Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-IRLANDA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Limerick, 1 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież Ħuti fi Kristu,

1. F’dan l-aħħar jum taż-żjara tiegħi fl-Irlanda, niġi għandkom biex niċċelebra magħkom l-Ewkaritija Mqaddsa. Nixtieq mill-ġdid għal darb’oħra nissiġilla, fl-imħabba ta’ Kristu Ġesù, ir-rabta li tgħaqqad lis-suċċessur ta’ Pietru fis-sedja ta’ Ruma mal-Knisja li tinsab fl-Irlanda. Fikom jiena mill-ġdid insellem għal darb’oħra lill-poplu kollu tal-Irlanda, li ħa postu fil-misteru tal-Knisja permezz tal-predikazzjoni ta’ San Patrizju u permezz tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof. Nistedinkom biex tagħmlu f’din l-aħħar quddiesa, li jiena se noffri magħkom u għalikom, innu ta’ ħajr speċjali lis-Santissma Trinità għall-jiem li stajt ngħaddi fostkom  .

Ġejt biex f’isem Kristu nippridkalkom il-messaġġ tiegħu. Il-liturġija tallum tal-kelma titkellem dwar bini, tal-ġebla tax-xewka li ssostni u tagħti sodizza lid-dar, lill-belt mibnija fuq il-muntanja għas-sikurezza u l-protezzjoni. Dawn ix-xbihat fihom stedina lilna lkoll, lill-insara kollha, biex joqorbu lejn Kristu, il-ġebla tax-xewka, sabiex hu jkun jistà jsir is-sosten tagħna u l-bidu unifikatur li jagħti sinifikat u koerenza lill-ħajjitna. Huwa l-istess Kristu li jagħti dinjità lill-membri kollha tal-Knisja u jassenja lil kull wieħed u waħda l-missjoni propja.

2. Ilum irrid inkellimkom dwar id-dinjità u l-missjoni speċjali afdata lil-lajċi fil-Knisja. San Pietru jgħid lill-insara “saċerdozju rjali, nazzjon qaddis” (1Pt 2,9). L-insara kollha nkorporati fi Kristu u fil-Knisja permezz tal-Magħmudija, huma  għalhekk kapulavur tal-grazzja ta’ Alla u huma msejħa għall-qċaċet tal-qdusija. Kultant irġiel u nisa lajċi donnhom ma japprezzawx għal kollox id-dinjità u l-vokazzjoni lajkali tagħhom. Ma jeżistix “lajk ordinarju”, għaliex intom ilkoll intom imsejħa għall-konverżjoni permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu. Bħala poplu qaddis ta’ Alla, intom imsejħa biex twettqu l-irwol tagħkom tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja.

Iva, il-lajċi huma “nisel magħżul, saċerdozju qaddis”, huma wkoll imsejħin biex ikunu “l-melħ tal-art” u “d-dawl tad-dinja”. U l-vokazzjoni u l-missjoni speċifika tagħhom hija li jimmanifestaw f’ħajjithom il-Vanġelu u hekk jinserixxu l-Vanġelu bħala ħmira fir-realtà tad-dinja li fija jgħixu u jaħdmu. Il-forzi kbar li jirregolaw id-dinja politika, il-mass media, ix-xjenza, it-teknoloġija, il-kultura, l-edukazzjoni, l-industrija u x-xogħol huma preċiżament is-setturi li fihom  il-lajċi huma b’mod speċifiku kompetenti biex jeżerċitaw il-missjoni tagħhom. Jekk dawn il-forzi jkunu diretti minn persuni li huma tassew dixxipli ta’ Kristu u li fl-istess ħin permezz tal-għarfien u l-prattika huma kompetenti fil-qasam speċifiku tagħhom, allura tassew li d-dinja tinbidel minn ġewwa permezz tal-qawwa feddejja ta’ Kristu.

3. Illum il-lajċi huma msejħa għal impenn nisrani qawwi: biex ixerrdu u jimlew is-soċjetà bil-ħmira tal-Vanġelu, għaliex l-Irlanda tinsab f’punt deċiżiv tal-istorja tagħha. Il-poplu Irlandiż illum irid jagħżel it-triq li se jsegwi. Din se tkun it-trasformazzjoni tal-istrati kollha tal-umanità f’ħolqien ġdid, jew inkella t-triq li ħafna Nazzjonijiet segwew billi taw importanza eċċessiva lill-kobor ekonomiku u lill-pussess tal-ġid materjali waqt li traskuraw l-affarijiet tal-ispirtu?  It-triq li tissostitwixxi etika ġdida ta’ tgawdija temporali għal-liġi ta’ Alla? It-triq ta’ libertà falza li hija biss skjavitù u dekadenza? Se tkun it-triq li minnha d-dinjità tal-persuna umana tiġi mjassra mid-dominju totalitarju tal-Istat? It-triq tal-ġlied vjolenti bejn il-klassijiet? It-triq li tqiegħed ir-rivoluzzjoni minflok lil Alla?

L-Irlanda trid tagħżel. Intom, ġenerazzjoni tal-Irlanda tallum, tridu tiddeċiedu; l-għażla tagħkom trid tkun ċara u d-deċiżjoni tagħkom soda. Il-leħen tal-antenati tagħkom, li batew kollox biex jippreservaw il-fidi tagħhom fi Kristu u hekk jippriservaw ir-ruħ tal-Irlanda, jidwi llum ġo widnejkom permezz ta’ leħen il-Papa li jtennilkom kliem Kristu;  “X’jiswielu l-bniedem li jirbaħ id-dinja kollha. U mbagħad jitlef ruħu?” (Mt 16,26). X’jiswielha l-Irlanda jekk issegwi t-triq faċli tad-dinja u mbagħad titlef ruħha?

Pajjiżkom f’ċertu sens donnu qiegħed jerġà jgħix it-tentazzjonjiet ta’ Kristu: qed jitlobkom tippreferu s-saltna tad-dinja, il-“glorja” tagħha għas-saltna ta’ Alla (cf. Mt 4,8). Satana, it-Tentatur, l-Avversarju ta’ Kristu, se juża l-qawwa tiegħu kollha u l-ftaħir kollu tiegħu biex iġib l-Irlanda fit-triq tad-dinja.  X’rebħa tkun din tiegħu, x’daqqa jwaħħal lill-Ġisem ta’ Kristu fid-dinja jekk jirnexxilu jisseduċi lill-irġiel u n-nisa tal-Irlanda bogħod minn Kristu. Dan huwa għall-Irlanda ż-żmien tal-prova. Mill-ġdid għal darb’oħra din il-ġenerazzjoni hija ġenerazzjoni li trid tiddeċiedi.

Għeżież uliedi maskili u femminili tal-Irlanda, nitlobkom, tħallux lilkom infuskom titqarrqu mit-tentazzjoni. Fl-ewwel enċiklika tlabt “talba kbira, intensa u krexxenti għall-Knisja kollha”. Illum nitlob lilkom talba kbira, intensa u krexxenti għall-poplu kollu tal-Irlanda, għall-Knisja tal-Irlanda u għall-Knisja kollha li tant taf lill-Irlanda. Itolbu sabiex l-Irlanda ma ċċedix fil-prova. Itolbu kif Ġesù għallimna nitolbu: “La ddaħħalniex fit-tiġrib, imma eħlisna mid-deni”.

B’mod speċjali, ikollkom kunfidenza kbira fil-merti ta’ Sidna Ġesù Kristu u fil-qawwa ta’ mewtu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Huwa preċiżament bis-saħħa tal-Misteru Paskwali tiegħu li kull wieħed u waħda minna u l-Irlanda kollha tistà tgħid: “Nistà kollox fih li jagħtini l-qawwa” (Fil 4,13).

4. L-Irlanda fl-imgħoddi tagħha esprimiet interpretazzjoni apprezzabbli tal-kultura, lingwa u drawwiet tagħha tal-ħajja permezz tal-ħwejjeġ ta’ Alla u l-ħajja tal-grazzja. F’ċertu sens il-ħajja kienet organizzata madwar il-ġrajjiet reliġjużi. Id-dmir tal-ġenerazzjoni preżenti ta’ rġiel u nisa Irlandiżi huwa li tittrasforma d-dinja kumplessa tal-ħajja moderna ndustrijali u urbana bl-istess spirtu evanġeliku. Illum intom tistgħu żżommu l-bliet u l-fabbriki għal Alla bħal ma dejjem żammu l-irziezet u l-komunitajiet tal-irħula għalih fl-imgħoddi. Il-progress materjali f’ħafna postijiet wassal għal deklin tal-fidi u tal-kobor fi Kristu fl-imħabba u fil-ġustizzja.

Biex jitwettaq dan, bħal ma għidt ġo Phoenix Park, intom tridu turu konsistenza bejn il-fidi tagħkom u l-ħajja ta’ kuljum tagħkom. Ma tistgħux tkunu nsara awtentiċi il-Ħadd, jekk ma tfittxux li tkunu konsistenti mal-ispirtu ta’ Kristu wkoll fix-xogħol tagħkom, fit-traffiku kummerċjali tagħkom, fis-sindakati tagħkom, fil-laqgħat professjonali u mprenditorjali tagħkom. Kif tistgħu tkunu komunità awtentika fi Kristu waqt il-Quddiesa jekk ma tfittxux li taħsbu fil-ġid tal-komunità nazzjonali kollha meta s-settur jew grupp tagħkom partikolari wasal biex jieħu xi deċiżjonijiet importanti? Kif tistgħu intom tkunu lesti li tiltaqgħu ma’ Kristu Mħallef, jekk ma tiftakrux kemm foqra jiġu milquta mill-imġieba tal-grupp tagħkom jew mill-istil tal-ħajja personali tagħkom? Għaliex Kristu jgħid lilna lkoll: “Dak kollu li għamiltu lill-iżgħar fost ħuti għamiltuh lili” (Mt 25,40).

Sirt naf b’ferħ kbir u gratitudni li ingħaqadtu bi spirtu meraviljuż ta’ xogħol u koperazzjoni fit-tħejjija materjali daqskemm spiritwali ta’ din iż-żjara tiegħi. Kemm tkun ikbar il-meravilja li kieku intom tistgħu dejjem ikollkom l-istess spirtu ta’ xogħol u koperazzjoni għall-glorja ta’ Alla u l-unur tal-Irlanda!

5. Hawn f’Limerick jiena ninsab fi sfera generalment bidwija u ħafna minnkom huma nies tar-rabà. Inħossni f’posti flimkien magħkom bħal ma ġrali man-nies rurali u montanari ta’ art twelidi l-Polonja u hawn nirrepetilkom dak li għidt lilhom: “Ħobbu lill-art, ħobbu x-xogħol tal-għelieq għaliex dan iżommkom qrib Alla Ħallieq b’mod mill-iktar speċjali”.

Minflok lil dawk li telqu lejn il-belt, ħawn jew barra, jiena ngħid: ibqgħu f’kuntatt ma’ għeruqkom, fuq l-art Irlandiża u l-familji tagħkom u l-kultura tagħkom li tgħallimtu hawn; u għaddu dan il-wirt lil uliedkom għaliex huwa għani, huwa tajjeb.

Lil kulħadd ngħid: irrispettaw u pproteġu il-ħajja familjari tagħkom, għaliex il-familja hija l-ewwel art tal-azzjoni nisranija għal-lajkat Irlandiż, il-post fejn “is-saċerdozju rjali” tagħkom huwa prinċipalment eżerċitat. Il-familja nisranija kienet fl-imgħoddi l-ikbar riżorsa spiritwali tal-Irlanda. Il-kondizzjonijiet moderni u l-bidliet soċjali ħolqu skemi ġodda u diffikultajiet ġodda għall-ħajja familjari u għaż-żwieġ nisrani. Irrid ngħidilkom: La taqtgħux qalbkom, issegwux il-kriterji li jqisu bħala anakronista familja bi rbit strett; il-familja nisranija hija mportanti għall-Knisja u għas-soċjetà illum iktar minn qatt qabel.

Huma veru li l-istabilità u s-saħħa taż-żwieġ huma mhedda mill-ideat ġodda u mill-aspirazzjonijiet ta’ bosta. Id-divorzju għal kwalunkwè raġuni jiġi introdott, inevitabilment isir dejjem iktar faċli biex jinkiseb, u gradwalment jiġi aċċettat bħala fatt normali tal-ħajja. Il-possibiltà kbira li tiddivorzja fl-isfera tal-liġi ċivili jirrendi dejjem iktar diffiċli għal kull min ikun iż-żwigijiet stabbli u dejjiema.

Jalla l-Irlanda tkompli dejjem tagħti xhieda quddiem id-dinja moderna lill-impenn tradizzjonali tagħha quddiem il-qdusija u l-indissolubiltà tar-rabta matrimonjali. Jalla dejjem l-Irlandiżi jiddefendu ż-żwieġ permezz tal-impenn personali kif ukoll permezz ta’ azzjoni legali, soċjali u pożittiva.

Fuq kollox żommu għolja l-istima għad-dinjità u l-grazzja meraviljuża tas-sagrament taż-żwieġ. Ħejju ruħkom b’żelu, issa. Emmnu fil-poter spiritwali li dan is-sagrament ta’ Ġesù Kristu joffri biex iqawwi l-għaqda matrimonjali u jissupera l-kriżijiet kollha u l-problemi tal-ħajja fi tnejn. Il-miżżewġin għandhom jemmnu fil-poter tas-sagrament li jirrendihom qaddisin; għandhom jemmnu fil-vokazzjoni tagħhom li jixhdu permezz taż-żwieġ tagħhom il-qawwa tal-imħabba ta’ Kristu. Imħabba vera u l-grazzja ta’ Alla qatt ma jistgħu jħallu Zwieġ isir ir-rapport egoistiku ta’ żewġ individwi li jgħixu flimkien għall-interessi propji ta’ kull wieħed.

6. U hawn irrid ngħid kelma speċjalissma lill-ġenituri Irlandiżi kollha. Iż-żwieġ irid jinkludi d-disponibiltà għar-rigal tal-ulied. Disponibiltà ġeneruża li taċċettaw l-ulied mingħand Alla. Li taċċettaw l-ulied mingħand Alla bħala rigal lill-imħabba huwa is-sinjal karatteristiku tar-rapport nisrani. Irrispettaw iċ-ċiklu tal-ħajja stabbilit minn Alla għaliex dan ir-rispett huwa parti mir-rispett tagħna lejn l-istess Alla li ħalaq ir-raġel u l-mara, li ħalaqhom xbiha tiegħu, waqt li rrifletta l-imħabba ħallieqa tiegħu tal-ħajja fl-iskemi tagħhom li jkunu koppja.

U hekk jien ngħid lil kulħadd: ikollkom rispett assolut u qaddis għall-karattru sagru tal-ħajja umana sa mill-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha. L-abort bħal ma ddikjara l-Konċilju Vatikan II, huwa “delitt abominevoli” (Gaudium et Spes, 51). Li tattakka ħajja mhix imwielda, fi kwalunkwè fażi tal-konċepiment tagħha, jfisser li timmina l-ordni morali kollha li huwa l-vera għassies tal-ġid tal-bniedem.

Id-difiża tal-qdusija assoluta tal-ħajja mhux imwielda hija parti mid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità umana. Jalla l-Irlanda qatt ma tiddgħajjef fid-difiża tagħha quddiem l-Ewropa u d-dinja kollha tad-dinjità u s-sagralità tal-ħajja umana kollha, mill-konċepiment sal-mewt.

Għeżież missirijiet u ommijiet tal-Irlanda, emmnu fil-vokazzjoni tagħkom, din il-vokazzjoni sabiħa taż-żwieġ u tal-paternità li Alla rregalalkom. Emmnu li Alla huwa magħkom, għaliex kull paternità fis-sema u fl-art tieħu isimha minnu. La temmnux li tistgħu tagħmlu f’ħajjitkom xi ħaġa iktar important mqabbla ma’ li tkunu missirijiet u ommijiet insara. Jalla l-ommijiet tal-Irlandiżi, iż-żgħażagħ u t-tfajliet, ma jisimgħux lil dawk li jgħidulhom li li taħdem fi professjoni tad-dinja, li jkollhom suċċess f’xogħol barrani, huwa iktar mportanti mill-vokazzjoni li tittrażmetti l-ħajja, u li tieħu ħsieb din il-ħajja bħala omm. Il-futur tal-Knisja, il-futur tal-umanità jiddependi fil-parti l-kbira mill-ġenituri u mit-tip ta’ ħajja familjari li huma jiddedikaw fid-djar tagħhom. Il-familja hija l-kejl awtentiku tal-kobor ta’ Nazzjon propju bħal mad-dinjità tal-bniedem hija l-veru kejl ta’ ċiviltà.

7. Djarkom jibqgħu dejjem djar tat-talb. Mill-waqt li llum jien inħalli din il-gżira tant għażiża għal qalbi, din l-art u dan il-poplu tagħha li tant jikkonsla u jagħti qawwa lill-Papa jistà jesprimi wegħda: li kull dar fl-Irlanda tibqà jew terġà tibda tkun dar ta’ talb ta’ kuljum familjari. Il-fatt li intom twegħduni li tagħmlu dan jikkostitwixxi l-ikbar don li tistgħu tagħmluli waqt li nħalli x-xtut ospitali tagħkom.

Naf li l-Isqfijiet tagħkom qegħdin iħejju programm pastorali mmirat li jsaħħaħ il-parti tal-kompetenza tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, fuq il-bażi tal-massma: “Nitħabtu mal-fidi fil-familja”. Nittama li intom ilkoll tieħdu sehem f’dan il-programm b’ġenerożità. Li tittrażmettu lil uliedkom il-fidi li rċivejtu mingħand il-ġenituri tagħkom huwa l-ewwel dmir tagħkom u l-ikbar privileġġ tagħkom. Id-dar għandha tkun l-ewwel skola tar-reliġjon bħal ma wkoll l-ewwel skola tat-talb. L-influwenza spiritwali kbira tal-Irlanda fl-istorja tad-dinja hija dovuta fil-biċċa l-kbira lir-reliġjon tal-familji Irlandiżi għaliex fid-dar tibda l-evanġelizzazzjoni, fid-dar il-vokazzjonijiet jiffjorixxu u jiżviluppaw.

Għal dan nagħmel appell lill-ġenituri Irlandiżi biex ikomplu jsostnu l-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja saċerdotali fi djarhom fost uliedhom subien u wliedhom bniet. Din kienet, għal ġenerazzjonijiet, l-ikbar xewqa ta’ ġenitur Irlandiż, li jkollu iben saċerdot, li jkollu bint ikkonsagrata lil Alla. Jalla tkompli tkun ix-xewqa tagħkom u t-talba tagħkom. Jalla l-faċilitajiet imkattra għad-dispożizzjoni tas-subien u tal-bniet ma jnaqqsux b’mod minimu l-istima tagħkom fil-privileġġ li jkollkom binkom jew bintkom magħżulin minn Kristu u msejħa minnu biex iħallu kollox u jmorru warajh.

Nafda dan kollu lil Marija, “xemx tiddi tar-razza Irlandiża”. Jalla t-talb tagħha jgħin lil kull familja Irlandiża biex tkun tixbaħ lill-Familja Mqaddsa ta’ Nażżaret. Waqt li jieħdu l-qawwa mid-dar tagħhom jalla ż-żgħażagħ insara jmorru ‘l quddiem bħal ma Ġesù għamel waqt li ħadha minn Nażżaret. Jalla jikbru fil-qawwa tal-Ispirtu biex ikomplu l-opra ta’ Kristu u jsegwu l-passi tiegħu lejn it-tmiem tal-millenju sal-elfejn. Marija żżommkom viċin tiegħu li huwa il-“Missier tas-seklu li ġej” ( 9,6).

Jalla l-Mulej u l-Madonna jkunu għal dejjem magħkom ilkoll.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb