Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-UNIVERSITARJI RUMANI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

It-Tlieta, 18 ta’ Diċembru 1979

 

1. Fi żmien ġimgħa jkun il-Milied u bla ebda dubju terġgħu lura fil-familji tagħkom. Jiġu sospiżi l-lezzjonijiet u d-dmirijiet l-oħra wkoll fl-iskejjel superjuri ta’ Ruma. Il-familja kbira universitarja se ċċedi postha, f’ħajjitkom, għal dik ċkejna domestika, li tiġi qabilha. Il-festa tal-Milied twettaq, b’mod speċjali, il-primat tal-familja fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. F’dan iż-żmien, li fih Alla jitwieled bħala Bniedem, kull bniedem jerġà lura f’dak il-post fejn twieled qrib dawk l-esseri umani li huma l-ġenituri tiegħu: Hutu subien u bniet. Kull wieħed u waħda jsibu ruħhom f’dak l-ambjent fundamentali, f’dik id-dar li għandkom id-dritt u d-dmir li ssejħu darkom: id-dar familjari. Propju f’dak il-lejl, li fih Alla twieled bħala Tarbija nieqes minn dar, dawk kollha li, bil-fidi u bil-qalb, iduru lejn dik it-Tarbija u jħossu nostalġija speċjali tad-dar.

Xtaqt ħafna li niltaqà magħkom propju issa, waqt li għadna nħejju ruħna għal din il-festa kbira. Xtaqt li niltaqà magħkom, mal-ambjent universitarju ta’ Ruma, waqt li għadu żmien -Avvent. Bħal ma għamilna filjiem ta’ qabel l-Għid, hekk sejrin nagħmlu wkoll illum. Hija ħaġa sabiħa li ġejtu, li illum intom flimkien miegħi. Inqisu dritt tiegħi li niltaqà magħkom qrib il-Milied, hekk kif għamilna qabel l-Għid. Insellmilkom b’qalbi kollha f’din il-Bażilika ta’ San Pietru. Insellem lil kulħadd: professuri u studenit. Dawk li diġa ltqajt magħhom. U l-ġodda, li llum jinsabu hawn l-ewwel darba. Insellem ukoll lil dawk li, għal kwalunkwè mottiv, naqsu li jiġu.

F’dawn il-jiem tal-Avvent, li fihom il-Knisja tgħid lil Kristu li wasal biex jiġi: “Ejja, Mulej, la tiddawwarx” (“Alleluia”), Irrid intenni lil kull wieħed u lil kull waħda l-istess stedina: “La tiddawwarx”.

2. Il-Vanġelu tallum huwa tassew imteressanti. Wieħed jistà jgħid li fih hemm miġbura, sa ċertu punt, lezzjoni qasira tal-karettorjoloġija. Wieħed jistà jgħid li din is-silta inkitbet għall-bnedmin li jridu jħarsu, b’attenzjoni, ġewwa fihom infushom. Dan iġġegħlna, infatti naħsbu l-imġieba ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ li lilhom, wieħed wara l-ieħor, missierhom jgħid: “Ibni, mur illum aħdem fl-għalqa tad-dwieli” (Mt 21,28). Tal-ewwel dlonk jiddikjara lilu nnifsu lest u mbagħad ma jżommx kelmtu. L-ieħor, mill-banda l-oħra, l-ewwel jgħid: “M’għandix aptit” (Mt 21,30), Imma mbagħad imur u jmidd għonqu għax-xogħol. Meta Kristu jagħmel id-domanda: “Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-Missier?” (Mt 21,31), it-tweġiba kienet waħda spontanja: ovvjament dan “tal-aħħar”.

Waqt li nisimgħu dan il-kliem, aħna lesti nirriferuhom għalina nfusna? Nagħmlu mela l-mistoqsija: lil liema miż-żewġt aħwa jien nixbah l-iktar? Lill-imġieba ta’ liema minnhom tixbaħ l-imġieba abitwali tiegħi? Nappartieni jien għal dawk li jitħeġġu faċilment, inwiegħdu mill-ewwel u mbagħad ma nżommu xejn? Ninsew hekk malajr li aħna obbligati? Jew jien pjuttost il-bniedem li l-ewwel jgħid “le”? Forsi din l-ewwel “le” saret saħansitra abitudni żżejjed, kważi regola ta’ imġibti. Ngħid “le”, billi ma nagħtix każ li nistà nagħmel, biha, tort lil xi ħadd. Imma… imma…għandi bżonn ta’ dik il-“le” biex inkun nista nirrifletti, nimmedita fuq il-“pro” kollha u l-“kontra”. Biex, fl-aħħar, nasal għal deċiżjoni. U, bħala riżultat, wara li l-ewwel inkun għidt “le”, fl-aħħar minn l-aħħar ngħid “iva”. Ma nkunx, f’dan il-każ, aħjar minn dak li, bl-ewwel “iva” tiegħu ma kien għamel tort lil ħadd, imma mbagħad, fl-aħħar minn l-aħħar, ma wasal li jagħmel xejn? Fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu għandi dritt naħseb li nagħmel aħjar. Tali u simili meditazzjonijiet dwar l-imġieba propja u dwar il-karattru jistgħu jiżviluppaw lil kull wieħed u waħda minna, waqt li nisimgħu l-Vanġelu tallum. Dawn huma utli ħafna. Partikolarment huma utli għaż-żgħażagħ, li spiss jagħmlu d-domanda: min jien?  Kif jien? X’inhuma l-predispożizzjonijiet tiegħi? Liema karattru għandi nifforma? Kull edukatur premoruż, kull pedagogu espert jgħid liż-żagħżugħ: agħmel tali domandi! Agħmilhom mill-iktar fis possibbli! La tiddawwarx!

3. Il-Kuntest sħiħ tal-liturġija tallum jindika li din il-ġrajja sinifikattiva tal-Vanġelu ta’ San Mattew, li l-protagonisti tagħha huma żewġ żgħażagħ, tirrivela l-ikbar dimensjoni tal-ħajja umana. Hija propju din id-dimensjoni li għandha tissejjah “Avvent”. Ippermettuli li jien insejħilha hekk. U ippermettuli li nispjega għaliex sejjaħtilha hekk din id-dimensjoni tal-ħajja umana, li tirrivela ruħha permezz ta’ din il-ġrajja li jirrakkonta l-Vanġelu tallum.

Qabel xejn, intom bla dubju tħossu l-bżonn tal-ispjega li ġejja introduttiva u fundamentali: aħna sirna mdorrija niddefenixxu bil-kelma “avvent” ċertu perjodu liturġiku li jiġi qabel il-Milied u jipprepara għalih. Imma wieħed jistà jsostni li l-“avvent” huwa “dimensjoni tal-istess ħajja umana”?

A bażi tal-liturġija tallum irrid nipprova li estensjoni simili tas-sinifikat hija ndispensabbli, kemm-il darba l-avvent mifhum bħala perjodu liturġiku m’għandux ikun vojt. Tali “Avvent” liturġiku, infatti, aħna ngħixuh biss daqstant, għaliex aħna kapaċi niskopru l-“avvent” fina bħala dimensjoni fundamentali ta’ ħajjitna, tal-eżistenza dinjija tagħna.

Propju għal dan, fil-Vanġelu tallum, jissejħu mill-missier, propjetarju tal-għalqa tad-dwieli, iż-żewġ uliedu.

4. Xi tfisser infatti, l-“għalqa tad-dwieli”? L-għalqa tad-dwieli tfisser, fl-istess ħin, kollezzjoni u kull parti ta’ dik il-kollezzjoni. Tfisser id-dinja kollha maħluqa minn Alla għall-bniedem: għal kull bniedem u għall-bnedmin kollha. U b’mod kontemporanju hija tfisser dik il-partiċella tad-dinja, dik il-“biċċa”, li hija dmir reali ta’ kull bniedem reali. F’dan it-tieni sinifikat l-“għalqa tad-dwieli” hija fl-istess ħin “ġewwa fina” u “barra minna”. Hemm bżonn nikkultivawha, waqt li nemeljoraw id-dinja u nemeljoraw lilna nfusna. Anzi, waħda tiddependi mill-oħra: nirrendi d-dinja aħjar, daqs kemm nemeljora lili nnifsi. Fil-każ oppost jien biss “tekniku” tal-iżvilupp tad-dinja u mhux “ħaddiem fl-għalqa tad-dwieli”.

Hekk mela din l-“għalqa tad-dwieli”, li fiha niġi mibgħut bħal ma kienu kull wieħed miż-żewġt aħwa tal-Vanġelu tallum, għandha ssir, fl-istess ħin, post tax-xogħol tiegħi għad-dinja u tax-xogħol tiegħi għalija nnifsi. U dan huwa tali minħabba li għandi kuxjenza stabbilita li Alla ħalaq id-dinja għall-bniedem. F’din id-dinja viżibbli Alla ġie għall-ewwel darba għall-bniedem u jiġi għalih kontinwament. Jiġi permezz ta’ dak kollu li din id-dinja hija, permezz ta’ dak kollu li hija taħbi fiha. Kull darba li l-bniedem javanza fl-iskoperti ta’ dak li d-dinja maħluqa taħbi fiha, jiġi gglorifikat il-ġenju tal-bniedem u l-biċċa l-kbira nieqfu hawn. Waqt li jekk dak li jkun jirrifletti profondament dwar il-problema ta’ dik id-dinja, li tiġi skoperta mill-bniedem dejjem aħjar, hija l-avvent dejjem iktar mimli tal-Ħallieq. Jekk ngħixu l-perjodu liturġiku tal-Avvent kull sena, dan nagħmluh bl-iskop li nifirxuh ukoll għal dak l-avvent, dejjem iktar mimli tal-Ħallieq. Hekk titwessà, dejjem iktar, għall-bniedem dik l-“għalqa tad-dwieli” li għaliha huwa msejjaħ.

5. Madankollu l-“għalqa tad-dwieli” tfisser ukoll id-dinja interna. Tali dinja hija l-bniedem innifsu. Kull bniedem jikkotitwixxi tali dinja unika u rrepetibbli. Alla-Ħallieq jiġi f’din id-dinja nterna permezz tad-dinja esterna, imma kontemporanjament jiġi wkoll b’mod dirett. Jiġi b’mod imparagonabbli, differenti mill-esseri maħluqa kollha. Għaliex il-bniedem huwa xbiha u xebħ ta’ Alla.  U għaliex dak l-avvent ta’ Alla fil-bniedem jitwettaq ukoll b’mod dirett.Mhux biss permezz tad-dinja li ġġib fuqha traċċi tal-Għerf u tal-Qawwa ħallieqa, imma b’mod dirett. F’din il-miġja diretta għall-bniedem, Alla mhuwiex biss Ħallieq, imma fuq kollox Missier. Jiġi mela għall-bniedem f’Ibnu, fil-Verb Etern. Jiġi bħala Missier fl-Iben, inkella ma jkunx l-avvent tal-Missier.

Dan l-avvent tal-Missier huwa, fl-istorja tal-bniedem fuq l-art, hekk qadim daqs kemm hu qadim il-bniedem. Jitkellmu dwar dan l-ewwel kapitoli tar-rivelazzjoni, l-ewwel paġni tal-ktieb tal-Ġenesi. Diġa l-ewwel post tal-eżistenza umana kien tali “għalqa tad-dwieli” interna. Dik l-“għalqa tad-dwieli” nterna aħna nirċevuha b’wirt mill-ewwel bniedem, hekk bħal ma nirtu wkoll id-dinja esterna, l-art li l-Ħallieq afda lill-bniedem sabiex hu jaħkimha (cf. Ġen 1,28).

Fl-istess post, fil-bidu, fl-istorja tal-bniedem jidħol ukoll id-dnub. Id-dnub oriġinali huwa waħda minn dawk ir-realtajiet, li fuqhom il-liturġija tal-Avvent titbaxxa b’attenzjoni partikolari. Fuq dan l-isfond nifhmu aħjar is-sinifikat tal-festa tal-Immakulata Konċezzjoni li tiġi ċċelebrata fl-Avvent. Waqt li jenfasizza dan il-privileġġ eċċezzjonali tal-Verġni, magħżula biex issir Omm ir-Redentur, l-Avvent irid b’mod kontemporanju, ifakkarna li din l-“għalqa tad-dwieli”, miruta mill-proġenituri, tipproduċi “xewk u għollieq” (Ġen 3,8), li nsibu fl-għelieqi,  imqallba mix-xogħol tal-bidwi. Insibuhom ukoll aħna, f’qalbna. Ukoll dwar din nistgħu ngħidu li tipproduċi “xewk u għollieq”.

U għal din ir-raġuni x-xogħol fl-għalqa tad-dwieli nterna huwa diffiċli. U wieħed m’għandux għax jistagħġeb li, kull tant, żagħżugħ imsejjaħ biex jaħdem fiha, jgħid il-“ma nmurx” tiegħu. Bdanakollu ix-xogħol fl-“għalqa tad-dwieli” nterna huwa ndispensabbli. Inkella l-bniedem jintroduċi f’din id-dinja, li nħolqot għalih, id-dnub, jintroduċi l-ħażin. U fl-“għalqa tad-dwieli” nterna jitwessà ċ-ċirku tad-dnub, jiżdiedu b’qawwa l-istrutturi tad-dnub. L-atmosfera tad-dinja li fiha ngħixu, issir moralment dejjem iktar avvelenata. Ma nistgħux inċedu għal din il-qerda tal-ambjent uman min-naħa tad-dnub. Hemm bżonn li nopponuh.

6. Min hu Ġesù Kristu? Dak li lejh induru b’invokazzjoni imħeġġa: “Ejja… la tiddawwarx”? Dak, li għall-miġja tiegħu fil-lejl ta’ Betlem qegħdin nippreparaw, u jipprepara ruħu kull bniedem, permezz tal-perijodu liturġiku tal-Avvent li jiġi qabel il-festività l-kbira tal-Milied? Huwa hu r-rivelazzjoni sħiħa u definittiva tal-avvent ta’ Alla fl-istorja tal-bniedem. Alla, letteralment, jiġi għall-bniedem. Diġa permezz tal-opra tal-ħolqien, jiġifieri permezz tad-dinja li titkellem dwaru Diġa permezz tal-bnedmin li jħabbru l-verità divina, bħall-profeti u l-kapijiet kbar tal-Poplu fil-Patt il-Qadim. Alla jiġi għall-bniedem b’mod radikali ħafna u definittiv: jiġi minħabba l-fatt li huwa stess isir Bniedem, Bin il-bniedem. “Bl-Inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla ingħaqad b’ċertu mod ma’ kull bniedem. Ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Waqt li twieled minn Marija Verġni, huwa għamel lilu nnifsu tassew wieħed minna, f’kollox jixbaħ lilna, minbarra fid-dnub” (Gaudium et Spes, 22).

Ġesù Kristu huwa r-rivelazzjoni l-iktar sħiħa u definittiva tal-avvent ta’ Alla fl-istorja tal-umanità u fl-istorja ta’ kull bniedem. Ta’ kull wieħed u waħda minna. U fih, fil-miġja tiegħu, fit-twelid tiegħu fl-istalla ta’ Betlem, imbagħad fil-ħajja u fit-tagħlim tiegħu kollha, fl-aħħarnett fis-salib tiegħu u fil-qawmien mill-imwiet tiegħu, aħna msejħin, ilkoll u kull wieħed u waħda minna, b’mod definittiv għall-“għalqa tad-dwieli”. Hu, li hu l-milja tal-avvent ta’ Alla, hija wkoll milja tas-sejħa divina indirizzata lill-bniedem. Fih Alla qisu jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “la tiddawrux”!

7. Hemm bżonn nammettu li din l-“għalqa tad-dwieli” tagħna esterna u interna, minħabba l-fatt tal-miġja ta’ Kristu”, imbidlet ħafna. Bl-opra tal-Verb Divin sabet ruħha f’dawl ġdid, esposta għax-xemx. Bl-opra tas-Sagramenti qaddisa saret fertili b’mod ġdid. Ix-xogħol fiha huwa, kontemporanjament, iktar faċli (Kristu stess jgħid: “Il-madmad tiegħi… ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” [Mt 11,30]), imma huwa wkoll iktar impenjattiv: Kristu jsejjaħlu, infatti, “madmad” u “toqol”.

Hemm bżonn inħarsu lejn din l-għalqa tad-dwieli b’sens ta’ rejaliżmu massimu. Insibuha fil-prattika f’ħajjitna, u f’ħajjitkom ta’ studenti, ta’ universitarji.

8. F’liema sens, intom, universitarji, intom mistiedna biex taħdmu fl-għalqa tad-dwieli personali ta’ ħajjitkom, f’dan il-perijodu għalikom hekk important u deċiżiv?

Fid-dawl tal-messaġġ tal-Milied, u jiġifieri tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla fl-istorja umana, irrid inħeġġiġkom għal impenn serju fl-istudju, Jiġifieri fit-tħejjija għall-ħajja professjonali li għażiltu, intenzjonata bħala servizz lill-bniedem, bħala professjonisti ippreparati sewwa, serji u responsabbli, għaliex għalihom hija afdata l-ħajja tal-individwi u tal-komunità ta’ għada. L-umanità għandha bżonn personalitajiet ekwilibrati, maturi, ġenerużi, komprensivi, superjuri għal kull egoiżmu. U dan huwa propju ż-żmien prezzjuż tal-formazzjoni ntelletwali, morali, affettiva, għad-dmirijiet li hemm jistennewkom fis-soċjetà u għal dawk li ġurnata tassumu fil-familja li intom imsejħa biex tiffurmaw u li sa millum għandkom tippolarizzaw l-enerġiji morali tagħkom, sabiex għada tkunu dawk il-missirijiet u dawk l-ommijiet li Alla jrid, li l-Knisja tistenna  .

Impenjaw ruħkom fl-approfondiment tal-fidi nisranija tagħkom. Il-kuntrast ħaj tallum tal-mentalitajiet differenti ġejjin minn diversi filosofiji u l-pluraliżmu idejoloġiku jesiġu għarfien iktar profond u ċar tal-fidi propja biex ikun jista jgħixha u jixhidha b’iktar konvinzjoni serena. ‘Il hemm mit-tensjonijiet u mill-kriżijiet, imqanqla mill-idejoloġiji anti u kristjani, hemm illum tant bżonn ta’ studju serju u metodiku tar-Rivelazzjoni, biex nifhmu li mhemmx kuntrast bejn fidi u xjenza, u bħal ma x-xjenza fl-applikazzjonijiet tagħha għandha wkoll tkun imdawla mill-fidi. Dan għandu jkun l-impenn ferrieħi tagħkom ta’ Universitarji! Impenjaw ruħkom, fl-aħħarnett, biex tgħixu fil-“grazzja”! Ġesù twieled f’Betlem propju għal dan: biex jirrivelalna l-verità feddejja u biex jirregalalna l-ħajja tal-grazzja!

Impenjaw ruħkom biex tkunu dejjem parteċipi fil-ħajja divina mnaqqxa fina mill-Magħmudija. L-għixien fil-grazzja huwa dinjità suprema, hu ferħ indeskrivibbli, hu garanzija ta’ paċi, hu ideal meraviljuż u għandu jkun ukoll preokkupazzjoni loġika ta min iqis lilu nnifsu segwaċi ta’ Kristu. Il-Milied, għalhekk, ifisser il-preżenza ta’ Kristu fir-ruħ permezz tal-grazzja.

U jekk minħabba d-dgħufija tan-natura umana intilfet il-ħajja divina minħabba d-dnub gravi, il-Milied allura għandu jfisser ir-ritorn għall-grazzja permezz tal-Qrar sagramentali, magħmul b’serjetà ta’ ndiema u ta’ riżoluzzjonijiet. Ġesù jġi wkoll biex jaħfer; il-laqgħa personali ma’ Kristu ssir konverżjoni, twelid ġdid biex nassumu għal kollox ir-responsabiltajiet propji ta’ bnedmin u ta’ nsara.

9. “Ejja, Mulej, la tiddawwarx”.

Nixtieq, għeżież ħbieb tiegħi, li intom toħorġu, mil-laqgħa tagħna tallum, imħejjija aħjar u b’mod iktar profond għall-Festa tal-Milied. Nixtieq li twessgħu fikom dik id-“dimensjoni interna tal-Avvent”, li hija dimensjoni essenzjali tal-eżistenza nisranija kollha. Nixtieq, fl-aħħarnett, li din il-laqgha ma’ Kristu, li għaliha qiegħda tħejji ruħha l-Knisja kollha, iġġibilkom il-ferħ, u li l-ferħ tagħkom ikun sħiħ (cf. 2Ġw 12).

Ejja Mulej, la tiddawwarx.

10. Ippermettuli mill-ġdid li nagħmel xi ntenzjonijiet għat-talb tagħna komuni. Il-fatti li, fl-aħħar jiem u ġimgħat, ixxukkjaw l-opinjoni pubblika, huma bla ebda dubju ta’ xejn preżenti fil-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Ma jistax ikun li ma nafdawhomx lil Alla, ma nistgħux inħallu dawn il-problemi barra miċ-ċirku tat-talb tagħna. Ma nistgħux mela ma niftakrux f’dak il-ħabib u  kontemporanju tagħkom li, madwar 24 siegħa ilu, ġarrab il-mewt fi triq ta’ Ruma, bħala vittma għal darb’oħra tal-proċess inkwetanti li tiegħu aħna xhieda f’Pajjiżna.

Dan il-proċess, magħruf b’mod speċjali fl-Italja ta’ fuq, jitlobna naħsbu fl-ambjenti partikolarment ippruvati mill-azzjonijiet terroristiċi, u qabel kollox f’Torin, kif jixhdu l-aħbarijiet tal-aħħar jiem.  Hemm bżonn li, b’modi differenti, nuru s-solidarjetà fraterna ma’ dawk li jmutu assassinati. Ma’ dawk, li -  m’ilux ħafna – sfaw feruti. Ma’ dawk kollha li jbatu. Hemm bżonn ukoll – bħal ma għamel Kristu – nitolbu għal dawk li jġegħlu lil min ibati jew li jipprovokaw il-mewt, li jxerrdu l-vjolenza u jiżirgħu il-biżà.

Madankollu ma nistgħux fl-istess ħin ngħaddu mingħajr ma nistaqsu: Liema hu l-skop ta’ dawn l-atti li jikkawżaw tant tbatija lil bnedmin individwi, lil familji sħaħ u lil diversi ambjenti? Barra minn dan ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma nistaqsu minn liema sorsi. Minn liema premessi, minn liema idea tad-dinja (ikun pjuttost diffiċli li dak li jkun jitkellem dwar “ideoloġija” f’dawn il-każi) tinbet tali  mġieba fil-konfront tal-bniedem, in-nuqqas totali ta’ rispett lejn ħajtu, it-tendenza sfrenata għall-vjolenza, għall-qerda, u għall-omiċidju.

Hemm bżonn naħsbu dwar dan. Hemm bżonn nirriflettu dwar dan kollu. Hemm bżonn li nagħmlu minn dawn il-manifestazzjonijiet perikolużi t-tema tat-talb tagħna personali u komunitarju. U hemm bżonn li nagħmlu wkoll oġġett ta’ talbna it-theddida kbira tad-dinja u b’mod speċjali tal-kontinent tagħna Ewropew, li xterdet u mliet kullimkien tul dawn l-aħħar ġimgħat.

Għal din il-problema – li b’mod ġust tinkwieta l-opinjoni pubblika ta’ kulħadd – neġà nmur lura mill-ġdid fl-okkażjoni tal-Ġurnata Mondjali tal-Paċi li jmiss, li għaliha jirreferi wkoll il-Messaġġ ippubblikat illum u intitolat: “Il-verità, forza tal-paċi”.

Nixtieq indaħħal fit-talb tagħna tallum, fil-liturġija ewkaristika tagħna, dawn il-problemi kollha, mgħobbija bl-imkwiet soċjali. Iva! Hemm bżonn li nitolbu. Hemm bżonn li nishru fit-talb quddiem Alla, sakemm il-ħażin li qiegħed jikber fil-bnedmin, ma jsirx iktar qawwi mid-dgħufija tagħna. U hemm bżonn ngħajtu lkoll flimkien mal-liturġija tal-Avvent: “Ejja, Mulej, la tiddawwarx!”.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb