Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
KIROTONIA EPISKOPALI
LILL-ARĊISQOF METROPOLITA L-ĠDID
TA’ PHILADELPHIA TAL-UKRANI MONSINJUR MYROSLAW LUBACHIVSKY
OMELIJA TAL-QDUSIJA
TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 12 ta’
Novembru 1979
1. Huwa b’emozzjoni
kbira li ninsab hawn illum fuq l-altar biex inwettaq, flimkien magħkom,
Venerabbli Ħuti, l-att ta’ konsagrazzjoni Veskovili tal- Metropolita l-ġdid ta’
Filadelfia tal-Ukraini.
Ftit ġimgħat ilu, waqt
il-vjaġġ tiegħi fl-Istati Uniti kelli l-ferħ li nżur il-katidral tiegħu ġo
Filadelfia.
Il-laqgħa mal-Arċisqof
elertt u mal-Isqfijiet tal-Provinċja ekkleżjastika ta’ Filadelfia, mas-saċerdoti,
mas-sorijiet u l-fidili li kien inġabru f’numru kbir flimkien mar-Rgħajja
tagħhom, kien għalija ġrajja li għext b’mod profond. Infatti naf mill-qrib l-istorja
tal-Poplu tiegħek u l-istorja tal-Knisja li, magħha ilha marbuta għal sekli. Min
hawn titnissel din il-prontezza tiegħi biex illum inqiegħed idejja, flimkien
magħkom, Venerabbli Ħuti, fuq dak li l-Ispirtu Santu qiegħed isejjaħ
għall-ministeru veskovili. Isejjaħlu fl-istess ħin għall-għaqda mas-Suċċessur ta’
Pietru u mal-Ġerarkija kollha ta’ din il-Knisja, li l-ġerarka l-iktar distint
tagħha huwa il-Venerabilissmu Ħuna l-Kardinal Ġużeppe Slipyi.
2. Allura ppermettili,
Eminenza, li b’mod speċjali nindirizza lilek. Mhux biss l-ulied irġiel u nisa
tal-Poplu tiegħek, imma l-Knisja kollha u d-dinja kontemporanja jafu x-xhieda
tiegħek xejn komuni li, bil-ħajja diffiċli tiegħek u b’mod speċjali
bil-priġunerija ta’ bosta snin, inti tajt lil Ġesù Kristu u lill-Knisja, mwielda
mis-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Dik il-priġunerija ċarrtitek
mill-għażiża Sedja ta’ Lviv, li għaliha kien innominak il-meqjum Predeċessur
tagħna Piju XII. Huwa konsolanti li ninnutaw li illum inti tinsab qribna, meħlus
issa għal ħafna snin, bl-attenzjoni tal-meqjum Predeċessur tiegħi Ġwanni XXIII u
maħtur Kardinal minn Pawlu VI. Tistà, mela, tiddedika ruħek għall-poplu tiegħek,
li għall-ġid tiegħu, skont il-kliem tal-Ittra lil-Lhud, inti kont ordnat (cf. Lh 5,1).
U kontinwament inti
ordnat bħala r-ragħaj li joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (cf. Ġw 10,15),
eżiljat minn dik il-Knisja li, mis-sena 1596, tibqà fl-għaqda mas-Sedja ta’ San
Pietru, waqt li żżomm il-fedeltà propja issa minn kważi 400 sena. Din
il-fedeltà, b’mod partikolari matul l-aħħar sekli, kienet imħallsa u għadha tkun
imħallsa b’sagrifiċċji kbar. Ħajtek ta’ ragħaj tibqà eżempju u prova
partikolari.
3. Nixtieq napprofitta
minn din l-okkażjoni tallum biex nuri l-qima li għandhom għall-Knisja tiegħek
is-Sedja Apostolika u l-Knisja Kattolika kollha. Il-fedeltà mixhuda lil Pietru u
lis-Suċċessuri tiegħu tobligana għal gratitudni speċjali u wkoll għal fedeltà
reċiproka fil-konfront ta’ dawk li jikkonservawha b’tant qawwa u nobiltà
tar-ruħ. Nixtiequ noffru, fil-konfront tagħhom, tribut ta’ verità u ta’ mħabba.
Nixtiequ b’saħħitna kollha nserrħu l-provi ta’ dawk li qegħdin ibatu propju
minħabba l-fedeltà tagħhom. Nixtiequ b’qalbna kollha nassikuraw l-għaqda interna
tal-Knisja tiegħek u l-għaqda mas-Sedja ta’ Pietru.
Ippermettili,
Eminenza, li nindirizza l-istess sentimenti lill-ikkonsagrat l-ieħor.
Il-Metropolita Maxim Hermaniuk ta’ Winnipeg, fil-Kanada, u lill-Rappreżentanti
tal-Ġerarkija tal-Knisja tagħkom hawn preżenti, kif ukoll li nuri l-istima
tiegħi u l-imħabba tiegħi lill-Knisja kollha Ukraina.
4. Ejjew niċċelebraw
l-liturġija ewkaristika tal-konsagrazzjoni fil-jum tat-tifkira ta’ San Gosafat,
isqof u martri, li l-Knisja tagħkom tqim bħala Patrun speċjali. Ir-relikwi
tiegħu, li mill-1963 jinsabu fil-Bażilika ta’ San Pietru, jikkostitwixxu
motivazzjoni ulterjuri għal din il-ġrajja tallum, li fiha r-Ragħaj il-ġdid huwa
assoċjat mal-korp tal-Isqfijiet tal-Knisja tagħkom waqt li jirċievi l-ordinazzjoni
f’Ruma maġemb ir-relikwi martirizzati ta’ dan il-qaddis. Illum il-Knisja
Kattolika kollha flimkien magħkom tqim lil San Ġosafat.
5. U int, Monsinjur
Lubachivsky, bħala r-Ragħaj il-ġdid tal-merħla int imsejjaħ biex tagħti xhieda
lil dik il-fedeltà li tikkostitwixxi parti sewwa mit-tradizzjoni tal-poplu
tiegħek. Bħala Isqof kattoliku, int imsejjaħ biex tkun sinjal tal-istess fedeltà
ta’ Alla lill-patt tiegħu, sinjal tal-imħabba immortali ta’ Kristu lill-Knisja.
Dan huwa l-ministeru
li llum qed jiġi afdat lilek: li toffri bla taqtà lill-fidili l-ħobż tal-ħajja,
li, skont il-kliem tal-Konċilju Vatikan II, huwa meħud mill-mejda sew tal-Kelma
ta’ Alla kif ukoll tal-Ġisem ta’ Kristu (cf. Dei
Verbum, 21).
Iva, permezz tal-kelma
u tas-sagramenti tħaddan il-poplu tiegħek fil-fedeltà tiegħu għall-Vanġelu, u
tiggwidah fit-triq tas-salvazzjoni. Il-kelma ta’ Alla tkun lampa għall-passi
tiegħek u dawl f’mixjietek (cf. Sal 119,105). U l-isforzi pastorali
kollha tiegħek diretti għal dan l-iskop; jiġifieri li l-kelma ta’ Alla tkun in-norma
prattika tal-għixien nisrani, u ġġib frott ta’ ġustizzja u qdusija tal-ħajja
fil-komunità, li fiha tippresiedi u taqdi. Permezz taċ-ċelebrazzjoni
tas-sagrifiċċju ewkaristiku, tkompli ssostni l-poplu fil-ferħ, waqt li
tikkonfermah fil-paċi. Fl-unità u fir-rabta tal-karità. Din, meqjum ħija, hija
missjoni kbira, li fiha tkun werriet u għassies ta’ tradizzjoni kbira, li hija
kattolika u fl-istess ħin Ukraina. Għalhekk fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu,
inħeġġek biex tmur ‘il quddiem fil-kontinwità apostolika u fil-fedeltà fix-xandir
lill-poplu tal-Vanġelu tas-salvazzjoni. Meta terġà lura Filadelfja, nitolbok li
tittrażmetti lill-fidili tiegħek it-tislima kordjali tiegħi u l-barka tiegħi.
6. L-assemblea tallum
tagħna quddiem il-Majjestà ta’ Alla Omnipotenti fit-Trinità Qaddisa tkun
konferma ġdida ta’ din it-triq li fiha tkompli miexja l-Knisja tiegħek u l-Poplu
tiegħek, f’konnessjoni ma’ dan il-milleżmu anniversarju kbir tal-Magħmudija, li
għalih bdejtu l-preparattivi f’din is-sena.
L-imħabba ta’ Alla l-Missier,
il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-komunjoni tal-Ispirtu Santu,
bl-interċessjoni tas-Santissma u Immakulata Omm Kristu, u ta’ San Ġosafat u
tal-Qaddisin kollha tkun magħkom ilkoll.
Amen.
Miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.
|