Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-KLARISSI U L-BAŻILJANI F’CASTEL GANDOLFO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

It-Tlieta, 14 ta’ Awissu 1979

 

Għeżież Ħuti fil-Mulej!

Huwa ferħ kbir għalija u kommozzjoni ħajja li niċċelebra din il-Quddiesa Mqaddsa hawn, magħkom u għalikom, li tgħixu l-eżistenza kontemplattiva tagħkom propju hawn, qrib ir-residenza sajfija tiegħi!

Fost il-persuni kollha li l-Papa jħobb u jqarraeb lejhom, intom bla dubju intom l-iktar prezzjużi, għaliex il-Vigarju ta’ Kristu għandu bżonn estrem tal-għajnuna spiritwali tagħkom u jorbot b’mod speċjali fuqkom, li bħala vokazzjoni divina għażiltu “l-aħjar parti” (Lq 10,42) jiġifieri is-skiet, it-talb, il-kontemplazzjoni, l-imħabba esklussiva ta’ Alla.

Intom ma abbandunajtux lid-dinja sabiex ma jkollkomx is-slaleb tad-dinja jew biex ma tinteressawx ruħkom fil-problemi li jitturmentaw lill-umanità:  anzi! Intom iġġorruhom kollha fil-qalb u fix-xenarju mqalleb tal-istorja intom takkumpanjaw lill-umanità bit-talb tagħkom u bl-ansjetà tagħkom ta’ perfezzjoni u ta’ salvazzjoni.

Għal din il-preżenza tagħkom, moħbija imma awtentika fis-soċjetà, u ferm iktar fil-Knisja, jiena wkoll inħares b’fiduċja lejn idejkom magħquda u nafda liż-żelu tal-karità tagħkom il-missjoni assillanti tal-pontefikat Suprem.

U huwa għażiz għalija li nimmedita magħkom it-tagħlim li l-ħsibijiet, li l-liturġija tallum iġġiegħel tgelgel mill-Kelma ta’ Alla. Li għadna kemm smajna fil-Vanġelu Mqaddes.

1. Ġesù jfakkarna qabel kollox ir-realtà konsolanti tas-Saltna tas-Smewwiet. Il-mistoqsija li l-appostli jagħmlu lil Ġesu hija tassew sintomatika: “Min hu mela l-ikbar fis-Saltna tas-smewwiet?”.

Jidher li kienu ddiskutew bejnniethom, dwar kwestjonijiet ta’ preċedenza, ta’ karriera, ta’ merti, b’mentalità għadha terrena u interessata, riedu jkunu jafu min kien l-ewwel dis-Saltna tas-smewwiet, li dwarha kien dejjem jitkellem l-Imgħallem.

Ġesù Jieħu l-okkażjoni biex jippurifika l-kunċett żbaljat li għandhom l-Appostli u biex jittrasportahom fil-veru kontenut tal-messaġġ tiegħu: is-Saltna tas-smewwiet hija l-Verita feddejja minnu rrivelata; hija l-“grazzja”  jew aħjar il-ħajja ta’ Alla minnu miġjuba lil-umanità mal-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni; hija l-Knisja, Ġismu Mistiku, il-poplu ta’ Alla li jħobbu u jsegwih; u fl-aħħarnett il-glorja eterna tal-ġenna, li għaliha hija msejħa l-umanità kollha.

Ġesù, waqt li jitkellem dwar is-Saltna tas-sema, irid jgħallimna li l-eżistenza umana għandha valur biss fil-prospettiva tal-verità, tal-grazzja u tal-glorja futura. Kollox għandu jkun aċċettat u migħux b’imħabba u għall-imħabba fir-realtà eskatoloġika minnu rrivelata: “Biegħ kull m’għandek u agħti kollox karità’ agħmel ġwielaq li ma jeqdimux, teżor li ma jintemmx fis-smewwiet…” (Lq 12,33). “Kunu lesti biċ-ċinturin ma’ genbejkom u bil-lampi taż-żejt jixegħlu” (Lq 12,35).

2. Ġesù jgħallimna l-mod ġust biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet. Jirrakkonta l-evanġelista San Mattew li “Ġesù sejjaħ ħdejh tfajjel ċkejken, Qiegħdu f’nofshom u qal: “Fis-seewa ngħidilkom; jekk ma tikkonvertux u ssiru bħat-tfal, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk kull min isir żgħir bħal dan it-tfajjel, ikun l-ikbar wieħed fis-saltna tas-smewwiet”” (Mt 18,2-4).

Din hija t-tweġiba xokkanti ta’ Ġesù: biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet il-kundizzjoni ndispensabbli hija li nagħmlu lilna nfusna żgħar u umli bħat-tfal!

Huwa ċar li Ġesù ma jridx jobbliga lin-nisrani biex jibqà f’sitwazzjoni ta’ infantiliżmu perpetwu, ta’ injoranza sodisfatta, ta’ insensibiltà għall-problemi taż-żminijiet. Għall-kuntrarju! Iżda hu jġib lit-tfajjel bħala mudell biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet għall-valur simboliku li t-tfajjel jiġbor fih.

Qabel kollox it-tfajjel huwa nnoċenti, u biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet l-ewwel rekwiżit huwa l-ħajja tal-“grazzja”, jiġifieri l-innoċenza, ritenuta jew miksuba mill-ġdid, l-esklużkoni tad-dnub, li huwa dejjem att ta’ kburija u ta’ egoiżmu.

Fit-tieni post, it-tfajjel jgħix bil-fidi, u bil-fiduċja fil-ġenituri tiegħu u jintelaq b’dispożizzjoni totali lejn dawk li jiggwidawh u jħobbuh. Hekk in-nisrani għandu jkun umli u jitlaq ruħu b’fiduċja totali fi Kristu u fil-Knisja. Il-periklu l-kbir, l-għadu l-kbir huwa dejjem il-kburija, u Ġesù jinsisti fuq il-virtù tal-umiltà, għaliex quddiem l-infinit ma nistgħux inkunu għajr umli, l-umiltà hija verità u hija sinjal ta’ intelliġenza u sors ta’ serenità.

Fl-aħħarnett, it-tfajjel jikkuntenta ruħu bl-affarijiet żgħar, li huma biżżejjed biex jikkuntentawh; suċċess ċkejken, vot sabiħ u meritat, tifħira riċevuta jġegħluh jaqbeż bil-ferħ.

Biex nidħlu fis Saltna tas-smewwiet hemm bżonn li jkollna sentimenti kbar, immensi, universali: imma għandna nkunu nafu nikkuntentaw ruħna bil-ħwejjeġ żgħar, bl-impenji ordnati mill-ubbidjenza, bir-rieda ta’ Alla kif tesprimi ruħha fil-waqt li jtir, fil-ferħ ta’ kuljum offrut mill-Providenza; hemm bżonn nagħmlu minn kull xogħol, għalkemm moħbi u mudest, kapulavur ta’ mħabba u ta’ perfezzjoni.

Hemm bżonn li nikkonvertu għaż-żgħorija biex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet! Ejjew niftakru l-intuwizzjoni ġenjali ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, meta mmeditat il-versett tal-Iskrittura Mqaddsa: “Jekk xi ħadd huwa tassew ċkejken, ħalli li jiġi għandi” (S. Teresa ta’ Lisieux, Pr. 9,4). Skopriet li s-sens taż-“żgħorija” kien bħal lift lì b’iktar għaġġla setà jwassalha għall-quċċata tal-qdusija: “Dirgħajk, o Ġesù, huma l-lift li għandu jgħollini sas-sema! Minħabba dan jien m’għandix affattu bżonn li nsir kbira; anzi għandi bżonn li nibqà żgħira, li nsir hekk dejjem iktar” (S. Teresa ta’ Lisieux, Storia di un’anima, Manoscritto C, cap. X).

3. Fl-aħħarnett, Ġesù jagħtina l-kuraġġ għas-Saltna ta’ Alla. “X’jidhrilkom? – jgħid Ġesù – Jekk raġel għandu mitt nagħġa u tintiliflu waħda ma jħallix jewwilla id-disgħa u disgħin fuq l-għoljiet, biex imur ifittex lil dik mitlufa? U jekk jirnexxilu jsibha, fis-sewwa ngħidilkom, jifraħ biha iktar milli għad-disgħa u disgħin li ma ntilfulux. Hekk ukoll il-Missier tagħkom ċelesti ma jridx li jintiliflu linqas wieħed minn dawn iż-żgħar” (Mt 18,12-14).

Dan huwa kliem drammatiku u konsolanti fl-istess ħin: Alla ħalaq il-bniedem biex jirrendih parteċipi mill-glorja tiegħu u mill-feliċità tiegħu infinita; u minħabba f’hekk riedu ntelliġenti u liberu, “xbiha u xebħ tiegħu”. Sfortunatament nassistu bi dwejjaq għall-inkwinament morali li jħarbat l-umanità, waqt li jiddisprezza b’mod speċjali liċ-ċkejknin, li dwarhom jitkellem Ġesù.

X’hemm bżonn nagħmlu? Nimitaw lir-Ragħaj it-Tajjeb u naħdmu bla heda għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Mingħajr ma ninsew il-karità materjali u l-ġustizzja soċjali, hemm bżonn li nkunu konvinti li l-karità l-iktar sublimi hija dik spiritwali, jew aħjar l-impenn għas-salvazzjoni tal-erwieħ. U l-erwieħ isalvaw bit-talb u bis-sagrifiċċju. Din hija l-missjoni tal-Knisja!

B’mod partikolari intom, klawstrali u erwieħ ikkonsagrati, hemm bżonn li tħossukom bħal Abraham fuq il-muntanja, biex jitlob ħniena u salvazzjoni mit-tjubija nfinità tal-Iktar Għoli! U jkun il-ferħ tagħkom li ssiru tafu li bosta erwieħ isalvaw propju minħabba l-propizzjazzjoni tagħkom.

Għeżież Huti, fl-atmisfera ħelwa u mistika ta’ dan il-Vġili tas-Sollennità tat-Tlugħ ta’ Marija Santissma fis-sema, nafdakom kollha fil-ħsieb matern tagħha u nikkonkludi bil-kliem li Pawlu VI ta’ tifkira meqjuma, kien esprima fil-bidu tal-pontifikat tiegħu: “Il-Madonna tidhrilna llum bħal qatt qabel, bid-dawl tagħha mill-għoli, mgħallma tal-ħajja nisranija. Tgħidilna: għixu sewwa intom ukoll; u kunu afu li l-istess destin antiċipat lili, fis-siegħa li fiha l-mixja temporali tiegħi ingħalqet, ikun għalikom ilkoll f’waqtu… L-Omm Ċelesti tinsab hemm fuq, tarana u testenniena b’ħarsitha tenerissma… Propju għajnejha l-iktar ħelwin jikkuntemplawna b’mod amoruż u b’imħabba materna tinkuraġġina… (Paolo VI, Allocutio, 15 agosto 1963).

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb