Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU Fl-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

QUDDIESA GĦALL-KOMUNITÀ POLLAKKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEFGĦU ĠWANNI PAWLU II

Chicago – Il-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież Ħuti.

Minn hawn u ftit ieħor se noffru lil Alla ħobż u mbid. Jien se naċċetta dawn id-doni minn idejkom biex noffrihom lill-Missier ċelesti. Ejjew nagħmlu dan fil-Quddies kollu. Imma għalkemm kull darba nagħmluh bl-istess “mod”, madankollu kull darba l-offerta jkollha kontenut differenti, iddoqq b’mod differenti fuq xuftejna u tirrivela sigrieti differenti ta’ qalbna. Illum titkellem b’mod għal kollox speċjali.

Waqt li naċċetta r-rigali tagħkom fl-Offertorju u waqt li nqegħdhom fuq dan l-altar, irrid nesprimi bihom il-kontributi kollha tal-ulied subien u bniet tal-ewwel art twelidna, il-Polonja, li taw lill-istorja u lill-ħajja ta’ din it-tieni art twelidhom fuq din in-naħa tal-oċean: ix-xogħol kollu tagħhom, l-isforzi, it-taqtigħat u t-tbatijiet; il-frott kollu ta’ moħħhom, qalbhom u jdejhom; il-konkwisti tal-individwi, familji u komunitajiet. Imma wkoll il-fallimenti, in-niket u d-diżappunti; in-nostalġija kollha għal djarhom, meta qasmu l-oċean imqanqla mill-faqar kbir; il-prezz kollu tal-imħabba li kellhom iħallu biex ifittxu mill-ġdid hawn irbit multiplu familjari, soċjali u uman.

Irrid ninkludi f’dan is-Sagrifiċċju Ewkaristiku l-attenzjoni pastorali kollha tal-Knisja, ix-xogħol kollu mwettaq mill-kleru u minn dan is-Seminarju li għal bosta snin ħejja s-saċerdoti; ix-xogħol tar- reliġjużi u b’mod speċjali r-reliġjużi nisa li segwew mill-Polonja lill-kompatrijotti tagħhom. U wkoll l-attivitajiet tad-diversi organizzazzjonijiet li taw prova tal-qawwa tal-ispirtu, tal-inizjattiva u tal-ħila, u fuq kollox tal-prontezza għal-qadi ta’ kawża tajba, kawża komuni, għalkemm l-oċean jifred lill-art twelidna l-ġdida minn dik qadima.

Hawn diġa semmejt bosta ħwejjeġ u nawgura lili nnifsi li niftakarhom kollha. U għal dan nitlob lilkom ilkoll u lil kull wieħed u waħda: komplu l-lista mhix kompluta. Irrid inqiegħed fuq dan l-altar offerta ta’ dak kollu li intom – il-Polonja Amerikana– irraprażentajtu sa mill-bidu ewlieni, miż-żmien ta’ Kosciuszko u Ruleski, għall-ġenerazzjonijiet kollha, u ta’ dak kollu li intom tirrapreżentaw illum.

Irrid noffri lil Alla dan is-Sagrifiċċju mqaddes bħala Isqof ta’ Ruma u bħala Papa, li hu bin l-istess Nazzjon li minnu intom ġejtu.

Hekk irrid inwettaq dmir speċjali: id-dmir ta’ qalbi u d-dmir tal-istorja. Sidtna ta’ Jasna Gora tkun magħna b’mod matern waqt dan is-Sagrifiċċju Mqaddes, u flimkien magħha il-Patruni mqaddsa ta’ Pajjiżna, li d-devozzjoni tagħhom intom ġibtu f’din l-art.

Jalla din l-offerta straordinarja ta’ ħobż u mbid, dan is-Sagrifiċċju Ewkaristiku uniku fl-istorja tal-Polonja Amerikana, jgħaqqadkom ilkoll f’imħabba kbira u f’opra kbira. Jalla dan jagħmel iva li Ġesù Kristu jkompli jkabbar il-fidi tagħkom u t-tama tagħkom.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb