Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ŻJARA LILL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SAN LUQA EVANĠELISTA F’VIA PRENESTINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 4 ta’ Novembru 1979  

 

Ħuti Għeżież!

“Grazzja lilkom u Sliem minn Alla, Missierna u minn Sidna Ġesù Kristu” (Rm 1,7).

1. B’dan il-kliem ta’ San Pawl lir-Rumani nixtieq illum nestendi t-tislima kordjali tiegħi lil dawk kollha li jiffurmaw il-Parroċċa ta’ San Luqa, li għadha verament żagħżugħa, - infatti din twaqqfet b’mod ġuridiku fl-1956 – imma diġa hija hekk mimlija b’dinamiżmu u b’vitalità. F’dawn il-jiem, eżattament mit-13 sat 28 ta’ Ottubru, l-Isqof Awżiljarju tas-Settur, Monsinjur Ġulju Salimei, wettaq il-vista pastorali. Jiena qrajt, b’sodisfazzjon intimu u b’ferħ leġittimu, dwar ir-rapport minnu elaborat u wkoll dwar dak imħejji mill-kappillan, Monsinjur Alessandro Agostini, flimkien mas-saċerdoti, li miegħu jikkollaboraw għall-ġid tagħkom. B’din iż-żjara tiegħi feħsiebni nikkonkludi u. b’xi mod, nagħti s-“siġill” tiegħi għal dak tal-Isqof Awżiljarju.

Tislima qabel kollox lill-Kardinal Vigarju u lill-Monsinjur Salimei, lill-kappillan u lill-grupp tas-saċerdoti li jirregalaw l-aħjar enerġiji fiżiċi u spiritwali għal din il-komunità parrokkjali li tippreżenta problem varji u diffiċli, mhux l-aħħar dak tal-popolazzjoni numeruża: madwar tletin elf ruħ, bi tmint elef familja.

Tislima lis-saċerdoti tal-parroċċi fil-qrib, lir-Reliġjużi rġiel u lir-Reliġjużi nisa, li jgħixu u jaħdmu fil-qasam tal-parroċċi: nixtieq infakkar, f’dan il-waqt l-Uffiċċju provinċjali tal-Piccoli Fratelli ta’ Patri Charles de Foucauld; is-Sorijiet Oblati tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li b’mod ġeneruż jiddedikaw ruħhom għall-ħsieb tal-parroċċa; il-grupp numeruż tas-Sorijiet tal-Ħniena ta’ Verona, impenjati fid-diversi attivitajiet tagħhom edukattivi, kateketeki u karitattivi. Din il-preżenza hija għalija espressjoni tal- komunità, li hija ħaġa għażiża u prezzjuża fil-ħajja tal-Knisja, hekk utli fl-eżistenza u fis-servizz saċerdotali. Tislima kordjali nindirizza lill-membri tal-gruppi numerużi taż-żgħażagħ – sbatax! -  li b’diversi modi u b’inizjattivi multipli, feħsiebhom japprofondixxu flimkien l-esiġenzi tal-fidi nisranija; tislima mill-qalb u rispettuża lill-missirijiet u lill-ommijiet tal-familja, li, minkejja f’nofs tant diffikultajiet iridu jgħixu fil-milja tiegħu l-misteru nisrani taż-żwieġ tagħhom, u jimpenjaw ruħhom, b’kull sforz, biex jedukaw b’mod nisrani lil uliedhom.. Tislima mqanqla lil ħutna morda, li jġorru s-sinjal tat-tbatija ta’ Kristu u tal-Knisja; lill-foqra, li jinħtieġu l-ġest konkret tagħna ta’ solidarjetà u ta’ mħabba. Tislima paterna lit-tfal, il-ferħ awtentiku tagħna u t-tama tagħna serena għal għada aħjar.

Imma tislima partikolari illum nindirizza lill-katekisti tal-parroċċa li jlaħħqu 160! Irrid ngħidilkom, żgħażagħ, sorijiet, ġenituri, iddedikati għal din l-opra tant meritorja, l-applaws tiegħi u tal-Knisja kollha għall-impenn ġeneruż li turu fl-għajnuna lit-tfal fl-itinerarju tagħhom tal-fidi. Nirrepetilkom il-kliem, li ndirizzajt lill-katekisti tad-dinja kollha fl-Eżortazzjoni Apostolika riċenti tiegħi Catechesi Tradendae: “Jien feħsiebni niżżi ħajr, f’isem il-Knisja kollha, lilkom katekisti parrokkjali… li kullimkien fid-dinja iddedikajtu lilkom infuskom għall-edukazzjoni reliġjuża ta’ ġenerazzjonijiet numerużi. L-attività tagħkom, spiss umli u moħbija, imma mwettqa b’żelu jaħraq u ġeneruz, hija forma distinta ta’ apostolat lajkali (Ġwsanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 66).

Hawn jien, quddiem komunità, li ħejjiet ruħha għal din il-laqgħa mal-Papa b’serjetà eżemplari, li l-espressjoni l-iktar tanġibli tagħha kienet il-velja notturna ta’ talb. Din hija komunità, li trid tgħix b’mod intens u twassal lill-oħrajn il-fidi nisranija propja f’għaqda fraterna artikolata: is-sors ta’ din l-għaqda, komunjoni u koperazzjoni huwa l-imħabba li ġiet minquxa f’qalbna minn Kristu stess, Sidna u Mgħallem, bħal ma hu enfasizzat, b’mod speċjali, mil-Liturġija tal-Kelma tallum.

2. Kristu jgħid: “Jekk wieħed iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu għandu…” (Ġw 14,23). Fiċ-ċentru stess tat-tagħlim ta’ Kristu jinsab il-kmandament kbir tal-imħabba. Dan il-kmandament diġa kien inkiteb fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim, bħal ma jixhed l-ewwel qari tallum, meħud mill-ktieb tad-Dewteronomju.

Meta Sidna Ġesù jwieġeb għall-mistoqsija ta’ wieħed mill-iskribi, imur lura għal din il-kitba tal-Liġi divina, irrivelata fil-patt il-Qadim: “Liema huwa l-ewwel mill-kmandamenti kollha!” “L-ewwel huwa…tħobb… lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha”. “U t-tieni huwa dan. Tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. “Mhemmx kmandament ieħor iktar important minn dawn” (Mk 12,29-31).

3. Dak l-interlokotur, li jerġà jissemma minn San Mark, aċċetta b’riflessjoni t-tweġiba ta’ Kristu. Aċċettaha b’approvazzjoni profonda. Jeħtieġ li wkoll aħna, illum, nirriflettu ftit dwar dan “l-ikbar kmandament”, biex inkunu nistgħu naċċettawh mill-ġdid b’approvazzjoni sħiħa u b’konvinzjoni profonda. Qabel kollox, Kristu jifrex il-primat tal-imħabba fil-ħajja u l-vokazzjoni tal-bniedem. L-ikbar vokazzjoni tal-bniedem hija s-sejħa għall-imħabba. L-imħabba tagħti wkoll is-sinifikat definittiv lill-ħajja umana. Hija hi l-kondizzjoni essenzjali tad-dinjità tal-bniedem,. Il-prova tan-nobiltà ta’ ruħu. San Pawl jgħid li huwa hu “r-rabta tal-perfezzjoni” (Kol 3,14). Din hija l-ikbar ħaġa fid-dinja tal-bniedem, għaliex il-vera mħabba ġġib fiha d-dimensjoni tal-eternità, Hija mmortali: “il-karità ma jkollha qatt tmiem” naqraw fl-ewwel ittra lill-Korintin (1Kor 13,8). Il-bniedem imut f’dak li jirrigwarda l-ġisem, għaliex tali hu d-destin ta’ kulħadd fid-dinja, iżda din il-mewt ma’ tagħmilx ħsara lill-imħabba, li tkun immaturat f’ħajtu. Bla dubju, din tibqà b’mod speċjali biex tagħti xhieda tal-bniedem quddiem Alla, li huwa mħabba. Hija tiffissa l-post tal-bniedem fis-Saltna ta’ Alla; fl-ordni tal-Komunjoni tal-Qaddisin. Il-Mulej Ġesù lill-interlokutur fil-Vanġelu tallum – billi jara li huwa jifhem il-primat tal-imħabba fost il-kmandamenti – jgħid: “Mintix bogħod mis-saltna ta’ Alla) (Mk 12,34).

4. Tnejn huma l-kmandamenti tal-imħabba – kif jistqarr l-Imgħallem espressament fit-tweġiba tiegħu – imma l-imħabba hija waħda biss. Waħda u identika tħaddan lil Alla u lill-proxxmu. Alla: fuq kull ħaġa, għaliex huwa hu fuq kollox. Il-proxxmu: bil-kejl tal-bniedem, u allura “bħalu nnifsu”.

Dawn “iż-żewġ imħabbiet” huma b’mod hekk strett marbutin bejniethom, li waħda ma tistax teżisti mingħajr l-oħra. Dan f’post ieħor jgħidu San Ġwann:    “min infatti ma jħobbx lil ħuh li jarah, ma jistax iħobb lil Alla li ma jarahx” (1Ġw 4,20). Mela ma nistgħux nifirdu mħabba mill-oħra. Il-veru mħabba tal-bniedem, tal-proxxmu, minħabba li hija mħabba vera, hija fl-istess ħin, imħabba lejn Alla. Dan jistà jgħaġġeb lil xi ħadd. Jgħaġġeb bla dubju. Meta l-Mulej Ġesù jippreżenta lis-semmiegħa tiegħu il-viżjoni tal-aħħar ġudizzju, irriferut fil-Vanġelu ta’ San Mattew. Jgħid: “Jiena kont bil-ġuħ u tajtuni niekol, kelli l-għatx u tajtuni nixrob; kont barrani u lqajtuni, għarwien u libbistuni, marid u ġejtu tarawni, kalzrat u ġejtu żżuruni (Mt 25,35-36).

Allura dawk li jisimgħu dan il-kliem jistagħġbu, għaliex nisimgħu min jistaqsi: “Mulej, meta qatt għamilna dan miegħek?” U t-tweġiba: “Fis-sewwa ngħidilkom, kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma wieħed biss minn dawn ħutkom iż-żgħar – jiġifieri lill-proxxmu tagħkom: lil wieħed mill-bnedmin – għamiltuh lili” (cf. Mt 25,37.40).

5. Din il-verità hija mportanti ħafna għal ħajjitna kollha u għall-imġieba tagħna. Hija b’mod speċjali mportanti għal dawk li jfittxu li jħobbu lill-bnedmin, imma “ma jafux jekk iħobbux lil Alla” jew saħansitra jiddikjaraw li ma’ “jafux” iħobbuh.

Tali diffikultà hija faċli li tispjegaha meta tikkonsidra n-natura kollha tal-bniedem, il-psikoloġija kollha tiegħu. Għall-bniedem huwa, b’ċertu mod, iktar faċli jħobb dak li jara milli dak li ma jarax (cf. 1Gv 4,20).

6.Madankollu l-bniedem huwa msejjaħ u huwa msejjaħ b’fermezza kbira, dan jixhdu l-kliem tal-Mulej Ġesù, għall-imħabba lejn Alla, għall-imħabba li hija fuq kull ħaġa. Jekk nagħmlu riflessjoni dwar dan il-kmandament, dwar is-sinifikat tal-kliem miktub fit-Testment il-Qadim u rripetut b’tant determinazzjoni minn Kristu, hemm bżonn li nagħrfu li dan jgħidilna ħafna dwar il-bniedem stess. Jiżvela l-prospettiva profonda, u fl-istess ħin, definittiva tal-eżistenza tiegħu, tal-umanità tiegħu. Jekk Kristu jassenja lill-bniedem bħala dmir tali mħabba, jiġifieri l-imħabba ta’ Alla li hu, bniedem, ma jarax, dan ifisser li l-qalb umana taħbi fiha l-ħila ta’ din l-imħabba, li l-qalb umana hija maħluqa “fuq il-kejl ta’ tali mħabba”. Mhijiex jewwilla din l-ewwel verità dwar il-bniedem, jiġifieri li huwa hu x-xbiha u x-xebħ ta’ Alla nnifsu? Santu Wistin ma jitkellimx dwar il-qalb umana li tibqà bla mistrieħ sakemm din ma tistrieħx f’Alla? Hekk mela l-kmandament tal-imħabba ta’ Alla fuq kull ħaġa jiżvela skala tal-possibiltajiet interni tal-bniedem. Din mhix skala astratta. Din kienet ikkonfermata mill-ġdid u b’mod kostanti ssib konferma min-naħa tal-bnedmin kollha li jieħdu bis-serjetà l-fidi tagħhom, il-fatt li huma nsara. Bdanakollu ma jonqsux il-bnedmin li kkonfermaw b’mod erojku din l-iskala tal-possibiltajiet interni tal-bniedem.

7. Fl-epoka tagħna niltaqgħu ma’ Kritika spiss radikali tar-reliġjon, bi Kritika tal-kristjanità. U allura dan “l-ikbar kmandament” isir vittma ta’ analiżi distruttiva. Jekk teħlisha u, saħansitra, ġeneralment tapprova l-imħabba lejn il-bniedem, l-imħabba lejn Alla tiġi għall-kuntrarju, għal diversi motivi, rifjutata. L-iktar spiss, dan tagħmlu sempliċement bħala espressjoni ateja tal-viżjoni tad-dinja.

Fil-kuntatt ma’ din il-kritika, li tippreżenta ruħha f’diversi forom, kemm f’forma sistematika, kif ukoll f’dik ċirkolanti. Hemm bżonn almenu li nikkonsidraw il-konsegwenzi tagħha fil-bniedem stess. Jekk infatti Kristu, permezz tal-ikbar kmandament tiegħu, żvela l-iskala kollha tal-possibiltajiet interni tal-bniedem, allura hemm bżonn li nwieġbu fina nfusna għad-domanda: waqt li nirrifjutaw dan il-kmandament, ma nbaxxux jewwilla l-bniedem? Huwa suffiċjenti li jiena nillimita lili nnifsi, f’dan il-waqt, biex nagħmel biss din id-domanda.

8. Dak li rrid nawgura, fl-okkażjoni tal-laqgħa tallum mal-parroċċa tagħkom, jesprimi ruħu fuq kollox fix-xewqa ferventi li l-kmandament il-kbir tal-Vanġelu jkun il-bidu tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom u tal-komunità kollha tagħkom. Bdanakollu dan il-kmandament jagħti il-veru sens lil ħajjitna. Jixraq li ngħixu u naħdmu kuljum f’ismu. Fid-dawl tiegħu wkoll l-itqal xorti, it-tbatija, id-distorsjoni (disabiltà), il-mewt infisha jakkwistaw valur. Bhal b’mod affaxxinanti, ikellimna dwar dawn, fil-liturġija tallum, il-kliem tas-Salm: “Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi / Mulej blata tiegħi. Fortizza tiegħi, / ħellies tiegħi: / Alla tiegħi, irdum tiegħi, li fih insib il-kenn...” (Sal 18,1-3).

Għalhekk nawgura li fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq kulħadd jitwettaq il-kliem ta’ Kristu: “Jekk wieħed iħobbni, josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14,23). Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb