nnifsu jekk għadhiex miżura ta’ bniedem, miżura tar-rieda tiegħu u tal-kuxjenza tiegħu?

X’hemm x’ngħidu, iktar mill-bqija, dwar il-manifestazzjonijiet kollha ta’ mibegħda u ta’ krudeltà li jinħbew taħt l-isem tat-terroriżmu internazzjonali? Jew taħt il-forma tat-terroriżmu, li tiegħu hija vittma l-Italja?

U xi ngħidu dwar il-ħażniet militari ġganteski u heddieda li, b’mod speċjali fl-aħħar parti ta’ din is-sena, ġibdu l-attenzjoni tad-dinja kollha u b’mod partikolari tal-Ewropa, mill-Lvant sal-Punent?

Ikollok aptit tgħid, waqt li ssegwi l-Appostlu, li dak il-ħażin li qiegħed jitfaċċa fuq l-orizzont “ħareġ minna, imma ma kienx tagħna”, mhuwiex tagħna. U b’mod ġust. Fl-istorja tal-bniedem jopera mhux biss Kristu, imma wkoll l-Anti-Kristu. Bdanakollu huwa meħtieġ, iva, u tant iktar meħtieġ li l-bniedem, kull bniedem, li b’xi mod iħossu responsabbli ta’ tali theddida sovrumana li hi piż fuq l-umanità, jressaq lilu nnifsu għall-ħaqq tal-propja kuxjenza, li jressaq lilu nnifsu quddiem il-ħaqq ta’ Alla.

4. Fid-dinja kien il-Verb . . . / “Fih kienet il-ħajja / u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin: / id-dawl jiddi fid-dlamijiet, / imma d-dlamijiet ma laqgħuhx” (Ġw 1, 4-5).

Intemmu hekk il-meditazzjoni tagħna fl-okkażjoni ta’ tmiem is-sena bi stqarrija tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. Din imbagħad; iġġorr fiha l-wirja tat-tama, il-leħen tal-ottimiżmu nisrani.

Il-Verb huwa fid-dinja. Id-dawl jiddi fid-dlamijiet. Hemm bżonn biss li aħna nagħtu widen, lil dan il-Verb. Hemm bżonn li nersqu lejn dan id-dawl. Hemm bżonn li nitħaddnu bil-qawwa ma’ Kristu, noqogħdu għalih b’ruħna kollha u b’ħajjitna kollha.

Allura nistgħu naqbdu triqtna b’fiduċja niltaqgħu ma’ kull żmien, ikun kemm ikun heddiedi wiċċu. “Il-grazzja u l-verità li jiġu permezz ta’ Ġesù Kristu” (cf. Ġw 1, 17) ma jaqtgħux li jkunu is-sors tar-rebħa tal-bniedem fuq il-ħażin. U fl-epoka tagħna wkoll qiegħda tikber il-kwantità tal-fatti – tal-fatti speċifiċi – li jikkonfermaw dan. Fatti li kultant jgħaġġbuna bl-elokwenza tagħhom. Kull sena tintemm fil-glorja tal-ottava tal-Milied u kull sena ġdida tibda f’tali glorja.

Dan huwa sinjal evidenti tal-preżenza immutabbli tal-grazzja u tal-verità fiż-żmien uman tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb