Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIL-PARROĊĊA 
TA’ SANT' ANNA FIL-VATIKAN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru 1978

 

1.“Vobis... sum episcopus, vobiscum sum christianus” (“Għalikom jiena l-Isqof, magħkom jiena nisrani”). Dan il-kliem ta’ Santu Wistin sab diwi qawwi fit-testijiet tal-Konċilju Vatikan II, fil-maġisteru tiegħu. Dan jiġi f’moħħi propju llum, waqt li qiegħed inżur il-parroċċa ta’ Sant’Anna, parroċċa tal-Belt tal-Vatikan. Infatti din hija l-parroċċa tiegħi. Għandi għamara stabbli fit-territorju tiegħi bħal Meqjuma Predeċessuri tiegħi, u wkoll bħalkom Meqjuma Ħuti Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet, Saċerdoti u intom Ħuti Rġiel u Nisa, koparruċċjani tiegħi. Hawn, f’din il-knisja, nista ntenni, b’mod speċjali, il-kliem li Santu Wistin kien indirizza lill-fidili tiegħu fl-anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali tiegħu: “Sed et vos sustinete me, ut secundum praeceptum apostolicum, invicem onera nostra portemus et sic adimpleamus legem Christi... Ubi me terret quod vobis sum, ibi me consolatur quod vobiscum sum. Vobis enim sum episcopus, vobiscum sum christianus. Illud est nomen officii, hoc gratiae; illud periculi est, hoc salutis”: “Imma intom ukoll sostnuni, għaliex, skont il-pjan tal-Appostlu, inġorru l-piżijiet ta’ xulxin, u hekk inwettqu l-liġi ta’ Kristu… (Gal 6,2). Jekk ibeżżagħni l-fatt li nkun għalikom, jikkonsolani l-fatt li jien magħkom. Għaliex għalikom jiena isqof, magħkom jiena nisrani. Dak huwa isem ta’ dmir, dan grazzja; dak huwa isem ta’ periklu, dan huwa fidwa” (Santu Wistin, Sermo 340, 1: PL 38,1483). 

Infatti, il-verità li kull wieħed u waħda minna – intom, Meqjuma u Għeżież Ħuti, u jien – aħna “nsara” hija l-ewwel sors tal-ferħ tagħna, tal-kburija nobbli u serena, tal-għaqda u l-komunjoni tagħna. 

“Nisrani”: liema tifsira għandha din il-kelma u liema għana tiġbor fiha! Għall-ewwel darba d-dixxipli kienu msejħa nsara f’Antijokja, bħal ma naqraw fl-“Atti tal-Appostli”, meta jiddeskrivu l-ġrajjiet tal-perijodu apostoliku f’din il-belt (At11,26). Insara huma dawk li rċivew l-isem ta’ Kristu, dawk li jġibu fihom il-misteru tiegħu; dawk li jappartienu lilu, bl-umanità kollha tagħhom; dawk li, b’għarfien sħiħ u libertà, “jaċċettaw” li hu jonqox fl-esseri uman tagħhom id-dinjità ta’ wlied Alla. Insara!

Il-parroċċ hija komunità ta’ nsara. Komunità fundamentali.

2. Il-parroċċa Vatikana tagħna hija ddedikata lil Sant’Anna. Kif inhu magħruf, kien il-Predeċessur tagħna Piju XI, bil-Kostituzzjoni Apostolika Ex Lateranensi pacto, fid-data 30 ta’Mejju 1929, li ta fiżjonomija reliġjuża lill-Belt tal-Vatikan: l-Isqof Sagrista, kariga li sa mill-1352 kienet ġiet afdata lill-Ordni ta’ Santu Wostin minn Klement VI, ġie nnominat Vigarju Ġenerali tal-Belt tal-Vatikan; il-knisja ta’ Sant’Anna, diġa minn żmien qabel ikkurata mill-patrijiet diliġenti Agostinjani, ġiet maħtura parroċċa, Il-Qdusija tiegħu Pawlu VI ta’ tifkira meqjuma, imbagħad, bil-Motu Propju Pontificalis domus tat-28 ta’ Marzu 1968, kien elimina t-titolu ta’ “Sagrista”, waqt li ħalla ntatt madankollu d-dmir, li kien ġie miżmum taħt id-denominazzjoni tal-“Vigarju Ġenerali tal-Qdusija Tiegħu għall-Belt tal-Vatikan”.

Għalhekk nixtieq b’mod patern u mill-qalb insellem lill-Vigarju Ġenerali tiegħi u lill-kollaboraturi immedjati tiegħu; lill-Kappillan; lill-Patrijiet ħabrieka, li juru tant dedikazzjoni għall-kura pastorali tal-parroċċa u għad-dekor tad-diversi Kappelli tal-Vatikan; Għar-rel;iġjużi rgiel u nisa l-oħra, li jiżvolġu s-servizz ħabrieki u meritorju tagħhom għas-Santa Sede; lill-parruċċani rġiel u nisa kollha ta’ din il-Komunità singolari. 

3. Kelli xewqa kbira li nżur “il-parroċċa tiegħi” diġa fil-bidu tal-pontifikat tiegħi, bħala waħda minn l-ewwel parroċċi tad-dijoċesi ta’ Ruma. Jien kuntent li dan il-għan intlaħaq propju fiż-żmien tal-Avvent.

Il-figura ta’ Sant’Anna tfakkarna, infatti, fid-dar paterna ta’ Marija, Omm Kristu. Hemm Marija ġiet fid-dinja, waqt li ġabet fiha dak il-misteru straordinarju tal-immakulata konċezzjoni. Hemm kienet imdawra mill-imħabba u l-kura tal-Ġenituri: Ġwakkin u Anna. Kemm “tgħallmet” minn ommha, propju Sant’Anna, kif tkun omm. Ugħalkemm, mill-punt di vista uman, hija kienet irrinunzjat għall-maternità, il-Missier Ċelesti, waqt li aċċetta d-donazzjoni totali tagħha, ippremjaha bil-maternità l-iktar perfetta u l-iktar qaddisa. Kristu, mill-għoli tas-Salib, ittrasferixxa f’ċertu sens il-maternità tal-ġenitriċi tiegħu lid-dixxiplu maħbub, u b’mod ugwali estendiha lill-Knisja kollha, lill-bnedmin kollha.Mela meta bħala “werrieta ta’ din il-wegħda” (cf. Gal 4,28.31) divina, insibu ruħna fir-raġġ ta’ din il-maternità, u meta nħossu mill-ġdid il-profondità u l-milja tagħha, naħsbu allura li kienet propju Sant’Anna l-ewwel waħda li għallmet lil Marija, bintha, kif tkun omm.

 “Anna” fl-Ebrajk tfisser: Alla [suġġett mifhum] tana grazzja”. Waqt li irrifletta dwar din it-tifsira tal-isem ta’ Sant’Anna, hekk mar jesprimi ruħu San Ġwann Damaxxenu: “Ladarba kellu jseħħ li l-Verġni Omm Alla titwieled minn Anna, in-natura ma ssugratx tippreċedi iż-żerriegħa tal-grazzja; imma baqgħet mingħajr il-frott propju għaliex il-grazzja ipproduċiet tagħha. Kellha infatti titwieled dik il-promoġenita, li minnha kellu jitwieled il-primoġenitu ta’ kull krejatura” (San Ġwann Damaxxenu, Serm., VI, “De Nativ. B.M.V.”, 2: PG 96,663).

Waqt li llum ġejna hawn, aħna lkoll, parruċċani ta’ Sant’Anna fil-Vatikan, lejk indawru qlubna u, permezz tiegħek, nirrepetu lil Marija, bint u omm: “Uri ruħek Ommna lkoll, / offri t-talba tagħna, / Kristu jilqagħha bil-qalb, / hu li sar Ibnek”. 

Fit-tieni Ħadd tal-Avvent dan il-kliem donnu jerġà jikseb sinifikat speċjali.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb