Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

TE DEUM TA’ RINGRAZZJAMENT GHAL TMIEM IS-SENA 
FIL-KNISJA DDEDIKATA LILL-ISEM IMQADDES TA’ ĠESÙ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 31 ta’ Diċembru 1978

 

Għeżież Ħuti.

Qabel xejn irrid insellem lil dawk kollha preżenti Romani u barranin li ġew biex jiċċelebraw għeluq is-sena 1978, jiċċelebraw b’mod reliġjuż. Nindirizza t-tislima kordjali tiegħi lill-Kardinal Vigarju, lill-ħuti l-Isqfijiet, lir-rappreżentant tal-awtorità ċivili, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, b’mod speċjali lill-Kumpanija ta’ Ġesù, flimkien mal-Missier Ġenerali.

1. Il-Ħadd bejn l-Ottava tat-Twelid tal-Mulej, jiġifieri dan il-Ħadd, jgħaqqad, fil-liturġija, it-tifkira sollenni tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. It-twelid ta’ tarbija, dejjem jagħti bidu lil familja. It-Twelid ta’ Ġesu f’Betlem ta bidu lil din il-Familja unika u eċċezzjonali fl-istorja tal-umanità; f’din il-Familja ġie fid-dinja, trabba u ġie edukat l-Iben ta’ Alla, ikkonċeput u mwieled mill-omm-Verġni, u fl-istess ħin afdat sa mill-bidu, għall-kura paterna b’mod awtentiku ta’ Ġużepp, il-mastrudaxxa ta’ Nażżaret, li quddiem il-liġi Lhudija kien ir-raġel ta’ Marija, u quddiem l-Ispirtu Santu kien  l-għarus dehen u l-għalliem, b’mod tassew patern, tal-misteru matern tal-Għarusa tiegħu.

Il-Familja ta’ Nażżaret, li l-Knisja, b’mod speċjali fil-liturġija tallum, tqiegħed quddiem l-għajnejn tal-familji kollha, tikkostitwixxi b’mod effettiv dak il-punt kulminanti ta’ referenza għall-qdusija ta’ kull familja umana. L-istorja ta’ din il-Familja tiġi deskritta fil-paġni tal-Vanġelu b’mod tassew konċiż. Insiru bilkemm nafu b’xi ġrajjiet tal-ħajja tagħha. Bdanakollu, dak li nifhmu huwa biżżejjed biex inkunu nistgħu ninvolvu l-waqtiet fundamentali fil-ħajja ta’ kull familja, u biex inġegħlu tidher dik id-dimensjoni, li għaliha huma msejħin il-bnedmin kollha li jgħixu l-ħajja familjari: missirijiet, ommijiet, ġenituri, ulied. Il-Vanġelu jurina, b’ċarezza kbira, il-profil edukattiv tal-familja. “Reġà lura Nażżarett u kien sudditi lejhom…” (Lq 2,51). Hija meħtieġa min-naħa tat-tfal u min-naħa tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, din is-“sudditanza”, ubbidjenza, prontezza biex ikunu aċċettati l-eżempji maturi tal-kondotta umana tal-familja. Ġesù wkoll b’dan il-mod kien “sottomess”. U b’din is-“sudditanza”, b’din il-prontezza tat-tifel ikunu lesti jaċċettaw l-eżempji tal-imġieba umana, għandhom iqisu il-ġenituri l-kondotta kollha tagħhom. Dan huwa l-punt delikat b’mod partikolari tar-responsabiltajiet tagħhom ta’ ġenituri, tar-responsabiltajiet tagħhom fil-konfront tal-bniedem, ta’ dan iċ-ċkejken, u mbagħad bniedem krexxenti, afdat lilhom minn Alla nnifsu. Għandhom ukoll iżommu quddiem għajnejhom dak kollu li seħħ fil-ħajja tal-Familja ta’ Nażżaret meta Ġesù kellu tnax-il sena, huma, jiġifieri, jedukaw lil binhom mhux biss għalihom, imma għalih, għad-dmirijiet li wara huwa jkollu jassumi. Ġesù ta’ tnax-il sena wieġeb lil Marija u lil Ġużeppi: “Ma kontux tafu li jiena rrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (Lq 2,49).

2. Il-problemi umani l-iktar profondi huma marbutin mal-familja. Din tikkostitwixxi l-komunità primarja, fundamentali u nsostitwibbli għall-bniedem. “Il-familja rċeviet mingħand Alla din il-missjoni, li tkun iċ-ċellula ewlenija u vitali tas-soċjetà”, jiddikjara l-Konċilju Vatikan II (Apostolicam Actuositatem, 11). Ta’ dan il-Knisja wkoll trid tagħti xhieda speċjali matul l-Ottava tat-Twelid tal-Mulej permezz tal-festa tal-Familja Mqaddsa. Trid tfakkar li mal-familja huma marbutin il-valuri fundamentali, li ma jistgħux, li ma nistgħux niksru mingħajr danni nkallkulabbli ta’ natura morali. Spiss il-prospettivi ta’ ordni materjali u l-punt di vista “ekonomiku-soċjali” jegħlbu l-prinċipji tal-moralità nisranija u saħansitra umana. Mhux biżżejjed, allura, li nesprimu biss dispjaċir. Hemm bżonn li niddefendu dawn il-valuri fundamentali b’persistenza u sodizza, għaliex il-vjolazzjoni tagħhom iġġib danni nkalkulabbli għas-soċjetà, u, f’analiżi aħħarija, għall-bniedem. L-esperjenza tan-nazzjonijiet differenti fl-istorja tal-umanità, kif ukoll l-esperjenza kontemporanja tagħna, jistgħu jservu bħala argument biex jerġgħu jwettqu din il-verità doloruża, jiġifieri li huwa faċli, fl-isfera fundamentali tal-eżistenza umana li fiha huwa deċiżiv l-irwol tal-familja, li jinqerdu l-valuri essenzjali, waqt li huwa ferm diffiċli li terġa tibni tali valuri.

Liema huma dawn il-valuri? Jekk irridu nwieġbu b’mod adegwat għal din il-mistoqsija, hemm bżonn li nindikaw l-ġerarkija kollha u l-ġabra flimkien tal-valuri li b’mod li ma jitħassarx jiddefinixxu ruħhom u jikkondizzjonaw ruħhom. Però, waqt li nfittxu li nesprimu ruħna b’mod konċiż, ngħidu li hawn jidħlu żewġ valuri fundamentali li b’mod rigoruż jidħlu fil-kuntest ta’ dak li aħna nsejħu “imħabba konjugali”. L-ewwel wieħed minnhom huwa l-valur tal-persuna li jesprimi ruħu fil-fedeltà reċiproka assoluta sal-mewt: fedeltà tar-raġel fil-konfront ta’ martu u tal-mara fil-konfront ta’ żewġha. Il-konsegwenza ta’ din id-dikjarazzjoni tal-valur tal-persuna, li tesprimi ruħha fir-relazzjoni reċiproka bejn ir-raġel u l-mara, trid tkun ukoll ir-rispett tal-valur personali tal-ħajja l-ġdida, jiġifieri tat-tarbija, mill-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha.

Il-Knisja ma tistà qatt taħles lilha nfisha mill-obligu li tgħasses dawn iż-żewġ valuri fundamentali, marbutin mal-vokazzjoni tal-familja. Il-kustodja tagħhom kienet afdata lill-Knisja minn Kristu, b’tali mod li ma jħalli ebda dubju. Fl-istess ħin, l-evidenza - -mifhumha b’mod uman – ta’ dawn il-valuri tagħmel iva li l-Knisja waqt li tiddefendihom, tara lilha nfisha bħala l-portavuċi tad-dinjità awtentika tal-bniedem, tal-ġid tal-persuna, tal-familja, tan-nazzjonijiet.  Waqt li żżomm ir-rispett lejn dawk kollha li jaħsbuha b’mod differenti, huwa diffiċli ħafna li tagħraf, mill-punt di vista oġġettiv u imparzjali, li jġib ruħu skont id-dinjità umana vera min jittradixxi l-fedeltà matrimonjali, jew inkella min jippermetti li jġib fix-xejn u jeqred il-ħajja ikkonċeputa fil-ġuf matern. Konsegwentement, ma tistax tammetti li l-programmi li jissuġġerixxu, li jiffaċilitaw, li jammettu tali mġieba biex jirrendu l-ħajja umana verament libera, verament iktar denja tal-bniedem, li jinqdew bil-kostruzzjoni ta’ soċjetà aħjar.

3. Il-Ħadd tallum huwa wkoll l-aħħar jum tas-sena 1978. Inġbarna hawn, f’din il-liturġija, biex niżżu ħajr lil Alla għall-ġid kollu li sawwab fuqna u tana l-grazzja li nagħmlu tul is-sena li għaddiet, u biex nitolbu l-maħfra tiegħu għal dak kollu li, billi huwa kuntrarju għall-ġid, huwa wkoll kuntrarju għar-rieda qaddisa tiegħu.

Ippermettuli li, f’dan ir-ringrazzjament u f’dan it-talb ta’ maħfra, ninqeda wkoll bil-ktiterju tal-familja, din id-darba iżda fl-usa sens tiegħu. Billi Alla huwa Missier, allura l-kriterju tal-familja għandu wkoll din id-dimensjoni; jirreferixxi għall-komunitajiet kollha umani, għas-soċjetajiet, għan-nazzjonijiet, għall-pajjiżi; jirreferi għall-Knisja u għall-umanità.

Waqt li hekk nikkonkludu din is-sena, niżżu ħajr lil Alla għal dak kollu li għalih il-bnedmin – fid-diversi sferi tal-eżistenza terrena – jsiru ferm iktar “familja”, jiġifieri iktar aħwa, li komunement għandhom l-uniku Missier. Fl-istess ħin, nitolbu maħfra għal dak kollu li huwa estranju għall-fratellanza komuni tal-bnedmin, li jeqred l-għaqda tal-familja umana, li jheddidha, li jfixkilha.

Għalhekk, waqt li għandi quddiem għajnejja l-Predeċessur kbir tiegħi Pawlu VI, u l-wisq maħbub Papa Ġwanni Pawlu I, jien, is-suċċessur tagħhom, fis-sena tal-mewt tagħhom it-tnejn, illum ngħid: “Missierna li inti fis-smewwiet, aċċettana f’dan l-aħħar jum tas-sena 1978 fi Kristu Ġesù, Ibnek etern, u fih iggwidana ‘l quddiem fil-futur. Fil-futur li int stess tixtieq, Alla tal-Imħabba, Alla tal-Verità, Alla tal-Ħajja!”.

B’din it-talba fuq xuftejja jiena, suċċessur taż-żewġ Papiet li mietu din is-sena, naqsam flimkien magħkom il-fruntiera li fi ftit sigħat, tiddividi s-sena 1978 mill-1979.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb