Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA MQADDSA GĦALL-IMPJEGATI TAL-VILEL PONTIFIĊJI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Castel Gandolfo, 29 ta’ Lulju 1979

 

“Min fejn nistgħu nixtru l-ħobż sabiex dawn ikollhom x’jieklu?”.

Quddiem il-folla, li segwietu mix-xtut tal-baħar tal-Galilea sa fejn il-muntanji biex tismà l-kelma tiegħu, Ġesù jagħti bidu, b’din il-mistoqsija, għall-miraklu tal-multiplikazzjoni tal-ħobż, li jikkostitwixxi il-preludju sinifikattiv għad-diskors twil, li fih jirrivela ruħu lid-dinja bħala il-veru ħobż tal-ħajja li niżel mis-sema (cf. Ġw 6,41).

1. Smajna r-rakkont evanġeliku: b’ħames ħobżiet tax-xgħir u b’żewġ ħutiert, imressqin għandu minn tfajjel, Ġesù jtaffi l-ġuħ ta’ madwar ħamest elef raġel. Imma dawn, waqt li ma fehmux il-profondità tas-“sinjal” li fih sabu ruħhom imdaħħla, huma konvinti li fl-aħħar sabu s-Sultan-Messija, li se jsolvi l-problemi politiċi u ekonomiċi tan-Nazzjon tagħhom. Quddiem dan- in-nuqqas ta’ fehim imċajpar tal-missjoni tiegħu, Ġesù jirtira, waħdu, fuq il-muntanja.

Aħna wkoll, għeżież Ħuti nisa u rġiel, segwejna lil Ġesù u għadna nsegwuh. Imma nistgħu u jmissna nistaqsu lilna nfusna: b’liema atteġġjament intern?. B’dak awtentiku tal-fidi, li Ġesù kien jistenna mill-Appostli u mill-folla mxebbgħa, jew forsi b’atteġġjament ta’ nuqqas ta’ fehim? Gesù kien ippreżenta ruħu f’dik l-okkażjoni bħala, anzi iktar minn Mosè, li fid-deżert kien temà u xebbà lill-poplu Iżraelita waqt l-esodu; kien ippreżenta ruħu bħal, anzi iktar minn Eliżew, li b’għoxrin ħobża tax-xgħir u tal-farru kien ta’ jieklu lil mitt persuna. Ġesù wera ruħu, u juri lilu nnifsu llum lilna, bħala Dak li hu kapaċi jaqtgħalna l-ġuħ ta’ qalbna għal dejjem: “Jien huwa l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għsndi ma jaqbdu ġuħ qatt u min jemmen fija ma jaqbdu għatx qatt” (Ġw 6,33).

U l-bniedem, b’mod speċjali dak kontemporanju, għandu tant ġuħ: ġuħ tal-verità, tal-ġustizzja, tal-imħabba, tal-paċi, tas-sbuħija; imma b’mod speċjali, ġuħ ta’ Alla. “Aħna hemm bżonn li jkollna l-ġuħ ta’ Alla!” jgħid Santu Wistin (“famelici Dei esse debemus” (S. Agostino, Enarrat. in Ps. 146, 17: PL 37,1895ss.). Huwa hu, il-Missier ċelesti, li jagħtina l-ħobż veru!

2. Dan il-ħobż, li għandna bżonnu, huwa qabel kollox il-Kristu, li jagħtina fis-sinjali sagramentali tal-Ewkaristija, u jsemmagħna, f’kull Quddiesa, il-kliem tal-Aħħar Ċena: “Ħudu u kulu lkoll: dan huwa ġismi offrut f’sagrifiċċju għalikom”. Bis-sagrament tal-ħobż ewkaristiku – isostni l-Konċilju Vatikan II – “tiġi rappreżentata u prodotta l-għaqda tal-fidili, li jikkostitwixxu Ġisem wieħed biss fi Kristu (cf. 1Kor 10,17). Il-bnedmin kollha huma msejħa għal din l-għaqda ma’ Kristu li huwa dawl id-dinja; minnu niġu, għalih ngħixu, lejh aħna diretti” (Lumen Gentium, 3).

I-ħobż li għandna bżonn huwa, ukoll, il-kelma ta’ Alla, għaliex “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4,4; cf. Dt 8,3). Bla ebda dubju, il-bnedmin ukoll jistgħu jesprimu u jippronunzjaw kliem ta’ valur għoli. Imma l-istorja turina kif il-kliem tal-bnedmin kultant huwa insuffiċjenti, ambigwu, deludenti, ippreġudikat; waqt li l-Kelma ta’ Alla hija mimlija bil-verità (cf. 2Sam 7,28;1Kor 15,26); hija retta (Sal 33,4); hija stabbli u tibqà għal dejjem (cf. Sal 119,89;1Pt 1,25). 

Hemm bżonn li nqegħdu lilna nfusna kontinwament fi smigħ reliġjuż ta’ tali Kelma; nassumuha bħala kriterju tal-mod kif naħsbu u naġixxu; nagħrfuha permezz tal-qari assidwu u l-meditazzjoni personali; imma b’mod speċjali, hemm bżonn nagħmluha tagħna, inwettquha jum wara jum, f’kull imġieba tagħna.

Il-ħobż, fl-aħħarnett, li ninħtieġu, hija l-grazzja; u hemm bżonn insejħulha, nitolbuha b’umiltà sinċiera u b’kostanza nstankabbli, billi nagħrfu sewwa li hija hi dik l-iktar ħaġa prezzjuża li nistgħu nippossiedu.

3. Il-mixja ta’ ħajjitna, mħejjija għalina mill-imħabba providenzjali ta’ Alla, hija misterjuża, kultant ma tinftiehemx b’mod uman, u kważi dejjem iebsa u diffiċli. Imma l-Missier jagħtina l-“ħobż tas-sema” (cf. Ġw 6,32), biex inkunu riassikurati fil-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art.

Nieħu gost nikkonkludi b’pass ra’ Santu Wistin, li jiġbor fil-qosor b’mod tal-għaġeb dak li għadna kemm immeditajna: “Wieħed jifhem sewwa ħafna… kif l-Ewkaristija tiegħek hija l-ikel ta’ kuljum. Jafu nfatti l-fidili dak li huma jirċievu u huwa sewwa li huma jirċievu l-ħobż ta’ kuljum meħtieġ għal dan iż-żmien. Jitolbu għalihom infushom, biex isiru iktar tajbin, biex ikunu perseveranti fit-tjubija, fil-fidi, u fil-ħajja tajba… il-kelma ta’ Alla, li kuljum tiġi spjegata lilkom u, sa ċertu punt, maqsuma, hija wkoll hija ħobż ta’ kuljum” (S. Wistin, Sermo 58, IV: PL 38,395).

Jalla Kristu Ġesù jimmultiplika dejjem, ukoll għalina, il-ħobż tiegħu!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb