Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIĊ-ĊIMITERU RUMAN TAL- VERANO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Solennità tal-Qaddisin Kollha
1° ta’ Novembru 1979 

 

1. Aħna lkoll iltqajna hawn illum fiċ-ċimiterju ewlieni ta’ Ruma. Ġew hawn dawk kollha li għalihom dan iċ-ċimiterju għandu valur u elokwenza partikolari. Huwa jkellimna dwar il-Mejtin li jgħixu fina: fit-tifkira tagħna, fl-imħabba tagħna, fi qlubna. Ikellimna dwar il-Ġenituri tagħna, dwar dawk li tawna l-ħajja tad-dinja, li grazzi lilhom ilkoll kemm aħna sirna parteċipi fl-umanità. Dan iċ-ċimiterju ikellimna wkoll dwar ħafna bnedmin oħra, li mħabbithom, l-eżempju tagħhom u l-influwenza tagħhom ħallew f’ruħna traċċi li jdumu. Aħna ngħixu dejjem fl-isfera tal-verità minnhom migħuxa, fl-isfera tal-problemi li huma servew. Aħna, f’ċertu sens, il-kontinwità tagħhom. Huma jgħixu fina; u aħna ma nistgħux nieqfu milli ngħixu fihom.

Waqt li ġejna llum f’dan iċ-ċimiteru, aħna rridu muru dan kollu. B’dan il-mod iċ-ċimiteru ta’ Ruma, kif iċ-ċimiteri kollha fid-dinja, jsir post ta’ laqgħa tal-għaġeb: post li jirrendi xhieda li l-mejtin ma jiqfux jgħixu fil-ħajjin. Għaliex aħna, ħajjin, ma niqfux ngħixu minnhom u fihom.

2. Jekk din il-verita psikoloġika, b’ċertu mod soġġettiva, ma tistax tkun falza, aħna, waqt li nsegwu l-kliem tal-festività liturġika tallum, hemm bżonn li nistqarru l-istess ħaġa li, b’tant sempliċità u qawwa, jħabbar is-Salm responsorjali: “Tal-Mulej hija l-art u dak kollu li fiha, l-univers u dawk li jgħixu fih” (Sal 24,1).

Huwa tal-Mulej!...

Jekk id-dinja, din l-art u dak kollu li fiha, u jekk fl-aħħar minn l-aħħar il-bniedem stess m’għandhomx dak il-Mulej, jekk ma jappartenux lilu, u jekk mhumiex il-ħolqien tiegħu… allura is-sens tagħna tal-komunjoni mal-mejtin, it-tifkira tagħna u mħabbitna jinqatgħu f’dak il-waqt stess li jitnisslu. Allura hemm bżonn li nabbandunaw dak li fih kull wieħed u waħda minna nesprimu b’mod hekk qawwi lilna nfusna; hemm bżonn inħassru dak li b’mod hekk qawwi jiddeċiedi kull wieħed minna.

Allura infatti tiżvela ruħha – bi kważi neċessità implakabbli – din it-tieni alternattiva: l-art biss, li għal xi żmien taċċetta id-dominju tal-bniedem, fl-aħħar minn l-aħħar iżda turi ruħha l-padruna tiegħu. Mela ċ-ċimiterju huwa l-post tat-telfa definittiva tal-bniedem. Huwa l-post li fih turi ruħha r-rebħa definittiva u rrevokabbli tal-“art” fuq l-esseri uman kollu, minkejja tant għana; il-post tad-dominju tal-art fuq dak li, matul ħajtu, kien jippretendi li huwa sidha.

Dawn huma l-konsegwenzi loġici bla ħniena tal-idea tad-dinja li tirrifjuta lil Alla u li tirriduċi r-realtà b’mod esklussiv għall-materja. Fil-waqt li fih il-bniedem, f’moħħu u f’qalbu, joqtol lil Alla, irid jifhem li kkundanna lilu nnifsu għal mewt irriversibbli, li aċċetta l-programm tal-mewt tal-bniedem. Dan il-programm sfortunatament, u spiss mingħajr riflessjoni min-naħa tagħna, jsir il-programm taċ-ċiviltà kontemporanja.

3. Aħna hawn miġbura ġejna llum f’dan iċ-ċimiterju biex nistqarru l-preżenza ta’ Alla u d-dominju tiegħu fuq id-dinja maħluqa: biex nistqarru l-preżenza feddejja fl-istorja tal-bniedem. Aħna, kif jgħid is-Salm, il-ġenerazzjoni li tfittxu, li tfittex il-wiċċ tal-Alla ta’ Ġakobb (cf. Sal 24,6).

Iva, ġejna hawn biex nistqarru l-misteru tal-Ħaruf ta’ Alla, li fih ġejna mogħnija bil-fidwa u bil-ħajja eterna. Anzi, l-Iben ta’ Alla, Alla veru, sar bniedem u bħala bniedem aċċetta l-mewt biex jirregalalna s-sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu. Dwar dan is-sehem ikellimna l-Appostlu Ġwanni bil-kliem tal-ewwel Ittra tiegħu: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u tassew aħna” (1Ġw 3,1).

Tali għarfien jakkumpanjana llum, waqt li ġejna biex nitolbu fuq l-oqbra tal-għeżież tagħna u biex niċcelebraw, f’nofs dawn l-oqbra, is-Sagrifiċċju tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Waqt li noffruh, ejjew naħsbu flimkien mal-Awtur tal-Apokalissi dwar dawk li “ħaslu ilbieshom u bajduhom bid-demm tal-Ħaruf” (Ap 7,14).

Ejjew niġu bil-fidi. Il-fidi tgħolli s-siġilli ta’ dawn l-oqbra u tippermettilna li naħsbu dwar dawk li mietu bħala persuni li, bl-opra ta’ Kristu, jgħixu f’Alla. B’tali għarfien, b’tali fidi aħna lkoll, l-Isqof ta’ Ruma u l-Kappillani tal-parroċċi Rumani ndividwali, niċċelebraw hawn illum is-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Niċċelebrawh bit-tama tal-ħajja eterna, li rregalalna Kristu. “Kull min għandu din it-tama fih jippurifika lilu nnifsu, kif inhuwa pur Hu” (1Ġw 3,3).

Il-kristjaneżmu huwa programm mimli ħajja. Quddiem l-esperjenza ta’ kuljum tal-mewt, li tagħha l-umanità tagħna ssir parteċipi, huwa jirrepeti bla ma jaqtà: “Nemmen fil-ħajja eterna”. U f’din id-dimensjoni ta’ ħajja issib it-twettiq  definittiv tal-bniedem f’Alla nnifsu: “Nafu… li…aħna se nkunu nixbħu lilu, għaliex se narawh hekk kif inhu tassew” (1Ġw 3,2).

4. Għalhekk ukoll illum aħna msejħin biex insibu ruħna madwar Kristu, meta hu jippronunzja d-diskors tiegħu tal-muntanja. Il-Vanġelu tat-tmin Beatitudni jmiss dawn iż-żewġ dimensjonijiet tal-ħajja, li minnhom waħda tappartieni għal din id-dinja u hija temporali, waqt li l-oħra ġġorr fiha t-tama tal-ħajja eterna.

Waqt li nisimgħu dan il-kliem, nistgħu nħarsu lejn il-ħajja eterna billi nibdew mit-temporalità. Imma nistgħu wkoll u hekk jixraq inħarsu lejn it-temporalità, il-ħajja tagħna fuq din l-art, permezz tal-prospettiva tal-ħajja eterna. U għandna nistaqsu lilna nfusna kif għandha tkun din ħajjitna, Sabiex it-tama tal-ħajja eterna tkun tistà tiżviluppa u timmatura fiha. Allura nifhmu b’mod ġust x’ried jgħid Ġesù meta jħabbar “imberkin” il-foqra tal-ispirtu, il-mansweti, u dawk li huma milquta b’niket tajjeb, u dawk li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja, u dawk li jħennu, u l-puri tal-qalb, u, dawk li jaħdmu għall-paċi, u dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja,

Kristu jrid li aħna nkunu tali. U bħala tali jistenniena l-Missier. Ejjew ma nitbegħdux minn dan iċ-ċimiteru mingħajr il-ħarsa profonda fuq ħajjitna. Ejjew inħarsu lejha fil-prospettiva ta’ Alla ħaj, fil-prospettiva tal-eternità. Allura wkoll il-laqgħa tagħna ma’ dawk li ħallewna iġġib frott sħiħ: “It-tama tagħhom hija mimlija bl-immortalità” (Għerf 3,4).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb