Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA MAL-ISQFIJIET TAL-EWROPA
FIL-KAPPELLA SISTINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

L-Erbgħa, 20 ta’ Ġunju 1979

 

Għeżież Ħuti! 

1. Nesprimi ferħ kordjali u sinċier għal din il-laqgħa tagħna. Dan huwa ferħ, b’mod speċjali għaliex il-laqgħa qiegħda ssir fil-kwadru tas-Simposju dwar it-tema: “Iż-żgħażagħ u l-fidi”. 

Niftakar is-Simposju preċedenti, tal-1975, li fih kelli x-xorti li nieħu sehem b’mod attiv bħala wieħed miż-żewġ kelliema. Fl-istess ħin nixtieq nesprimi l-ferħ tiegħi li llum niltaqà magħkom, waqt li niċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa. Nittama li f’din il-komunjoni, li fiha nesprimu b’mod l-iktar totali u profond l-għaqda saċerdotali u episkopali tagħna, nirċievu dawl u qawwa ikbar tal-Ispirtu Santu minn Kristu-Prinċep tar-Rgħajja, li bħala uniku u Etern Saċerdot huwa wkoll sors u sies uniku ta’ din l-għaqda, li nimmanifestaw u ngħixu fil-konċelebrazzjoni ewkaristika.

Ta’ tali dawl u qawwa tal-Ispirtu  ta’ Kristu għandna tant bżonn għad-dmirijiet kollha li joħorġu mill-missjoni tagħna – per eżempju fil-qasam tat-tema tas-Simposju tagħkom: iż-żgħożija – imma mhux b’mod esklussiv; il-kumpless ta’ dawk id-dmirijiet, il-missjoni kollha tagħna, jesiġu xi grazzji partikolari sabiex inkunu nafu niffaċċjaw b’ubbidjenza sħiha għas-sinjali taż-żminijiet, li jikkostitwixxu il-“kairos” feddej tal-Ewropej u tal-kontinent li jirrapreżentaw u li għalih “aħna mistiedna” bħala suċċessuri tal-Appostli, ta’ dawk l-aħbarijiet tal-Vanġelu, li minnhom tibda l-istorja tal-Ewropa wara Kristu.

2. Il-laqgħa tagħkom – u allura wkoll il-konċelebrazzjoni ewkaristika tallum – tgħaddas għeruqha f’dak il-ħsieb propizju tal-Vatikan II li jfakkar lill-Isqfijiet tal-Knisja kollha l-karattru kolleġġjali tal-ministeru minnhom eżerċitat. Preċiżament, minn tali ħsieb, espress bl-ikbar preċiżjoni dutrinali fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen Gentium, toriġina serje ta’ istituzzjonijiet u inizjattivi pastorali, li diġa llum jixhdu l-vitalità ġdida tal-Knisja u bla ebda dubju fil-ġejjieni se jikkostitwixxu l-pedament tat-tiġdid ulterjuri tal-missjoni feddejja, fil-varjetà tad-dimensjonijiet u tal-isferi ta’ azzjoni.

Waqt li ngħid dan, għad għandi f’għajnejja l-assemblea meraviljuża tal-Isqfijiet tal-Knisja tal-Amerka Latina, li kelli x-xorti ninawguraha fit-28 ta’ Jannar tas-sena kurrenti ġo Puebla fil-Messiku. L-istess assemblea kienet frott ta’ kollaborazzjoni sistematika tal-Konferenzi Episkopali kollha ta’ dak il-kontinent immens, li fih attwalment tabita kważi nofs il-kattoliċi tal-globu kollu. Dawn huma episkopati ta’ rilevanza numerika varja, biċċa minnhom tassew numerużi, bħal b’mod speċjali dik tal-Brazil li weħedha tgħodd iktar minn 300 Isqof. Il-kollaborazzjoni metodika tal-Konferenzi Episkopali kollha tal-Amerka Latina għandha l-appoġġ tagħha fil-Kunsill magħruf komunement bl-isem ta’ “CELAM”, li jippermetti lill-imsemmija Konferenzi li jerġgħu jaqraw flimkien id-dmirijiet, li jipprospettaw għar-Rgħajja tal-Knisja f’dak il-kontinent kbir, hekk importanti għall-ġejjieni tad-dinja.

Diġa l-istess titolu tal-Konferenza miżmuma fi Puebla mis-27 ta’ Jannar sat-13 ta’ Frar 1979 jiddikjara dan b’mod l-iktar ċar. It-titolu kien: L-evanġelizzazzjoni fil-present u fil-futur fl-Amerka Latina. Huwa għalhekk diġa faċli li wieħed jintebaħ kemm kien utli fi Puebla is-suġġett providenzjali tas-sessjoni ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1974: l-evanġelizzazzjoni.

3. F’relazzjoni ma’ tali tema fundamentali kull Isqof tad-dinja, bħala ragħaj tal-Knisja tiegħu partikolari, tad-dijoċesi tiegħu, setà u għandu jqis il-Knisja tiegħu mill punt di vista tal-kontemporanjetà tagħha. U billi l-evanġelizzazzjoni tesprimi l-missjoni tal-Knisja, tali ħarsa għandha torbot mal-imgħoddi u tiftaħ il-prospettiva tal-futur: ilbieraħ, illum u għada. U mhux biss kull Isqof partikolari fid-dijoċesi tiegħu, imma wkoll id-diversi komunitajiet tal-Isqfijiet u b’mod speċjali l-Konferenzi Episkopali Nazzjonali jistgħu u għandhom jirrendu din it-“tema muftieħ” tas-Sinodu 1974 oġġett ta’ riflessjoni dwar is-soċjetà, li lejha għandhom responsabiltà pastorali għall-opra tal-evanġelizzazzjoni. It-tema proposta minn Pawlu VI lis-Sinodu, madwar ħames snin ilu, tippossiedi possibiltajiet multiformi ta’ applikazzjoni f’diversi oqsma.

Fl-istess ħin, din it-tema twassal biex dak li jkun jirrifletti, b’mod fundamentali, jekk din għandhiex x’taqsam mat-twettiq tal-Konċilju nnifsu u biex twassal biex tattwa d-dutrina tiegħu.

It-twettiq bażilari tal-Vatikan II mhux ħaġ’oħra għajr kuxjenza ġdida tal-missjoni divina trażmessa lill-Knisja “fost il-ġnis kollha” u “sa truf id-dinja”. It-twettiq bażilari tal-Vatikan II mhux ħaġ’oħra għajr is-sens ġdid ta’ responsabiltà għall-Vanġelu, għall-Kelma, għas-Sagrament, għall-opra tal-fidwa, li l-Poplu kollu ta’ Alla għandu jassumi b’mod li huwa konformi għalih. Dmir tal-Isqfijiet huwa li jiddirieġu dan il-proċess kbir. Hawn tinsab id-dinjità u r-rersponsabiltà pastorali tagħhom.

4. Huwa ta’ piż kbir u ta’ mportanza fundamentali li tirrifletti dwar il-problema tal-evanġelizzazzjoni fir-rigward tal-kontinent Ewropew. Din inqisha tema kumplessa, kimplessa b’mod estrem. Kif mill-bqija wkoll għal kull kuntest ieħor, hemm bżonn li noħorġu mill-analiżi tas-sitwazzjoni preżenti l-viżjoni tal-futur, għaliex tali sitwazzjoni hija l-konsegwenza tal-passat, antik hekk bħall-Knisja u l-kristjaneżmu kollu. Fl-analiżi jeħtieġ nilħqu kull Pajjiż individwali, kull nazzjon individwali tal-kontinent tagħna, imma wkoll ninkludu kull sitwazzjoni tagħhom waqt li jkollna quddiem għajnejna l-kurrenti l-kbar tal-istorja li – speċjalment fit-tieni millenju – firdu l-Knisja u l-kristjaneżmu fil-kontinent Ewropew.

Naħseb li attwalment, fi żmien ta’ ekumeniżmu, huwa l-waqt li nħarsu lejn dawn il-kustjonijiet fid-dawl tal-kriterji elaborati mill-Konċilju: inħarsu lejhom fi spirtu ta’ kollaborazzjoni fraterna mar-rappreżentanti tal-Knejjes u l-komunitajiet li magħhom ma ngawdux l-għaqda sħiħa; u, kontemporanjament jeħtieġ inħarsu fi spirtu ta’ responsabiltà għall-Vanġelu. U dan mhux biss fuq il-kontinent tagħna, imma wkoll ‘il hemm minnu. L-Ewropa għadha dejjem il-benniena tal-ħsieb krejattiv, tal-inizjattivi pastorali, tal-istrutturi organzzattivi, li l-influss tagħhom jeċċedi l-fruntieri tagħha. Fl-istess ħin l-Ewropa bil-passat missjunarju grandjuż tagħha tinterroga lilha nfisha fil-punti diversi tal-“ġografija ekkleżjali” attwali tagħha u tistaqsi jekk mhijiex se ssir kontinent missjunarju.

Teżisti mela għall-Ewropa l-problema li fl-Evangelii Nuntiandi ġiet definita bħala “awtoevanġelizzazzjoni”. Il-Knisja għandha dejjem tevanġelizza lilha nfisha. L-Ewropa kattolika u nisranija għandha bżonn tali evanġelizzazzjoni. Trid tevanġelizza lilha nfisha, Forsi fl-ebda post ieħor bħal fil-kontinent tagħna  ma jiddefinixxu lilhom infushom b’tant ċarezza l-kurrenti taċ-ċaħda tar-reliġjon, il-kurrenti tal-“mewt ta’ Alla”, tas-sekolariżżazzjoni pprogrammata mill-ateiżmu militanti organizzat. Is-Sinodu tal-1974 ipprovdilna mhux ftit materjal f’dan ir-rigward.

Huwa possibbli li neżaminaw dan kollu skont kriterji storiku-soċjali. Il-Konċilju iżda indikalna kriterju ieħor: il-kriterju tas-“sinjali tż-żminijiet” u jiġifieri ta’ sfida speċjali tal-Providenza ta’ Dak li huwa “is-Sid tal-mergħat” (Lq 10,2).

5. Is-sena li ġejja niċcelebraw il-elf u ħames mitt sena mit-twelid ta’ San Benedittu, li Pawlu VI ipproklama bħala Patrun tal-Ewropa. Jistà jkun li dan huwa l-waqt propizju għal tali riflessjoni profonda dwar il-problema tal-“lbieraħ u llum” tal-evanġelizzaazzjoni tal-kontinent tagħna jew pjuttost għar-riflessjoni dwar din l-isfida tal-Providenza, li fil-kumpless storiku tagħha, għani u varjat, jikkostitwixxi l-“illum” nisrani tal-Ewropa rigward r-responsabiltà tagħha għall-Vanġelu, u wkoll fil-prospettiva tal-futur. 

Il-missjoni tagħna hija dejjem u kullimkien indirizzatha lejn il-futur. Kemm lejn il-futur li dwaru aħna ċerti fil-fidi; il-futur eskatoloġiku; kif ukoll lejn il-futur, li dwaru nistgħu nkunu umanament inċerti. Naħsbu dwar dawk li ġew l-ewwel fuq il-kontinent Ewropew bħala ħabbara tal-Bxara t-Tajba, bħal Pietru u Pawlu. Naħsbu dwar dawk li, tul l-istorja tal-Ewropa, wittew it-toroq lejn il-popli, bħal Wistin u Bonifaċju, jew l-aħwa ta’ Tessalonika: Ċitillu u Metodju. Linqas huma ma kienu ċerti mill-futur uman tal-missjoni tagħhom u saħansitra ta’xortihom.  Iktar qawwija minn din l-inċertezza umana kienu l-fidi u t-tama. Iktar qawwija kienet l-imħabba ta’ Kristu li “mbuttathom” (cf. 2Kor 5,14). F’tali fidi, tama u karità wera ruhu l-Ispirtu operanti. Huwa meħtieġ li aħna wkoll insiru strumenti ħelwa u effikaċi tal-azzjoni tiegħu fl-epoka tagħna.

6. It-tema tas-Simposju tagħkom hija: “Iż-żgħażagħ u l-fidi”. Huwa sewwa li hija hekk. Naħseb li din hija organikament u profondament imdaħħla fit-tema l-kbira ta’ riflessjoni tal-Knisja postkonċiljari kollha, li fit-tul ma tistax titbiegħed mill-attenzjoni tagħna, it-tema tal-evanġelizzazzjoni. Jekk naħsbu dwar l-evanġelizzazzjoni fit-termini tal-futur, jeħtieġ li ndawru l-menti tagħna lejn iż-żgħażagħ;  irridu niltaqgħu magħhom bl-intellett, bil-qlub, bil-karattri taż-żgħażagħ. Din hija t-tema magħżula, li permezz tagħha naslu għall-problema globali.

Il-bdil tal-esperjenzi u s-suġġerimenti tagħkom għandu jkun wiesà, ma jistax jibqà “partikolari”. Kull prattika ta’ kolleġġjalità sservi l-kawża tal-universalità tal-Knisja. Intom ukoll, għeżież Ħuti, permezz ta’ din il-prattika tal-kollaborazzjoni kolleġġjali li tifforma s-Simposju tagħkom, għandkom, biex ngħidu hekk, “twessgħu l-ispazji tal-imħabba” (S. Wistin, De Ep.Ioan. ad Parthos, X, 5: PL 35,2060). Tali twessigħ ma jbiegħed qatt mir-responsabiltà afdatha b’mod dirett lil kull wieħed minna, anzi dan jirrendiha iktar akuta. Jeħtieġ li l-Isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali ta’ kull Pajjiż u nazzjon tal-Ewropa jgħixu l-interessi tal-Pajjiżi u n-nazzjonijiet kollha tal-kontinent tagħna. U dawk li fostkom huma nieqsa jkunu – ikolli ngħid – preżenti b’mod iktar intens. Jeħtieġ nelaboraw metodi speċjali, effikaċi biex “nagħmlu preżenti b’mod qawwi” lil dawk li huma “nieqsa”. In-nuqqas tagħhom ma jistax ikun mgħoddi taħt silenzju jew ikun ġġustifikat b’postijiet komuni.

Ftakru li kif għal dan is-Simposju qegħdin jieħdu sehem, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, il-Konferenzi Episkopali kollha tal-Ewropa, hekk ukoll madwar dan l-altar huma, fil-komunjoni ewkaristika tal-imħabba, tas-sagrifiċċju u tat-talb, l-Episkopati kollha, l-Isqfijiet kollha. U b’ċertu mod huma maġġorment preżenti dawk li mhumiex hawn, dawk li hawn ma setgħux ikunu preżenti.

Permezz ta’ Kulħadd il-Knisja, bħala l-poplu ta’ Alla tal-kontinent kollu tagħna, “telabora” fl-għaqda ma’ Kristu-Prinċep tar-Rgħajja, ma’ Kristu-Etern Saċerdot, il-futur nisrani tagħha. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb