Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

SOLENNITÀ TAL-IMMAKULATA KONCEZZJONI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore
Is-Sibt, 8 ta’ Diċembru 1979

 

1. Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali… fi Kristu. Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisin u immakulati quddiemu” (Ef 1,3-4).

F’dan il-kliem tal-ittra lill-Efesin SanPawl jideskrivi l-immaġni tal-Avvent. U din hi ta’ dak l-Avvent etern li l-bidu tiegħu jinsab f’Alla nnifsu “qabel il-ħolqien tad-dinja”, ladarba diġa “il-ħolqien tad-dinja” kien l-ewwel pass tal-miġja ta’ Alla lill-bniedem, l-ewwel att tal-Avvent. Id-dinja viżibbli kollha, infatti, kienet maħluqa għall-bniedem, bħal ma jiċċertifika l-ktieb tal-Ġenesi. Il-bidu tal-Avvent f’Alla huwa l-proġett etern tiegħu ta’ ħolqien tad-dinja u tal-bniedem, proġett imnissel mill-imħabba. Din l-imħabba turi ruħha bl-għażla eterna tal-bniedem fi Kristu, Verb inkarnat.

“Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisin u immakulati quddiemu”.

F’dan l-Avvent etern hija preżenti Marija. Fost il-bnedmin kollha, li l-Missier għażel fi Kristu, hija kienet b’mod speċjali u eċċezzjonali, ladarba kienet magħżula fi Kristu biex tkun Omm Kristu. U hekk hi, aħjar minn kwalunkwè ieħor fost il-bnedmin “ippredestinati mill-Missier” għad-dinjità ta’ wliedu maskili u femminili addottivi, kienet predestinata b’mod speċjalissmu “għat tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu”, li l-Missier “tana” fih. Ibnu l-għażiż (cf. Ef 1,6).

Il-glorja sublimi tal-grazzja speċjalissma tiegħu kellha tkun il-maternità tal-Verb Etern. Fir-rigward ta’ din il-Maternità, hija kisbet fi Kristu wkoll il-grazzja tal-Immakulata Konċezzjoni. B’dan il-mod Marija daħlet f’dak l-ewwel Etern Avvent tal-Kelma, imħejji mill-Imħabba tal-Missier għall-ħolqien u għall-bniedem.

2. It-tieni Avvent għandu karattru storiku. Dan jitwettaq fiż-żmien bejn il-waqgħa tal-ewwel bniedem u l-Miġja tar-Redentur. Il-liturġija tallum tirrakkontalna wkoll dwar dan l-Avvent, u turi kif Marija sa mill-bidu ddaħħlet fih, Infatti meta  wera ruħu l-ewwel dnub, bil-mistħija mhux mistennija tal-proġenituri, allura Alla wkoll irrivela għall-ewwel darba lir-Redentur tad-dinja, waqt li ħabbar ukoll lil Ommu. Dan seħħ permezz tal-kliem, li fih it-tradizzjoni tara “il-proto-Vanġelu”, jiġifieri kważi l-embrijun u l-aħbar bil-quddiem tal-Vanġelu stess, tal-Aħbar it-Tajba.

Hawn hu l-kliem: “Jiena nqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha: dan jisħaqlek rasek u int tgħattanlu għarqubu” (Ġen 3,15).

Dan hu kliem misterjuż. Madankollu, bil-karattru arkajku tiegħu, dan jirrivela l-futur tal-umanità u tal-Knisja. Tali futur jidher fil-prospettiva ta’ ġlieda bejn l-Ispirtu u d-dlamijiet, dak li “hu qarrieq u missier il-gideb” (Ġw 8,44), u Iben il-Mara, li għandu jiġi f’nofs il-bnedmin bħala “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6).

B’dan il-mod, Marija hija preżenti f’dak it-tieni Avvent storiku sa mill-bidu. Hija mwiegħda flimkien ma’ Binha. U hija wkoll ma’ Binha mistennija. Il-Messija-Emmanuel (Alla magħna) huwa mistenni bħala Bin il-Mara, Bin l-Immakulata.

3. Il-miġja ta’ Kristu tikkostitwixxi mhux biss it-twettiq tat-tieni Avvent, imma fl-istess ħin ukoll ir-rivelazzjoni tat-tielet Avvent definittiv. Mill-fomm tal-Anġlu Gabriel, li Alla jibgħat lil Marija ġo Nażżaret, hija tismà l-kliem li ġej: “Hekk hu, inti tnissel iben, twelldu u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir u jissejjaħ Bin l-l-iktar Għoli… u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem…” (Lq 1,31-33).

Marija hija l-bidu tat-tielet Avvent, għaliex minnha jiġi fid-dinja Dak li jwettaq dik l-għażla eterna, li dwarha qrajna fl-ittra lill-Efesin. Waqt li jwettaqha, jagħmel minnha l-fatt kulminanti tal-istorja tal-umanità. Jagħtiha l-forma konkreta tal-Vanġelu, tal-Ewkaristija, tal-Kelma u tas-Sagramenti. Hekk dik l-għażla eterna tippenetra l-ħajja tal-erwieħ umani u l-ħajja ta’ din il-komunità partikolari, li tissejjaħ Knisja.

L-istorja tal-familja umana u l-istorja ta’ kull bniedem jimmaturaw skont il-kejl tal-ulied maskili u femminili ta’ addozzjoni għall-opra ta’ Ġesù Kristu. “Fih sirna wkoll werrieta, billi konna predestinati skont il pjan ta’ Dak, li kollox jagħmel b’mod effikaċi konformi mar-rieda tiegħu” (Ef 1,11).

Marija hija l-bidu ta’ dak it-tielet Avvent u tibqà kontinwament fih, dejjem preżenti “bħal ma esprima b’mod meraviljuż il-Konċilju Vatikan II fit-tminn kapitlu tal-Kostituzzjoni dwar il-Knisja (Lumen Gentium). Kif it-tieni Avvent joqrob lejn Dik, li Binha kellu “jisħaq ras is-serp”, hekk it-tielet Avvent ma jitbiegħedx minnha, imma kontinwament jippermettilna li nibqgħu fil-preżenza tagħha, qrib tagħha. Dak l-Avvent huwa biss l-istennija tat-twettiq definittiv taż-żminijiet, u huwa fl-istess ħin iż-żmien tal-ġlieda u tal-kuntrasti, f’kontinwazzjoni ta’ dik il-previżjoni oriġinarja: “Inqajjem gwerra bejnek u bejn il-Mara…” Ġen 3,15).

Id-differenza tikkonsisti fil-fatt li l-Mara hija diġa magħrufa b’isimiha. Hija l-Immakulata Konċezzjoni. Hija magħrufa għall-verġinità tagħha u għall-maternità tagħha. Hija Omm Kristu u Omm il-Knisja, Omm Alla u  tal-bnedmin. Marija tal-Avvent tagħna.

4. Waqt il-laqgħa mal-Kardinali, li saret fil-bidu ta’ Novembru li għadda, kienet espressa x-xewqa li nafdaw lill-Omm Alla l-Kulleġġ Sagru u l-Knisja kollha, waqt li nqegħduhom taħt il-protezzjoni tagħha.

Bil-qalb kollha nilqà u nimmarka dak l-vot li ntwera, waqt li ninterpreta s-sentimenti komuni. Jien stess inħoss l-bżonn profond li nkun ubbidjenti għall-istedina assoluta diġa sa mill-bidu fil-proto-Vanġelu stess: “Inqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara”. Fl-epoka diffiċli tagħna m’aħniex forsi xhieda ta’ dik il-“gwerra”. X’nistgħu nagħmlu iktar, x’aktar nistgħu nixtiequ jekk mhux dak kollu li jistà jgħaqqadna ma’ Kristu, Bin il-Mara?

L-Immakulata hija l-Omm tal-Iben tal-Bniedem. O Omm tal-Avvent tagħna, kun magħna u agħmel li hu jibqà magħna f’dan l-Avvent diffiċli tal-ġlied għall-verità u għat-tama, għall-ġustizzja u għall-paċi: Huwa biss, l-Emmanuel!

 

Migjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb