Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU Fl-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

FIL-KATIDRAL TA’ SAN MATTEW F’ WASHINGTON

Is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 1979

 

Illum il-Madonna tgħidilna: “Jien il-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont dak li għidtli” (Lq 1,38).

B’dan il-kliem hija tesprimi dak li kien l-atteġġjament fundamentali ta’ ħajjitha: il-fidi tagħha! Marija emmnet! Hija afdat fil-wegħdiet ta’ Alla u kienet fidila għar-rieda tiegħu. Meta l-Anġlu Gabriel ħabbar li hija kienet intgħażlet biex tkun  l-Omm tal-Iktar Għoli, hija qalet il-“fiat” tagħha b’umiltà u b’libertà sħiħa: “Isir minni dak li għidtli”. 

Forsi l-iktar deskrizzjoni sabiħa ta’ Marija u, fl-stess ħin l-ikbar ġieħ lilha, kienet it-tislima ta’ kuġinitha Eliżabetta: “Imbierka dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej” (Lq 1,45). Infatti dak li l-iktar ikkaratterizza l-fidi tagħha kienet din il-fiduċja kontinwa fil-providenza ta’ Alla. 

Ħajjitha kollha fuq din l-art kienet “pellegrinaġġ ta’ fidi” (cf. Lumen Gentium, 58). Hija wkoll bħalna imxiet fid-dell waqt li ttamat fil-ħwejjeġ li ma jidhrux. Hija kienet taf il-kontradizzjonijiert ta’ din il-ħajja terrena. Kienet irċeviet il-wegħda li Binha kellu jkollu t-tron ta’ David, imma t-twelid tiegħu linqas ġo lukanda ma sar. Minkejja dan, Marija emmnet. L-Anġlu kien qalilha li binha kellu jissejjaħ Bin Alla; imma hi kient ratu kkalunjat, ittradut, ikkundannat, mitluq waħdu biex imut bħal ħalliel fuq is-salib. Ukoll f’dak il-waqt Marija “emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej” (Lq 1,45) u li “xejn mhu  mpossibbli għal Alla” (Lq 1,37). 

Din il-mara ta’ fidi, Marija ta’ Nazzaret, l-Omm ta’ Alla, ingħatatilna bħala mudell fil-pellegrinaġġ ta’ fidi tagħna. Minn Marija nitgħallmu biex nintelqu għar-rieda ta’ Alla fil-ħwejjeġ kollha. Minn Marija nitgħallmu li jkollna fiduċja wkoll meta kull tama tidher li għabet. Minn Marija nitgħallmu nħobbu lil Kristu, Binha u Bin Alla. Għaliex Marija mhijiex biss Omm Alla, hija hi wkoll Omm il-Knisja. F’kull stadju tal-mixja twila tul il-kors tal-istorja il-Knisja kienet sostnuta mit-talb u l-protezzjoni tal-Verġni Marija.  L-Iskrittura Mqaddsa u l-esperjenza tal-fidili jaraw f’Omm Alla lil dik li hija magħquda mal-Knisja b’mod speċjali fil-waqtiet l-iktar diffiċli tal-istorja meta l-attakki fuq il-Knisja jsiru iktar minaċċużi. 

Preċiżament fil-perijodi li fihom Kristu, u allura l-Knisja tiegħu, ipprovokaw kontradizzjoni internazzjonali, Marija tidher b’mod partikolari qrib il-Knisja, għaliex għaliha l-Knisja hija dejjem il-favorita ta’ Kristu. 

Mela inħeġġiġkom fi Kristui Ġesù, biex tkomplu tħarsu lejn Marija bħala l-mudell tal-Knisja, bħala l-aqwa eżempju tad-dixxipulat ta’ Kristu. Tgħallmu minnha biex tkunu dejjem fidili, biex temmnu fit-twettiq tal-kelma ta’ Alla għalikom, u li xejn mhu mpossibbli għal Alla. Duru dspiss lejn Marija fit-talb tagħkom għaliex “qatt ma nstamà fid-dinja li xi ħadd inxteħet taħt il-patroċinju tagħha, talab l-għajnuna tagħha, talab il-protezzjoni tagħha, u sab ruħu abbandunat”. 

Bħal sinjal kbir li deher fis-sema, Marija tiggwidana u ssostnina fil-pellegrinaġġ tagħna, waqt li tistimolana lejn “ir-rebħa li tirbaħ id-dinja, il-fidi tagħna” (1Ġw 5,5). 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.