Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
B’TIFKIRA TA
L-PAPA PAWLU VI

Il-Ħadd, 16 ta’ Settembru 1979

 

1. Fil-Vanġelu tallum San Mark jirreferi l-istess ġrajja, deskritta minn San Mattew fil-Kapitlu 16. Fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu Ġesù jistaqsi lid-dixxipli: “Min jgħidu n-nies li jien?” (Mk “ 8,27). Wara d-diversi tweġibiet, jitkellem Pietru u jgħid “Inti l-Kristu” (Mk 8,29) (jiġifieri “il-Messija”). Fil-Vanġelu ta’ Mattew it-tweġiba hi: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16,16). Imbagħad tiġi l-barka, indirizzata lil Pietru minħabba l-fidi tiegħu, u l-wegħda li tibda bil-kliem: “Inti Pietru” (ġebla, blata) (Mt 16,18). Test sublimi, li lkoll nafu bl-amment.

Fil-verżjoni ta’ Marku iżda, minnufih wara l-istqarrija ta’ Pietru “Inti l-Kristu”, Ġesù jgħaddi għall-aħbar tal-mewt tiegħu: “Bin il-bniedem għandu jbati ħafna… imbagħad jiġi maqtul, u tlett ijiem wara, jerġà jqum” (Mk 8,31). U allura Pietru, kif naqraw, “beda jċanfru” (Mk 8,32). Skont Mattew dan iċ-ċanfir kien jinstamà xi ħaġa hekk, “Alla jħarsek, Mulej; dan mhu se jseħħ qatt” (Mt 16,22). Pietru ma jridx li Kristu jitkellem dwar il-passjoni u l-mewt. Mhuwiex kapaċi jaċċetta b’qalbu li tħobb b’mod uman. Min iħobb irid jippreserva l-persuna maħbuba mid-deni, saħansitra fil-ħsieb, saħansitra fl-immaġinazzjoni, Bdanakollu, Kristu jċanfar lil Pietru, iċanfru severament. Din iċ-ċanfira li nsibu fil-Vanġelu tallum ta’ Marku hija iktar sinifikattiva fil-Vanġelu ta’ Mattew, minħabba l-kuntrast mal-kliem preċedenti, li bih Kristu kien bierek lil Pietru u ħabbarlu l-primat tiegħu fil-Knisja. Huwa propju l-primat li ma jippermettilux li jkun evitat il-misteru tas-Salib, ma jippermettilux li jitbiegħed, linqas pulzier, mir-realtà feddejja tiegħu.

2. Inġbarna llum fil-Bażilika ta’ San Pietru biex infakkru l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Papa Pawlu VI. Dan diġa għamilnieh fl-istess jum tal-anniversarju: is-6 ta’ Awissu, fil-festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, f’dik id-dar, f’Castel Gandolfo, li fiha sena ilu huwa temm il-jum tiegħu terren. Illum qegħdin nagħmluh b’mod solenni fil-Bażilika Vatikana, fejn diġa għal iktar minn sena jinsabu jistrieħu fl-għerien, il-fdalijiet mortali tal-kbir Papa. Il-kobor tiegħu isib is-sies tiegħu fil-misteru tas-salib ta’ Kristu. Bħala Suċċessur ta’ Pietru, huwa aċċetta dik il-barka u l-kontenut kollu tal-wegħda messjanika li kienet tħabbret fir-reġġjun ta’ Ċesarea ta’ Filippu, u aċċetta, fil-milja kollha tiegħu, il-misteru tas-salib. Ġarr dan is-salib mhux biss f’idejh, waqt li mexa, is-snin kollha, fuq il-passi tal-“via Crucis” fil-Kolossew Ruman. Ġarru ġewwa fih, f’qalbu, fil-missjoni kollha tiegħu: “..,mhemmx ftaħir ieħor għajr fis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6,14). Dan il-kliem tal-Appostlu, li ismu huwa kien assuma fis-sena 1963 fil-bidu tal-pontifikat, twettaq tul ħajtu kollha.

Pawlu VI: appostlu tal-Kurċifiss, l-istess bħal ma kien Pawlu Appostlu. U hekk, bħal Pawlu Appostlu, huwa setà jwettaq dik l-istqarrija tiegħu tal-ftaħir fis-salib ta’ Kristu, waqt li jgħid “permezz tiegħu id-dinja kienet misluba, bħal ma jien għad-dinja” (Gal 6,14). U forsi tali kliem jikkostitwixxi muftieħ essenzjali għall-fehim tal-ħajja ta’ Pawlu VI, kif kien ikkostitwixxa għall-fehim tal-ħajja u tal-missjoni ta’ San Pawl.

3. Is-Salib bħal ma jinsinwaw fil-liturġija tallum il-Profeta Iżaija u mbagħad is-Salm 114 (115), għandu dimensjoni nterna, u Pawlu VI għaraf din id-dimensjoni nterna tas-salib. Bdanakollu, ma kinux stranġieri għalih l-“insulti” u l-“bżieq” (cf. 50,6) li ġarrab bħala mgħallem u qaddej tal-verità. Bdanakollu, ma kinux barranin għal ruħu dawk “id-dwejjaq u l-ansjetà” (Sal 115,3) li dwarhom jitkellem is-salmista. Dwejjaq u ansjetà, li jitnisslu mis-sens ta’ responsabiltà għall-valuri qaddisa tiegħu, għall-kawża l-kbira li Alla afda lill-bniedem, jistgħu jkunu superati biss fit-talb; jistgħu jkumu ssuperati biss bil-qawwa tal-fiduċja bla limiti: “Tajjeb u ġust huwa l-Mulej, Alla tagħna huwa ħanin. Il-Mulej jipproteġi lill-umli: kont imsejken u hu salvani” (Sal 115,5-6). Pawlu VI kien bniedem ta’ fiduċja profonda, diffiċli – u propju minħabba f’hekk – inkrollabbli. U propju minħabba fiha, hu l-ġebla, il-blata li fuqha, f’dan il-perijodu eċċezzjonali ta’ bidla kbira wara l-Konċilju Vatikan II, huwa bena l-Knisja.

Għall-provi interni u esterni tal-Knisja kien iwieġeb b’dik il-fidi, tama u fiduċja inkrollabbli, li kienu jagħmlu minnu il-Pietru ta’ żminijietna. L-għaqal kbir u l-umiltà akkumpanjaw din il-fidi u din it-tama u rrendewhom propju hekk sodi u nflessibbli.

4. Kien jgħallimna bil-kelma u bl-opri dik il-fidi feddejja, li dwarha b’mod tant konvinċenti jitkellem illum, fit-tieni qari, San Ġakbu: “il-fidi, jekk ma jkollhiex l-opri, hija mejta minnha nfiha” (Ġk 2,17).

Mela, Pawlu VI kien jgħallimna, il-fidi ħajja; kien jgħallem lill-Knisja kollha l-ħajja tal-fidi bil-kejl tal-epoka tagħna. X’inhuma iktar, jekk mhux tali tagħlim tal-fidi ħajja marbuta mal-opri ż-żewġ enċikliki tiegħu, b’mod partikolari l- Populorum Progressio u, f’dimensjoni oħra, l- Humanae Vitae? Illum forsi nifhmuh aħjar milli għaxar snin ilu. Il-konsistenza bejn il-fidi u l-ħajja trid tingħaraf minn kull opra. Trid turi ruħha f’kull qasam tal-aġir tagħna.

5. Ikun diffiċli li ma nsemmgħux mill-ġdid leħnu, fl-okkażjoni tat-tifkira tallum tal-Papa l-Kbir, ma nsemmgħux kliemu, dejjem mimli fidi u karità.

“Quddiem… il-mewt, id-distakk totali u definittiv mill-ħajja preżenti, inħoss d-dmir li niċċelebra id-don, il-fortuna, is-sbuħija, id-destin ta’ din l-istess eżistenza tranżitorja: Mulej, niżżik ħajr li sejjaħtli għall-ħajja, u iktar u iktar talli, waqt li għamiltni nisrani, irriġenerajtni u iddestinajtni għall-milja tal-ħajja… Issa li l-jum riesaq lejn tmiemu, u kollox jintemm u jinħall minn din ix-xena temporali u terrena stupenda u drammatika, kemm iktar niżżi ħajr lilek, o Mulej, wara dak tal-ħajja naturali, għad-don, ukoll superjuri, tal-fidi u tal-grazzja, li fihom fit-tmiem isib kenn l-esseri ħaj tiegħi?... Nagħlaq għajnejja fuq din l-art doloruża, drammatika u tal-għaġeb, waqt li għal darb’oħra nergà nsejjaħ fuqha it-Tjubija divina” (Paolo VI, Testamentum, 30 giugno 1965: Insegnamenti di Paolo VI, XVI [1978] 590).

6. Waqt li nisimgħuhom illum, ftit iktar minn sena mill-mewt tiegħu, għad għandna f’għajnejna dik it-telfa. Halliena għajjien u warajh ħalla wirt kbir. Il-mewt qatgħetu mill-problemi ta’ din l-art, mill-misteru ta’ din is-Sedja. Donnu jgħid bħalma darba qal Pietru: Mulej,,, amar li jien niġi għandek” (Mt 14,28). U l-Mulej  ħallieh imur għandu.

Aħna lkoll li qegħdin nieħdu sehem f’dan is-saġrifiċċju ewkaristiku biex nirrakkomandaw lill-Missier Etern ir-ruħ ta’ Pawlu VI, niżżu ħajr għal dak kollu li għamel u għal dak kollu li hu kien għall-Knisja.

“Imbierek int, Xnun bin Ġona” (Mt 16,17).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb