Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Chicago, Grant
Park
IL-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru 1979
Ħuti f’Ġesù Kristu.
1. Il-qari
taċ-ċelebrazzjoni tallum iqegħduna minnufih quddiem il-misteru tal-vokazzjoni
tagħna ta’ nsara. Qabel ma telà s-sema, Ġesù ġabar id-dixxipli tiegħu madwaru u
spjegalhom għal darb’oħra s-sinifikat tal-missjoni tiegħu tas-salvazzjoni: “Hekk
hemm miktub – qal -: il-Kristu għandu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum.
F’ismu jiġu pprdtkati lill-ġnus kollha il-konversjoni u l-maħfra tad-dnubiet” (Lq 24,46-47).
Filwaqt li fih infired mill-Appostli tiegħu huwa kkmandahom, u permezz tagħhom
lill-Knisja kollha, u lil kull wieħed u waħda minna, biex inmorru u nwasslu
l-messaġġ tar-redenzjoni lill-Ġnus kollha. San Pawl jesprimi dan il-ħsieb
b’qawwa fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin: Huwa afda lilna l-ministeru
tar-rikonċiljazzjoni, Aħna mela meta niffunzjonaw bħala ambaxxaturi għal Kristu,
bħallikieku Alla iħeġġeġ permezz tagħna” (2Kor 5,18-20).
Mill-ġdid għal
darb’oħra, il-Mulej jintroduċina fil-misteru tal-umanità, umanità li tinħtieġ
is-salvazzjoni. U Alla ried li din is-salvazzjoni tal-umanità titwettaq permezz
tal-umanità ta’ Kristu, li għalina miet u tqajjem mill-imwiet (cf. 2Kor 5,15),
u li afdalna l-missjoni feddejja tiegħu. Iva, aħna tassew “ambaxxaturi ta’
Kristu” u ħaddiema għall-evanġelizzazzjoni.
Fl-Eżortazzjoni
Apostolika Evangelii
Nuntiandi, li kiteb fuq xewqa tat-Tielet Assemblea ġenerali
tas-Sinodu tal-Isqfijiet il-predeċessur tiegħi fuq il-Katedra ta’ San Pietru,
Pawlu VI, stieden lill-poplu kollu ta’ Alla biex jimmedita dwar id-dmir
fundamentali tal-evanġelizzazzjoni. Huwa stieden lil kull wieħed u waħda minna
biex neżaminaw lilna nfusna b’liema mod stajna nkunu xhieda tal-messaġġ
tal-fidwa, b’liema mod stajna nikkomunikaw lill-oħrajn il-Bxara t-Tajba li
rċivejna minn Ġesù permezz tal-Knisja.
2. Hemm xi
kondizzjonijiet meħtieġa jekk irridu nieħdu sehem fil-missjoni
tal-evanġelizzazzjoni tal-Knisja. Illum wara nofsinhar nixtieq nenfasizza b’mod
partikolari waħda minn dawn il-kondizzjonijiet. Irrid nitkellem dwar l-unità
tal-Knisja, l-unità tagħna f’ Ġesù Kristu. Ippermettuli nirrepeti dak li Pawlu
VI kien jgħid dwar l-unità: “It-testment spiritwali tal-Mulej jgħidilna li
l-unità bejn is-segwaċi tiegħu mhijiex biss il-prova li aħna tiegħu, imma wkoll
li huwa hu l-mibgħut tal-Missier, kriterju tal-kredibiltà tal-insara u
tal-istess Kristu… Iva, ix-xorti tal-evanġelizzazzjoni hija bla ebda dubju ta’
xejn marbuta max-xhieda tal-unità mogħtija mill-Knisja” (Pawlu VI, Evangelii
Nuntiandi, 77).
Jiena mbuttat biex
nagħżel dan l-aspett partikolari tal-evanġelizzazzjoni waqt li nħares lejn
l-eluf ta’ rġiel u nisa li nara miġburin madwari kuljum. Meta ngħolli ħarsti,
nara fikom il-poplu ta’ Alla, magħqud fil-kant ta’ tifħir lill-Mulej u
fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika. Jiena nara wkoll il-poplu kollu tal-Amerika,
nazzjon iffurmat minn ħafna popli: “E pluribus unum”.
3. Fl-ewwel żewġ sekli
tal-istorja Nazzjonali tagħkom, intom wettaqtu mixja twila, dejjem għar-riċerka
ta’ ġejjieni aħjar, ta’ stabbiltà sikura, ta’ dar. Intom imxejtu “mill-baħar
għal baħar tal-għaġeb” biex issibu l-identità tagħkom, biex tiskopru lil xulxin
għal għonq it-triq u biex issibu postkom f’dan il-Pajjiż immens.
L-antenati tagħkom
waslu minn Pajjiżi differenti wara li qasmu l-oċean biex hawn jiltaqgħu ma’
popli ta’ komunitajiet differenti li kienu stabbilew ruħhom fil-Pajjiż.
Il-proċess irripeta ruħu f’kull ġenerazzjoni: gruppi ġodda jaslu, kull wieħed bi
storja differenti, u jissetilja hawn billi jsir parti ta’ xi ħaġa ġdida.
L-istess process ikompli meta l-familji jispostjaw ruħhom min-Nofsinhar
għat-Tramuntana, mil-Lvant għall-Punent. Kull darba jaslu bil-passat tagħhom
f’belt ġdida jew raħal, biex isiru parti minn komunità ġdida. Il-mudell itenni
ruħu kontinwament:: “E pluribus unum”: ħafna jiffurmaw komunità ġdidaa
4. Iva, xi ħaġa ġdida
inħolqot kull darba. Intom ġibtu magħkom kultura differenti u kkontribwejtu
għall-bini kollu bil-għana partikolari distint tagħkom; intom għandkom
esperjenzi differenti u dawn qegħdtuhom flimkien biex għaqqadtuhom mal-oħrajn,
biex toħolqu l-industrija, l-agrikoltura u l-kummerċ; kull grupp ġab miegħu
il-valuri umani differenti propji u daħħalhom mal-oħrajn għall-għana tan-nazzjon
tagħkom. “E pluribus unum”: intom sirtu identità ġdida, poplu ġdid, li n-natura
vera tiegħu ma tistax tiġi spjegata b’mod adegwat bħas-sempliċi sovrapposizzjoni
tad-diversi komunitajiet.
Għalhekk, waqt li
nħares lejkom, jiena nara poplu li ħiet flimkien id-destin tiegħu u issa jikteb
storja komuni. Minkejja d-differenza tagħkom, intom iddeċidejtu li taċċettaw lil
xulxin, kultant b’mod imperfett u wkoll sal-punt li tissuġġettaw lil xulxin għal
tipi differenti ta’ diskriminazzjoni: kultant wara biss perjodu twil ta’
inkompensjoni u ta’ ċaħda; ukoll jekk issa għaddejjin tiżviluppaw sens ta’ feħim
u tal-apprezzament tad-differenzi reċipoċi. Fl-espressjoni ta’ gratitudni
għall-barkiet numerużi li rċivejtu intom issiru wkoll attenti għad-dmir ta’
partiċipazzjoni, ta’ mħabba, ta’ servizz. Bħala poplu, intom tagħrfu f’Alla
is-sors tal-bosta barkiet tagħkom u tinfetħu għal imħabbtu u għal-liġi tiegħu.
Din hija l-Amerika
fl-ideal tagħha u fid-deċiżjoni tagħha: “nazzjon, taħt Alla, indiviżibbli,
b’libertà u ġustizzja għal kulħadd”. Hekk kienet ikkonċeputa l-Amerika: dan huwa
dak li hi kienet imsejħa biex tkun. U għal dan kollu aħna ngħidu grazzi
lill-Mulej.
5.Imma hemm ukoll
realtà oħra li jiena nara meta naħseb fikom. Din hija realtà ukoll iktar
profonda, u iktar esiġenti, tal-istorja komuni u tal-għaqda li intom bnejtu
mill-għana ta’ wirtkom etniku u kulturali differenti, dak il-wirt li intom issa
b’mod ġust tridu tagħrfu u tippreservaw. L-istorja ma tintemmx fil-progress
materjali, fil-konkwista teknoloġika, jew ukoll biss fl-iżviluupp kulturali.
Waqt li miġburin hawn madwar l-altar tas-sagrifiċċju biex taqsmu l-Ħobż
tal-Ewkaristija Mqaddsa mas-Suċċessur ta’ Pietru, intom qed tirrendu ruħkom
xhieda ta’ din ir-realtà profonda: tal-għaqda tagħkom bħala membri tal-poplu ta’
Alla.
“Aħna, minkejja li
aħna ħafna, aħna ġisem wieħed fi Kristu” (Rm 12,5). Il-Knisja wkoll hija
magħmula minn ħafna membri u mogħnija bid-diversità ta’ dawk li jiffurmaw
komunità waħda ta’ fidi u ta’ magħmudija, il-ġisem uniku ta’ Kristu. Dik li
tlaqqagħna u tagħmel minna wieħed biss hija l-fidi tagħna, il-fidi waħda u
apostolika. Aħna lkoll wieħed, għaliex aċċettajna lil Ġesù Kristu bħala l-Iben
ta’ Alla, ir-Redentur tar-razza umana, l-uniku Medjatur bejn Alla u l-bniedem.
Bis-sagrament tal-Magħmudija ġejna tassew inkorporati fi Kristu msallab u
gglorifikat, u permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu sirna l-membri ħajjin ta’
ġismu uniku. Kristu tana s-Sagrament tal-għaġeb tal-Ewkaristij, li bih tiġi
murija u effettwata b’mod kontinwu u pperfezzjonata l-għaqda tal-Knisja.
6. “Mulej wieħed, fidi
waħda, Magħmudija waħda” (Ef 4,5), b’dan il-mod aħna lkoll marbutin
flimkien, bħala l-Poplu ta’ Alla, il-ġisem ta’ Kristu, f’għaqda li tmur ‘il hemm
mid-diversità tal-oriġni, il-kultura, l-edukazzjoni u l-personalità tagħna,
f’għaqda li ma teskludix id-diversità għanja tal-ministeri u tas-servizzi. Ma’
San Pawl nipproklamaw: “Ladarba, bħal f’ġisem wieħed għandna bosta membri u dawn
il-membri m’għandhomx l-istess funzjoni, hekk ukoll aħna, minkejja li aħna ġisem
wieħed fi Kristu, u kull wieħed għall-parti tiegħu aħna membri għal xulxin” (Rm 12,4-5).
Jekk mela l-Knisja,
il-ġisem wieħed ta’ Kristu, trid tkun is-sinjal li jingħaraf b’mod neċessarju
tal-messaġġ evanġeliku, il-membri kollha tagħha jridu juru fil-kliem ta’ Pawlu
VI, dik l-“armonija u qawwa ta’ duttrina, ta’ ħajja u ta’ kult li tikkaraterizza
l-ewwel jiem tal-eżistenza tagħha (Pawlu VI, Esortazione
Apostolica sulla riconciliazione nella Chiesa, 2), meta l-insara
“kienu regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna,
fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2,42).
L-għaqda tagħna
fil-fidi għandha tkun sħiħa, jekk ma rridux ma nibqgħux nagħtu xhieda
għall-Vanġelu u milli nkunu evanġelizzaturi. L-ebda komunità ekkleżjali ma tistà
mela taqtà l-irbit tagħha mat-teżor tal-fidi kif inhu pproklamat mill-missjoni
tat-tagħlim tal-Knisja, għal dan il-“Magisterium” li kien afdat b’mod speċjali
minn Kristu, id-depożitu tal-fidi. Ma’ Pawlu VI niddikjara din il-verità kbira:
“Ukoll jekk tradott fil-lingwi kollha, dan il-kontenut m’għandu jkun la
affettwat u linqas imbiċċer; ukoll jekk imlibbes bis-simboli propji ta’ kull
poplu… għandu jibqà l-kontenut tal-fidi kattolika, bħala l-Maġisteru ekkleżjali
li rċeviet u li tittrażmetti” (Pawlu VI, Evangelii
Nuntiandi, 65).
7. Fl-aħħarnett, u fuq
kollox, il-missjoni tal-evanġelizzazzjoni li hija tiegħi u tagħkom, għandha tkun
imwettqa permezz ta’ xhieda kontinwa u diżinteressata għall-għaqda tal-imħabba.
L-imħabbau l-qawwa li tiftaħ il-qlub għallkrelma ta’ Ġesù u għsar-Redenzjoni: l-imħabba
hija l-uniku sies tar-relazzjonijiet umani li rridu nirrispettaw f’kulħadd id-dinjità
ta’ wlied Alla maħluqin xbiha tiegħu u salvati mill-mewt u l-qawmien mill-imwiet
ta’ Ġesù; l-imħabba hija l-unika qawwa ġebbieda li timbuttana biex nagħmlu
komuni ma’ ħutna rġiel u nisa dak kollu li aħna u li għandna.
L-imħabba hija l-istimulu
qawwi li jwelled id-djalogu, li fih nisimgħu lil xulxin u nitgħallmu b’mod mutwu.
L-imħabba tqajjem, fuq kollox, id-djalogu tat-talb li fih nisimgħu l-kelma ta’
Alla, li huwa ħaj fil-Bibbja Sagra u ħaj fil-ħajja tal-Knisja. Ejjew mela
nagħmlu li l-imħabba tibni il-pontijiet bejn ix-xtut tagħna differenti u kull
tant kontrastanti. Ejjew nagħmlu li l-imħabba reċiproka u l-imħabba għall-verità
jkunu t-tweġiba għall-polarizzazzjoni, meta jiffurmaw ruħhom fazzjonijiet
minħabba veduti differenti fi ħwejjeġ li jirrigwardaw il-fidi jew
il-prijoritajiet li jwasslu għal azzjonijiet prattiċi. Ħadd fil-komunità
ekkleżjali m’għandu qatt iħossu aljenat, jew mhux maħbub, ukoll meta jqumu
tensjonijiet fil-kors tal isforzi komuni biex nwasslu li jiffruttifika l-Vanġelu
fis-soċjetà tagħna. L-għaqda tagħna bħala nsara, bħala kattoliċi, għandha dejjem
tkun li nħobbu f’Ġesù Kristu Sidna.
Fi ftit minuti oħra
aħna se niċċelebraw l-għaqda tagħna billi nġeddu s-sagrifiċċju ta’ Kristu. Kull
wieħed u waħda se jippreżenta rigal differenti x’joffri f’għaqda mal-offertà ta’
Ġesù: id-dedikazzjoni għall-miljorament tas-soċjetà; l-isforzi biex nikkonslaw
lil dawk li jbatu; ix-xewqa li nagħtu xhieda għall-ġustizzja; l-intenzjoni li
naħdmu għall-paċi u għall-fratellanza; il-ferħ ta’ familja magħquda jew it-tbatijiet
tal-ġisem u tal-moħħ. Rigali differenti, iva, imma kollha magħqudin fl-uniku
rigal kbir tal-imħabba ta’ Kristu u tas-Sagrifiċċju tiegħu.
U issa fil-forza u
fil-qawwa, fil-ferħ u fil-paċi ta’ din l-għaqda sagra, aħna mill-ġdid nimpenjaw
ruħna għal darb oħra bħala poplu magħqud li nesegwixxu il-Kmandament ta’ Sidna
Ġesù Kristu: morru u għallmu l-Vanġelu tiegħi lill-Ġnus kollha. Bil-kelma u
bl-eżempju agħtu xhieda lil ismi. U hekk hu jiena magħkom dejjem, sa tmiem id-dinja.
Bħal sinjal kbir li
deher fis-sema, Marija tiggwidana u ssostnina fil-pellegrinaġġ lejn “ir-rebħa li
tirbaħ id-dinja, il-fidi tagħna” (1Ġw 5,5).
Miġjuba
mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.
|