Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VISTA PASTORALI Fil-VENETO

SANTWARJU TA’ NETTUNO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Is-Sibt, 1 ta’ Settembru 1979

 

Għeżiież Ħuti!

F’perijodu ta’ mistrieħ relattiv u ta’ vaganza, ninsabu hawn, illejla madwar l-altar tal-Mulej, biex flimkien niċcelebraw l-Ewkaristija, waqt li nimmeditaw dwar il-fenomenu illum hekk importanti, tat-Turiżmu f’ħajjitna umana u nisranija.

Bil-qalb kollha lqajt l-istedina biex niġi f’nofskom, niex narakom, biex nismgħakom, biex inwasslilkom it-tislima kordjali tiegħi u nurikom imħabbti, biex nitlob magħkom u nirrifletti fuq il-veritajiet supremi, ligħandhom ikunu dejjem dawl u ideal ta’ ħajjitna.

F’din il-pjazza ta’ Nettuno quddiem il-Knisja fejn jistrieħu l-fdalijiet mortali taż-żagħżugħa martri Santa Marija Goretti, quddiem il-baħar, simbolu tal-ġrajja umana li tinbidel u kultant mqallba, nisimgħu t-tagħlim tal-“kelma ta’ Alla” li tbaqbaq mill-qari tal-Liturġija.

1. Il-“kelma ta’ Alla” qabel xejn tesponi l-identità u l-imġieba tan-nisrani. Min hu n-nisrani? Kif għandu jġib ruħu n-nisrani? Liema huma l-ideali tiegħu u l-preokkupazzjonijiet tiegħu?

Dawn huma domandi ta’ dejjem, imma jsiru tant iktar attwali fis-soċjetà konsumistika u permissiva tagħna, li fiha b’mod speċjali n-nisrani jistà jkun ittentat li jċedi għall-mentalità komuni, waqt li jqiegħed fi pjan sekondarju l-vokazzjoni eletta u erojka tiegħu ta’ messaġġier u ta’ xhud tal-Bxara t-Tajba.

L-Appostlu San Ġakbu fl-ittra tiegħu jispeċifika b’mod ċar l-identità tan-nisrani: “Kull rigal tajjeb u kull rigal perfett jiġi mill-għoli u jinżel minn Missier id-dawl, li fih mhemm la tibdil u linqas dell ta’ tibdil. Bir-rieda tiegħu huwa ġġenerana b’kelma ta’ verità, sabiex inkunu bħall-ewwel frott tal-krejaturi tiegħu” (Ġk 1,17-18).

 In-nisrani huwa mela ħolqien għal kollox speċjali ta’ Alla, għaliex, permezz tal-grazzja huwa jieħu sehem mill-ħajja trinitarja; in-nisrani huwa don tal-Iktar Għoli lid-dunja: huwa jinżel mill-għoli, mill-Missier tad-dawl!

Ma setgħetx tkun deskritta aħjar id-dinjità tal-għaġeb tan-nisrani u wkoll ir-responsabiltà tiegħu!

In-nisrani għalhekk għandu jimpenja għal kollox ir-rieda tiegħu u jgħix b’konsistenza l-vokazzjoni tiegħu. Mill-ġdid jgħid San Ġakbu: “Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma li nżergħet fikom u li tistà ssalvalkom ruħkom. Kunu minn dawk li jqiegħdu fil-prattika l-kelma u mhux biss semmiegħa, billi tilludo lilkom infuskom” (Ġk 1,21-22).

Dawn huma twissijiet l-iktar serji u severi: in-nisrani m’għandux jittradixxi, m’għandux jilludi ruħu bi kliem vojt, m’għandux jinganna. Il-missjoni tiegħu hija estremament delikata, għaliex għandu jkun il-ħmira fis-soċjetà, id-dawl fid-dinja, il-melħ tal-art.

In-nisrani kuljum jikkonvimċi ruħu iktar mid-diffikultà enormi tal-impenn tiegħu: hu għandu jmur kontra l-kurrent, għandu jixhed veritajiet assoluti imma mhux viżibbli, għandu jitlef ħajtu terrena biex jikseb l-eternità, għandu jirrendi ruħu responsabbli wkoll tal-proxxmu, biex jilluminaħ, jedifikah, isalvah. Imma huwa jaf li mhuwiex waħdu. Dak li Mosè kien jgħid lill-poplu Lhudi, huwa immensament iktar veru għall-poplu nisrani: “Liema nazzjon kbir għandu d-divinità hekk qribu, bħal ma l-Mulej Alla tagħna jkun qribna kull meta nsejħulu?” (Dt 4,7). In-nisrani jaf li Ġesù Kristu, il-verb ta’ Alla, mhux biss inkarna ruħu biex jirrivela l-verità feddejja u biex jifdi l-imanità, imma baqà magħna fuq din l-art billi jġedded b’mod mistiku s-Saġrifiċċju tas-Salib permezz tal-Ewkaristija, u billi jsir ikel spiritwali tar-ruħ u sieħeb fit-triq tal-ħajja.

Hekk hu min hu n-nisrani: frotta ewlenija tal-krejaturi ta’ Alla, li jeħtieġ li jżomm pur u mingħajr tebgħa l-fidi u l-ħajja tiegħu.

2. Il-“kelma ta’ Alla”, bħala konsegwenza, tillumina wkoll il-fenomenu tat-turiżmu. Infatti, ir-realtajiet kollha umani huma illimitati u interpretati mir-rivelazzjoni ta’ Kristu, li ġie biex isalva l-bniedem kollu u l-umanità  kollha.

Ir-realtà tat-turiżmu wkoll għandha tidher ukoll fid-dawl ta’ Kristu. Bla ebda dubju it-turiżmu huwa issa fenomenu ta’ epoka u ta’ massa: sar mentalità u drawwa, għaliex huwa fenomenu “kulturali”, ikkawżat miż-żieda tal-għarfien, tal-ħin liberu u tal-possibiltà taċ-ċaqliq; huwa fenomenu “psikoloġiku”, mifhum faċilment, minħabba l-istrutturi tas-soċjetà moderna: industrijalizzazzjoni, urbanizzazzjoni, spersonalizzazzjoni, li minħabba dan kull individwu jħoss il-bżonn ta’ distensjoni, ta’ distrazzjoni, ta’ bidla, b’mod speċjali f’kuntatt man-natura; u huwa wkoll fenomenu “ekonomiku” sors ta’ kuntentizza.

Però, it-turiżmu wkoll, bħar-realtajiet kollha umani, huwa fenomenu ambigwu, jiġifieri utli u pożittiv jekk immexxi u kkontrollat mir-raġuni u minn xi ideali; negattiv jekk jinżel għal sempliċi fenomenu ta’ konsumiżmu, għal eċċitament, għal atteġjamenti aljenanti u immorali, b’konsegwenzi dolorużi għall-individwu u għas-soċjetà.

Hija għalhekk ukoll meħtieġa edukazzjoni, individwali u kollettiva għat-turiżmu, sabiex jinżamm dejjem fil-livell ta’ valur pożittiv ta’ formazzjoni tal-persuna umana jiġifieri ta’ distensjoni ġusta u meritata, ta’ elevazzjoni tal-ispirtu, ta’ komunjoni mal-ptoxxmu u ma’ Alla. Hija għalhekk meħtieġa edukazzjoni umanistika profonda u konvinta għall-ilqugħ, għar-rispett tal-proxxmu, għall-ġentilezza, għall-fehim reċiproku, għat-tieba; hija meħtieġa wkoll edukazzjoni ekoloġika, għar-rispett tal-ambjent u tan-natura, għat-tgawdija b’saħħitha u moderata tas-sbuħijiet naturali, tant ripożanti u eżaltanti għar-ruħ għatxana għall-armonija u għas-serenità; u hija b’mod speċjali meħtieġa rdukazzjoni reliġjuża sabiex it-turiżmu qatt ma jfixkel il-kuxjenzi u qatt ma jbaxxi l-ispirtu, imma għall-kuntrarju jelevah, jippurifikah, jgħollih għad-djalogu mal-Assolut u għall-kontemplazzjoni tal-misteru mmens li jdawwarna u jattirana.

Dan huwa l-kunċett tat-turiżmu fid-dawl ta’ Kristu, fenomenu irriversibbli u strument ta’ qbil u ħbiberija.

3. Fl-aħħarnett f’dan il-post partikolari, aħna lkoll mistiedna biex inħarsu lejn il-figura ta’ Santa Marija Goretti. Mhux bogħod minn hawn, fis-6 ta’ Lulju 1902, seħħet it-traġedja tal-qtil tagħha, u fl-istess ħin ukoll tal-glorja tal-qdusija tagħha permezz tal-martirju għad-difiża tal-purità tagħha. Ninsabu qrib il-Knisja ddedikata lilha, fejn jistrieħu l-fdalijiet mortali tagħha, u hemm bżonn li nieqfu għal waqt wieħed f’meditazzjoni siekta.

Marija Goretti, adolixxenti ta’ tnax-il sena, żammet ruħha pura minn din id-dinja, bħal ma jikteb San Ġakbu, akkost ukoll tal-istess ħajja; ippreferiet tmut, milli pjuttost toffendi lil Alla.

“Le! – qalet lill-qattiel skatenat tagħha – Dan dnub! Alla ma jridx! Int se tmur l-infern!”.

Sfortunatament il-fidi tagħha ma rnexxilhiex twaqqaf lit-tentatur, li mbagħad grazzi għall-maħfra tagħha u għall-interċessjoni tagħha nidem u kkonverta. Hija spiċċat martri tal-purità tagħha.

“Qawwa tal-verġni – qal Piju XII - qawwa tal-martri, li ż-żgħożija tqiegħed f’dawl iktar ħaj u brillanti. Qawwa li hija fl-istess ħin protezzjoni u frott tal-verġinità” (Pio XII, Discorsi e Radiomessaggi, IX [1947] 46).

Marija Goretti, tiddi fis-sbuħija spiritwali tagħha u fil-feliċità eterna diġa milħuqa tagħha, tistedinna propju biex ikollna fidi qawwija u sikura fil-“kelma ta’ Alla”, sors uniku ta’ verità, u biex inkunu qawwija kontra t-tentazzjonijiet insinwanti u avvolġenti tad-dinja.  Kultura antimetafiżika tipproduċi loġikament soċjeta anjostika u neopagana, minkejja l-isforzi ta’ min ifaħħarhom ta’ persuni onesti u nkwetati bid-destin tal-umanità. In-nisrani illum huwa imqiegħed fi ġlieda kontinwa, isir huwa wkoll “sinjal ta’ kontradizzjoni” minħabba l-għażliet li jkollu jwettaq.

Inħeġġeġ b’mod speċjali lilkom tfajliet żgħażagħ: ħarsu lejn Marija Goretti! Tħallux li tkunu mħajra mill-atmosfera attraenti maħluqa mis-soċjetà permissiva li ssostni li kollox huwa leċitu! Segwu lil Marija Goretti! Ħobbu, għixu, iddefendu bil-ferħ u bil-kuraġġ il-purità tagħkom. La tibżgħux iġġorru ċ-ċarezza fis-soċjetà moderna, bħal fjakkola ta’ dawl u ta’ ideal!

Flimkien ma’ Piju XII ngħidilkom: “Għollu qlubkom ‘il fuq! Fuq l-għadajjar marradin u t-tajn tad-dinja tinfirex sema ta’ sbuħija. Din hija s-sema li affaxxinat liċ-ċkejkna Marija; is-sema li fiha riedet titlà permezz tal-unika triq li twassal fiha: ir-reliġjon, l-imħabba ta’ Kristu, l-osservanza erojka tal-kmandamenti tiegħu.

Is-Sliem, o ħelwa u amabbli Qaddisa! Martri tal-art u anġlu fis-sema, mill-glorja tiegħek dawwar ħarstek fuq dan il-poplu li jħobbok, li jqimek, li jigglorifikak, li jeżaltak!” (Pio XII, Discorsi e Radiomessaggi, XII [1950] 122-123).

Ħuti għeżież!

Marija Santissma, tant maħbuba u mitluba minn Marija Goretti, b’mod speċjali permezz tar-Rużarju Mqaddes, għinna ħalli nżommu dejjem ħajja u fervoruża l-identità nisranija tagħna, fir-realtajiet terreni kollha.

Hsieb aħħari jiġini hawn spontanju, illum, l-ewwel ta’ Settembru, anniversarju doloruż, li, għall-kuxjenza nisranija u r-riflessjoni umana, għandu wkoll sinifikat ta’ twissija profonda. Erbgħin sena ilu, fl-ewwel ta’ Settembru 1939, uragan ta’ nirien u ta’ qerda ħabat fuq l-ewwel Nazzjon vittma, il-Polonja, waqt li ta bidu għal ħruq dejjem iktar vast, u dejjem iktar qerriedi, tat-tieni gwerra dinjija. Tali tifkira għandha tistimolana għat-talb biex niksbu mill-grazzja tal-Mulej li jkunu eżorċizzati t-tentazzjonijiet rikorrenti fost il-popli, tat-tensjonijiert u tal-egoiżmi, li jiżbukkaw b’mod naturali f’forom ta’ ostilità u ta’ mibegħda mbagħad diffiċilment li titwaqqaf. Anzio u Nettuno wkoll, fir-Rebbiegħa tal-1944, kienu milquta minn tempesta tan-nar li ħabtet, bejn sema u baħar, waqt li żergħet il-mewt fuq dan ir-reġġjun ferrieħi; u waqt li l-art ġiet ikkontestata, biċċa biċċa, għal xi xhur, bejn il-qawwiet opposti, il-popolazzjonijiet mwerwra tilfu tant persuni għeżież, id-djar tagħhom u l-frott tal-għaraq ta’ ġbinhom tal-għelieqi maħduma.

Nitolbu lill-Mulej għall-mistrieħ ta’ dawk kollha li taw ħajjithom għal-libertà u għal dawk li, imġegħlin jiffaċċjawhom, issa jistrieħu milqugħin mill-istess art li rathom jissieltu bejniethom. Nitolbu sabiex Alla jippreserva lilna, u lill-umanità kollha, mill-flaġell tal-gwerra, li, jekk ikollha tergà tiġi, tassumi dimensjonijiet ta’ apokalissi ferm iktar terribbli. Il-ħniena ta’ Alla tagħti l-paċi lill-mejtin u lill-ġenerazzjoni tagħna, u b’mod partikolari liż-żgħażagħ li jitfaċċaw fil-ħajja, adeżjoni kuraġġuża u konvinta ma’ ideali ta’ kollaborazzjoni u ta’ paċi.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb