Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
QUDDIESA TA’
NOFSILLEJL
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 24 ta’ Diċembru
1979
1. Hawn hi, mill-ġdid waslet
is-siegħa ta’ din il-ġrajja meraviljuża: “Marija għalqilha ż-żmien biex twelled.
U tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura” (Lq 2,6-7).
Nistaqsu lilna nfusna: Din ġrajja komuni jew mhux tas-soltu? Kemm trabi
jitwieldu fid-dinja kollha fil-korsa ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, waqt li f’xi
partijiet tad-dinja jkun il-jum u f’oħrajn il-lejl. Bla ebda dubju ta’ xejn,
kull wieħed minn dawn il-waqtiet huwa xi ħaġa mhux tas-soltu; hija xi ħaġa unika
għal missier, u bmod speċjali għal omm, meta titwieled tarbija, speċjalment jekk
dik it-tarbija tkun l-ewwel waħda, tal-iben primuġenitu.
Dak il-waqt huwa dejjem ħaġa
kbira. U bdanakollu meta tqis li din il-ħaġa titwettaq kontinwament f’xi post
tad-dinja, f’kull siegħa tal-jum u tal-lejl it-twelid tal-bniedem, fl-aspett
tiegħu statistiku, huwa xi ħaġa fl-istess ħin komuni u normali.
Ukoll it-twelid ta’ Kristu donnu
jidħol f’din id-dimensjoni statistika, ladarba speċjalment magħha tidħol, skont
ir-rakkont ta’ San Luqa, ir-referenza ta’ ċensiment, li jiżvolġi fl-artijiet
immexxija mill-imperatur Ruman Cesare Awgustu; l-evanġelista jippreċiża li
fil-pajjiż abitat minn Marija u Ġużeppi l-ordni taċ-ċensiment tiġi
mill-gvernatur tas-Sirja, Kwirinu.
Għal din il-ġrajja nagħmlu
referenza kull sena, bħal-lum, waqt li miġburin f’din il-Bażilika f’nofsillejl.
Tajjeb, jekk f’din il-ġrajja hemm xi ħaġa mhix tas-soltu, din tikkonsisti forsi
fil-fatt li dan ma jitwettaqx fil-kondizzjonijiet umani normali, taħt is-saqaf
ta’ dar, imma ġo stalla, li normalment tilqà l-annimali. L-ewwel benniena
tal-Imwieled Divin, infatti, hija maxtura.
Dal-lejl, ninsabu miġbura f’din
il-Bażilika rinaxximentali splendida biex nagħmlu kumpanija lil Tarbija ta’ Mara
fqira, imwielda fi stalla u mqiegħda f’maxtura!
2. Bla ebda dubju ħadd
mill-abitanti lanqas dawk li waslu ġodda, preżenti dak iż-żmien f’Betlem, ma
setà jobsor li f’dak il-waqt f’dik l-istalla kien qiegħed jitwettaq il-kliem
tal-profeta kbir, spiss moqri u kontinwament immeditat minn ulied Iżrael.
Iżaija, infatti, kien kiteb kliem
li jikkostitwixxi l-konteneut ta’ Stennija kbira u ta’ Tama inflessibbli:
“Immultiplikajt il-ferħ / żidt il-hena. / Jifirħu quddiemek / bħal ma jifirħu fi
żmien il-ħsad… / Għaliex tarbija twieldet għalina, / ingħatalna iben. / Fuq
spallejh hemm is-sinjal tas-sovranità… / kbir ikun id-dominju tiegħu / u l-paċi
ma jkollhiex tmiem / fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu, / li huwa ġie biex
jikkonsolida u jqawwi / id-dritt u l-ġustizzja, / issa u dejjem” (Iż 9,2.5-6).
Ħadd minn dawk preżenti f’Betlem
ma setà jobsor li propju f’dak il-lejl il-kliem tal-kbir profeta kien qiegħed
jitwettaq, linqas li dan kien qed jitwettaq fi stalla, fejn is-soltu jgħammru
l-annimali, “għaliex ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2,7).
3. Bdanakollu hemm xi elementi, xi
aċċenni fil-kliem ta’ Iżaija, li diġa f’dan il-lejl donnhom li qed jitwettqu
litteralment. Iżaija kien kiteb: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam / ra dawl
kbir; / fuq dawk li kienu jgħixu f’art mudlama, / dawl idda” (Iż 9,1).
Madankollu, Betlem kollha u
l-Palestina kollha f’dak il-waqt hija “art mudlama” u l-abitanti tagħha mitlufa
f’irqadhom. Imma barra l-belt – bħal ma naqraw fil-Vanġelu ta’ Luqa – “kien hemm
f’dawk l-inħawi xi rgħajja li kienu jgħassu l-imrieħel tagħhom bil-lejl” (Lq 2,8).
Ir-rgħajja huma wlied dak il-“poplu li kien miexi fid-dlam” u flimkien huma
r-rappreżentanti magħżula tiegħu għal dak il-waqt, magħżula “biex jaraw id-dawl
kbir”. Propju dan, infatti, jikteb San Luqa dwar ir-rgħajja ta’ Betlem: “Anġlu
tal-Mulej ippreżenta ruħu quddiemhom u l-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom. Huma
inħakmu minn biżà kbir” (Lq 2,9). U mill-fond ta’ dak id-dawl divin,
instemà leħen: “La tibżgħux, hekk hu, inħabbrilkom ferh kbir… illum tweldilkom
fil-belt ta’ David salvatur, li huwa Kristu l-Mulej” (Lq 2,10-11).
Dan il-kliem kellu jipproduċi hena
kbir fil-qlub ta’ dawk l-irġiel sempliċi, edukati u mitmugħa bħall-poplu kollu
ta’ Iżrael minn Wegħda kbira, fit-tradizzjoni tal-istennija tal-Messija. U
ġustament jgħid il-Messaġġier li dak il-ferħ “se jkun tal-poplu kollu” (Lq 2,10),
jiġifieri propju ta’ dak il-Poplu ta’ Alla, li “kien miexi fid-dlam”, imma li
qatt ma kien jixbà mill-Wegħda.
4. Kien meħtieġ, propju f’dak
il-lejl, Messaġġier li jwassal id-“dawl kbir” tal-profezija ta’ Iżaija
fl-istalla u fil-maxtura ta’ Betlem. Kien meħtieġ dan id-dawl, kienet meħtieġa
“l-wirja tal-glorja” (Tt 2,13) – kif jikteb San Pawl – sabiex inkunu
nistgħu naqraw sewwa s-Sinjal! “Issibu tarbija imgewżra fil-ħrieqi, mimduda
f’maxtura” (Lq 2,12). U r-rgħajja, bnedmin sempliċi li ma kinux jafu
jaqraw, qraw verament tajjeb is-Sinjal. Kienu l-ewwel fost dawk kollha li qraw
wara u li għadhom jaqraw mill-ġdid illum. Kienu l-ewwel xhieda tal-Misteru.
Aħna, li f’dan il-lejl nimlew mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pietru u dawk
kollha, li f’kull post huma preżenti għall-Quddiesa ta’ Nofsillejl, insiru
parteċipi tax-xhieda tagħhom. Mhux għalxejn li din il-Quddiesa ta’ Nofsillejl
f’xi reġġjuni hija msejħa l-“Quddiesa tar-rgħajja”.
5. Niftakru li huwa l-lejl
tal-Misteru, ukoll jekk wieħed jistà jistma l-ġrajja b’mod differenti, li fiha
dehret il-“wirja tal-glorja tal-Alla tagħna kbir u salvatur” (Tt 2,13)
bit-twelid tat-Tarbija,meta hi ġiet fid-dinja mill-Verġni u meta fil-lejl
tat-twelid tagħha ma kellhiex għad-dispożizzjoni saqaf domestiku fuq rasha,
għajr stalla u maxtura!
Issa, ladarba nġbarna hawn bħala
parteċipi tal-ewwel xhieda mogħtija mir-rgħajja ta’ Betlem għal dak il-Misteru,
ejjew infittxu li nirriflettu b’mod profomd fuqha.
“Glorja lil Alla fil-għoli
tas-Smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2,14). Dan il-kliem
jiġi mill-istess dawl, li idda f’dak il-lejl fil-qlub ta’ bnedmin ta’ rieda
tajba. Alla jitgħaxxaq fil-bnedmin!
Dan il-lejl jirrapreżenta xhieda
speċjali tal-pjaċir divin fil-bniedem. Jewwilla mhux Alla ħalqu xbiha u xebħ
tiegħu? Ix-xbihat u x-xebħ jinħolqu biex jaraw ir-rifless tagħhom infushom.
Għalhekk inħarsu lejna nfusna b’għaxqa. Alla jewwilla ma tgħaxxaqx bil-bniedem,
ladarba meta ħalqu, “ra li kien ħaġa tajba” (Ġen 1,31)? U hekk hu li
f’Betlem ninsabu fil-quċċata ta’ dik l-għaxqa. Dak li seħħ dakinhar huwa forsi
possibbli li nesprimuh b’mod differenti!
Huwa possibbli li nifhmu b’mod
differenti l-Misteru, li għalih il-Verb isir ġisem, l-Iben ta’ Alla jassumi n-natura
umana u jitwieled bħala Tarbija mill-ġuf tal-Verġni? Huwa possibbli li naqraw
mill-ġdid b’mod ieħor dan is-Sinjal?
6. U minħabba dan li f’nofsillejl
tal-Milied diversi popli jibdew il-kant il-kbir. Dan jinfirex kull sena mill-istess
stalla ta’ Betlem. Jidwi fuq xuftejn il-bnedmin ta’ tant artijiet u ta’ tant
razez. Jidwi l-kant il-kbir tal-ferħ, u jassumi forom differenti. Ikantaw fl-Italja,
ikantaw fil-Polonja, ikantaw bil-lingwi kollha u bid-diversi djaletti, fil-
pajjiżi u l-kontinenti kollha.
Alla wera l-għaxqa tiegħu
fil-bniedem! Alla jitgħaxxaq bil-bniedem. Il-bnedmin, allura, iqumu; iqum
il-bniedem, “ragħaj tad-destin tiegħu” (Heidegger).
Kemm spiss il-bniedem isib ruħu
mgħaffeġ minn dan id-destin! Kemm spiss isib ruħu priġunier tiegħu; kemm spiss
imut bil-ġuħ, kemm spiss isib ruħu qrib id-disperazzjoni, kemm spiss isib ruħu
mhedded fl-għarfien tas-sinifikat tal-propja umanità. Kemm spiss – minkejja l-apparenzi
kollha – il-bniedem isib ruħu mbiegħed mill-kuntentizza tiegħu nnifsu.
Imma llum huwa jqajjem lilu nnifsu
u jismà l-aħbar: Alla jitwieled fl-istorja umana! Alla huwa kuntent fil-bniedem,
Alla sar bniedem. Alla kuntent fik! Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|