Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Ġunju 1979

 

1. Il-liturġija tallum teħodna, bħal kull sena, fir-reġġjun ta’ Ċesarea ta’ Filippu, fejn Xmun, bin Ġona semà minn fomm Kristu dan il-kliem: “Imbierek int… għaliex ebda laħam u linqas demm ma rrivelawlek dan, imma Missieri li huwa dis-smewwiet” (Mt 16,17).

Xmun semà dan il-kliem minn fomm Kristu meta għall-mistoqsija: “In-nies min jgħidu li huwa Bin il-bniedem? (Mt 16,13) hu kien wieġeb: “Int il-Messija “Christos”),l-iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16,16).

Din it-tweġiba tinsab f’nofs l-istorja ta’ Xmun, li Kristu beda jsejjaħ Pietru.

Il-post, fejn hija ġiet mistqarra, huwa post storiku. Meta l-Papa Pawlu VI, bħala pellegrin, żar l-Art Imqaddsa, lil dak il-post iddedikalu attenzjoni speċjali. Kull suċċessur ta’ Pietru għandu jergà lura f’dak il-post bil-ħsieb u bil-qalb. Hekk kienet ikkonfermata mill-ġdid il-fidi ta’ Pietru: “La l-laħam u linqas id-demm ma rrivelawlet dan, imma Missieri li huwa fis-smewwiet”  (Mt 16,17).

Kristu jismà l-istqarrija ta’ Pietru, li ftit qabel kienet ġiet mistqarra. Kristu jħares fir-ruħ tal-Appostlu, li jistqarr. Ibierek l-opra tal-Missier f’din ir-ruħ. L-opra tal-Missier tilħaq l-intellett, ir-rieda u l-qalb, indipendentement mil-“laħam” u mid-“demm”; indipendentement min-natura u mis-sensi. L-opra tal-Missier, permezz tal-Ispirtu Santu, tilħaq ir-ruħ tas-sempliċi biedem, tas-sajjied tal-Galilea. Id-dawl intern ġej minn din l-opra jsib l-espressjoni fil-kliem: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16,16).

Il-kliem huwa sempliċi. Imma bih tesprimi ruħha l-verità sovraumana. Il-verità sovraumana, divina, tesprimi ruħha bl-għajnuna ta’ kliem sempliċi. Hekk kien il-kliem ta’ Marija fil-waqt tal-annunzjazzjoni. Hekk kien il-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Ġordan. Hekk kien il-kliem ta’ Xmun fil-viċinanzi ta’ Ċesarea ta’ Filippu: Xmun li Kristu sejjaħlu Pietru.

Kristu jħares fir-ruħ ta’ Xmun. Donnu li jammira l-opra mwettqa fiha mill-Missier, permezz tal-Ispirtu Santu: Hekk hu, waqt li jistqarr il-verità rivelata dwar il-filjolanza divina tal-Imgħallem tiegħu, Xmun isir parteċipi mill-Għarfien divin, ta dik ix-Xjenza mpenetrabbli, li l-Missier għandu ta’ Ibnu, l-istess bħal ma l-Iben għandu tal-Missier.

U Kristu jgħid: “Imbierek int, Xmun bin Ġona” (Mt 16,17).

2. Dan il-kliem jinsab fin-nofs stess tal-istorja ta’ Xmun Pietru. Qatt ma kienet irtirata din il-barka. Hekk bħal ma qatt ma kienet mdennsa, fir-ruħ ta’ Pietru, dik l-istqarrija, li allura kien għamel fil-viċinanzi ta’ Ċesarea ta’ Filippu. Biha għadda ħajtu kollha sal-aħħar jum. Biha għadda dak il-lejl terribbli tal-arrest ta’ Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani; il-lejl tad-dgħufija tiegħu, tal-ikbar dgħufija tiegħu, li wriet ruħha fiċ-ċaħda tar-raġel… imma li ma qerditx il-fidi fl-iben ta’ Alla. Il-prova tas-salib kienet ikkompensata mix-xhieda tal-Qawmien mill-Imwiet. Din ikkontribwiet għall-istqarrija, magħmula fir-reġġjun ta’ Ċesarea ta’ Filippu, argument definittiv.

Pietru kien issa jiffaċċja, b’din il-fidi fl-Iben ta’ Alla, għall-missjoni, li l-Mulej kien għallmu.

Meta fuq ordni ta’ Erodi, sab ruħu fil-ħabs ta’ Ġerusalem, marbut bil-ktajjen u kkundannat għall-mewt, donnu li din il-missjoni kienet se ddum ftit. Minflok Pietru ġie meħlus mill-istess qawwa, li minnha kien imsejjaħ. Kienet iddestinatha għalih triq iktar twila. Fl-aħħar ta’ din it-triq, sab ruħu bħal ma tindika t-tradizzjoni mwettqa  mill-banda l-oħra minn riċerki rigorużi, waħdu fid-29 ta’ Ġunju tas-sena 68, ta’ din l-era, li b’mod konvenzjonali bdiet tingħad mit-twelid ta’ Kristu.

Fi tmiem din it-triq l-Asppostlu Pietru, diġa Xmun bin Ġona, sab tuħu Ruma, hawn, f’dan il-post, li fuqu ninsabu bħalissa, taħt l-altar, fejn niċċelebraw l-Ewkaristija.

“Il-ġisem u d-demm” ġew meqruda sal-aħħar; ġew sottomessi għall-mewt. Imma dak li darba kien irrivelalu l-Missier (cf. Mt 16,17), irnexxielu jirbaħ il-mewt tal-ġisem; sar il-bidu tal-laqgħa eterna mal-Imgħallem, li għalih ta xhieda sal-aħħar. Il-bidu tal-Viżjoni beata tal-Iben tal-Missier.

U sar ukoll is-sies li ma jaqax tal-fidi tal-Knisja. Il-ġebla tagħha, il-blata.

“Imbierek int, Xmun bin Ġona” (Mt 16,17).

3. Fil-liturġija tallum, li tgħaqqad it-tifkira tal-mewt u tal-glorja tal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, naqraw il-kliem li ġej mill-ittra lil Timotju: “Għażiż, min-naħa tiegħi, demmi sejjer jixxerred bħala offerta u wasal il-waqt li niftaħ ul-qlugħ. Iġġelidt il-battalja t-tajba, temmejt il-ġirja, żammejt il-fidi. Issa jonqosni biss il-kuruna tal-ġustizzja li l-Mulej, imħallef ġust, se jagħtini f’dak il-jum; u mhux biss lili imma lil dawk kollha li jistennew b’imħabba il-manifestazzjoni tiegħu” (2Tm 4,6-8).

Bla dubju fost dawk kollha li ħabbru il-manifestazzjoni tal-Mulej, Pawlu ta’ Tarsu kien il-maħbub singulari, il-ġellied bla biżà, ix-xhud inflessibbli.

“Il-Mulej… kien qrib tiegħi” niftakru sewwa kif u fejn dan seħħ; niftakru dak li seħħ qrib il-ħitan ta’ Damasku? “Il-Mulej iżda, kien qribi u tani l-qawwa sabiex permezz tiegħi jwettaq ix-xandir tal-messaġġ u jkunu jistgħu jisimgħuh il-ġentili kollha” (2Tm 4,17).

Pawlu, f’dehra grandjuża, ifassal l-opra kollha ta’ ħajtu. Jitkellem minn hawn, minn Ruma, mad-dixxiplu għażiż tiegħu, meta jkun qorob lejn tmiem ħajtu iddedikata għal kollox għall-Vanġelu.

Penetranti huwa – mill-ġdid f’dan l-istadju – dan l-għarfien tad-dnub u tal-grazzja; tal-grazzja li tegħleb id-dnub, u tiftaħ it-triq tal-glorja: “Il-Mulej jeħlisni minn kull ħażen u jsalvani għas-saltna eterna tiegħu” (2Tm 4,18).

Il-Knisja Rumana tikkommemora llum, b’mod speċjali, fit-tifkira tagħha liż-żewġ ħarsiet aħħarin fl-istess direzzjoni; fid-direzzjoni ta’ Kristu msallab u irxoxt. Il-ħarsa ta’ Pietru agonizzanti fuq is-salib u ta’ Pawlu qiegħed imut taħt ix-xabla.

Dawn iż-żewġ ħarsiet ta’ fidi – ta’ dik il-fidi li mliet ħajjithom sal-aħħar nifs u li qiegħdet is-sisien tad-dawl divin fl-istorja tal-bniedem fid-dinja – u jibqgħu fit-tifkira tagħna. U f’dan il-jum jistimulaw il-fidi tagħna fi Kristu b’qawwa speċjali.

F’din il-prospettiva jien bil-qalb insellem lid-delegazzjoni mibgħuta mill-maħbub ħija, il-Patrijarka ekumeniku Dimitrios I, biex jassoċja ruħu ma’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-mexxejja tal-Appostli, il-Qaddisin Pietru u Pawlu, biex hekk jixhed kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Knejjes tagħna qegħdin jintensifikaw ruħhom dejjem iktar fi sforz komuni lejn l-għaqda sħiħa.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb