Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

VISTA LILL-PARROĊĊA TA’ SAN FRANĠISK SAVERJU

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 3 ta’ Diċembru 1978

 

Maħbubin Ħuti.

1. Illum ninsab hawn biex inżur il-parroċċa tagħkom iddedikata lil San Franġisk Saverju; dan qiegħed nagħmlu b’emozzjoni kbira u ferħ intimu. Din hija l-ewwel żjara f’parroċċa fid-dijoċesi ta’ Ruma, li Kristu afdali permezz tal-elezzjoni tal-Isqof ta’ Ruma, li seħħet fis-sittax ta’ Ottubru wara l-votazzjoni tal-Kardinali, miġburin f’konklavi. Fil-pussess tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, il-katidral tal-Isqof ta’ din il-Belt għidt li f’dak il-waqt kont dħalt, b’xi mod, fil-parroċċi kollha tad-dijoċesi ta’ Ruma. Naturalment dan id-dħul fil-parroċċi ta’ Ruma, waqt iċ-ċerimonja fil-Lateran tat-12 ta’ Novembru, kienet pjuttost intenzjonali. Iż-żjajjar effettivi lill-parroċċi Rumani għandhom iżda jsiru b’mod gradat. Nittama li dan tifhmuh ilkoll u tkunu ħanina miegħi, minħabba l-massa enormi ta’ impenji marbutin mal-ministeru tiegħi.

Dan huwa ferħ kbir għalija li nistà nżur bħala l-ewwel parroċċa Rumana propju din tagħkom, li magħha tgħaqqadni tifkira speċjali. Infatti, fis-snin immedjati ta’ wara l-gwerra, bħala student f’Ruma, kont niġi kważi kull nhar ta’ Ħadd propju f’Garbatella biex ngħin fis-servizz pastorali. Xi waqtiet ta’ dak il-perijodu għadhom ħajjin fil-memorja tiegħi, għalkemm jidhirli li, fil-korsa ta’ iktar minn tletin sena, ħafna ħwejjeġ hawn imbidlu b’mod enormi.

2. Ruma kollha nbidlet. F’dak iż-żmien kien hawn ftit irħula. Illum ninsabu f’nofs kwartier kbir abitat. Il-bini jokkupa kważi l-art kollha tal-aħdar ta’ madwar il-belt. Dawn stess jitkellmu dwar in-nies li jgħixu fihom. Intom, għeżież parruċċani, intom dawn l-abitanti. Intom tikkostitwixxu ċ-ċittadinanza ta’ Ruma u, fl-istess ħin, komunità definita tal-Poplu ta’ Alla. Il-parroċċa hija propju tali komunità. Hija hi, u dejjem iktar qiegħda ssir permezz tal-Vanġelu, il-Kelma ta’ Alla, li hawn tiġi regolaement imxandra u wkoll minħabba l-fatt li hawn tingħex il-ħajja sagramentali. Waqt li niġi għandkom illum, f’isem Kristu, naħseb b’mod speċjali fikom permezz tas-saċerdoti tagħkom, ir-rgħajja tagħkom. Imma mhux biss permezz tagħhom. Naħseb f’kemm Kristu jaħdem permezz tagħkom ilkoll.

3. Fuq min imur il-ħsieb tiegħi b’mod speċjali u lil min nindirizza? Nindirizza lill-familji kollha li jgħixu f’din il-komunità parrokkjali, bħal parti mill-Knisja ta’ Ruma. Biex inżur il-parroċċi, bħala parti mill-Knisja-dijoċesi, hemm bżonn li nilħaq il-“knejjes domestiċi” kollha, jiġifieri l-familji kollha; infatti hekk kienu msejħa l-familji mis-Santi Padri tal-Knisja. “Agħmlu minn djarkom knisja”, kien irrakkomanda San Ġwann Kriżostmu lil fidili tiegħu fi priedka U l-għada kien irripeta: “Meta l-bieraħ ġħidtilkom: agħmlu minn djarkom knisja, intom infexxejtu f’għajta ta’ ferħ u wrejtu b’mod elokwenti b’kemm ferħ kontu għarraqtu ruħkom għas-smigħ ta’ dak il-kliem.” (San Ġwann Kriżostmu, In Genesim Serm., VI, 2; VII, 1: PG 54,607ss., cf. Lumen Gentium, 11; Apostolicam Actuositatem, 11). Għalhekk waqt li nsib ruħi fostkom illum, quddiem dan l-altar, bħala Isqof ta’ Ruma, nidħol bl-ispirtu f’kull familja. Ħafna minnkom bl-ebda dubju tinsabu hawn preżenti: lilkom nindirizza it-tislima kordjali tiegħi; imma bil-ħsieb u bil-qalb, infittixkom ilkoll.

Ngħid lill-għarajjes u lill-ġenituri kollha, żgħażagħ u adulti: agħtu jdejkom lil xulxin bħal ma kontu għamiltu dakinhar tat-Tieġ tagħkom, meta b’ferħ kbir irċivejtu s-sagrament taż-żwieġ. Immaġinaw li l-Isqof tagħkom, illum mill-ġdid qiegħed jitlobkom il-kunsens u intom ippronunzjaw bħal dakinhar, il-kliem tal-wegħda matrimonjali, il-ġurament taż-żwieġ tagħkom.

Tafu għaliex qiegħed infakkru? Għaliex mill-osservanza ta’ dawn l-impenji jiddependu l-“knisja domestika”, il-kwalità u l-qdusija tal-familja, l-edukazzjoni ta’ wliedkom. Dak kollu li Kristu afdalkom, għeżież miżżewġin, fil-jum li fih, permezz tal-ministeru tas-saċerdot, ġiet magħquda għal dejjem ħajjitkom, fil-waqt li fih ippronunzjajtu l-kliem li qatt ma għandkom tinsew: “sa mal-mewt tifridna”. Jekk dan tiftakruh, jekk tosservawh, għeżież ħuti, intom ukoll Appostli ta’ Kristu u tikkontribwixxu fl-opra tal-Fidwa (cf. Lumen Gentium, 35 e 41; Gaudium et Spes, 52).

4. Issa l-ħsieb tiegħi imur ukoll għalikom, tfal, għalikom żgħażagħ. Il-Papa għandu għalikom imħabba speċjali għaliex mhux biss tirrapreżentaw imma intom il-ġejjieni tal-Knisja u allura l-ġejjieni tal-parroċċa tagħkom. Intom b’mod l-iktar profond il-ħbieb ta’ Ġesù u twasslu fil-familja, fl-iskola, fil-kwartier l-eżempju ta’ ħajjitkom nisranija,  ċara u ferrieħa. Kunu dejjem żgħażagħ insara, xhieda tassew tat-tagħlim ta’ Kristu. Anzi kunu wassala ta’ Kristu għal din is-soċjetà mħawda, li llum iktar minn qatt qabel tinħtieġu. Xandru ma’ kulħadd permezz ta’ ħajjitkom li Kristu biss huwa l-vera fidwa tal-umanità.

5. U nkompli nindirizza ruħi, f’din iż-żjara, lill-morda, lil dawk li qegħdin ibatu, lill-persuni weħedhom, lill-abbandunati, li jinħtieġu il-fehim, it-tbissim, l-għajnuna, is-solidarjetà ta’ ħuthom. F’dan il-waqt ħsiebi jmur ukoll fuq dawk li hemm - morda, tobba, infermiera, kappillani u sorijiet – fl-Isptar il-Kbir li jinsab fil-qasam tal-parroċċa, iċ-Ċentru Trawmatoloġiku Ortopediku. Lilhom ilkoll l-inkuraġġiment addizzjonat tiegħi u l-assikurazzjoni tat-talb tiegħi.

6. Issa li ħaddanna bil-ħsieb u bil-qalb lill-Komunità kollha tagħkom, nixtieq niddedika ruħi għal dawk li fiha, b’mod speċjali, taw lilhom infushom lil Kristu.

Irrid nesprimi apprezzament patern lir-reliġjużi li jgħixu, jitolobu u joperaw f’din il-parroċċa populuża: Lill-Figlie della Carità Ta’ San Vinċenz de’Paoli, li jiddedikaw ruħhom għall-kura taċ-ċkejknin u tal-foqra; lis-Sorijiet Ancelle del Santuario, li huma kkonsagrati għall-apostolat tal-iskola; Lis-Sorijiet Dixxipli ta’ Ġesù Ewkaristiku, li, mal-adorazzjoni bla taqtà lejn Ġesù Ewkaristija, jgħaqqdu l-impenn għall-edukazzjoni tat-tfal; Il-Klarissi Kapuċċini, li għal erbà mitt sena, fis-skiet u l-faqar, jitolbu u joffru ruħhom għall-Knisja u għad-dinja.

Grazzi, grazzi, għeżież Sorijiet. L-Għarus tagħkom Ġesù ippattilkom għall-ġid li tagħmlu! Komplu aqdu lill-Mulej “fil-ferħ”, b’kostanza ġeneruża u qawwija.

7. L-aħħar kliem nindirizzah lilkom, għeżież Ħuti Saċerdoti, lilek għażiż Kappillan, u lill-kollaboraturi kollha tiegħek. Diġa kelli okkażjoni li niltaqà magħkom u flimkien irriflettejna fuq diversi kustjonijiet tal-parroċċa tagħkom. Niżżikom ħajr ħafna tal-kollaborazzjoni tagħkom miegħi, mal-Kardinal Vigarju ta’ Ruma, mal-Isqof Awżiljarju tas-settur tagħkom. Permezz tal-ministeru tagħkom Kristu stess jiġi u jgħix f’din il-komunità, jgħallem, iqaddes, jaħfer u b’mod speċjali, minn kulħadd u minn kollox jagħmel rigal lil Missier, kif tgħid it-tielet Talba Ewkaristika.Tgħejjew qatt mill-ministeru tagħkom, tgħejjew qatt mix-xogħol għall-Imgħallem tagħkom. Permezz tagħkom jasal il-leħen lil kulħadd tal-Avvent, li jdoqq b’mod hekk ċar fil-kliem tal-Vanġelu: “Għassu!”

8. Il-parroċċa tagħkom illum qiegħda tiċċelebra l-festa tat-Titular tagħha: San Franġisk Saverju, l-appostlu tal-Lvant Imbiegħed, missjunarju u patrun tal-missjonijiet. Kemm immerita huwa għal din l-unika kawża: twassal il-miġja ta’ Kristu fil-qlub ta’ dawk li kienu jinjorawh, ta’ dawk li lilhom kien għadha ma waslitx l-aħbar tal-Vanġelu tiegħu! Il-parroċċa tagħkom feħsiebha ssegwi l-Patrun tagħha, u llum qiegħda tiċċelebra l-ġurnata missjunarja tagħha.

Jalla l-kelma ta’ Alla tkun tistà tilħaq t-trufijiet kollha tal-art! Jalla tkun tistà ssib t-triq vera lejn kull qalb umana!

Din hija t-talba li se ngħolli flimkien magħkom, bl-interċessjoni ta’ San Franġisk Saverju, jien, l-Isqof tagħkom. Ejja, Mulej Ġesù, “Maranatha”! Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb