Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ŻJARA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN PIJU V

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 28 ta’ Ottubru 1979  

 

Ħuti l-Għeżież!

“Grazzja lilkom u paċi ta’ Alla u ta’ Sidna Ġesù Kristu!” (2Ts 1,2). 1. Jien tassew kuntent li ninsab hawn illum f’nofskom, fidili tal-parroċċa ddedikata lill-Qaddis Predeċessur tiegħi Piju V, Antonio Ghislieri, li kien fuq ii-Katedra ta’ Pietru mill-1566 sal-1572, u huwa magħruf b’mod speċjali bħala l-“Papa tar-Rużarju”, minħabba l-imbuttatura li, bl-eżempju tiegħu u bit-tagħlim tiegħu, hu ta għaċ-ċirkulazzjoni ta’ din id-devozzjoni, hekk għażiża għall-qalb tal-Poplu nisrani. Din iż-żjara tiegħi mwettqa kważi fi tmiem ix-xahar ta’ Ottubru, partikolarment iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju, trid tkun kważi att ta’ ammirazzjoni għal San Piju V, u wkoll ta’ venerazzjoni żelanti lil Marija Santissma li f’din iż-żona hija msellma, sa minn sekli, bit-titlu sinifikattiv tal-“Madonna tal-Mistrieħ”.

Imma kien hemm ukoll mottivi oħra, li mbuttawni biex niġi f’nofskom: Il-viċinanza ġeografika tal-parroċċa tagħkom mal-Bażilika ta’ San Pietru u mas-Sede Apostolika. Fejn joqgħod il-Papa; l-“età żagħżugħa” – bilkemm 27 sena -tal-parroċċa tagħkom, li kellha l-kostituzzjoni ġuridika tagħha fl-1952 kif xtaq Piju XII ta’ tifkira meqjuma, u kienet mibnija bil-kontribut finanzjarju tas-Sagra Kongregazzjoni ta’ dak iż-żmien tas-Santu Uffizzju; ukoll, l-irbit spiritwali, li minn xi snin jgħaqqduni mas-saċerdoti tal-parroċċa, li fiha diversi drabi ċċelebrajt il-Quddiesa u, f’Ottubru tal-1977,  tajt is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Dan l-irbit minn xi snin issaħħaħ ukoll minħabba l-preżenza, fost il-kleru tagħkom, ta’ saċerdot Pollakk mill-arċidijoċesi ta’ Krakovja, lili afdata qabel l-elezzjoni tiegħi għall-Pontifikat Suprem.

Ħafna minnkom, waqt li jafu din il-“ħbiberija” tiegħi għall-parroċċa tagħkom, waqt l-udjenzi ġenerali tal-Erbgħa ħafna drabi, stednuni u ħeġġewni biex nagħmlilkom żjara.

2. U hekk hu hawn jien. Illum ninsab magħkom u għalikom! Għal dawk preżenti u wkoll għal dawk kollha li ma setgħux jiġu. Nixtieq inkun fostkom biex inħoss qalbkom tħabbat u l-ħajja tal-komunità tagħkom, li tiġbor fiha madwar 4500 familja, b’total ta’ madwar għoxrin elf ruħ. Tali tkabbir tal-popolazzjoni, li żviluppa f’dawn l-aħħar snin, ħoloq u mpona problemi multipli ta’ karattru reliġjuż u pastorali. Il-parroċċa tagħkom, minħabba ż-żelu tal-kappillan u tas-saċerdoti li jikkollaboraw miegħu, għandha attività varjata li turi ruħha fil-gruppi bi skop kateketiku, karitattiv, liturġiku, li fihom kull wieħed u waħda minnkom fl-etajiet u fil-livelli kollha tistgħu issibu spazji għall-impenn nisrani propju. Nindirizza, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, għaliex huma huma li jistgħu u għandhom jagħtu kontribut iktar vivaċi u iktar dinamiku, lill-inizjattivi pastorali u Apostoliċi differenti tal-komunità tagħkom.

3. F’din l-okkażjoni, waqt li niċċelebra s-Sagrifiċċju Mqaddes, nixtieq nimmedita flimkien magħkom u nitlob, lili u lilkom: xi jgħidu, lilna miġburin f’dan it-tempju, il-kitbiet liturġiċi tallum? Xi jgħidu propju lill-parroċċa ta’ San Piju V? Qabel kollox, dawn ikellmuna dwar Kristu li huwa “saċerdot għal dejjem, skont l-ordni ta’ Melkisedek” (Lh 5,6). L-ittra lil-Lhud tgħallimna li Kristu sar saċerdot bħala Iben Alla li ħa fuqu n-natura umana. Għal Alla Missieru huwa hu, eternament, Iben. Waqt li sar bniedem, propju bħala Iben iddedikat kompletament għall-Missier, sar minħabba l-istess fatt, Saċerdot. Infatti, saċerdozju tfisser dedikazzjoni: dedikazzjoni tagħha nnifsha lil Alla u dedikazzjoni, fiha innifsha, lil Alla ta’ kull kreatura. Ġesù Kristu huwa l-milja ta’ tali dedikazzjoni. Fih u għalih id-dinja kollha, l-umanità kollha kemm hi, kull bniedem u l-ħolqien kollu huma, b’mod l-iktar perfett, iddedikati, irritornati lil Alla.

Psarroċċa – il-parroċċa tagħkom – tfisser komunità ta’ bnedmin li, waqt li jibdew mill-Magħmudija, huma personalment u soċjalment marbutin mas-saċerdozju ta’ Kristu: ma’ dik id-dedikazzjoni ta’ Kristu lil Alla, Ħallieq u Missier. Intom parroċċa, qabel kollox, grazzi għall-fatt li hu jinsab hawn; f’nofskom, magħkom u fikom.

Dan is-saċerdozju etern, li laħaq il-milja tiegħu storika fis-Sagrifiċċju tas-salib, ikopri lilu nnifsu b’sinjal viżibbli. Kristu huwa saċerdot “skont l-ordni ta’ Melkisedek”.

Bl-istess mod għal dak is-saċerdot-sultan misterjuż taż-żminijiet ta’ Abraham, huwa wkoll jiċċelebra l-memorjal tal-uniku sagrifiċċju tiegħu offrut f’ġismu u demmu fuq is-salib, jagħmlu preżenti u jġeddu fil-Knisja bħala s-sagrifiċċju sagramentali tal-ħobż u tal-imbid. Dan is-sagrifiċċju jimmarka r-ritmu kostanti tal-ħajja tal-Knisja; ukoll fil-parroċċa tagħkom.

F’dan is-sagrifiċċju Kristu joħloq din il-parroċċa, għaliex huwa magħkom. Huwa magħkom ilkoll u ma’ kull wieħed u waħda, bħala Dak li “jikkompatixxi”; huwa allura wkoll ma’ “dawk li jinsabu fl-injoranza u fl-iżball” (Lh 5,2), bħala Dak li, waqt li joffri lilu nnifsu f’sagrifiċċju għad-dnubiet, jistà u jixtieq iqarrab lil kulħadd lejn is-sors tal-verità u tal-qdusija.

Waqt li ntemmu din il-parti tar-riflessjoni tagħna dwar il-qari liturġiku tallum se ngħidu hekk lilna nfusna: aħna l-komunità ta’ San Piju V, aħna parroċċa għaliex nibqgħu f’għaqda ħajja mas-Saċerdozju ta’ Kristu; għaliex nieħdu sehem fiha.

4. Inkomplu l-meditazzjoni tagħna dwar il-Kelma ta’ Alla tal-liturġija tallum. Dak it-tallab għama, Bartimew, wara li kien imsejjaħ minn Kristu, jippronunzja t-talba ewlenija ta’ ħajtu kollha: “Rabbuni, li nerġà nieħu lura d-dawl!”: u jingħata d-dawl u t-tweġiba: “Mur, il-fidi tiegħek salvatek” (cf. Mk 10,51-52).

Naħseb, għeżież parruċċjani ta’ San Piju V, li l-parroċċa tagħkom hija post li fih ħafna minnkom jafu lil Kristu d-don kbir taż-żjara spiritwali; id-don tal-fidi, li permezz tiegħu nagħrfu lil Alla u “l-opri l-kbar ta’ Alla” (At 2,11) fl-istorja tal-bniedem. Iva, il-parroċċa teżisti għaliex aħna, f’din il-“veduta” permezz tal-fidi, imwielda mill-Ispirtu Santu, nikkumplimentaw lil xulxil b’mod reċiproku u ngħinu lil xulxin biex nedukaw lil xulxin b’mod reċiproku. Għalkemm din il-veduta permezz tal-fidi hija l-frott tal-grazzja ta’ Alla nnifsu fil-konfront tar-ruħ umana, fil-konfront ta’ moħħna, bdanakollu din hija kontemporanjament afdata wkoll għall-attenzjoni tagħna u għaż-żelu tagħna. Din hija afdata għax-xogħol tal-Knisja. Għat-tagħlim tagħha. Għall-katekeżi tagħha. U din hija l-funzjoni ewlenija tal-parroċċa. Fil-parroċċa tali dmir kbir għandhom jiżvolġuh mhux biss is-saċerdoti bħala għalliema tal-fidi, imma wkoll il-persuni l-oħra: is-sorijiet u l-lajċi. U partikolarment fundamentali f’dan il-qasam huwa d-dmir tal-familja.

Propju waqt li ndur fuq il-ġenituri nsara, fl-Eżortazzjoni Apostolika Catechesi Tradendae, ippublikata madwar ftit jiem ilu, jiena għidt: “L-azzjoni kateketika tal-familja għandha karattru speċjali u, sa ċertu punt, insostitwibbli… Din l-edukazzjoni għall-fidi min-naħa tal-ġenituri – edukazzjoni li għandha tibda sa mill-iktar età żagħżugħa tal-ulied – hija eżerċizzata diġa meta l-membri ta’ familja jgħinu lil xulxin b’mod mutwu biex jikbru fil-fidi grazzi għax-xhieda nisranija tagħhom, spiss siekta, imma perseveranti fir-ritmu ta’ ħajja ta’ kuljum migħuxa skont il-Vanġelu” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 68).

Ma nistgħux, madankollu, ninsew li fostna, fl-isfera ta’ din il-komunità, li ġġib l-isem ta’ parroċċa ta’ San Piju V, hemm bla dubju bosta, li “ma jarawx”, “huma għomja” fil-konfront ta’ Alla u tal-opri kbar tiegħu. U jibqgħu u jirrikonfermaw ruħhom f’dan l-istat. U jistà jkun li f’din in-non-fidi tagħhom jagħmlu programm, li jridu jinjettaw u jimponu lill-oħrajn… Hija tassew enormi l-importanza tal-parroċċa bħala komunità ta’ dawk li jemmnu. Enormi hija wkoll il-missjoni tagħha, il-vokazzjoni apostolika tagħha. Kristu Ġesù, is-Salvatur tagħna, “rebaħ il-mewt u għamel jibbrillaw il-ħajja u l-immortalità permezz tal-Vanġelu” (2Tm 1,10).

5. Il-parroċċa hija post ta’ evanġelizzazzjoni, Allura hija post ta’ xogħol kbir u multiplu li jixbaħ ix-xogħol ta’ dak il-bidwi, li dwaru titkellem il-liturġija tallum fis-Salm responsorjali:. “Fil-mawra, imur u jibki, waqt li jieħu miegħu ż-żerriegħa li jrid jixħet… Min jiżrà fid-dmugħ jaħsad bil-ferħ” (Sal 125,6.5).

F’din l-okkażjoni, tant għażiża għalija, bħal ma hi ż-żjara lill-parroċċa tagħkom, irrid nawguralkom dan ix-xogħol multiplu, dan it-taħbit u wkoll dan id-dmugħ, li dwaru jitkellem is-Salmista, biex nawguralkom, wara, il-frott ta’ dan ix-xogħol: dak il-ħsad, dawk il-qatgħet, li tiġbru b’ferħ uman u fl-istess ħin divin.

Amen!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb