Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
SOLLENNITÀ TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU SULTAN TAL-UNIVERS
ĊELEBRAZZJONI
EWKARISTIKA
MAL-LAJĊI TA’ RUMA IMPENJATI FL-APOSTOLAT
OMELIJA TAL-QDUSIJA
TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 25 ta’
Novembru 1979
1. Illum il-Bażilika
ta’ San Pietru tidwi bil-liturġija ta’ sollennità mhux tas-soltu. Fil-kalendarju
liturġiku post-konċiljari is-sollennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers
ġiet marbuta mal-aħħar Ħadd tas-sena ekkleżjastika. U huwa sewwa hekk. Infatti
l-verità tal-fidi li rridu nuru, il-misteru li rridu ngħixu jiġbru, f’ċertu sens,
kull dimensjoni tal-istorja, kull stadju taż-żmien uman u jiftħu, flimkien,
il-prospettiva ta’ “sema ġdid u ta’ art ġdida” (Ap 21,1), il-prospettiva
ta’ saltna, li “mhijiex ta din id-dinja” (Ġw 18,36). Huwa possibbli li
dan jiftiehem b’mod żbaljat is-sinifikat tal-kliem dwar is-“Saltna”,
ippronunzjat minn Kristu quddiem Pilatu, dwar saltna jiġifieri li mhijiex ta’
din id-dinja, Bdanakollu l-kuntest singulari tal-ġrajja, li fil-qasam tagħha ġie
ppronunzjat, ma jippermettix li ma nifhmuhx hekk. Ikollna nammettu li s-saltna
ta’ Kristu, li grazzi għaliha jinfetħu quddiem il-bniedem il-prospettivi
extraterrestri, il-prospettivi tal-eternità (Ġw 18,37), tifforma ruħha
fid-dinja u fit-temporalità. Hija, mela, tifforma ruħha fil-bniedem stess
permezz “tax-xhieda għall-verità” li Kristu rrenda f’dak il-waqt drammatiku
tal-Missjoni tiegħu messjanika: quddiem Pilatu, quddiem il-mewt fuq is-salib,
mitluba lill-imħallef mill-akkużaturi tiegħu, Hekk mela l-attenzjoni tagħna
għandha tinġibed mhux biss mill-waqt liturġiku tas-sollennità tallum, imma wkoll
mis-sintesi sorprendenti ta’ verità, li din is-sollennità tesprimi u tipproklama.
Għalhekk jiena ppermettejt lili nnifsi, flimkien mal-Kardinal Vigarju ta’ Ruma,
li nistieden illum lil dawk li jappartienu lis-setturi varji tal-apostolat
tal-lajċi tal-parroċċi kollha tal-Belt tagħna, dawk kollha jiġifieri li flimkien
mal-Isqof ta’ Ruma u mar-rgħajja tal-erwieħ ta’ kull parroċċa jaċċettaw li
jagħmlu tagħhom ix-xhieda ta’ Kristu Sultan u jfittxu li jagħmlu post
għas-saltna tiegħu f’qalbhom u li jiddefenduh fost il-bnedmin.
2. Ġesù Kristu huwa
“ix-xhud fidil” (cf. Ap 1,5), kif jgħid l-Awtur tal-Apokalissi. Huwa
“x-xhud fidil” tas-sinjorija ta’ Alla fil-ħolqien u b’mod speċjali fl-istorja
tal-bniedem. Infatti Alla fforma l-bniedem mill-bidu bħala ħallieq u fl-istess
ħin bħala Missier. Huwa, mela, bħala Ħallieq u bħala Missier, huwa dejjem
preżenti fl-istorja tiegħu. Huwa sar mhux biss il-bidu u t-tmiem tal-ħolqien
kollu, imma sar ukoll il-Mulej tal-istorja u l-Alla tal-patt: “Jiena l-Alfa u
l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, Dak li hu, li kien u li se jiġi, l-Omnipotenti”” (Ap 1,8).
Ġesù Kristu – “xhud
fidil” – ġie fid-dinja propju biex jagħti xhieda għal dan. Il-miġja tiegħu
fiż-żmien! Kemm b’mod konkret u b’mod suġġestiv ħabbarha l-profeta Danjiel
fil-viżjoni messjanika tiegħu, meta tkellem dwar il-miġja ta’ “iben il-bniedem”
(Dn 7,13) u meta ddefinixxa d-dimensjoni spiritwali tas-saltna tiegħu
b’dawn it-termini: “Tah qawwa, glorja u saltna; il-popli, in-nazzjonijiet u l-lingwi
kollha jaqduh; il-qawwa tiegħu hija qawwa eterna, li qatt ma tgħaddi, u s-saltna
tiegħu tkun tali li qatt ma tkun meqruda” (Dn 7,14). B’dan il-mod
il-profeta Danjiel, wisq probabli fit-tieni seklu, ra s-saltna ta’ Kristu qabel
ma hu ġie fid-dinja.
3. Dak li seħħ quddiem
Pilatu il-Gimgħa qabel l-Għid jippermettilna li neħilsu l-immaġni profetika ta’
Danjiel minn kull assoċjazzjoni mhux korretta. Hekk hu infatti li l-istess “Bin
il-Bniedem” iwieġeb għad-domanda magħmula lilu mill-gvernatur Ruman. Din
it-tweġiba ddoqq hekk: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja; li kieku
s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jissieltu
sabiex ma nkunx mogħti f’idejn il-Lhud; imma s-saltna tiegħi mhix ta’ hawn
isfel”(Gv 18,36).
Pilatu, rappreżentant
tal-poter eżerċitat f’isem tal-potenti Ruma fuq it-territorju tal-Palestina,
il-bniedem li jaħseb skont kategoriji temporali u politiċi, ma jifhimx tali
tweġiba. Allura jistaqsi għat-tieni darba: “Mela allura inti sultan?” (Ġw 18,37).
Ukoll Kristu jwieġeb
għat-tieni darba. Kif fl-ewwel darba spjega f’liema sens huwa mhuwiex sultan,
hekk issa, biex iwieġeb pjenament għad-domanda ta’ Pilatu u fl-istess ħin
għad-domanda tal-istorja kollha tal-umanità, tas-slaten u tal-politiċi kollha,
iwieġeb hekk: Jiena sultan. Għal dan twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex
nagħti xhieda lill-verità, Kull min iħobb il-verità, jismà leħni” (cf. Gv 18,37).
Din it-tweġiba,
f’rabta ma’ tal-ewwel, tesprimi l-verità kollha ta’ saltnatu; il-verità kollha
dwar Kristu-Sultan.
4. F’din il-verità
huwa miġbur ukoll dak il-kliem ulterjuri tal-Apokalissi, li bih id-Dixxiplu
maħbub ikompli, sa ċertu punt, fid-dawl tal-kollokwiju li kien sar nhar
il-Ġimgħa l-Kbira fir-residenza Ġerosolmitana ta’ Pilatu, dak li, darba waħda,
kien kiteb il-profeta Danjiel. San Ġwann jikteb: “Arawh, ġej fis-sħab (hekk kien
diġa esprima ruħu) u l-għajnejn kollha jarawh; ukoll dawk li kienu nifduh… Iva.
Amen!” (Ap 1,7).
Appuntu: Amen. Din
il-kelma unika tissiġilla, biex ngħidu hekk, il-verità dwar Kristu-Sultan. Huwa
mhuwiex biss “ix-xhud fidil”, imma wkoll “il-primoġenitu tal-mejtin” (Ap 1,5).
U jekk inhu l-prinċep tal-art u ta’ dawk li ggvernawha (“il-prinċep tas-slaten
tal-art” [Ap 1,5]) huwa minħabba f’hekk, speċjalment minħabba f’hekk, u
b’mod definittiv minħabba f’hekk,għaliex “iħobbna u ħelisna minn dnubietna
b’demmu, li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru” (Ap 1,5-6).
5. Hawn hi
d-definizzjoni sħiħa ta’ dik is-saltna. Hawn hi l-verità kollha dwar
Kristu-Sultan. Iltqajna hawn illum f’din il-Bażilika biex naċċettw din il-verità
mill-ġdid għal darb’oħra, bl-għajnejn tal-fidi miftuħin beraħ u bil-qalb lesta
tagħti t-tweġiba, Ladarba din hi verità li tesiġi b’mod speċjali tweġiba. Mhux
biss il-fehim. Mhux biss l-aċċettazzjoni min-naħa tal-intellett. Imma tweġiba li
toħroġ mill-ħajja kollha.
Dik it-tweġiba kienet
ippronunzjata b’mod splendidu, mill-Episkopat tal-Knisja kontemporanja
fil-Konċilju Vatikan II. Tiġi saħansitra, f’dan il-waqt, ix-xewqa li nestendi
idi għal dawk it-testi tal-Kostituzzjoni Lumen
Gentium li jgħammxu bil-profondità sempliċi tal-verità,
għat-testi mfawra bil-milja tal-“praxis” Nisranija miġbura fil-Kostituzzjoni
pastorali Gaudium
et Spes, u għal tant dokumenti oħra li jnisslu minn dawk
fundamentali l-konklużjonijiet konkreti fid-diversi oqsma tal-ħajja ekkleżjali.
Naħseb b’mod speċjali għad-digriet Apostolicam
Actuositatem dwar l-apostolat tal-lajċi. Jekk xi ħaġa nitlob
lill-lajkat ta’ Ruma u tad-dinja, hija li jżommu dejjem quddiem għajnejhom dawn
id-dokumenti splendidi tat-tagħlim tal-Knisja kontemporanja. Dawn jiddefenixxu
is-sens l-iktar profond li dak li jkun ikun nisrani. Dawn id-dokumenti
jimmeritaw ferm iktar milli jkunu sempliċement studjati u mmeditati; jekk ma
nfittxux fihom l-appoġġ, ikun kważi mpossibbli nifhmu u nirrejalizzaw
il-vokazzjoni tagħna u, speċjalment, il-vokazzjoni tal-lajċi, il-kontribut
partikolari tagħhom fil-kostruzzjoni ta’ din is-saltna, li, minkejja li mhix
“ta’ din id-dinja” (Ġw 18,36), madankollu teżisti hawn isfel, għaliex
hija fina. U, b’mod partikolari, fikom, il-lajċi!
6. Kristu telà fuq
is-salib bħala Sultan singolari: bħala x-xhud etern tal-verità. “Għal dan jien
twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda lill-verità” (Ġw 18,37).
Din ix-xhieda hija l-kejl tal-opri tagħna. Il-kejl tal-ħajja. Il-verità li
għaliha Kristu ta ħajtu – li kkonferma bil-qawmien mill-imwiet – hija s-sors
fundamentali tad-dinjità tal-bniedem. Is-saltna ta’ Kristu tidher, kif jgħallem
il-Konċilju, fir-“regalità” tal-bniedem. Hemm bżonn li nkunu nafu. F’dan
id-dawl, nipparteċipaw f’kull sfera tal-ħajja kontemporanja u niffurmawha.
Infatti ma jonqsux, fi żminijietna, il-proposti ndirizzati lill-bniedem, ma
jonqsux il-programmi li jsejħu għall-ġid tiegħu. Inkunu nafu naqrawhom
fid-dimensjoni tal-verità sħiħa dwar il-bniedem, tal-verità kkonfermata
bil-kliem u bis-salib ta’ Kristu!
Inkunu nafu
niddixxernawhom sewwa! Dak li jiddikjaraw jesprimi ruħu bil-kejl tal-vera
dinjità tal-bniedem? Il-libertà li tipproklama taqdi r-regalità li jkun maħluq
xbiha ta’ Alla, jew inkella għall-kuntrarju tħejji t-telf jew l-oppressjoni
tagħha? Per eżempju: jaqdu l-vera libertà tal-bniedem jew jesprimu d-dinjità
tiegħu l-infedeltà konjugali, ukoll jekk approvata mid-divorzju, jew in-nuqqas
ta’ responsabiltà għall-ħajja kkonċepita, ukoll jekk it-teknika moderna tgħallem
kif tiżbarazza ruħek minnha? Bla dubju l-permessiviżmu morali ma jibbażax ruħu
fuq id-dinjità tal-bniedem u linqas jeduka l-bniedem għaliha.
Kif nistà, hawn, ma
nsemmix, id-dijanjosi li tal-kuntest soċjo-reliġjuż tal-belt tagħna għamel is-Sinjur
Kardinal Vigarju għal-laqgħa tagħkom tal-10 ta’ Novembru li għadda? Huwa indika
t-“tbatijiet” ewlenin li jdejqu l-belt ta’ Ruma: l-insikurezza soċjali
tal-familji għad-dar, ix-xogħol, l-edukazzjoni tal-ulied; l-iskunċertar
spiritwali u soċjali tal-immigrati miż-żoni rurali; l-inkomunikabiltà bejn
il-familji, li jgħixu fil-kondominji l-kbar bla ma jafu lil xulxin u mingħajr
il-kuraġġ li juru solidarjetà; id-delinkwenza organizzata, b’mod partikolari
għas-servizz tad-droga; il-vjolenza miġnuna u immotivata u t-terroriżmu politiku,
li miegħu jiżdiedu il-manifestazzjonijiet multipli ta’ immoralità u ta’
irreliġjożità fil-ħajja personali u soċjali.
Ta’ dawn il-problemi
ġew individwati l-kawżi, fost l-oħrajn, fin-nuqqas ta’ nteress tal-problemi
tal-edukazzjoni u tal-iskejjel mitluqa dejjem iktar f’idejn qawwiet minoritarji,
imma disturbati bil-kbir; u fit-tifrik tal-familja, suġġetta għall-azzjoni
korrotta minn fatturi ambjentali multipli u ta’ drawwa. L-għerq l-iktar profond
tagħha jitqiegħed, iżda, kif qal is-Sinjur Kardinal, “fid-devalwazzjoni kostanti
tal-persuna umana, tad-dinjità tagħha, tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħha” u
tas-sens reliġjuż u morali tal-ħajja. Il-Kardinali Vigarju ħeġġeġ ukoll minnkom
ilkoll assunzjoni kuraġġuża ta’ responsabiltà, waqt li qiegħed quddiemkom
diversi “prospettivi konkreti ta’ mpenn”, u eżattament: il-kostruzzjoni ta’
komunità nisranija vera kapaċi li tħabbar il-Vanġelu b’mod kredibbli; l-impenn
kulturali ta’ riċerka u ta’ dixxerniment kritiku, b’fedeltà kostanti mal-Maġisteru,
fir-rigward ta’ djalogu korrett bejn il-Knisja u d-dinja. L-impenn ta’ kontribut
għaż-żieda tas-sens tar-responsabultà soċjali, waqt li jistimola fil-kleru u
fil-fidili s-solidarjetà għall-ġid komuni kemm fil-Komunità ekkleżjali kif ukoll
f’dik ċivili; l-impenn, fl-aħħarnett, fil-pastorali vokazzjonali, illum
partikolarment urġenti, u f’dik tal-komunikazzjoni soċjali.
Hawn, ħuti għeżież,
jinsabu quddiemkom diversi linji preċiżi ta’ azzjoni pastorali, li fuqhom kull
wieħed u waħda huma mistiedna biex ikejlu lilhom infushom, f’aċċettazzjoni
konsistenti u kuraġġuża għall-esiġenzi mposti mill-Magħmudija u mill-Griżma
tal-Isqof u kkoffermati mis-sehem fl-Ewkaristija. Nitlob lil kulħadd u lil kull
wieħed u waħda li ma naħarbux mir-responsabiltajiet propji. Dan nitolbu
fis-Sollennità liturġika ta’ Kristu Sultan.
Kristu, f’ċertu sens,
jinsab dejjem quddiem it-tribunal tal-kuxjenzi umani, bħal ma darba sab ruħu
quddiem it-tribunal ta’ Pilatu. Huwa jirrivelalna dejjem il-verità tas-saltna
tiegħu. U dejjem jiltaqà, minn tant partijiet, mar-replika “Xinhi l-verità” (Ġw 18,38).
Għal dan huwa jkun
mill-ġdid ferm qrib tagħna. Tkun is-saltna tiegħu dejjem iktar fina. Inpattulu
bl-imħabba li għaliha sejħilna, u fih inħobbu dejjem iktar id-dinjità ta’ kull
bniedem!
Allura inkunu tassew
parteċipi tal-missjoni tiegħu. Insiru appostli tas-saltna tiegħu.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|