Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

ĊELEBRAZZJONI  EWKARISTIKA FIL-BAŻILIKA TA’ SANTA MARIA MAGGIORE

OMELIJA Tal-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Diċembru 1978

 

1. Waqt li għall-ewwel darba bħala l-Isqof ta’ Ruma nirfes l-għatba tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, tidher quddiem għajnejja l-ġrajja li għext hawn, f’dan il-post, fil-21 ta’ Novembru 1964. Kien l-għeluq tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, wara l-proklamazzjoni sollenni tal-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja li tibda bil-kliem: “Lumen Gentium” (dawl il-ġnus). Fl-istess jum il-Papa Pawlu VI kien stieden lis-Santi Padri konċiljari biex jinġabru propju hawn, fl-iktar tempju Marjan meqjum ta’ Ruma, biex jesprimu l-ferħ u l-gratitudni għall-opra mitmuma f’dak il-jum. 

Il-Kostituzzjoni Lumen Gentium hija d-dokument ewlieni tal-Konċilju, dokument “muftieħ” tal-Knisja ta’ żmienna, ġebla tax-xewka tal-opra kollha tat-tiġdid li l-Vatikan II impenja ruħu u li tagħha ta d-direttivi. 

L-aħħar kapitolu ta’ din il-Kostituzzjoni jġib it-titolu: “Il-Beata Verġni Marija Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja”. Pawlu VI, waqt li f’dik l-għodwa fil-Bażilika ta’ San Pietru kien tkellem, bil-ħsieb fiss dwar l-importanza tad-dutrina espressa fl-aħħar kapitolu tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium, sejjaħ għall-ewwel darba lil Marija “Omm il-Knisja”. Sejħilha hekk b’mod sollenni, u beda jsejħilha b’dan l-isem, b’dan it-titolu, imma b’mod speċjali biex jitlobha sabiex tieħu sehem bħala Omm fil-ħajja tal-Knisja: ta’ din il-Knisja li tul il-Konċilju kienet fehmet b’mod l-iktar profond in-natura propja tagħha u l-missjoni propja tagħha. Biex jenfasizza din l-espressjoni, Pawlu VI, flimkien mas-Santi Padri tal-Konċilju, kien ġie hawn, fil-Bażilika ta’ Santa Marij Maggiore, fejn Marija għal tant sekli hija mdawra minn qima u mħabba speċjali, taħt it-titlu ta’ “Salus Populi Romani”. 

2. Waqt li nsegwi l-passi ta’ dan il-kbir Predeċessur tiegħi, li għalija kien tassew missier, ukoll jien ġejt hawn. Wara l-att sollenni fi Piazza di Spagna, li t-tradizzjoni tagħha tmur lura għall-1856, jien niġi hawn wara stedina kordjali li saritli mill-Eminentissmu Arċipriet ta’ din il-Bażilika, il-Kardinal Confalonieri, Dekan tal-Kulleġġ Sagru, u mill-Kaptolu kollu. 

Naħseb iżda li, flimkien miegħu, jistednuni hawn il-Predeċessuri kollha tiegħi fil-katedra ta’ San Pietru: il-Qaddej ta’ Alla Piju XII, il-Qaddej ta’ Alla Piju IX; il-ġenerazzjonijiet kollha tar-Rumani; il-ġenerazzjonijiet kollha tal-insara u l-Poplu kollu ta’ Alla. Huma donnhom jgħiduli: Mur, Onora l-misteru kbir moħbi sa mill-eternità, f’Alla nnifsu. Mur, u agħti xhieda lil Kristu Feddej tagħna, iben Marija! Mur, u ħabbar dan il-waqt partikolari; fl-istorja l-waqt ta’ bidla tal-fidwa tal-bniedem. 

Tali punt deċciżiv fl-istorja tal-fidwa huwa propju l-“Immakulata Konċizzjoni”. Alla fl-imħabba eterna tiegħu għażel sa mill-eternità l-bniedem: għażlu f’Ibnu. Alla għażel il-bniedem, sabiex ikun jistà jilħaq il-milja tat-tajjeb permezz tas-sehem f’ħajtu stess: ħajja divina, permezz tal-grazzja. Għażlu sa mill-eternità, u b’mod irriversibbli. La d-dnub oriġinali, la l-istorja kollha tal-ħtijiet personali u tad-dnubiet soċjali ma setgħu jiddisswadu l-Missier etern minn dan il-pjan tiegħu ta’ mħabba.  Ma setgħux jannullaw l-għażla tagħna fl-Iben etern, Verb konsustanzjali mal-Missier. Għalkemm din l-għażla kellha tieħu l-forma fl-Inkarnazzjoni, u għalkemm l-Iben ta’ Alla kellu jsir bniedem għall-fidwa tagħna, propju minħabba dan il-Missier etern għażel għalih, fost il-bnedmin, l-Omm. Kull wieħed minna jsir bniedem għaliex imnissel u mwieled mill-ġuf matern. Il-Missier etern għażel l-istess triq għall-umanità ta’ Ibnu etern. Għażel lill-Omm mill-poplu, li lilu għal sekli afda b’mod partikolari l-misteri u l-wegħdiet tiegħu. Għażilha min-nisel ta’ David u fl-istess ħin mill-umanità kollha. Għażilha minn nisel irjali, imma fl-istess ħin minn fost in-nies foqra. 

Għażilha sa mill-bidu, sa mill-ewwel waqt tat-tmissil, waqt li għamilha denja tal-maternità divina, li għaliha fiż-żmien stabbilit kellha tkun imsejħa. Għamilha l-ewwel werrieta tal-qdusija tal-propju Binha. L-ewwel fost il-mifdija minn demmu, irċevut minn għandha, waqt li nitkellmu b’mod uman. Irrendiha immakulata fl-istess waqt tal-konċepiment. 

Il-Knisja kollha llum tikkuntempla l-misteru tal-Immakulata Kunċizzjoni u tifraħ. Dan huwa jum partikolari taż-żmien tal-Avvent. 

3. Tifraħ b’dan il-misteru l-Knisja Rumana u jien, bħala Isqof ġdid ta’ din il-Knisja, qed nieħu sehem għall-ewwel darba f’tali ferħ. Għalhekk xtaqt daqshekk li niġi hawn, f’dan it-tempju, fejn għal sekli Marija ilha tiġi meqjuma bħala “Salus Populi Romani”. Dan it-titolu, din l-invokazzjoni ma jgħidulniex jewwilla li l-fidwa (“salus”) hija b’xi mod wirt singolari tal-Poplu Ruman (“Populi Romani”)? Mhijiex jewwilla din il-fidwa li Kristu ġibilna u li Kristu jġibilna b’mod kontinwu, huwa biss? U Ommu, li propju bħala Omm, kienet b’mod eċċezzjonali, “iktar eċċezzjonali” (Pawlu VI, Credo), mifdija minnu, Binha, mhijiex jewwila hija wkoll – minnu, Binha – msejħa, b’mod iktar ċar, sempliċi u qawwi fl-istess ħin, biex tieħu sehem fil-fidwa tal-bnedmin, tal-Poplu Ruman, tal-umanità kollha kemm hi? Biex twassalna lkoll għand il-Feddej. Biex nagħtu xhieda tiegħu wkoll mingħajr kliem, bl-imħabba biss li fiha dak li jkun jesprimi “il-ġenju tal-omm”. Biex tressaq saħansitra lil dawk li jopponu b’reżistenza maġġura, li fihom huwa iktar diffiċli li jemmnu fl-imħabba; li jqisu lid-dinja bħala poligonu kbir “ta’ ġlied kontra kulħadd” (kif esprima ruħu wieħed mill-filosfi tal-imgħoddi). Biex tressaq lil kulħadd – jiġifieri kull wieħed u waħda minna – lejn Binha. Biex tirrivela l-primat tal-imħabba fl-istorja tal-bniedem. Biex tħabbar ir-rebħa finali tal-imħabba. Ma taħsibx forsi l-Knisja f’din ir-rebħa, meta llum tfakkarna l-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi: “Dan (in-nisel tal-mara) jgħaffeġ ras is-serp” (cf.Ġen 3,15)? 

4. “Salus Populi Romani”! 

L-Isqof il-ġdid ta’Ruma jirfes u jidħol ‘il ġewwa mit-tarġa tat-tempju marjan tal-Belt Eterna, konxju mill-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, li jippenetra l-qalb ta’ kull bniedem, li qed jieħu sehem fl-istorja tal-umanità u wkoll fir-ruħ tal”poplu Ruman”. Dan huwa dak li jgħidilna l-Konċilju f’dan ir-rigward: “L-istorja kollha umana hija nfatti minfuda minn glieda tremenda kontra l-qawwwiet tad-dlamijiet; ġlieda mibdija sa mill-oriġni tad-dinja, li se tibqà, bħal ma jgħid il-Mulej, sal-aħħar jum. Imdeffes f’din il-battalja, il-bniedem irid jikkumbatti bla waqfien biex ikun jistà jibqà magħqud mat-tajjeb, linqas ma jistà jikseb l-għaqda nterna tiegħu jekk mhux bi prezz ta’ taħbit kbir, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla” (Gaudium et Spes, 37). 

U għalhekk il-Papa
fil-bidu tas-servizz tiegħu episkopali fil-katedra ta’ San Pietru f’Ruma, 
jixtieq jafda lill-Knisja b’mod speċjali 
lil Dik li fiha twettqet l-istupenda 
u totali rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, 
tal-imħabba fuq il-mibegħda, 
tal-grazzja fuq id-dnub; 
ta’ Dik li dwarha Pawlu VI qal 
li hija, “il-bidu tad-dinja aħjar”, 
lill-Immakulata. 
Jafdalha lilu nnifsu, 
bħala qaddej tal-qaddejja, 
u lil dawk kollha li huwa jaqdi, 
u lil dawk kollha li miegħu jaqdu. 
Jafdalha il-Knisja Rumana, 
bħala mpenn 
u bidu tal-Knejjes kollha tad-dinja, 
fl-għaqda tagħhom universali. 
Jafdahomlha u joffrihomla bħal propjetà tagħha! 

“Totus tuus ego sum 
et omnia mea tua sunt. Accipio. 
Te in mea omnia!”: 
Jien kollni tiegħek, 
u dak kollu li għandi huwa tiegħek. 
Kun int il-gwida tiegħi f’kollox. 

B’dan l-att sempliċi u fl-istess ħin sollenni ta’ offerta l-Isqof ta’ Ruma, Ġwanni Pawlu II, jixtieq mill-ġdid għal darb’oħra jasserixxi s-servizz tiegħu lill-Poplu ta’ Alla, li ma jistà jkun xejn iktar ħlief l-imitazzjoni umli ta’ Kristu u ta’ Dik, li dwarha stess stqarret: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38). 

Ħa jkun dan l-att sinjal ta’ tama, bħal ma jum ta’ tama huwa l-jum tal-Immakulata Konċezzjoni fuq l-isfond tal-jiem kollha tal-Avvent tagħna. 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb