Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

XXI ĠURNATA TAL-FERROVIERE

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħamis, 8 ta’ Novembru 1979 

 

Onorevoli Sinjur Ministru,
Sinjur Direttur Ġenerali,
Tekniċi u Ħaddiema tal-Ferroviji tal-Istat,
Għeżież Huti Rġiel u Nisa!

1. Huwa b’ferħ kbir u sodisfazzjon li llum ninsab fostkom biex niċċelebra l-“Jum tal-Ferroviere”, li jiġi ffesteġġjat kull sena fil-Kompartimenti ferrovjarji tal-Italja, bħala tifkira ta’ dak l-imbiegħed 3 ta’ Ottubru 1839, meta kienet inawgurata l-ewwel ferrovija Taljan minn Napli għal Portiċi. Bħal ma kkonfermawli x-xewqat tax-xhieda mismugħa, din hija festa tal-familja, li matulha jiġu mogħtija l-medalji u d-diplomi tal-anzjanità, medalji tal-unur u tal-mertu lil dawk li weġġgħu minħabba s-servizz, kif ukoll ċertifikati lill-familjari tal-mibkija li mietu fuq ix-xogħol.

Niżżi ħajr minn qalbi lill-Omorevoli Ministru Luigi Preti għall-kliem li ndirizzali; niżżi ħajr ukoll lid-Direttur Ġenerali tal-Ferroviji tal-Istat u lir-tappreżentanti tal-Istaff għal-laqgħa li offrewli, waqt li nterpretaw is-sentimenti ta’ dawk kollha preżenti, u waqt li enfasizzaw attivitajiet, sagrifiċċji, aspettattivi, tamiet tal-kategorija kollha tagħkom ta’ min ifaħħarha.

Li tkun preżenti f’dan il-post, għal din il-laqgħa flimkien magħkom, bħala ħabib u bħala missier, fil-“jum” iddedikat lilkom, hija ċirkostanza li jiena nniżżel fost l-iktar important tal-ministeru pastorali tiegħi. Huwa għal tali raġuni li tant hija sensittiva u ħajja r-rikonoxxenza tiegħi lilkom ilkoll, diriġenti, impjegati u ħaddiema, li stedintuni għal ċerimonja hekk sinifikattiva u għanja b’sentimenti umani u soċjali.

Tassew, waqt li naħseb dwar in-numru kbir tagħkom u dwar l-ispirtu tipiku li jiddistingwikom u jidentifikakom fost il-klassijiet tas-soċjetà, jien nqiskom bħala familja waħda. Lilkom ilkoll hawn preżenti. Lill-kollegi li għal għonq ix-xibka tal-Peniżola kollha jsegwu, f’dan il-waqt, il-festa waqt li jkomplu xogħlhom, tmur it-tislima, l-awgurju, l-istima tal-Papa, bl-assikurazzjoni li lkoll huma preżenti fit-talb u fl-intenzjonijiet tiegħu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni. Tislima partikolari – kif  wiħed jistà jifhem – nindirizzaha wkoll lill-ferrovieri li ġew għal din iċ-ċirkostanza mill-Polonja. Waqt li fihom inħaddan lill-kollegi kollha tagħhom li jaħdmu f’Art Twelidi.

Kemm drabi f’ħajti jien wkoll ibbenefikajt mill-opra hekk prezzjuża u ndispensabbli tal-ferrovieri! Kemm drabi affdajt, seren u fiduċjuż, lili nnifsi għall-ħila tagħkom u għad-diliġenza tagħkom, ċert li se nasal fid-destinazzjoni tiegħi! Mela, mhux biss f’ismi. Imma wkoll f’isem kull vjaġġatur u f’isem il-komunità kollha, li tagħmel użu mis-servizz tagħkom, ilqgħu, għeżież ferrovjarji, it-tislima l-iktar kordjali tiegħi, is-sodisfazzjon tiegħi, il-gratitudni tiegħi!

2. Fis-smigħ tal-indirizzi, li ġew indirizzati lili, l-ewwel ħaġa li tidher quddiem għajnejna huwa mekkaniżmu tal-għaġeb kbir u preċiż: Hemm servizz  kollu, fih innifsu ntegrat u sussidjarju ta’ kapistazzjoni, kapitreni, makkinisti, kondutturi, kontrolluri, gwardalinji, devjaturi, frenaturi, manovali, staff vjaġġanti, ħaddiema tal-manutenzjoni, amministraturi, funzjonarji, eċċ. Warajkom imbagħad jidher organiżmu jew mekkaniżmu daqstant ieħor kumpless u preċiż: id-dinja tal-linji, tad-devjaturi, tad-dwal, tal-magni u tal-vaguni, tal-istazzjonijiet u s-sottostazzjonijiet, taċ-ċentrali u tal-iskambji, tad-diżpożittivi u tas-senjalazzjoni, eċċ. X’mixja mill-magna tal-istim antika sal-meravilji tal-mekkaniżmi elettroniċi moderni!

Dan kollu frott tal-ħsieb uman u tal-“providenza” umana, fis-sens ta’ dik l-“antiċipazzjoni” intelliġenti, li għaliha l-bniedem, skont San Tumas, huwa providenza għalih innifsu. Fil-fatt, il-konkwisti msemmija fis-settur ferrovjarju jaqdu lill-bniedem: jiffaċilitaw bejniethom l-ispostamenti, il-komunikazzjonijiet u l-kuntatti, li huma ndispensabbli għal ħajjithom ta’ azzjoni.

Fl-imgħoddi ma kienx jeżisti dan il-mezz important ta’ komunikazzjoni, li huwa rejalizzazzjoni li tmur lura għall-ewwel għaxriet tas-seklu l-ieħor: minn mija u ħamsin sena, grazzi għall-“providenza” umana, għandna għad-dispożizzjoni l-ferrovija, li hekk saret wieħed mill-ħafna sinjali tal-ġenju uman u component ordinarju tal-ħajja ta’ kuljum. Ħalluni ngħid sempliċement: dan il-mezz ta’ komunikazzjoni issa jagħmel parti miċ-ċiviltà u jappartieni b’mod inseparabbli lilha, grazzi wkoll għall-perfezzjonament tal-magni u tas-servizzi. Huwa minnu li llum diġa ġie “superat” minn mezzi oħra – naħsbu biss dwar l-avjazzjoni – bdanakollu ma tilifx is-sinifikat fundamentali tiegħu.

Waqt li nħares lejn din l-opra tal-“providenza” umana, jiġifieri lejn l-invenzjoni, lejn l-attività li tinfirex lejn skop wieħed, hekk hu li għandna quddiem għajnejna dik ix-xbiha tal-Providenza Divina, li jagħtina l-Vanġelu tallum: l-interess għal nagħġa mitlufa, għal drakma mitlufa. Il-waħda u l-oħra tissimboliġġja l-interess għall-bniedem, għall-ġid materjali u spiritwali tiegħu, temporali u etern. Dan huwa l-istess interess li għandkom intom, lejn il-vjaġġaturi, bnedmin bħalkom, ħutkom. Għalhekk nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom li tkunu tafu ssibu mill-ġdid din il-forma ta’ servizz lill-bniedem li hi l-ferrovija, postha, il-“miżura nterna” tagħha  f’dan is-servizz li dwaru jitkellem il-Vanġelu tallum.

Il-“providenza” umana hija mera u xbiha tal-“Providenza Divina”, u minnha tiġi.

Dan kollu jiddependi bla dubju mill-effiċjenza teknika, imma, fl-aħħar minn l-aħħar, jiddependi mill-bniedem. Minn kull bniedem, li, skont dan il-mezz tat-teknika, jservi lill-bnedmin l-oħra.

Hawn hi, Ħuti, “il-verità tal-Mulej li jibqà għal dejjem”, ibbażata kif inhi fuq il-fatt li aħna l-bnedmin, ħajjin hawn isfel, għandna Missier komuni li jinsab fis-sema. Paternità ta’ Alla u mħabba ta’ Alla, fraternità tal-bnedmin u mħabba tal-bnedmin: dawn huma l-punti kardinali tal-kredu tagħna u tal-imġieba nisranija tagħna. Hekk għallimna Ġesù għoxrin seklu ilu, hekk jirrepeti llum il-Vigarju umli tiegħu..

3. Dan il-bniedem, li dwaru qiegħed nitkellem, jappartieni għal komunità partikolari, għal familja kbira. Din hija l-familja kbira tal-“ferrovjieri”, li llum tiċċelebra l-festa tagħha.

Il-ħajja tal-ferrovier, billi hija mmirata għas-servizz u allura, ordnata għall-ġid komuni tal-familja kbira umana, tiżvolġi ruħha b’mod talment organizzat, biex tibni “komunità professjonali” vera u propja. Liema liġijiet morali – ngħid il-liġijiet tal-morali personali, soċjali u professjonali – għandhom imexxu tali komunità, sabiex din tkun tistà twettaq id-dmir kbir li huwa mpost fuqha, u tiżvolġi dik il-“parti” li hi mistennija minnha fit-twettiq tal-ġid komuni? Xinhu meħtieġ, sabiex din tmexxi lilha nfisha skont il-prinċipji tal-ordni soċjali u tal-koperazzjoni?

Tkun ħaġa twila wisq biex nelenkaw hawn tali regoli: għalhekk se nillimita ruħi li nfakkar il-kriterji fundamentali li għandhom jispirawha skont id-dawl tal-Vanġelu. Intom sensibbli u esiġenti fit-termini tal-ġustizzja: huwa għal qalbkom il-post tax-xogħol, is-sikurezza tax-xogħol (sabiex ma jinqalgħux l-imwiet, li tant spiss, din is-sena wkoll, jolqtu b’mod doloruż lill-familja kbira tagħkom), il-protezzjoni tad-drittijiet tagħkom, ir-rispett reċiproku bejn il-persuni, l-eliminazzjoni tal-atti arbitrali.

Huma , dawn, eżempji oħra li fihom il-preċett tal-imħabba jistà jkun invokat b’mod pożittiv, b’difiża u bi twettiq tal-istess norma tal-ġustizzja, li, mill-bqija, bħal ma hi stampata minn Alla fil-qalb tal-bniedem, hekk issib fil-Vanġelu milja superjuri. Fih, infatti, l-ġustizzja tinsab fil-quċċata tal-virtujiet morali, bħala regolatriċi tar-rapporti mhux biss ma’ Alla, imma wkoll mal-bnedmin u magħhom infushom,  sa ma tilħaq il-qasam iktar għoli tal-fidi u tal-grazzja, biex teżalta ruħha f’karità. Jien b’mod profond konvint, u rrid nittama, Ħbieb u Ħuti, li intom taqblu miegħi, fl’insostnu li fedeltà koerenti mal-valuri primarji tal-karità u tal-ġustizzja skont il-Vanġelu hija kura estremament effikaċi għall-problemi ħżiena qodma u ġodda tas-soċjetà umana: meta dawn il-valuri jkunu rrispettati, ma jinqalà qatt dak li qrajna ftit ilu f’San Pawl, li jiġifieri  tiġġudika lil ħuk, u li tiddisprezzah (cf. Rm 14,10).

4. Il-Papa jiġi biex jieħu sehem f’din il-festa kbira tal-“ferrovieri”, biex jawguralkom dan kollu. Imma fuq kollox jixtieq ikun għalikom dak li jesprimi l-gratitudni kbira li għandhom iżommu ħajja fil-konfront tagħkom dawk kollha li intom taqdu: il-pubbliku vjaġġanti, dak li jieqaf fl-istazzjonijiet ferrovjarji, il-kummerċ, it-turiżmu, li jiġu aġevolati mix-xibka ferrovjarja. Irrid illum inkun l-interpretu ta’ din il-“grazzi”, li titlà lejn il-ferrovjarji Taljani u lejn dawk tad-dinja kollha..

U f’isem kulħadd, hawn illum, nonora ix-xogħol tal-ħajja tal-ferrovieri: lill-ispostamenti kontinwi tagħhom, lill-orarji żvantaġġjati u notturni tagħhom, lill-perikli, lill-ansjetajiet, li jgħaddu minnhom ukoll il-familji tagħhom. U għalhekk nindirizza wkoll il-ħsieb tiegħi lill-għeżież tagħkom, lin-nisa tagħkom, lil uliedkom li jinsabu fil-quċċata ta’ ħsibijietkom u li għalihom tissaportu ix-xogħol iebes ta’ kuljum. Għidulhom li l-Papa jaħseb fihom, iberikom u jitlob għalihom.

5. L-aħħar ħsieb ssuġġerituli mill-ġdid ħajjitkom. L-ivvjaġġar kontinwu mhuwiex jewwilla xbiha ta’ vaġġ, li jgħaqqadna lkoll? Mhix jewwilla l-ħajja ta’ kull bniedem fuq l-art linja, vjaġġ, passaġġ, li jinkludi punt ta’ tluq u punt ta’ wasla? Iva, kull wieħed u waħda minna aħna vjaġġaturi skont xbiha magħrufa; u l-ħaġa mportanti – kif ukoll ifakkar l-isem tal-istazzjon ewlieni ta’ Ruma – huwa li naslu b’mod feliċi fit-“terminu” tal-ġirja tagħna, waqt li nikkonservaw, skont il-kliem ta’ San Pawl, il-fidi għaliha, lesti li nirċievu l-premju mingħand il-Mulej (cf. 2Tm 4,7-8).

Din ix-xbiha tal-mixja tikkostitwixxi l-ħajja stess tal-Knisja, li timpenja ruħha biex taqdi hawn isfel lill-bniedem b’mod integru, biex tgħaddih mid-dinja sa għand Kristu, s’għand Alla, sal-ħajja eterna. Fl-ivvjaġġar tagħna hija raġuni tassew konsolanti li nżommu preżenti dak li s-Salm Responsorjali tal-Quddiesa tallum iġegħlna nirreċtaw: “Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi, minn xiex għandi nibżà? Il-Mulej huwa d-difiża ta’ ħajti, quddiem min għandi nitwerwer?” (Sal 27,1). Hawn hu għaliex kelmti ssir awgurju sinċier u kordjali. Għaliex kull wieħed u waħda minnkom għandkom qawwa biżżejjed u l-grazzja meħtieġa biex ma titilfu qatt minn quddiem għajnejkom il-punt finali tal-mixja u, speċjalment, għaliex tistgħu tilħquh. Din hija t-tama mħeġġa tagħna, mill-bqija, hija diġa minn issa kapaċi tanima u ssostni l-impenn ta’ kuljum tagħna, li fih hemm moħbija mhux biss l-istennija, imma wkoll diġa l-esperjenza ta’ komunjoni ferrieħa ma’ Alla.

6. Għeżież ħuti, intom illum stedintu hawn, għal din il-festa tagħkom, li hija fl-istess ħin professjonali, soċjali u familjari, lill-Isqof ta’ Ruma. F’nofs il-ħanut waqqaftu l-Artal, sabiex hu jkun jistà jiċċelebra fuqu s-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Mela, xi tridu turu b’dan kollu? Bla dubju l-fidi tagħkom fl-Ewkaristija? Fiha, infatti, aħna “niżżu ħajr” lil Alla għal kull ġid tal-ħolqien u tal-fidwa, u fl-istess ħin aħna “nirritornaw” dan il-ġid lilu permezz ta’ Kristu, sabiex huma jsiru għalina, għal kull wieħed u waħda minna, sors ta’ salvazzjoni.

Propju dan illum irrid nagħmel hawn magħkom. Bħala nsara, intom poplu speċjali, “saċerdozju rjali” (1Pt 2,9), li bih illum jippreżenta quddiemkom l-Isqof u s-Saċerdot, biex jgħolli lejn Alla, “in persona Christi”, dak kollu li jagħmel parti minn ħajjitkom, mill-vokazzjoni tagħkom, mix-xogħol tagħkom.

Dan jispeċifika: noffru lil Alla! Hekk huwa possibbli magħtu lix-xogħol tagħna il-valur l-iktar sħiħ, li jirritorna lejkom bħallikieku irritornat mill-frott li jiġi minn dan is-Sagrifiċċju, li s-sinjal tiegħu hija l-“komunjoni”, jiġifieri l-għaqda stretta ma’ Kristu u bejnietna, li hija s-sikurezza tal-ħajja eterna.

Nafda dawn il-wegħdi lil Marija Santissma sabiex tassistikom u tipproteġikom f’kull inkarigu tagħkom, imma b’mod speċjali fil-vjaġġ lejn Alla, skop u destinazzjoni aħħarin tal-bniedem. Amen!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.