Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA MAL-PARTEĊIPANTI TAT-
3ª ASSEMBLEA PLENARJA
TAL-KUNSILL PONTIFIĊJU GĦAL-LAJĊI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Kappella Matilde, 10 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież Ħuti.

Huwa faċli li tfakkar il-ħajja tal-għażiż Monsinjur Marcel Uylenbroeck waqt li tismà l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa. Alla qiegħdu fil-prova, fil-kors ta’ marda bla ħniena, li laqtitu fl-aħjar żmien ta’ ħajtu u fil-waqt li fiha kien qed iwettaq għall-Knisja servizz importanti u apprezzat; huwa aċċetta din il-prova, fil-fidi; huwa offriha wkoll għall-Knisja. Il-Kristu, Sid id-dar, sabu waqt li kien għadu jżomm il-lampa tiegħu tixgħel, il-lampa tal-karità u tat-tama. Alla aċċetta l-olokawst tiegħu. Fil-ħajja, bħal fil-mewt, jgħid San Pawl, aħna tal-Mulej.

Monsinjur Uylenbroeck kien ikkonsagra ħajtu lill-Mulej, intom dan tafuh, b’attenzjoni speċjali għall-evanġelizzazzjoni. Ħa sehem minn ħafna kmieni, bħala lajk, fl-apostolat taż-żgħażagħ tad-dinja tax-xogħol, fil-JOC Belġjana; imbagħad bħala saċerdot, kappillan nazzjonali u mbagħad internazzjonali ta’ dan il-moviment. Meta Pawlu VI innominah Segretarju tal-Kunsill tal-Lajċi, għaxar snin ilu, huwa ġablu mela esperjenza utli biex jifhem il-ħajja tal-lajċi u l-apostolat organizzat tagħhom. U huwa hemm li bosta minnkom, u jien stess, rajnieh jaħdem. Huwa kien jaf jilqà b’rieda tajba l-attivitajiet multiformi tal-assoċjazzjonijiet tal-lajċi, kif ugwalment il-frott tal-ħajja nisranija li fih l-Ispirtu Santu għandu l-parti tiegħu. Kien jgħin lir-responsabbli biex jirriflettu, biex iqabblu l-azzjonijiert tagħhom ma’ dawk tal-oħrajn fil-Knisja universali, mal-orjentamenti tas-Santa Sede u biex japprofondixxu l-mottivi; fl-istess ħin kien jiokkontribwixxi għas-servizz tal-Papa. Dmirijiet li huma l-unur u d-dmir tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi.

Barra minn dan ix-xogħol huwa kompla jinteressa ruħu, fl-istess Ruma u ‘il hemm minnha, miż-żgħażagħ ta’ kull ambjent billi kkonsagra ħinu u saħħtu apostolika biex isabbarhom, fil-kuntatti tiegħu u fil-korrispondenza tiegħu,. Idawwalhom u jwassalhom fuq triq aħjar, waqt li jispirahom għall-Vanġelu.

Flimkien ma’ dawk li bbenefikaw, aħna noffru dan l-isforz, billi nitolbu lill-Mulej li jippremja lil dan il-qaddej tajjeb u li jagħtih id-dawl tiegħu, il-paċi tiegħu, il-ferħ tiegħu, fil-ħajja eterna.

Intom komplejtu dan ix-xogħol b’mod speċjali matul din l-Assemblea ġenerali. Hawn mhux il-post li niżviluppaw dan l-argument, imma, f’kelma waħda, irrid niżżi ħajr u ninkuraġġixxi b’mod ħaj lill-membri u lill-konsulturi tal-Kunsill, uħud minnhom li ġew hawn mill-bogħod, bħal ma lill-persuni kollha li jagħtu ta’ kuljum l-għajnuna tagħhom fl-attività ta’ dan id-Dikasteru. Jiena stess ħadt sehem bħala membru tal-Kunsill – fi żmien mhux wisq imbiegħed – f’tali xogħol ta’ konfront u ta’ riflessjoni. Bħala Papa, norbot fuq il-kontribut tagħkom biex tilluminaw, issostnu, tarmonizzaw id-dinamiżmu tal-lajċi fid-dinja kollha, u biex twasslu, lili u lis-Santa Sede, l-informazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħkom, u b’mod speċjali dawk tal-Assermblea tagħkom.

Il-parroċċi jibqgħu l-postijiet privileġġjati fejn il-lajċi ta’ kull ambjent u ta’ kull assoċjazzjoni jistgħu jingħaqdu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija, speċjalment nhar ta’ Ħadd għat-talb, għall-animazzjoni kateketika, eċċ. Imma huwa mportanti wkoll li jeżistu, f’relazzjoni magħhom, postijiet oħra, ċentri oħra, fuq skala iktar wiesgħa jew għal kuntrarju iktar imnaqqsa, biex jipprovdu għal bżonnijiet speċjali tal-poplu ta’ Alla f’materja ta’ edukazzjkoni, ta’ katekeżi, ta’ għajnuna sanitarja, ta’ promozzjoni soċjali, eċċ. Dawn jippermettu sehem iktar dirett tal-lajkat u azzjoni iktar adegwata. Din kienet preċiżament it-tema tal-Assemblea tagħkom; il-formazzjoni ta’ tali komunitajiet lokali ta’ bażi; jiġifieri li jinkuraġġuhom, billi jiggarantulhom l-awtentiċità evanġelika tagħhom u l-kwalità ekkleżjali tagħhom. Dan huwa ferm importanti għall-vitalità tal-Knisja, għall-inseriment tagħha u x-xhieda tagħha fid-dinja kontemporanja.

Kien ukoll opportun li naraw mill-ġdid il-kriterji tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kattoliċi, u l-istatut tal-assistenti ekkleżjastiċi tagħhom. Ladarba l-irwol tal-lajk, l-irwol tas-saċerdot, ir-rabta mal-Knisja u mal-Masġisteru għandhom ikunu definiti. B’mod speċjali n-nisa għandhom eżattament isibu l-post li għalih huma ntitolati fil-Knisja biex din tkun tistà tibbenefika mir-riżorsi kollha tagħhom ta’ fidi u karità

Ma ninsewx li s-Sinodu li jmiss jiġbed l-attenzjoni tal-Knisja kollha fuq apostolat insostitwibbli: dak tal-familja.

Min-naħa tagħkom, ikkontribwixxu biex tassikuraw li din l-azzjoni kollha tal-lajċi tkun ispirata mill-fidi: dan juri l-importanza tar-reviżjoni tal-ħajja permezz tal-Vanġelu u tat-talb: li hija tkun ispirata mill-fedeltà lejn il-Knisja, mit-tħassib mhux tal-uniformità, imma tal-għaqda, tal-komunjoni; li hija tkun ispirata fuq kollox mit-tama.

Sinjali numerużi – ta’ dan jien xhud fl-Irlanda u fl-Istati Uniti – juru llum ir-riżorsi meraviljużi ta’ fidi u ta’ dinamiżmu nisrani li hemm fil-qalb tal-kontemporanji tagħna, b’mod speċjali taż-żgħażagħ. U wkoll meta dawn is-sinjali jkunu inqas evidenti – jinħtieġ li naħdmu fil-fidi u fis-sabar – aħna nafu madankollu li Alla huwa fidil għall-wegħdiet tiegħu u li se jagħmel li jwasslu l-frott lil dawk li jassumu r-riskju li jibnu ħajjithom fuq il-blata tal-Vanġelu. Kuraġġ tà L-Ispirtu tiegħu ma jonqos qatt lil dawk li jitolbuh, mal-Verġni tal-Pentekoste, u li jagħmlu, bħalha, dak kollu li l-Mulej jgħidilhom. Waqt li nberikkom b’qalbi kollha, nitlob lil Alla li jqawwi t-tama tagħkom. U li hu jagħti l-ferħ etern lil dak li daħal qabilna fid-dar tal-Midssier, Il-ħabib tagħna, Monsinjur Marcel Uylenbroeck.

Amen.  

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb