Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI F’SAN PIETRU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 24 ta’ Ġunju 1979

 

1. “Et tu puer propheta Altissimi vocaberis”: “U int, tfajjel,tkun imsejjaħ profeta tal-Iktar Għoli” (Lq 1,76).

Dan il-kliem jitkellem dwar il-Qaddis tallum. B’dan il-kliem is-saċerdot Żakkarija jsellem lil ibnu, wara li kien kiseb lura l-ħila li jitkellem. B’dan il-kliem sellem lil ibnu, li lilu, bir-rieda tiegħu u bis-sorpriża tal-familja kollha ta l-isem ta’ Ġwanni. Illum il-Knisja tfakkarna dawn il-ġrajjiet, waqt li tiċcelebra s-sollennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista.

Wieħed jistà jsejħilha wkoll il-ġurnata tas-sejħa ta’ Ġwanni, iben Żakkarija u Eliżabbetta minn Ain-Karim, biex ikun l-aħħar profeta tal-patt il-qadim; biex ikun il-messaġġier u l-prekursur immedjat tal-Messija: Ġesù Kristu.

Hawn hu dak, li jiġi fid-dinja f’ċirkustanzi xejn tas-soltu, iġib diġa miegħu is-sejħa divina. Din is-sejħa tiġi mill-pjan ta’ Alla nnifsu, mill-imħabba feddejja tiegħu, u hija miktuba fl-istorja tal-bniedem sa mill-ewwel waqt tal-konċepiment tiegħu fil-ġuf matern. Iċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-konċepiment, kif imbagħad iċ-ċirkustanzi tat-twelid ta’ Ġwanni f’Ain-Karim, jindikaw sejħa mhux tas-soltu: “Praeibis ante faciem Domini parare vias eius”, “sabiex imur qabel il-Mulej biex iħejjilu triqatu” (Lq 1,76).

Nafu li għal din is-sejħa Ġwanni Battista wieġeb b’ħajtu kollha. Nafu li għaliha huwa baqà fidil sal-aħħar nifs. U dan in-nifs ingħata fil-ħabs fuq ordni ta’ Erodi, wara x-xewqa ta’ Salomè li aġixxiet fuq istigazzjoni tal-vendikattiva ommha Erodiade.

Iżda, dan kollu l-liturġija, illum, ma ssemmihx, waqt li tirriservalna jum ieħor. Illum il-liturġija tordnalna biex nifirħu biss bit-twelid tal-Prekursur tal-Mulej. Tordnalna niżżu ħajr lil Alla għas-sejħa ta’ Ġwanni l-Battista.

2. Meta f’dan il-jum, għeżież ħuti Djakni u kandidati għall-presbitarjat, tippreżentaw ruħkom fil-Bażilka ta San Pietru f’Ruma, nixtiequ wkoll aħna lkoll nifirħu għas-sejħa tagħkom għal sehem ieħor fis-saċerdozju ta’ Kristu.

Fil-qalb ta’ kull wieħed minnkom Alla kiteb il-misteru ta’ din is-sejħa. Nistgħu nirripetu mal-profeta: “Ħabbejtek b’imħabba eterna, għal dan inkompli nikkonservalek ħniena” (Ġer 31,3).

F’ċertu waqt tal-ħajja intom intbaħtu b’din is-sejħa divina. U bdejtu tħejju triqtkom, bdejtu timxu lejn it-twettiq tagħha. It-triq għas-Sagrament tal-Ordni Sagri li llum se tirċievu minn idejja tgħaddi minn serje ta’ stadji u ambjenti, li minnu jagħmlu parti d-dar familjari, is-snin tal-iskola elementari u medja, kif ukoll l-istudji superjuri, l-ambjent tal-ħbieb, il-ħajja parrokkjali. L-ewwelnett, iżda, f’din it-triq jinsab is-seminarju ekkleżjastiku, li fih kull wieħed minna jmur biex isib tweġiba definittiva għad-domanda li tirrigwarda s-sejħa tiegħu għas-saċerdozju. Kull wieħed minna jmur hemm, sabiex, waqt li jsib b’mod dejjem iktar matur tali tweġiba, ikun jistà jħejji lilu nnifsu fl-istess ħin, għas-Sagrament tal-Oedni Sagri b’mod profond u sistematiku.

Illum diġa għandkom wara spallejkom dawn l-esperjenzi kollha. La tistaqsux iktar bħal dak iż-żagħżagħ mill-Vanġelu: “Mgħallem tajjeb, x’irrid nagħmel?” (Mk 10,17). L-Imgħallem diġa għinkom biex issibu t-tweġiba. Intom qegħdin tippreżentaw ruħkom hawn sabiex il-Knisja tkun tistà tistampa fuq din it-tweġiba is-siġill sagramentali tagħha.

3. Dan is-siġill jistampa ruħu permezz tal-liturġija kollha tas-Sagrament tal-Ordni Sagri. Jistampah l-Isqof, li jaġixxi bil-qawwa tal-Ispirtu Santu u f’komunjoni mal-Presbiterju kollu tiegħu.

Il-qawwa tal-Ispirtu Santu tiġi ndikata u trażmessa mill-impożizzjoni tal-idejn, ikkumpanjata l-ewwel bis-skiet u mbagħad bit-talb. Bħala sinjal tat-trasferiment ta’ din il-qawwa fl-idejn żgħażagħ tagħkom, dawn jiġu midluka minn Kriżma mqaddsa biex tkunu denji li tiċċelebraw l-Ewkaristija. L-idejn umani ma jistgħux jiċċelebraw b’mod ieħor jekk mhux fil-qawwa tal-Ispirtu Santu.

Tiċċelebra l-Ewkaristija jfisser tiġbor lill-Poplu ta’ Alla u tibni l-Knisja fl-identità sħiħa tagħha.

Il-waqt li qegħdin ngħixu hawn flimkien huwa ta’ mportanza kbira kemm għal kull wieħed minnkom kif ukoll għall-Knisja kollha.

Il-Knisja talbet għal kull wieħed minn dawn l-imsejħa, li llum qegħdin jirċievu s-siġill sagramentali tal-Presbiterju. Il-Knisja tixtieq li kull wieħed minnkom jibniha bis-saċerdozju tiegħu, bis-servizz tiegħu, li minħabba l-qawwa miksuba minn Kristu “jiġbor u ma jferrixx” (cf. Mt 12,30).

4. Il-Knisja llum titlob ukoll. Jitolbu l-ġenituri tagħkom, il-familji, l-ambjenti li magħhom kienet marbuta s’issa ħajjitkom, is-seminarji tagħkom, id-dijoċeżijiet tagħkom, il-Kongregazzjonijiet Reliġjużi tagħkom.

Ejjew nitolbu lill-Mulej tal-mergħa li sejjaħ lil kull wieħed minnkom bħala ħaddiema għall-mergħa tiegħu, sabiex tipperseveraw f’din il-mergħa sal-aħħar.

Hekk bħal Ġwanni bin Żakkarija u Eliżabbetta minn AIN-Karim, li missieru qal fil-jum tat-twelid tiegħu: “Et tu puer propheta Altissimi vocaberis” (Lc 1,76).

Il-perseveranza ragħkom tkun il-frott tat-talb li llum se ngħollu. Ipperseveraw bħala peofeti tal-Iktar Għoli! Ipperseveraw bħala saċerdoti ta’ Ġesù Kristu!

Ġorru frott abbundanti. Amen. 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb