Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIT-TURKIJA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANN PAWLU II

Efesu
Il-Ġimgħa, 30 ta’ Novembru 1979

 

1. B’qalb imfawra b’kommozzjoni profonda, nibda nitkellem f’din il-liturġija sollenni, li tarana hawn miġbura madwar il-Mejda ewkaristika biex niċċelebraw, fid-dawl ta’ Kristu Redentur, it-tifkira glorjuża tas-Santissma Ommu. Ir-ruħ hija ddominata mill-ħsieb li, propju f’din il-belt, il-Knisja miġbura f’Konċilju – it-tielet ekumeniku – għarfet b’mod uffiċċjali lil Maria it-titlu ta’ “Theotokos”, ġa attribwit lilha mill-poplu nisrani, imma minn xi żmien ikkuntestat f’xi ambjenti, immexxija b’mod speċjali minn Nestorju. Il-ġublew, li bih il-popolazzjoni ta’ Efesu laqgħet, f’dik l-imbegħda sena 431, lis-Santi Padri li kienu ħarġu mis-sala tal-Konċilju fejn kienet ġiet iddikjarata mill-ġdid il-fidi tal-Knisja, li nfirxet bil-għaġġla f’kull parti tad-dinja nisranija u ma qatgħetx tidwi mal-ġenerazzjonijiet suċċessivi, li matul il-korsa tas-sekli komplew iduru bi mpuls fiduċjuż lejn Marija, bħala Dik li tat il-ħajja lill-Iben ta’ Alla.

Aħna wkoll, illum, bl-istess impuls filjali u bl-istess fiduċja qawwija, niġru għand il-Verġni Mqaddsa, waqt li fiha nsellmu lill-“Omm Alla” u waqt li lilha nafdaw ix-xorti tal-Knisja, suġġetta f’dawn iż-żminijiet għal provi b’mod singulari iebsin u nsidjużi, imma mbuttata wkoll mill-azzjoni tal-Ispirtu f’mixjiet miftuħa għat-tamiet l-iktar promettenti.

2. “Omm Alla”. Waqt li, illum, intennu dan it-terminu mimli misteru, inmorru mill-ġdid b’moħħna fil-waqt indeskrivibbli tal-Inkarnazzjoni u niddikjaraw mal-Knisja kollha li l-Verġni saret Omm Alla minħabba li ġġenerat skont l-umanità Iben, li personalment kien il-Verb ta’ Alla. Liema abbiss ta’ indulġenza jinfetaħ quddiemna!

Għar-ruħ ħassieba titfaċċa spontanjament mistoqsija: għaliex il-Verb ipprefera li jitwieled minn mara (Gal 4,4), pjuttost milli jinżel mis-sema b’ġisem diġa ta’ adult, magħġun minn idejn Alla (cf. Ġen 2,7)? Ma kinitx tkun, din, triq iktar denja tiegħu? Iktar adegwata għall-missjoni tiegħu ta’ Mgħallem u ta’ Salvatur tal-umanità? Nafu li, fl-ewwel sekli b’mod speċjali, mhux ftit insara (għalliema, injostiċi, eċċ.) kienu jippreferu li l-affarijiet marru b’dan il-mod. Il-Verb, minflok, żamm it-triq l-oħra. Għaliex??

It-tweġiba tipproponilna ruħha bis-sempliċità ċara u konvinċenti tal-opri ta’ Alla. Kristu ried ikun rimja awtentika ( 11,1) tan-nisel li kien ġie biex isalva. Ried li r-redenzjoni tiffjorixxi bħal mill-ġewwieni tal-umanità, bħal xi ħaġa tiegħu. Kristu ried jgħin lill-bniedem mhux bħala barrani imma bħala ħuh, billi jsir f’kollox jixbaħ lilu, minbarra d-dnub (cf. Eb 4,15). Għal dan ried omm u sabha f’Marija. Il-missjoni fundamentali tat-Tfajla ta’ Nażżaret kienet mela, dik li tkun  il-mezz tal-għaqda tas-Salvatur mal-ġeneru uman.

Fl-istorja tas-salvazzjoni, madankollu, l-azzjoni ta’ Alla ma tiżvolġix ruħha ‘il fuq minn ras il-bnedmin. Alla ma nponiex is-salvazzjoni. Linqas ma nponiha lil Marija. Fl-Annunzjazzjoni huwa dar lejha b’mod personali, talab ir-rieda tagħha u stenna tweġiba li toħroġ mill-fidi tagħha. Is-Santi Padri qabdu b’mod perfett dan l-aspett,  waqt li ndikaw li “il-Beata Marija, Dik li welldet waqt li emmnet, ikkonċepixxiet waqt li emmnet” (S. Wistin, Sermo 215, 4; S. Iljun il-Kbir, Sermo I in Nativitate, 1; eċċ.) u dan enfasizza wkoll il-Konċilju Vatikan II, waqt li argumenta li l-Verġni “għall-aħbar tal-Anġlu laqgħet f’qalbha u f’ġisimha l-Verb ta’ Alla” (Lumen Gentium, 53).

Il-“fiat” tal-Annunnzjazzjoni inawgura, b’dan il-mod, il-patt il-ġdid bejn Alla u l-krejatura: waqt li jinkorpora lil Ġesù ma’ nisilna skont in-natura, jinkorpora lil Marija miegħu skont il-grazzja. Ir-rabta bejn Alla u l-umanità, maqtugħa permezz tad-dnub, issa tiġi riġinerata b’mod feliċi.

3. Il-kunsens totali u bla kundizzjoni tal-“qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38) għall-pjan ta’ Alla kien, mela, aċċettazzjoni libera u konxja. Marija aċċettat li ssir l-Omm tal-Messija, li ġie “biex isalva l-poplu tiegħu mid-dnub” (Mt 1,21; cf. Lq 1,31). Dan mhuwiex sempliċi kunsens għat-twelid ta’ Ġesù, imma aċettazzjoni responsabbli ta’ partiċipazzjoni fl-opra tas-salvazzjoni, li huwa ġie biex iwettaq. Il-kliem tal-“Magnificat” joffri konferma ċara ta’ dan l-għarfien luċidu: “Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu – Marija tgħid – għax ftakar fil-ħniena tiegħu, kif kien wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (Lq 1,54-55).

Waqt li lissnet il-“fiat” tagħha, Marija ma ssirx biss l-Omm tal-Kristu storiku; il-ġest tagħha jimponiha bħala l-Omm tal-Kristu totali. “Ommna il-Knisja”. “Mill-waqt tal-“fiat” – josserva San Anselmu – “Marija bdiet iġġorna kollha fi ħdanha” Minħabba dan “il-milied tal-Kap huwa wkoll il-milied tal-Ġisem”, jissentenza San Iljun il-Kbir. Sant’Efrem għandu, min-naħa tiegħu, espressjoni tassew sabiħa  f’dan ir-rigward: Marija, huwa jgħid, hija l-art li fiha ġiet miżrugħa l-Knisja”.

Fil-fatt, Fil-waqt li fih il-Verġni ssir Omm tal-Verb inkarnat, il-Knisja issib ruħha ffurmata b’mod sigriet, imma b’mod ġerminali perfett, fl-essenza tagħha ta’ ġisem mistiku: infatti huma preżenti r-Redentur u l-ewwel waħda fost il-mifdijin. Minn issa ‘l hemm l-inkorporazzjoni ma’ Kristu timplika rapport filjali mhux biss mal-Missier ċelesti, imma wkoll ma’ Marija, l-Omm terrena tal-Iben ta’ Alla.

4. Kull omm tittrażmetti lil uliedha ix-xebħ propju: ukoll bejn Marija u l-Knisja hemm rapport ta’ xebħ profond. Mrija hija l-figura ideali, il-personifikazzjoni, il-mudell tal-Knisja. Fiha jitwettaq il-passaġġ mill-poplu ta’ Alla l-qadim għal dak ġdid, minn Iżrael għall-Knisja. Hija hi l-ewwel fost l-umli u l-foqra, li baqgħu fidili, li jistennew ir-redenzjoni; u hi għadha l-ewwel fost il-mifdija li, b’umiltà u ubbidjenza, jilqgħu l-miġja tar-Redentur. It-tejoloġija Orjentali insistiet ħafna dwar il-“katharsis” li jopera f’Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni; biżżejjed hawn infakkru l-parafrasi kommoventi li jagħmel l-Isqof Ortodoss Gregorio Palamas fl-omelija tiegħu: “Inti diġa qaddisa u mimlija bil-grazzja, o Verġni, jgħid l-Anġlu lil Marija. Imma l-Ispirtu Santu se jiġi mill-ġdid fik, waqt li jħejjik permezz ta’ żieda tal-grazzja għall-misteru divin” (Gregorio Palamas, Omelia sull’Annunziazione: PG 151,178).

Bir-raġun, għalhekk, fil-Liturġija li biha l-Knisja Orjentali tiċċelebra it-tifħir tal-Verġni, għandu post prominenti il-kantiku li oħt Mosè, Marija, tgħolli fil-passaġġ tal-Baħar l-Aħmar, kważi biex tindika li l-Madonna kienet l-ewwel waħda li qasmet il-baħar tad-dnub quddiem nett tal-poplu ġdid ta’ Alla, meħlus minn Kristu.

Marija hija l-frott bikri u x-xbiha l-iktar perfetta tal-Knisja: “portio maxima, portio optima, portio praecipua, portio electissima” (Ruperti, In Apocalisse, I, VII, c. 72). “Assoċjata mal-bnedmin kollha fil-bżonn tas-salvazzjoni”, jipproklama mill-ġdid il-Vatikan II, hija ġiet mifdija “B’mod iktar sublimi bis-saħħa tal-merti ta’ Binha” (Lumen Gentium, 53). Marija, għalhekk, tinsab quddiem kull kredent bħala l-krejatura kollha pura, kollha sbejħa, kollha qaddisa, kapaċi li “tkun Knisja” kif ebda krejatura oħra qatt tistà tkun hawn isfel.

5. Illum, aħna wkoll, inħarsu lejn Marija b’fantasija ta’ mħabba ta’ wlied bħala l-mudell tagħna.

Inħarsu lejha biex nitgħallmu mill-eżempju tagħha ħalli nibnu l-Knisja. Għal dan il-għan nafu li għandna, qabel kollox, nikbru taħt il-gwida tagħha fl-eżerċizzu tal-fidi. Marija għexet il-fidi tagħha f’impenn ta’ approfondiment kontinwu u ta’ sejbien prpgressiv, waqt li għaddiet minn waqtiet diffiċli ta’ dlam, diġa mill-bidu (cf. Mt 1,18ss.), li hija għelbet grazzi għal atteġġjament responsabbli ta’ smigħ u ta’ ubbidjenza fil-konfront tal-Kelma ta’ Alla. Aħna wkoll għandna nwettqu kull sforz biex napprofondixxu u nikkunsolidaw il-fidi tagħna “billi nisimgħu, nilqgħu, inxandru, inqimu l-Kelma ta’ Alla, waqt li niskrutinizzaw fid-dawl tagħha s-sinjali taż-żminijiet  u waqt li ninterpretaw u ngħixu l-ġrajjiet tal-istorja” (Pawlu VI, Marialis Cultus, 17).

Marija tinsab quddiemna bħala eżempju ta’ tama kuraġġuża u ta’ karità operanti: hija mxiet fit-tama, waqt li għaddiet bi prontezza ħelwa mit-tama Lhudija għat-tama nisranija, u attwat l-karità billi laqgħet fiha l-esiġenzi sad-don l-iktar sħiħ u sal-ikbar sagrifiċċju.

Fuq l-eżempju tagħha, aħna wkoll irridu nibqgħu sodi fit-tama ukoll meta sħab tempestuż jinġemà fuq il-Knisja, li bħal vapur tavanza fost il-mewġ, mhux rari kuntrarji, tal-ġrajjiet umani: aħna wkoll jeħtieġ nikbru fil-karità billi nikkultivaw l-umiltà, il-faqar, fix-xewqa li ngħinu, fil-ħila tas-smigħ u tal-ubbidjenza,  b’sapport għal dak li għallmitna hi bix-xhieda ta’ ħajjitha kollha.

6. Ta’ ħaġa waħda, b’mod speċjali, aħna rridu llum nassumu l-impenn f’riġlejn din l-Omm komuni tagħna: aħna nimpennjaw ruħna li nmexxu ‘l quddiem, b’kull enerġija tagħna u b’atteġġjament ta’ disponibiltà totali għas-suġġerimenti tal-Ispirtu, il-mixja lejn l-għaqda sħiħa tal-insara kollha.

Taħt għajnejha materni aħna lesti li nagħrfu it-tortijiet reċiproċi tagħna, l-egoiżmi tagħna, it-tnikkir tagħna: hija ġġenerat Iben uniku, aħna sfortunatament qegħdin nippreżentawh maqsum. Dan huwa fatt li joħolqilna skonfort u piena: l-iskonfort u l-piena li dwarhom esprima ruħu l-Predeċessur tiegħi ta’ tifkira meqjuma, il-Papa Pawlu VI, fil-kliem inizjali tal-“Breve” li, bi qbil totali mat-“Tomos” ippublikat bl-istess ħin mill-Patrijarka ekumneniku Atenagora I, neħħa mit-tifkira tal-Knisja u ddestina biex jintesew is-sentenzi ta’ skomunika reċiproka mgħoddijin, ħafna żmien ilu, f’Kostantinopli: “Ambulate in dilectione, sicut et Christus dilexit nos: haec hortatoria verba Apostoli gentium (Ef 5,2) nobis, qui e Salvatoris nomine christiani appellamur, observantur nosque permovent, praesertim hac aetate, quae vehementius impellit, ut dilatentur spatia caritatis (Paelu VI, Ambulate in dilectione, 7 ta’ Diċembru 1965: AAS 58 [1966] 40).

Imxejna ħafna minn dak il-jum; passi oħrajn, bdanakollu, għad jonqos xi jsir. Ejjew nafdaw lil Marija l-intenzjoni sinċiera li ma nsibux paċi sakemm l-għan tagħna ma jkunx intlaħaq b’mod feliċi. Donni qiegħed nismà minn xuftejha l-kliem tal-Appostlu: “M’għandux ikun hemm piki, għira, animożità, tqasqis, insinwazzjonijiet, suppervja u diżordni” (2Kor 12,20). Ejjew nilqgħu b’qalb miftuħa din it-twissija materna u nitolbuha li tkun qribna biex tiggwidana, b’id ħelwa u soda, fit-toroq tal-fehim fratern sħiħ u dejjiemi. Hekk titwettaq il-wegħda suprema, imħabbra minn Binha fil-waqt li fih kien se jxerred demmu għall-fidwa tagħna: “Kif int, Missier, int fija u jiena fik,, ħalli li huma wkoll ikunu fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17,21).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb