Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ŻJARA LILL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SANTA MARIJA ADDOLORATA F’VILLA GORDIANI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

I Ħadd tal-Avvent, 9 ta’ Diċembru 1979  

Għeżież fidili!

Kuntent li ninsab fostkom f’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent u li nistà nurikom b’mod personali mħabbti. Irrid l-ewwelnett pubblikament insellem u niżżi ħajr lill-Isqof Awżiljarju ta’ dan is-settur tad-dijoċeżi ta’ Ruma, Monsinjur Ġulju Salimei. Lill-Kappillan Patri Anġlu Emerico Gagliarducci u l-kollaboraturi tiegħu, lir-reliġjużi tal-Ordni tas-Servi ta’ Marija, li, mill-kostituzzjoni tal-Parroċċa f’Jannar 1958, b’żelu infatikabbli qegħdin jieħdu ħsieb din il-Komunità vasta u numeruża.

Imbagħad nindirizza tislima lil dawk li jaħdmu u jagħtu l-aħjar tagħhom għax-xandir tal-Vanġelu, għas-salvazzjoni u l-qdusija tal-erwieħ, għall-għajnuna karitattiva lil dawk fil-bżonn tal-ħobż jew tas-sabar: lir-Reverendi Sorijiet “Pie Operaie dell’Immacolata Concezione”, li b’dedikazzjoni ġeneruża jieħdu ħsieb it-tfal iż-żgħar u dawk tal-iskola elementari; il-Kunsill Pastorali; il-Katekisti numerużi, żgħażagħ u adulti; id-diversi gruppi tal-Azzjoni Kattolika u ta’ esperjenzi ekkleżjali oħra; l-Irġiel u n-nisa tas-“San Vincenzo”; il-gruppi sportivi u l-membri tal-moviment “Terza età”, iddedikat għall-attenzjoni u l-ilqugħ tal-persuni anzjani.

Nestendi it-tislima tiegħi ta’ mħabba lill-familja kbira kollha parrokkjali magħmula minn iktar minn tletin elf persuna! Nixtieq inħaddanhom kollha ma’ qalbi. F’isem Kristu! Nixtieq li lkoll ikunu jafu li huma maħbubin mill-Papa, b’mod speċjali l-morda, il-batuti, id-diżokkupati, iż-żgħażagħ li jgħixu bogħod mill-Knisja u mill-grazzja, il-ġenituri mkwetati minħabba t-tant problemi kumplikati tal-ħajja moderna, dawk kollha li għal xi ħaġa jinsabu emarġinati mill-ħajja parrokkjali.

It-tislima tiegħi hija marbuta b’mod strett mat-talb. Waqt li naħseb fl-abitanti kollha tal-parroċċa, u b’mod partikolari għal dawk iktar impenjati fix-xogħol apostoliku, nistà nirrepeti l-kliem ta’ San Pawl: “Ħuti, nitlob dejjem bil-ferħ għalikom f’kull talba tiegħi, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Vanġelu mill-ewwel jum sallum...” (Fil 1,4-5).

Infatti, l-ewwel dmir tal-Isqof huwa t-talb għal dawk kollha li Alla afdalhom f’din il-Knisja. Għal kull parroċca. Qabel ma jiġi jżurha, huwa jkun, permezz tat-talb, f’kuntatt spiritwali magħha. U wara li jkun wettaq iż-żjara, dan il-kuntatt ikompli b’mod ferm iktar kordjali.

U hawn ippermettuli li, mill-ġdid, nerġà nfakkar il-kliem tal-Appostlu: “Alla huwa xhud tiegħi tal-imħabba profonda li għandi għal kollha kemm intom fl-imħabba ta’ Ġesù Kristu” (Fil 1,8). Dan il-kliem ittrasferit fil-kuntest tal-laqgħa tagħna tallum jixhed li din iż-żjara mhijiex biss obbligu u dmir tas-servizz pastorali, imma qabel kollox hija veru bżonn tal-qalb.

2. Fil-liturġija tal-Ħadd tal-Avvent tallum, li huwa t-tieni ta’ dan il-perijodu, spiss ħafna tiġi ripetuta l-istess kelma li tistedinna, biex ngħidu hekk, biex nikkonċentraw fuqha l-attenzjoni tagħna. Din hija l-kelma: “ħejju”. “Ħejju t-triq tal-Mulej, sewwu l-mogħdijiet tiegħu… kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3,4.6). Smajniha ftit ilu, fil-Vanġelu skont San Luqa, u qabel ukoll fil-kant tal-Alleluja sollenni.

Din il-kelma l-Knisja terġà teħodha llum minn fomm Ġwanni l-Battista. Kien hu li għallem hekk, li ħabbar b’dan il-mod meta l-kelma ta’ Alla niżlet fuqu fid-deżert (cf. Lq 3,2). Huwa laqagħha u “ġera mar-reġġjun kollu tal-Ġordan, waqt li ppriedka magħmudija ta’ konverżjoni” (Lq 3,3). Il-kelma “ħejju” hija l-kelma ta’ konverżjoni – fil-Grieg tikkorrispondiha l-espressjoni “metànoia” –: min hawn wieħed jara li din l-espressjoni tiġi diretta lill-bniedem intern, lill-ispirtu uman.

U b’tali mod hemm bżonn nifhmu l-kelma “ħejju”. Il-lingwaġġ tal-predeċessur ta’ Kristu huwa metaforiku. Huwa jitkellem dwar it-toroq, dwar il-mogħdijiet li hemm bżonn “nidrittaw”, dwar muntanji u għoljiet li għandhom “jitbaxxaew”, dwar irdumijiet li għandhom “jimtlew”, u jiġifieri timla biex tgħolli l-livell b’mod adegwat iktar  għoli; jitkellem fl-aħħarnett dwar postijiet inaċċessibbli biex jiġu mwittija.

Dan kollu bil-metafora: hekk bħallikieku dan hu biex wieħed iħejji l-ilqugħ ta’ mistieden partikolari li trid twittilu t-triq, li għalih trid tirrendi aċċessibbli l-pajjiż, tagħmlu attraenti u dehen li jkun invistat. Hekk bħal ma, per eżempju, it-Taljani rrendew attraenti u denji li jkunu nvistati mit-turisti u mill-pellegrini tad-dinja kollha r-reġġjuni muntanjużi u blatija ta’ Pajjiżhom.

Issa din il-metafora splendida ta’ Ġwanni, li fiha jidwi l-kliem tal-profeta kbir Iżaija li kien irrifera għall-pajsaġġ tal-Palestina, tesprimi dak li hemm bżonn isir fir-ruħ, fil-qalb, fil-kuxjenza biex nirrenduhom aċċessibbli għall-Mistieden Suprem: għal Alla, li għandu jiġi fil-lejl tal-Milied u għandu jasal imbagħad b’mod kontinwu fil-bniedem u finalment jasal għal kull wieħed u waħda minna fi tmiem il-ħajja u għal kulħadd fi tmiem id-dinja.

3. Dan huwa s-sinifikat tal-kelma “ħejju” fil-liturġija tallum. Il-bniedem f’ħajtu, iħejji b’mod kostanti għal xi ħaġa. L-omm tħejji ruħha biex iġġib fid-dinja it-tarbija u tipprovdi għaliha d-diversi ħwejjeġ meħtieġa, mill-pramm sal-ħrieqi; it-tifel u t-tifla, minn meta jibdew jiffrekwentaw l-iskola, jafu li ta’ kuljum jeħtieg li jħejju ruħhom għal-lezzjonijiet.

L-għalliema wkoll iridu jħejju ruħhom biex ikunu jistgħu jżommuhom sewwa. L-istudent iħejji ruħu għall-eżamijiet. L-għarajjes iħejju ruħhom għaż-żwieġ. Is-seminarista jħejji ruħu għall-ordinazzjoni saċerdotali. Bniedem sportiv iħejji ruħu għall-kompetizzjonijiet tiegħu. Kirurgu għall-operazzjonijiet. U l-bniedem marid iħejji ruħu għall-mewt.

Minn dan wieħed jara li aħna ngħixu billi dejjem inħejju ruħna għal xi ħaġa. Ħajjitna kollha hija tħejjija ta stadju fi stadju, minn jum għal jum, minn dmir għall-ieħor.

Meta l-Knisja, fil-liturġija tallum tal-Avvent, tirripeti s-sejħa ta’ Ġwanni l-Battista mxandra fuq il-Ġordan, trid li din il-“ħejju” kollha minn jum għal jum, minn stadju għal stadju, li tikkostitwixxi l-pjan kollu tal-ħajja, aħna nimlewha bit-tifkira ta’ Alla. Ladarba, wara kollox, inħejju ruħna għal-laqgħa tagħna miegħu. U ħajjitna kollha fuq l-art għandha s-sens definittiv u l-valur tagħha meta għal dik il-laqgħa inħejju ruħna b’mod kostanti u konsistenti. “Jiena persważ – jikteb San Pawl lill-Filippin – li dak li beda fik din l-opra tajba, iwassalha għat-twettiq sal-jum ta’ Kristu” (Fil 1,6). Din l-“opra tajba” bdiet f’kull wieħed u waħda minna diġa fil-waqt tat-tnissil tagħna, fil-waqt tat-twelid, għaliex ġibna magħna fid-dinja l-umanità tagħna u d-“doni kollha tan-natura” li lilha jippartienu. Iktar minn hekk din l-“opra tajba” bdiet f’kull wieħed u waħda minna bil-Magħmudija, meta sirna wlied Alla u werrieta tas-Saltna tiegħu. Hemm bżonn niżviluppaw din l-“opra tajba” minn jum għal jum b’perseveranza u b’fiduċja sal-aħħar, “sal jum ta’ Kristu”. B’dan il-mod il-ħajja kollha ssir koperazzjoni mal-Grazzja u ssir maturazzjoni għal din il-milja li Alla stess jistenna minna.

Kull wieħed u waħda minna, infatti, nixbħu lill-bidwi li dwaru jitkellem is-Salm tallum. “Min jiżra fid-dmugħ / jaħsad bil-ferħ, / Fil-mawrien, imur u jibki, / waqt li jieħu ż-żrieragħ li jrid jixħet, / imma meta jerġà lura jiġi bil-ferħ / waqt li jġorr il-qatgħet tiegħu” (Sal 126,5-6).

4. Hekk nisfurzaw li naraw li ħajjitma kollha, hija kollha avvent. U propju għalhekk hija “nteressanti” u jixraq li tkun migħuxa fil-milja tagħha, hija denja tal-fatt li nħolqot xbiha u xebħ ta’ Alla: f’kull vokazzjoni, f’kull sitwazzjoni, f’kull esperjenza.

Għalhekk elokwenza u attwalità partikolari jakkwista l-kliem tal-Appostlu tat-tieni qari tal-Liturġija tallum: “Nitlob dejjem bil-ferħ għalikom f’kull talba tiegħi, minħabba l-koperazzjoni tagħkom fit-tixrid tal-Vanġelu minn l-ewwel jum sa issa u jien persważ li dak li beda  fikom din l-opra tajba, se jwassalha għat-twettiq tagħha sal jum ta’ Ġesù Kristu. Alla huwa xhud tiegħi tal-imħabba profonda li għandi għal kulħadd fl-imħabba ta’ Kristu Ġesù. U għalhekk nitlob li l-karità tagħkom tistagħna dejjem iktar fl-għarfien u f’kull ġeneru ta’ dixxerniment, sabiex tkunu tistgħu tiddistingwu dejjem aħjar u tkunu integri u bla ħtija għall-jum ta’ Kristu, imfawrin b’dak il-frott tal-ġustizzja li jinkiseb permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u t-tifħir ta’ Alla” (Fil 1,4-6).

Hekk hu. Minħabba f’hekk nitlob u għal dan se nkompli nitlob, wara din iż-żjara, għal kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħuti, u għal kulħadd, u għall-parroċċa kollha ta’ Santa Marija Addolorata f’Gordiani.

Nixtieq iżda nirrakkomanda wkoll għat-talb tagħkom b’mod partikolari tliet intenzjonijiet speċjali:

– Nirrakkomandalkom is-sehem fil-Quddiesa festiva. Intom insara, u għalhekk tħallu qatt barra l-Quddiesa. Il-laqgħa ma’ Ġesù u mal-komunità parrokkjali hija dmir, imma għandha tkun ukoll pjaċir u konsolazzjoni vera u komplu dan is-sehem bit-Tqarbin Imqaddes! U ejjew nitolbu wkoll il-grazzja li jkollna Knisja denja u suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-parroċċa.

– Nirrakkomandalkom it-tagħlim reliġjuż. Jiena nieħu gost b’mod ħaj li l-katekeżi tkun hekk organizzata, b’metodu u serjetà, u ninkuraġġixxi l-opra ntelliġenti u  indefatigabbli tas-saċerdoti tagħkom lejn il-kategoriji kollha tal-persuni. L-istruzzjoni reliġjuża issir dejjem iktar b’attenzjoni minnkom.

– Nirrakkomanda fl-aħħarnett liż-żgħażagħ. Agħmlu mod li huma jkunu jistġħu jiġu segwiti, mgħejjuna, imdawla, interessati, maħbuba, mitfugħa lejn idejali kbar, fosthom ukoll dak tal-vokazzjoni saċerdotali, reliġjuża, missjunarja. Ejjew noffru t-talb tagħna u l-intenzjonijiet tagħna lill-Madonna Addolorata, hawn meqjuma b’tant devozzjoni, u lilha nitolbu l-qawwa, il-kuraġġ, l-għajnuna li nkunu dejjem insara konvinti u konsistenti.

Nawguralkom tħejjija tajba għall-festa tal-Milied. Nawgura kull gid għar-ruħ u għall-ġisem. Nawgura l-paċi tal-kuxjenza. Nawgura l-grazzja tal-Avvent.

Il-Mulej huwa fil-qrib.

 

Migjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb