Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FL-OKKAŻJONI TAL-
V ASSEMBLEA ĠENERALI TAS-SUPERJURI ĠENERALI (UISG)
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Kappella Sistina
L-Erbgħa 14 ta’ Novembru 1979
Għeżież Ħuti fil-Mulej.
Huwa għalija ferħ kbir li llum
niltaqà magħkom, rappreżentanti artikolarment awtorizzati tal-ikbar rikkezza li
tikkostitwixxi fil-Knisja l-ħajja reliġjuża, Infatti, permezz ta’ din tiġi
offruta xhieda partikolarment evidenti ta’ dak li tfisser id-donazzjoni totali
għall-imħabba u għas-servizz ta’ Alla. Jiena kuntent fl-istess ħin li nara u
nsellem fikom bħala x-xbieha tal-universalità tal-Knisja: intom tirrappreżentaw
hawn il-Kontinenti kollha, id-diversi kulturi, intom timmanifestaw flimkien
ir-realiżżazzjoni multiformi tat-tweġiba għas-sejħa tal-Mulej. Permezz tagħkom
nixtieq nerġà nsostni lir-reliġjużi kollha l-apprezzament u l-kunfidenza li
l-Knisja għandha fihom, mhux biss għall-apostolat intelliġenti, kostanti,
ġeneruż, imma ferm iktar għall-ħajja ta’ konsagrazzjoni u ta’ dedikazzjoni ħafna
drabi moħbija, ta’ aċċettazzjoni ferrieħa u kuraġġuża tal-provi u diffikultajiet
inevitabbli. Jiena nitlobkom biex tittrażmettu l-barka speċjalissma tiegħi
lis-Sorijiet kollha mimlijin esperjenza u għajjiena fil-ġisem u fl-ispirtu,
lill-anzjani, lill-morda, li ħajjithom ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju hija
għall-Knisja, għall-Papa u l-Poplu ta’ Alla valur prezzjożissmu, irrinunċjabbli,
uniku.
Nixtieq inkompli li din
iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika flimkien mal-Papa tikkostitwixxi għal kull waħda
minnkom waqt benefiku ta’ nkuraġġiment u ta’ konsolazzjoni fit-twettiq ta’
impenn dejjem iktar esiġenti, spiss akkumpanjat mis-sinjal tas-Salib u ta’
solitudni doloruża, u li jitlob min-naħa tagħkom sens profond ta’ responsabiltà,
ġenerożita mingħajr dgħufiji u u telf, nisi kostanti tagħkom infuskom. Infatti,
intom għandkom issostnu u tiggwidaw lil Ħutkom f’dan il-perijodu
post-konċiljari, bla dubju għani b’esperjenzi ġodda, imma wkoll hekk espost għal
żbalji u devjazzjonijiet, li intom tfittxu li tikkoreġu. Hija magħrufa
l-evoluzzjoni pożittiva ta’ dawn l-aħħar snin fil-ħajja reliġjuża, interpretata
bi spirtu aktar evanġeliku, iktar ekkleżjali u iktar apostoliku; madankollu, ma
tistax tinjora li ċerti għażliet konkreti, ukoll jekk suġġeriti minn intenzjoni
tajba, imma mhux dejjem imdawla, ma offrewx lid-dinja l-immaġni awtentika
tal-Kristu, li r-reliġjuża għandha tirrendi preżenti fost il-bnedmin.
Waqt li intom miġburin madwar
l-Altar biex iġġeddu l-offertà ta’ Kristu lill-Missier, intom tħossukom
mistiedna b’mod intimu biex tirripetu, ukoll f’isem Ħutkom, il-konsagrazzjoni
tagħkom infuskom, li, diġa mibdija bil-Magħmudija, kienet magħmula definittiva u
perfetta permezz tal-voti reliġjużi.
1. Ilqgħu għalhekk l-ewwel
eżortazzjoni tiegħi għat-talb ardenti u perseveranti, sabiex tirriżulta dejjem
iktar evidenti l-importanza tal-vokazzjoni reliġjuża u l-bżonn li napprofondixxu
l-valur essenzjali, fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà. L-istorja personali,
infatti, ta’ kull reliġjuża, hija ffokata fl-imħabba sponsali għal Kristu, u
għalhekk hi, immudellata mill-ispirtu tiegħu, tirregalalu ħajjitha kollha, waqt
li tagħmel tagħha is-sentimenti tiegħu, l-ideali tiegħu u l-missjoni tagħha ta’
karità u ta’ salvazzjoni. Bħal ma diġa għidt lir-reliġjużi nisa tal-Irlanda:
“Ebda moviment tal-ħajja reliġjuża ma jkollu valur kemm-il darba ma jkunx
fl-istess ħin moviment lejn l-intern, lejn iċ-ċentru profond tal-eżistenza
tagħkom, fejn Kristu għandu l-għamara tiegħu. Mhux dak li tagħmlu li jgħodd
l-iktar, imma dak li intom bħala nisa kkonsagrati lill-Mulej” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio
ad Sacerdotes, religiosos et religiosas Hiberniae, 1 ta’ Ottubru 1979).
Itolbu sabiex kull Soru, waqt li
tgħix bil-ferħ r-rapport uniku u fidil tagħha ma’ Kristu, issib
fil-konsagrazzjoni tagħha it-twettiq l-iktar għoli tal-propja realtà
karatteristika ta’ mara, kollha mitfugħa għad-donazzjoni tagħha nfisha. Itolbu
b’mod fiduċjuż sabiex kull Istitut ikun jistà jissupera b’mod aġevoli
d-diffikultajiet propji ta’ tkabbir u ta’ perseveranza u sabiex ir-riunjoni
annwali tagħkom tikkontribwixxi għal perfezzjonament dejjem ulterjuri
tal-Kongregazzjonijiet individwali li għalih tappartienu.
Itolbu, fl-aħħarnett, bla ma
taqtgħu għall-vokazzjonijiet reliġjużi: l-ideal tal-ħajja kkonsagrata, don
immens u gratwit ta’ Alla, jeżerċita attrattiva dejjem iktar kbira fuq ħafna
żgħażagħ, estiżi lejn it-twettiq iktar għoli u iktar nobbli.
It-tema magħżula mis-Sagra
Kongregazzjoni għar-Reliġjużi u l-Istituti Sekolari għal-Laqgħa Plenarja li
jmiss: “Id-Dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja reliġjuża”, hija okkażjoni
privileġġjata biex tapprofondixxi l-valur fundamentali tat-talb. Għal dan
il-għan, feħsiebni nindirizza ħsieb ardenti u ta’ barka lis-Sorijiet ta’ ħajja
kontemplattiva, li niżżi ħajr minn qiegħ qalbi għat-talb tagħhom intens u
kostanti, li jikkostitwixxi għajnuna insostitwibbli fil-missjoni
evanġelizzatriċi tal-Knisja.
2. It-tieni eżortazzjoni tiegħi
issa trid tkun stedina biex timpenjaw ruħkom għal xhieda reliġjuża marbuta ma’
żmienna.
Wara s-snin ta’ esperjenza,
indirizzati għall-aġġornament tal-ħajja reliġjuża, skont l-ispirtu tal-Istitut
propju, wasal il-waqt li nivvalutaw b’mod oġġettiv u umli t-tentattivi mwettqa,
biex nagħrfu mill-ġdid l-elementi pożittivi, d-devjazzjonijiet eventwali, u
fl-aħħarnett biex inħejju Regola ta’ ħajja stabbli, approvata mill-Knisja. Li
trid tikkostitwixxi għas-Sorijiet kollha stimolu għal għarfien iktar approfondit
tal-impenji tagħhom u għal fedeltà ferrieħa fl-għixien tagħhom.
L-ewwel xhieda tkun dik ta’
sapport filjali u ta’ fedeltà kostanti lill-Knisja, għarusa ta’ Kristu. Dan
l-irbit mal-Knisja għandu juri ruħu fl-ispirtu tal-Istitut tagħkom u
fid-dmirijiet ta’ apostolat,għaliex il-fedeltà lejn Kristu ma’ tistà qatt
tinfired mill-fedeltà lejn il-Knisja. “Is-sapport ġeneruż u żeluż tagħkom
għall-Maġisteru awtentiku tal-Knisja huwa garanzija għall-fertilità ta’ kull
apostolat tagħkom u għall-interpretazzjoni eżatta tas-sinjali taż-żminijiet”
(Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad religiosas Civitatum Confoederatarum Americae
Septentrionalis, 8 ta’ Ottubru 1979).
B’imitazzjoni ta’ Marija, Verġni
tal-qalb dejjem disponibbli għall-kelma ta’ Alla, għandkom issibu s-serenità
tagħkom interna, il-ferħ tagħkom, fid-disponibiltà għall-kelma tal-Knisja u ta’
dak li Kristu qiegħed bħala l-Vigarju tiegħu fid-dinja.
It-tieni xhieda tkun dik tal-ħajja
komunitarja. Din, infatti, hija element important tal-ħajja reliġjuża; hija
karatteristika li sa mill-oriġni kienet migħuxa mill-persuni reliġjużi, għaliex
l-irbit spiritwali ma jistax joħloq lilu nnifsu, jiżviluppa ruħu u jipperpetwa
ruħu jekk mhux permezz ta’ rapporti ta’ kuljum u mtawlin. Tali ħajja komunitarja,
fil-karità evanġelika, hija marbuta b’mod strett mal-misteru tal-Knisja, li huwa
misteru ta’ komunjoni u ta’ parteċipazzjoni, u ta’ prova tal-konsagrazzjoni
tagħkom lil Kristu. Iddedikaw kull impenn u attenzjoni sabiex din il-ħajja
komunitarja tkun aġevolata u maħbuba, hekk li ssir mezz prezzjuż ta’ għajnuna
reċiproka u ta’ twettiq personali.
Fl-aħħarnett, bħal ma drabi oħra
kelli l-okkażjoni li ngħid, xhieda aħħarija partikolari hija wkoll dik it-tonka
reliġjuża. Fil-fatt, din tikkostitwixxi sinjal evidenti ta’ konsagrazzjoni
totali għall-ideali tas-Saltna tas-Smewwiet, waqt li nikkunsidraw dejjem
iċ-ċirkustanzi kollha meħtieġa, bħal per eżempju dawk tat-tradizzjoni, tad-diversi
oqsma ta’ impenn apostoliku, tal-ambjent, eċċ.; huwa sinjal, ukoll, id-distakk
definittiv tal-interessi umani u terreni biss; huwa wkoll sinjal ta’ povertà
migħuxa u maħbuba b’mod ferrieħ f’abbandun fiduċjuż għall-azzjoni providenti ta’
Alla.
Għeżież Superjuri Ġenerali. Intom
jeħtieġ tassumu d-dmir delikat u kultant diffiċli, imma wkoll tant prezzjuż, li
tippromwovu fost ir-Reliġjużi dak kollu li jistà jikkontribwixxi għall-għaqda
tal-ispirti u tal-qlub. Ħajja fraterna, żeluża u awtentika hija ndispensabbli
sabiex ir-reliġjużi jkunu jistgħu jegħlbu b’mod dejjiemi l-obbligi, it-taħbit u
d-diffikultajiet li tinvolvi ħajja ta’ konsagrazzjoni u ta’ apostolat fid-dinja
tallum.
Id-dmir tagħkom fit-twettiq feliċi
ta’ tali ħajja mxenxla profondament fuq il-valuri evanġeliċi, terġà tilbes
importanza prominenti. L-eżerċizzju tal-awtorità, fi spirtu ta’ servizz u ta’
mħabba lejn is-Sorijiet kollha, huwa dmir vitali, ukoll jekk diffiċli u jitlob
mhux ftit kuraġġ u dedikazzjoni. Is-Superjura għandha d-dmir li tgħin
lir-reliġjuża biex dejjem twettaq b’mod iktar perfett il-vokazzjoni tagħha. Hija
ma tistax taħrab minn dan id-dmir bla dubju diffiċli imma ndispensabbli .
It-twettiq ta’ tali dmir jitlob
talb kostanti, riflessjoni, konsultazzjoni, imma wkoll deċiżjonijiet kuraġġużi,
fil-kuxjenza tar-responsabiltà propja quddiem Alla, għall-Knisja u għall-istess
Reliġjużi li jattendu dan is-servizz. Id-dgħufija bħall-awtoritariżmu
jikkostitwixxu devjazzjonijiet ugwalment ta’ ħsara għall-ġid tal-erwieħ u
għax-xandir tas-Saltna.
3. Waqt li nikkonkludi, nħeġġiġkom
b’imħabba: ikollkom fiduċja. Kunu dejjem qalbiena fid-dedikazzjoni reliġjuża
tagħkom, taqtgħux qalbkom minħabba diffikultajiet eventwali, min-nuqqas ta
persuni, mill-inċertezzi li jistgħu jgħabbu l-futur. La tiddubitawx il-validità
tal-forom ippruvati tal-apostolat fil-qasam tal-edukazzjoni ġovanili, lejn
il-morda, it-tfal, l-anzjani u dawk kollha li jbatu .
Kunu ċerti li l-Istituti tagħkom
jimpenjaw ruħhom sinċerament biex jippromwovu fost ir-Reliġjużi fedeltà ġeneruża
kostanti u dinamika għall-esiġenzi tal-ħajja tagħhom ikkonsagrata, il-Mulej, li
ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ fil-ġenerożità, jibagħtilkom il-mixtieqa
vokazzjonijiet, li intom tistennew għall-miġja tas-Saltna tiegħu.
Attenti għas-suġġerimenti u
għall-kliem tal-Gherf, kif jixraq minn persuni msejħa biex jiżvolġu
responsabiltà għolja ta’ tmexxija, u grazzi lil Alla, flimkien ma’ Ħutkom
kollha, għall-vokazzjoni speċjali li rċivejtu, imxu b’fiduċja serena fit-triq
tal-impenn tagħkom ta’ konsagrazzjoni totali lil Kristu u lill-erwieħ.
Tikkonfortakom u ssostnikom Marija Santissma, Omm.
Miġjub mit-Taljan
għall-Malti minn Emanuel Zarb
|