Missier iż-Żgħazagħ

Ittra Appostolika tal-Papa Ġwann Pawlu II

lis-Saċerdot Egidio Vigano

Rettur tas-Soċjeta ta’ San Franġisk de Sales

f’egħluq il-mitt sena tal-mewt

ta’ San Gwann Bosco.



Għeżiż ibni, sliem u barka appostolika.


1. Is-soċjeta għaziza tas-Salesjani qiegħda tħejji inizjattivi xierqa biex tfakkar il-mitt sena mill-mewt ta’ San Ġwann Bosco, missier u għalliem taż-żgħażagħ; għalhekk nieħu pjaċir f’din l-okkażjoni wkoll naħseb ftit fuq il-problema taż-żgħażagħ, jiena u nqis x’responsabbilta’ għandha l- Knisja biex tħejjihom għall-ġejjieni.
Il-Knisja tħobb ħafna liż-żgħażagħ; tħobbhom dejjem, imma l-aktar d’dan iż-żmien meta dalwaqt tasal għalina s-sena 2000 w. Kr., żmien li fih il-Knisja tħoss li l-Mulej qiegħed jistedinha tħares lejn iż-żgħażagħ b’imħabba u tama speċjali, billi tqies li l-edukazzjoni tagħhom hija waħda mir-responsabbiltajiet pastorali ewlenin tagħha.


Il-Konċilju Vatikan II qal b’mod l-aktar ċar li “il-bnedmin qegħdin igħixu żmien ġdid fil-grajja tagħhom” u għaraf li ngħata bidu “għall-inizjattivi xierqa biex iġibu dejjem aktar ‘il quddiem l-ħidma edukattiva” . Fi żmien li fih qiegħed iseħħ tibdil fil-kultura li qiegħda tieħu suriet ġodda, il-Knisja qiegħda tintebaħ b’herqa kbira kemm hu meħtieġ li fil-qasam tal-edukazzjoni tiġi megħluba l-firda li hem bejn l-Evanġelju u l-kultura firda li tnaqqas is-siwi u twarrab fil-ġenb il-bxara tas-salvazzjoni ta’ Kristu.
Fid-diskors lii għamilt lill-membri tal-UNESCO għidt, fost ħwejjeġ oħra dan il-kliem: Ma hemmx dubju li l-ewwel fatt kulturali, il-fatt kulturali ewlieni huwa l-bniedem li laħaq il-kobor spiritwali tiegħu, jiġifieri l-bniedem li rċieva edukazzjoni sħiħa, il-bniedem li għandu ħila jrawwem lilu nnifsu u l-oħrajn’ għidt ukoll li tidher li hem tendenza li tingħata ‘aktar istruzzjoni’ b’mod li jista’ jwassal u jġib ‘vera aljenazzjoni mill-edukazzjoni’ tonqos l-edukazzjoni biex tingħata aktar istruzzjoni


Fakkart li l-għan ewlieni u essenzjali tal-kultura fiha nfisha, l-għan ta’ kull kultura hu l-edukazjoni. Din twassal biex il-bniedem ikun dejjem aktar bniedem, ‘ikun aktar milli ‘ikollu’ u hekk, b’dak kollu li ‘għandu’, b’dak kollu li ‘hu tieghu’, ‘ikun dejjem aktar bniedem
Fil-ħafna laqgħat li kelli maż-żgħażagħ fil-kontinenti kollha, fil-messaġġi li bħattilhom, u l-aktar fl-ittra li fil-1985 bgħatt ‘liż-żgħażagħ kollha tad-dinja’ urejt kemm jien perswas li magħhom hi mixja u għandha timxi l-Knisja
Nixtieq nerġa nuri l-istess ħsibijiet li kelli dak iż-żmien, illum fl-okkażjoni tal-festi ċentinarji tad-“dies natalis” (jum it-twelid għas-sema) ta’ iben kbir tal-Knisja, is-saċerdot San Gwann Bosco, li l-Papa Piju XI ma rahiex bi kbira li jsejjaħlu “edukatur ewlieni”


Din iċ-ċirkostanza hekk sabiħa hi okkażjoni biex ikolli pjaċir nitkellem mhux biss miegħek, u ma ħutek il-membri tas-soċjeta Salesjana, imma wkoll maż-żgħażagħ, li huma dawk li jridu jiġu edukati, mal-edukaturi nsara u mal-ġenituri, imsejħin biex jaqdu missjoni hekk tixraq lill-bniedem u lill-Knisja.


Niehu pjaċir ukoll ntenni li din “it-tifkira” qiegħda ssir fis-“Sena Marjana”, u dan iwassal il-ħsieħ tagħna f “Dik li emmnet”, u fl-iva ħierġa mill qalb tal-fidi tagħha, fidi li fiha naraw l-għajn tal-ħidma edukatriċi tagħha l-ewwel, bħala Omm Ġesu’ u, imbagħad, bħala Om mil-Knisja u Għajnuna tal-insara kollha,ħidma li tagħti tant frott


I. SAN ĠWANN BOSCO ĦABIB TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

2. San Ġwann Bosco miet f’Torin fil-31 ta’ Jannar 1888. Fit-73 sena ta’ ħajtu kien xhud ta’ taqlib kbir politiku, soċjali u kulturali; rivoluzzjonijiet, gwerer, tluq tal-bdiewa mill-egħlieqi tagħhom ħa jmorru jaħdmu fl-ibliet, fatti kollha li kellhom influwenza kbira fuq il-qagħda tan-nies, l-aktar ta’ dawk fqar ħafna. Il-fqar kollha u ż-żgħażagħ b’mod speċjali li kienu jgħixu ffullati fit-trufijiet tal-ibliet malajr saru vittmi tal-qgħad u tal-isfruttament: il-kobor tagħhom bħala bnedmin ma kienx kif kellu jkun, u lanqas kellhom dik it-tħejjija morali, reliġjuża u professjonali li kien imissu jkollhom, anzi spiss ma kien ikun hem ħadd li jaħseb li jagħtihom it-tħejjija li kien jeħtieġu. Iż-żgħażagħ, li jħossu malajr kull bidla li tiġi fuqhom, spiss kienu jsibu ruħhom ma jafux x’jaqdu jagħmlu, mitlufin, u sguri minn xejn. F’qagħda bħal din ta’ folla niex li nqatgħet mill-egħruq tagħha, l-edukazzjoni tradizzjonali ma setgħet issib tarf ta’ xejn: filantropi, edukaturi, saċerdoti, b’mod jew ieħor, ippruvaw isibu tarf għall-ħtiġijiet ġodda li nqalgħu. Fost dawn, f’Torin spikka Don Bosco minħabba l-ispirazzjoni nisranija ċara tal-ħidma tiegħu, minħabba l-inizjattivi qalbiena li ħoloq, u minħabba tixrid malajr u l-kobor tal-opra tiegħu.

3. Kien iħoss li kellu sejħa speċjali mingħand il-Mulej, li kien miegħu jgħinu, li kien imexxih b’idejh ħa jġib ‘il quddiem il-missjoni tiegħu bl-interċessjoni tal-Verġni Marija. It-tweġiba tiegħu għas-sejħa tal-Mulej kienet hekk tal-għaġeb li l-Knisja bl-awtorita kollha tagħha uffiċjalment ipproponietu lill-insara bħala eżempju ta’ qdusija. Meta fl-Għid tal-1934 il-Papa Piju XI niżżlu fil-lista tal-Qaddisin niseġ paneġirku mill-aqwa tiegħu.

Ġanninu, iltim minn missieru fil-bidu ta’ tfulitu, mrobbi b’għaqal kbir minn omm nisranija u ta’ galbu liema bħalu, ġie mżejjen mill-Provvidenza ta’ Alla bi kwalitajiet li, sa minn ċkunitu, għamluh ħabib ġeneruż u għaqli ta’ dawk ta’ mparu. Żogħżitu kienet il-bidu ta’ ħidma edukattiva tas-sew ta’ l-għaġeb. Saċerdot, fil-belt ta’ Torin, li kienet qiegħda tisviluppa dejjem aktar minn jum għall-ieħor, hu sab ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-ħabsin, u ma’ nies oħra li kienu jinsabu f’qagħdiet tassew tal-biki.
Kien kapaċi jagħraf malajr il-qagħda ta’ dak li jkun, u kien jaf sewwa l-istorja tal-Knisja: dan l-għarfien tal-qagħdiet tan-nies u l-esperjenzi ta’ appostli tal-Knisja u l-aktar ta’ S. Filippu Neri u S. Karlu Borromeo, wassluh biex joħloq l- “Oratorju”. Kien tassew għażiż għalih dan l-isem. L-Oratorju kien il-qofol tal-ħidma kollha tiegħu li jagħżilha minn kull sura ta’ ħidma oħra; waqqaf l-Oratorju skond kif ħasbu hu waħdu, adatt għall-ambjent u għaż-żgħażagħ tiegħu u għall-ħtiġijiet tagħhom. Bħala protettur ewlieni u eżempju għal dawk li kienu jgħinuh għażel lil San Franġisk de Sales, il-qaddis li wera kull sura ta’ ħeġġa, il-qaddis ta’ tjieba liema bħalha li kienet tidher l-aktar fil-ħlewwa tal-imġiba tiegħu.

4. L-“Opra tal-Oratorju” bdiet fil-1841 bħala “sempliċi tagħlim tad-duttrina” u kompliet dejjem tikber biex twieġeb għall-qagħdiet u ħtiġijiet dejjem aktar urġenti: ospizju għall-isfrattati; laboratorju u skola tas-snajja’ ħalli dawn jitgħallmu sengħa u jaqilgħu l-għajxien onestament; skola ta’ edukazzjoni umanistika li tiftaħ it-triq għall-vokazzjonijiet; u l-istampa t-tajba; ħidma rikreattiva u inizjattivi ta’ dak iż-żmien f’dan il-qasam (tijatru, baned, kant, passiġġati fil-kampanja fil-ħarifa)
L-espressjoni li kien iħobb tant igħid: “Basta tkunu żgħażagħ ħa nħobbkom ħafna” kienet l-espressjoni ewlenija tiegħu, anzi, qabel dan, kienet l-għażla ewlenija tiegħu: “Wegħidt lil Alla li sa l-aħħar nifs ta’ ħajti jkun għaż-żgħażagħ tiegħi” U tassew, għaż-żgħażagħ għamel ħidma tassew tal-għaġeb bil-kelma, bil-kitba, bl-istituzzjonijiet, bis-safar, bil-laqgat mal-awtoritajiet ċivili u reliġjużi; kellu attenzjoni tassew ħerqana l-aktar għaż-żgħażagħ, għall-personalita tagħhom, biex fl-imħabba tiegħu għalihom bħala missier jaraw sinjal ta’ imħabba aktar għolja.
Il-ħeġġa ta’ mħabbtu dejjem aktar kibret u wasslitu biex jilqa’ sejħa ta’ nazzjonijiet ‘il bogħod, ta’ missjonijiet ‘l hem mill-baħar kbir ta’ l-Atlantiku, għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju, li ma hi qatt mifruda minn ħidma vera għall-promozzjoni tal-bniedem.
Il-Mulej sieħeb miegħu fundatrici Santa Maria Domenika Mazzarello, flimkien ma’ grupp ta’ xebbiet sħabha, li ġa kienu ddedikaw rwieħhom għall-formazzjoni nisranija tax-xebbiet fuq livell parrokkjali. Is-sistema pedagoġiku tiegħu ħajjar oħrajn – irġiel u nisa – biex igħinuh, jew “ konsagrati” permezz tal-voti li għamlu għal għomorhom, jew “koperaturi” imseħbin miegħu għax bħalu kellhom l-istess fehmiet pedagoġiċi u appostoliċi, u magħhom imbagħad sieħeb ukoll l-“ex-allievi” u ħeġġiġhom jagħtu xhieda għall-edukazzjoni li huma stess rċevew billi jġibuha ‘l quddiem.

5. Dawn l-inizjattivi kollha huma frott ta’ ħajja spiritwali mill-aqwa. Il-kobor tieghu bħala qaddis, għall-oriġinalita’ tiegħu, iqiegħdu mal-fundaturi tal-istituti reliġjużi tal-Knisja. Hu minn quddiem għal ħafna raġunijiet: ta bidu għal skola ġdida ta’ spiritwalita’ appostolika li tiġbdek; ġab ‘il quddiem devozzjoni speċjali lejn il-Verġni Maria bħala Għajnuna ta’ l-Insara u Omm il-Knisja; ta xhieda ta’ mħabba qalbiena, kollha lealta’ lejn il-Knisja bil-ħidma li kemm-il darba għamel ta’ medjatur, fi żminijiet li r-relazzjonijiet bejn Knisja u Stat kienu diffiċli ħafna. Fl-appostolat tiegħu kien prattiku u realistiku lest biex jilqa’ kull invenzjoni ġdida; kollu ħeġġa organizza l-missjonijiet b’sentimenti verament kattoliċii; u b’mod ta’ l-għaġeb wera mħabba speċjali għaż-żgħażagħ, kien jippreferihom, u l-aktar, ‘l dawk li kellhom l-aktar, ‘l dawk li kellhom l-akbar ħtiġijiet, għall-ġid tal-Knisja u tas-soċjeta; hu l-imgħallem ta’ Sistema pedagoġiku li jiġbdek, Sistema effikaċi li hu ħalla warajħ bħala don biex jiġi mħares bil-għaqal kollu u jinġab ‘il quddiem.
F’din l-ittra nixtieq nħares lejn Don Bosco l-aktar bħala dak li tul ħajtu tqaddes permezz ta’ mpenn edukattiv, li hu wettaq bil-ħeġġa kollha ta’ qalbu u bi spirtu ta’ appostolat, u li għaraf juri illi hi l-qdusija l-għan li fil-fatt irid jintlaħaq bis-sistema pedagoġika tiegħu. Hi proprju r-relazzjoni sħiħa bejn “qdusija” u “edukazzjoni” li hi l-karatteristika proprja ta’dan l-bniedem: hu “edukattur qaddis” ispirat minn “eżempju ta’ qaddis”, San Franġisk de Sales – dixxiplu ta’ “mgħallem spiritwali qaddis”, San Ġużepp Cafasso – li rnexxielu jtella’ minn fost iż-żgħażagħ tiegħu “student qaddis”, San Duminku Savio.

II. IT-TĦABBIRA PROFETIKA TA’ SAN ĠWANN BOSCO BĦALA EDUKATUR
6. Il-qagħda taż-żgħażagħ fid-dinja ta’ llum, mitt sena wara l-mewt ta’ Don Bosco, tbiddlet ħafna u turi kull sura ta’ qagħdiet u ta’ mġiba, kif jafu sewwa l-edukaturi u r-rgħajja ta’ l-erwieħ. B’danakollu, illum ukoll għadhom isiru dawk il-mistoqsijiet li dwarhom kien jaħseb Don Bosco, sa mill-bidu tal-ministeru saċerdotali tiegħu, kollu ħerqan biex jifhimhom u kollu ħeġġa biex jagħmel xi ħaġa. Min huma ż-żgħażagħ? X’iridu? X’jiġbidhom? X’jeħtieġu? Dawn kienu l-mistoqsijiet tqal ta’ dak iż-żmien u ta’ llum ukoll, mistoqsijiet li kull edukatur jeħtieġlu bilfors iqis sewwa.


Ma jonqsux illum, fost iż-żgħażagħ tad-dinja kollha, gruppi li tassew iħossu l-valuri tar-ruħ, ħerqana li jkollhom l-għajnuna u min jieqaf magħhom biex ikunu jistgħu jilħqu l-kobor sħiħ tal-personalita’ tagħhom. Min-naħa l-oħra hi ħaġa ċara li ż-żgħażagħ illum isibu ruħhom imbuttati lejn qagħdiet negattivi, qagħdiet li jħajruhom u huma frott ta’ ħafna fehmiet ideoloġiċi. Edukatur attent jasal biex jagħraf xi tkun il-qagħda vera taż-żgħażagħ u jindaħal biex jgħinhom bil-ħila kollha u b’ għerf li jħares fil-bogħod.

7. Hu jaf li f’din il-ħaġa hu mħajjar, imdawwal u mwettaq mit-tradizzjoni edukattiva tal-Knisja li ma hemmx oħra bħalha


Il-Knisja, għax taf li hi l-poplu li tiegħu Alla hu missier u edukatur kif tixhed bid-dieher l-Iskrittura (ara Dewt, 31;3,5;32, 10-12; Hos. 11, 1-4; Is. 1,3: Ġer, 3, 14-15; Prov. 3, 11-12; Lh. 12, 5-11; Apok. 3,19), u għax hi “esperta tan-natura tal-bniedem” tista’ titqies ukoll bħala “esperta fl-edukazzjoni”. Dan tixhdu l-ġrajja twila u glorjuża ta’ elfejn sena miktuba minn ġenituri u familji, saċerdoti, lajċi, irġiel u nisa, istituti relġjużi u movimenti fi ħdan il-Knisja li permezz tal-ħidma edukattiva tagħhom urew il-kariżma li kellhom ħa jkomplu l-ħidma edukattiva ta’ Alla li laħqet il-qofol tagħha fi Kristu. Minħabba l-ħidma ta’ tant edukaturi u ragħajja tal-erwieħ u ta’ tant Ordnijiet u Istituti reliġjużi, li ġabu ‘l quddiem istituzzjonijiet ta’ valur kulturali u uman li qatt ma tista’ tqiesu biżżejjed, l-istorja tal-Knisja hi, fil-parti l-kbira tagħha, ħaġa waħda mal-istorja tal-edukazzjoni tal-popli. Il-Knisja-u dan qalu l-Konċilju Vatikan II – meta tinteressa ruħha fl-edukazzjoni, ma tkunx tagħmel ħaġ’ oħra ħlief tobdi “il-kmandament li rċeviet mingħand Kristu, li waqqafha l-ordni li tħabbar il-misteru tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u ġġedded kollox fi Kristu”

8. Huwa u jitkellem dwar il-ħidma tar-reliġjużi u juri l-ħeġġa kollha tagħhom, il-Papa Pawlu VI mar igħid li l-appostolat tagħhom “spiss hu appostolat oriġinali li jiġbdek, tant li ma tistax ma tistagħġibx bih” ( )
Għal San Ġwann Bosco, li waqqaf familja spiritwali kbira, nistgħu ngħidu li l-“ġenju” proprju tiegħu hu marbut mas-sistema edukattiv li hu stess kien isejjaħlu “sistema preventive”. Dan is-sistema, b’xi mod, jiġbor fih l-għerf pedagoġiku ta’ Don Bosco, u huwa l-messaġġ profetiku li ħalla lil tiegħu u lill-Knisja, Sistema li ġibed l-attenzjoni u l-għarfien ta’ ħafna edukaturi u studjużi tal-pedagoġija.

Il-kelma “preventive” għandna nifhmuha mhux fis-sens grammatikali tagħha, imma skont dak kollu li hu karatteristiku fil-ħidma edukattiva ta’ Don Bosco. Ta’ min ifakkar li l-ewwelnett tfisser li wieħed għandu jfittex li jagħraf minn qabel x’esperjenzi ħżiena jista’ jkollhom iż-żgħażagħ ħalli jaħseb għalihom qabel jinqalgħu, esperjenzi li jistgħu jikkompromettu s-saħħa taż-żgħażagħ jew jġagħluhom jagħmlu sforzi kbar bi tbatija fit-tul ħa jerġgħu jiksbu dak li jkunu tilfu. Iżda l-kelma tfisser ukoll dawk l-għażliet preċiżi, dawk is-sistemi edukattivi, magħrufin sewwa u mwettqin b’ħeġġa kbira, bħalma huma; dik il-ħila li tagħti edukazzjoni posittiva billi tħajjar għat-tajjeb permezz ta’ esperjenzi xierqa kapaċi jħajru ż-żgħażagħ minħabba l-ġmiel u d-dinjita’ tagħhom u jġagħluhom jissieħbu fihom; il-ħila li twassal liż-żgħażagħ biex “jikbru fihom infushom” billi ġġagħlhom jużaw sewwa l-liberta’ tar-ruħ tagħhom li twassalhom biex ma joqogħdux għal kull ma jista’ jinfluwenzahom minn barra u jġibu ruħhom b’mod li jogħġbu dejjem lin-nies; il-ħila li tiġbed qlub iż-żgħażagħ biex b’ferħ u b’sodisfazzjon, tħajjarhom għat-tajjeb, tikkorreġġihom meta jiżbaljaw, u tħejjihom għall-ġejjieni permezz ta’ formazzjoni soda tal-karattru tagħhom. Ma għandniex xi ngħidu, dan il-messaġġ pedagoġiku jissopponi li l-edukatur ikun konvint li f’kull żagħżugħ, hu kemm hu sfrattat u emarġinat, hem ukoll il-qawwa għat-tajjeb, li, jekk tiġi mqanqla f’waqtha, tista’ twassal għall-għażla ta’ ħajja ta’ fidi u onesta.

Iżda jaqbel li nieqfu ftit naħsbu fuq wieħed mill-aspetti l-aktar karatteristiċi tal- pedagoġija ta’Don Bosco, aspett li għandu r-rifless providenzjali tiegħu fil-Kotba Mqaddsa.

9. Don Bosco, bniedem ta’ kull sura ta’ ħidma, dejjem sejjer, jagħtina l-aqwa tagħlima bl-istess ħajja tiegħu tant li n-nies ta’ żmienu stess kienu jqisuh edukatur mill-aqwa. Il-ftit li kitebu biex juri x’kienet l-esperjenza pedagoġika tiegħu, jikseb it-tifsir sħiħ tiegħu meta nqabbluh ma’ l-esperjenza twila u għanja li kiseb huwa u jgħix fost iż-żgħażagħ.
Hu kien tal-fehma li fl-edukazzjoni, l-edukatur għandu jkollu mġiba speċjali u li l-ħidma edukativa tiegħu tkun ta’ ħafna suriet, kollha mibnijin fuq ir-raġuni u l-fidi. Il-qofol tal-ħidma ta’ l-edukatur, kif kien jaraha Don Bosco, hi l-“imħabba pastorali”, li hu fisser b’dan il-mod: “Il-mod kif jaħdem is-sistema preventive hu mibni kollu kemm hu fuq kliem San Pawl, li jgħid: ‘L-imħabba taf tistabar u tħenn; kollox tittama, kollox tissaporti” Tħajjar l-edukatur biex iħobb iż-żagħżugħ, hi x’inhi l-qagħda tiegħu, ħa jwasslu għal dik il-milja tan-natura tiegħu ta’ bniedem li dehret fi Kristu, biex jifhem u jara li jista’ jgħix onestament bħala iben Alla. L-imħabba ssaħħaħ u turi l-qawwa ta’ dawk il-veritajiet kollha li Don Bosco għaraf jiġbor fi tliet kelmiet ċari ħafna: “Raġuni, reliġjon, imħabba”


10. Il-kelma “raġuni” turi, fid-dawl tal-veru “umaniżmu” nisrani, il-valur tal-persuna, tal-kuxjenza, tan-natura tal-bniedem, tal-kultura, tax-xogħol, tal-ħajja soċjali, jiġifieri dawk il-valuri kollha li qishom id-dota meħtieġa tal-bniedem għall-ħajja tiegħu familjar, civili u politika. Fl-enċiklika Redemptor hominis fakkart li “Ġesu Kristu hu t-triq ewlenija tal-Knisja; din it-triq minn Kristu twassal għall-bniedem”
Ta’ min isemmi li ġa sa minn mitt sena ilu Don Bosco kien iqis importanti ħafna l-aspett uman u l-qagħda storika ta’ l-individwu, jiġifieri l-liberta’ tiegħu, il-preparazzjoni tiegħu għall-ħajja u għall-professjoni, id-dħul għar-responsabbiltajiet ċivili f’ambjent ta’ ferħ u ta’ mpenn ġeneruż favur il-proxxmu. Hu kien ifisser dawn il-għaniet bi kliem sempliċi li jolqtok, bħalma huma “allegrija”, “studju”, “tjieba”, “għaqal”, “ħidma”, “umanita’”. L-ideal edukattiv tiegħu kien karatterizzat mill-moderazzjoni u r-realiżmu.



Fis-sistema pedagoġiku tiegħu nsibu rabta tajba bejn dak li hu tradizzjonali u dak li hu ġdid. Don Bosco jqiegħed quddiem iż-żgħażagħ programm sempliċi, iżda impenjattiv ukoll, programm li ġabar f’erba’kelmiet milquta li jfissru ħafna: “ċittadin onest għax nisrani tajjeb”. Fi ftit kliem ir-“raġuni”, li Don Bosco kien jemmen li hi don ta’Alla u dmir li ebda edukatur ma jistax ma jkollux, turi l-valur tat-tajjeb u turi wkoll l-għan li jrid jintlaħaq, l-mezzi meħtieġa biex jintlaħaq u l-mod ukoll kif jista’ jintlaħaq. Ir-“raġuni” tistieden liż-żgħażagħ biex jaqsmu bejniethom kull wieħed sa fejn jista’, il-valuri li jkunu għarfu u ppruvaw. Don Bosco r-“raġuni” sejħilha wkoll “qbil xieraq mar-raġuni” għaliex irid ikun hem dejjem lok biex wieħed jifhem lill-ieħor, lok għad-djalogu, għas-sabar li ma jiġi nieqas qatt: hekk biss wieħed jista’ jimxi skont ir-raġuni; u din hi ħaġa li ma hi xejn ħafifa.


Dan kollu jitlob li jkun hem antropoloġija mġedda u sħiħa, ħielsa minn kull ideoloġija li ddgħajjifha. L-edukatur ta’ llum jeħtieġlu jkun jagħraf sewwa s-sinjali taż-żminijiet biex jifhem il-“valuri” li jiġu minnhom u li jħajru liż-żgħażagħ: il-paċi, il-promozzjoni tal-mara, is-solidarjeta’ bejn il-bnedmin, il-progress, l-ekoloġija, il-liberta’, il-ġustizzja


11. Il-kelma l-oħra “reliġjon” tfisser li l-pedagoġija ta’ Don Bosco fiha nfisha togħla ‘l fuq min-natura tal-bniedem, l-għan edukattiv ewlieni tiegħu hu t-trawwiem ta’ bniedem li jemmen. Fil-fehma tiegħu bniedem edukat tajjeb li laħaq il-kobor tiegħu bħala bniedem hu ċ-ċittadin li jgħożż il-fidi tiegħu, li fil-qofol ta’ ħajtu għandu l-ideal tal-bniedem il-ġdid mħabbar minn Kristu u li hu xhud qalbieni tal-fehmiet reliġjużi tiegħu



Hawn mhux qegħdin nitkellmu dwar xi reliġjon spekulattiva u astratta, imma dwar fidi ħajja, bl-egħruq tagħha fil-ħajja ta’ kuljum, fidi li wieħed igħixha f’xirka ma’ l-oħrajn, dejjem lesta biex tisma’ u dejjem lesta biex toqgħod għall-grazzja ta’ Alla. Kif Don Bosco kien soltu jgħid, “il-kolonni li fuqhom timbena l-edukazzjoni” huma l-Ewkaristija, il-Penitenza, id-devozzjoni lejn il-Madonna, l-imħabba għall-Knisja u għar-ragħajja tagħha. L-edukazzjoni ta’ Don Bosco hi “triq” ta’ talb, liturġija, ħajja sagramentali, devozzjoni spiritwali; u għal xi wħud, tweġiba għas-sejħa ta’ vokazzjoni speċjali (kemm saċerdoti u reliġjużi trawwmu fid-djar ta’ Don Bosco!): u għal kulħadd l-istedina għall-qdusija u t-tiksib tagħha.
Don Bosco kien saċerdot għaqli li kien iqis illi kull ma rċieva, kull ma ta, kull ma bih għex, kollox kellu l-pedament tiegħu fir-rivelazzjoni .
Dan l-aspett ta’ “traxxendenza” reliġjuża, li hu l-pedament tas-sistema pedagoġika ta’ Don Bosco, mhux biss jista’ jiġi applikat għal kull kultura, imma jista’ jiġi wkoll adattat għar-reliġjonijiet mhux insara.

12. Fl-aħħarnett , fit-tħaddim tas-sistema ‘preventiv’, irid ikun hemm l-“amabilta”. Din trid tkun drawwa ta’ kuljum u m’hijiex biss l-imħabba tal-bnedmin għal xulxin, u lanqas biss l-imħabba sopranaturali. Tfisser ħafna ħwejjeġ u titlob li wieħed ikun dejjem hemm għad-disposizzjoni ta’ l-oħrajn, kapaċi juża kriterji xierqa u għandu mġiba adatta għal kull ċirkostanza. Din l-“amabilta” turi ruħha fl-impenn tal-edukatur li jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu għall-ġid ta’ dawk li qiegħed jagħtihom edukazzjoni xierqa, jinsab dejjem fosthom, lest biex jagħmel kull xorta ta’ sagrifiċċju, jilqa’ kull xorta ta’ tbatija, huwa u jaqdi l-missjoni tiegħu. Dan kollu jitlob li l-edukatur ikun dejjem qrib iż-żgħażagħ, jiġbed simpatija kollha għalihom, u kapaċi jitħaddet dejjem magħhom.

Hi tipika ta’ Don Bosco u tfisser ħafna l-espressjoni: “Jien qiegħed tajjeb fostkom: ħajti hi li nkun magħkom” Għaraf sewwa x’kien irid, meta tenna: “li dak li jgħodd” hu li “ż-żgħażagħ mhux biss ikunu maħbubin, imma li jħossu li huma maħbubin”

Min hu veru edukatur jissieħeb fil-ħajja taż-żgħażagħ, jinteressa ruħu fil-problemi tagħhom, jipprova jara u jifhem kif huma jħarsu lejn id-dinja, jieħu sehem fl-attivitajiet sportive u kulturali tagħhom, u jissieħeb fid-diskorsi tagħhom; bħala ħabib kbir tagħhom u bniedem responsabbli jurihom liema triqat jistgħu jaqbdu u x’għaniet jista’ jkollhom, ħa jiksbu dak li hu tajjeb u ta’ ġid għalihom, dejjem lest biex jindaħal ħa jiċċaralhom il-problemi tagħhom, jurihom xi kriterji għandhom jużaw, jikkoreġġilhom bil-għaqal kollu u bl-imħabba, imma b’mod sod, fehmiet u mġiba li mhux ta’ min ifaħħarhom. F’ambjent bħal dan ta’ “presenza edukattiva”, l-edukatur ma jitqiesx bħala “superjur”, imma bħala “missierhom, ħuhom u ħabib tagħhom”

F’dan is-sistema l-aktar ħaġa importanti huma r-relazzjonijiet personali. Don Bosco kien iħobb juża l-kelma “familjarita’” biex ifisser kif għandhom ikunu r-relazzjonijiet bejn l-edukatur u ż-żgħażagħ. Mill-esperjenza twila li kellu, kien sgur li mingħajr familjarita’ ma tistax turi mħabba, u jekk ma turix imħabba ma jistax ikun hem dik il-fiduċja li hi meħtieġa biex il-ħidma edukattiva tirnexxi. L-għaniet li jridu jintlaħqu , il-programmi edukattivi, il-prinċipji tal-metodoloġja jseħħu fil-prattika b’mod tassew effikaċi jekk ikun hem verament “spirtu ta’ familja”, jiġifieri jekk kull ma jsir, isir f’ambjent ta’ ferħ u ta’ hena li jqanqal il-qlub.


Dwar dan, ta’ min isemmi almenu l-ħafna żmien li Don Bosco kien jagħti għar-rikreazzjoni, għall-isport, għall-mużika, għat- tijatru jew – kif kien iħobb igħid – għall-bitħa, għall- “ground”: kien jagħraf x’dinjita għandha r-rikreazzjoni. Hu proprju waqt ir-rikreazzjoni, waqt li kulħadd ferħan qiegħed jirrikrea ruħu u juri tassew dak li hu u dak li jħoss, li edukatur għaref jagħraf jindaħal, u b’kelma żgħira f’waqtha, żgħira imma tiswa ħafna, iħares u ssaħħaħ l-ambjent ta’ ħbiberija li ikun hemm . Il-laqgħa maż-żagħżugħ, biex tkun edukattiva, titlob li jkun hem interess fil-fond li ma jonqos qatt dwar x’inhu ż-żagħżugħ personalment, u x’inhuma l-elementi li flimkien jagħmlu l-ambjent kulturali li fih qed igħix ż-żagħżugħ ma’ sħabu. Għandu jkun interess għaqli u kollu mħabba għax-xewqat, għall-valuri, għall-qagħdiet li qed jinfluwenzaw iż-żgħażagħ, għas-sura ta’ ħajja li qed igħixu, għall-eżempji li jaraw madwarhom, għat-tensjonijiet, għar-rivendikazzjonijiet u għall-proposti li qegħdin isiru fl-ambjent li fih qed igħixu ż-żgħażagħ. Dan kollu juri l-ħtieġa li ma jintilifx żmien biex wieħed ifittex igħin liż-żgħażagħ ħa jiffurmaw kuxjenza tajba, jiksbu sens tajjeb tal-familja, tas-soċjeta u tal-politika, biex jikbru fl-imħabba u jaraw is-sess f’dawl nisrani; dan kollu juri l-ħtieġa li wieħed ikollu l-ħila jagħmel ġudizzju kritiku fuq l-imġiba taż-żgħażagħ u jittrattahom skont l-għomor li jkollhom u l-isvilupp tal-intelliġenza tagħhom huma u jikbru – dan kollu jrid isir mingħajr ma wieħed jinsa li ż-żgħożija m’hijiex biss moment fil-ħajja tal-bniedem, imma hi wkoll żmien ta’ grazzja għat-trawwim tal-persuna tal-bniedem.
Illum ukoll, għalkemm l-ambjent kulturali mhux dak ta’ mitt sena ilu, u hem ukoll żgħażagħ li mhumiex ta’ reliġjon nisranija, din il-karatteristika hi waħda mill-ħafna aspetti oriġinali u ta’ siwi kbir tal-pedagoġija ta’ Don Bosco.


13. Irrid infakkar li dawn il-kriterji pedagoġiċi m’humiex xi ħaġa biss tat, imġedded b’għaqal u kuraġġ, proprju minħabba t-tibdil kbir li seħħar lil żgħażagħ ta’ kulturi differenti li jinsabu kullimkien mid-dinja. Veru li l-messaġġ pedagoġika tieħu jeħtieġ ikompli jiġi studjat fil-fond, adattat, imġedded b’għaqal u kuraġġ, proprju minħabba t-tibdil kbir li seħħ fl-ambjent soċjali, kulturali, ekklesjali u pastorali. Tajjeb li wieħed iżomm quddiem għajnejh l-iskoperti u l-progress kollu li sar f’tant oqsma, is-sinjali taż-żminijiet u l-indikazzjonijiet tal-Konċilju Vatikan II. Iżda jibqa’ dejjem sħiħ il-qofol tat-tagħlim ta’ Don Bosco, l-istil proprju tiegħu, l-ispirtu tiegħu, il-ħila li jifhem malajr il-qofol tal-ħaġa, il-kariżma tiegħu: dawn ma se jonqsu qatt għaliex ispirati mill-pedagoġija traxxendentali ta’ Alla.

San Ġwann Bosco hu wkoll qaddis għaż-żminijiet tagħna għal raġuni oħra: hu jgħallimna norbtu flimkien il-valuri li jibqgħu tat-tradizzjoni ma’ soluzzjonijiet ġodda biex inkunu nistgħu nwieġbu b’qawwa li toħloq għall-problemi u għall-ħtiġijiet li kuljum jinqalgħu; għadu sa llum igħallimna, u jipproponilna “edukazzjoni ġdida”, li hi fl-istess ħin fidila għat-tradizzjoni u toħloq ħwejjeġ ġodda.

“Don Bosco ritorna” hu innu tradizzjonali tal-familja salesjana, innu li jfisser illi meta ngħidu li Don Bosco jerġa jiġi, inkunu nuru li rridu nerġgħu mmorru lura għand Don Bosco, biex inkunu tassew edukaturi kapaċi li nħarsu b’fedelta’ lejn l-imgħoddi u fl-istess ħin inkunu attenti, bħalu, għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ ta’ llum; biex fil-wirt ta’ Don Bosco, iż-żgħażagħ isibu dak li meħtieġ li jsir l-ewwel, biex ikollhom tweġiba għad-diffikultajiet u t-tamiet tagħhom.



III. IL-ĦTIEĠA MALAJR TA’ EDUKAZZJONI NISRANIJA  FIŻ-ŻMINIJIET TA’ LLUM

14. Il-Knisja tħoss ruħha impenjata direttament fil-kwistjoni tal-edukazzjoni għaliex il-Knisja dejjem hi fejn jiġi diskuss il-bniedem, għaliex il-bniedem “hu t-triq ewlenija li minnha trid tgħaddi l-Knisja hija u taqdi l-missjoni tagħha” Dan ifisser li l-Knisja għandu jkollha mħabba speċjali għaż-żgħażagħ.
Immorru lejn iż-żgħażagħ: din hi l-ewwel ħidma fondamentali edukattiva li trid issir minnufih: “ Il-Mulej bagħatni għaż-żgħażagħ” f’dan il-kliem ta’ Don Bosco għandna naraw l-għażla appostolika fondamentali tal-Knisja, favur iż-żgħażagħ fqar, iż-żgħażagħ tal-poplu, iż-żgħażagħ l-aktar fil-perikolu.
Ta’ min jiftakar fil-kliem hekk tal-għaġeb li Don Bosco kien igħid liż-żgħażagħ tiegħu u li jiġbru fi ftit kliem l-għażla fondamentali tiegħu: “Qiesu dejjem li kullma jien, jien kollnii għalikom, lejl u nhar, filgħodu u filgħaxija, f’kull moment. Ma għandhiex ħsieb ieħor ħlief li dejjem nikbilhom il-ġid morali, intellettwali u fisiku tagħkom, għalikom nistudja, għalikom naħdem, għalikom ngħix, għalikom lest ukoll nagħti ħajti”

15. Don Bosco wasal biex jagħti lilu nnifsu bħala don liż-żgħażagħ b’dan il-mod, fost tant diffikultajiet xi kull tant kbar ħafna, għax kellu mħabba qawwija u singulari, kellu qawwa fih innifsu tgħaqqad flimkien b’rabta li ma tinħall qatt l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Għaraf igħaqqad flimkien b’mod tal-għaġeb ħidma ta’ evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ ma kinitx biss it-tagħlim tal-katekiżmu jew tal-liturġija, jew t-taħriġ f’dak l-egħmil reliġjuż li bih nuru twemmin tagħna jew naslu għalih, imma kienet tħaddan l-oqsma kollha tal-qagħda taż-żgħażagħ. Din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni ta’ Don Bosco kienet parti mill-proċess għall-formazzjoni tal-bniedem: waqt li jagħraf in-nuqqasijiet tal-bniedem, hu mimli fiduċja li dan jista’ jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu, għax hu sgur li l-kelma tal-Evanġelju tinżera’ fil-ħajja li ż-żgħażagħ igħixu kuljum biex timpenjahom sewwa fi-qadi ta’ dmirijiethom fid-dinja. Għaliex iż-żgħażagħ qegħdin igħixu ħajja ta’ importanza speċjali għall-edukazzjoni tagħhom il-bxara t-tajba tal-Evanġelju tas-salvazzjoni trid tkun ta’ għajnuna għalihom fil-proċess tal-edukazzjoni li qed ikollhom, u l-fidi tkun l-element li tgħaqqad u ddawwal il-personalita’ tagħhom.

Minn hawn jiġu ċerti għażliet li jridu jsiru. L-edukatur irid iħoss sewwa u jagħraf x’inhuma l-valuri u l-istituzzjonijiet kulturali, billi jikseb tagħrif fil-fond tax-xjenzi dwar il-bniedem. B’dan il-mod il-ħila li jikseb tkun mezz mill-aqwa għalih biex iġib ‘il quddiem programm tajjeb ta’ evanġelizzazzjoni. Imbagħad l-edukatur ifassal pjan speċifiku ta’ edukazzjoni li, waqt li jara sewwa kif jisviluppaw il-kwalitajiet tal-bniedem, joħloq fiż-żgħażagħ il-kondizzjonijiet meħtieġa biex dawn, ftit ftit, pass wara l-ieħor , iwieġbu b’mod ħieles għall-pjan tiegħu.

Ħsieb l-edukatur għandu jkun li jmexxii l-proċess edukattiv kollu kemm hu lejn l-għan reliġjuż tas-salvazzjoni. Dan jitlob wisq aktar minn ftit sigħat għat-tagħlim tar-reliġjon u għal ċelebrazzjonijiet ta’ qima lil Alla: jitlob dmir wisq aktar kbir biex tgħin liż-żgħażagħ jiftħu qalbhom għal dawk il-valuri assoluti u jaslu biex jifhmu l-ħajja u l-ġrajja tad-dinja fid-dawl għoli u għani tal-misteru tas-salvazzjoni.

16. L-edukatur għalhekk irid jagħraf sewwa x’inhu l-għan aħħari tal-ħidma tiegħu: għaliex fl-edukazzjoni l-għan li jrid jintlaħaq għandu importanza deċisiva. Jekk da nil-għan mhuwiex ċar biżżejjed, jew żbaljat jew minsi, l-edukatur ikun qed jitbiegħed mit-triq it-tajba, ikun qed ixaqleb għal naħa waħda, barra milli jkun juri nuqqas ta’ ħila.


“Iċ-ċivilta’ ta’ zminijietna-kont għidt lill-UNESCO – tipprova tagħti għadd ta’ ordnijiet fiergħa, li min irid li jsiru jgħid li huma meħtieġa għall-isvilupp u l-progress. Hekk, biex inġibu xi eżempju, iridu li flok ir-rispett għall-ħajja jkun hem it-tneħħija u l-qerda tal-ħajja; flok l-imħabba li ġġib rabta bejn il-persuni b’sens ta’ responsabbilta’ skond il-kuxjenza ta’ kull wieħed, iridu sesswalita’ bla rażan, nieqsa minn kull sens ta’ responsabbilta’; flok il-prinċipju li f’kull egħmil għandha tkun qabel kollox imħarsa l-verita’, iridu mġiba skont il-moda taż-żmien, skont ma jaqbel lil min ikun, skont ma hu meħtieġ biex minnufih jinkiseb dak li wieħed ikun irid”
Fil-Knisja u fid-dinja, is-sura ta’ edukazzjoni sħiħa, bħal dik li wera San Ġwanni Bosco, hi edukazzjoni prattika fil-qdusija. Jeħtieġ li nerġgħu lura għal dik il-fehma ta’ “qdusija” li hi parti mill-ħajja ta’ kull min jemmen. Is-sura oriġinali ta’ “qdusija taż-żgħażagħ”, il-pjan kuraġġuż biex din il-qdusija tintlaħaq, huma parti intrinsika tal-ħila edukattiva ta’ da nil-Qaddis kbir, li bir-raġun kollu nistgħu nsejħulu “Mgħallem tal-ispiritwalita’ u taż-żgħażagħ”. Il-prinċipju speċjali li fuqu kien jimxi kienet ir-rieda tiegħu li ma jħallix liż-żgħażagħ jitqarrqu fit-tamiet tagħhom (il-ħtieġa tal-ħajja, tal-imħabba, tal-ftuħ tagħhom infushom, tal-ferħ, tal –liberta’, tal-prospetti għall-ġejjieni), u fl-istess ħin iwassalhom pass pass biex jagħarfu bil-fatti li biss “permezz ta’ ħajja ta’ grazzja”, jiġifieri permezz ta’ ħbiberija ma’ Kristu, jistgħu jiksbu għal kollox l-ideali l-aktar għoljin. Edukazzjoni bħal din illum titlob li ż-żgħażagħ ikollhom kuxjenza kapaċi tagħraf x’inhuma l-valuri very u tintebaħ liema huma dawk l-ideoloġiji li jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali ħa jassru l-opinjoni pubblika u jaħkmu fuq il-fehmiet tan-nies.


17. L-edukazzjoni li skont il-metodu ta’ Don Bosco tgħin b’mod oriġinali r-relazzjoni bejn l-evanġelizzazzjoni u l-promozzjoni tal-bniedem, titlob attenzjoni speċjali mill-qalb u l-moħħ tal-edukatur: sensibilita’ pedagoġika, imġiba bħal dik ta’ missier u omm, sforz biex tifhem x’qiegħed iseħħ fiż-żagħżugħ huwa u jikber, u fil-grupp tiegħu, fid-dawl ta’ pjan ta’ formazzjoni li jorbot flimkien, b’mod għaqli u tajjeb, l-għan edukattiv fih innifsu u r-rieda li jinsabu l-mezzi l-aktar adatti biex jintlaħaq da nil-għan.

Fis-soċjeta’ ta’ llum l-edukaturi għandhom jagħtu importanza speċjali lil dawk il-fatturi edukattivi ta’ karattru uman u soċjali li tul iż-żminijiet dehru importanti ħafna u li huma minsuġin sewwa mal-grazzja u ma’ dak li jitlob l-Evanġelju

Forsi qatt daqs illum l-edukazzjoni saret esiġenza hekk vitali u soċjali, tant li titlob qagħda u rieda soda biex jiġu mrawwma persuni li jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom. Forsi qatt daqs illum id-dinja ma kienet id-dinja teħtieġ individwi, familji, u komunitajiet li jkollhom l-edukazzjoni bħala l-għan ewlieni ta’ ħajjithom u jiddedikaw ħajjithom kollha u l-enerġiji kollha tagħhom għaliha, u jitolbu l-kollaborazzjoni u l-għajnuna ta’ kulħadd biex jistħarġu u jġeddu bi spirtu ta’ inizjattiva u sens ta’ responsabbilta’ metodi ġodda ta’ edukazzjoni. L-edukazzjoni llum titlob għażla ta’ ħajja serja u adatta, li għandu jkollha l-għarfien u l-għajnuna ta’ min għandu l-awtorita’ fil-komunitajiet ekklesjastiċi u ċivili.

18. Il-Knisja, bl-esperjenza u l-għerf pedagoġiku tagħha, tagħti tifsir edukattiv straordinarju lill-“iskola”, lill-“familja”, “lix-xogħol”, u lil kull xorta ta’ “għaqdiet” u gruppi. Illum jeħtieġ li jerġgħu jiksbu l-importanza tagħhom l-istituzzjonijiet edukattivi u jingħaraf mill-ġdid lill-familja d-dmir fl-edukazzjoni ta’ l-ulied li ebda ħadd ieħor ma jista’ jkollu u li fissirt fit-tul fl-esortazzjoni appostolika Familiaris consortio.

Il-familja għandha dejjem influwenza kbira għat-tajjeb u xi kulltant ukoll, jaħasra! għall-ħażin: b’dan kollu jeħtieġ li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda sa minn ħdan il-familja jitgħallmu jerfgħu r-responsabbilta’ li jifhmu kull ma jiġri kuljum ma’ dwarhom fid-dawl tat-tagħlim etern tal-Evanġelju, mingħajr ma jinsew x’jitlob minnhom it-tiġdid li jkun meħtieġ.

Il-post ċentrali fl-edukazzjoni li għandu jkollha l-familja hu wieħed mill-akbar problem soċjali u morali ta’ llum. “X’jista’ jsir”, staqsejt lill-UNESCO, biex l-edukazzjoni tal-bniedem issir l-aktar fi ħdan il-familja?

Il-formazzjoni tal-bniedem, biex tirnexxi jew ma tirnexxix, tiddependi dejjem kemm minn dak l-ambjent fondamentali ta’ kultura li hu l-familja – hu fi ħdan il-familja li jinħoloq il-bniedem - u kemm, f’livell aktar għoli, minn dak li għandu jagħmel l-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu għal dan il-għan”.

Flimkien mal-ħidma edukattiva tal-familja, hem il-ħidma importanti ħafna ta’ l-iskola, li tista tiftaħ prospetti aktar wiesgħa u aktar universali. Fil-fehma ta’ Don Bosco l-iskola, barra li tisviluppa l-oqsma kulturali, soċjali u professjonali taż-żgħażagħ, trid tagħtihom ukoll struttura soda ta’ prinċipji u valuri morali. Jekk l-iskola ma tagħmilx dan, iż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jgħixu u jġibu ruħhom kif jixraq, bl-onesta’ kollha, fis-soċjeta ta’ llum, imġarrba minn tant tensjonijiet u ġlied.

Aspett ieħor tal-wirt edukattiv li ħallielna dan il-qaddis kbir pjemontiż hu l-interess speċjali li kellu għad-dinja tax-xogħol, li għaliha ż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu mħejjijin sewwa. Dan inħossuh ukoll fis-soċjeta tagħna ta’ llum, minkejja t-tibdiliet kbar li seħħu f’dawn l-aħħar mitt sena.
Ma’ San Ġwann Bosco naqsmu t-tħassib tagħna li nagħtu l-ġenerazzjonijiet ġodda taż-żgħażagħ tħarriġ tajjeb ħa jaqdu sewwa l-professjoni u s-sengħa li jiksbu u l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa , kif sar għal aktar minn mitt sena fl-iskejjel tas-snajja u ta’ l-artiġġjanat u fil-ħwienet tax-xogħol li kienu taħt it-tmexxija għaqlija u ta’ min ifaħħarha ħafna tal-fratelli koperaturi salesjani. Naqsmu ma’ Don Bosco it-tħassib biex tingħata edukazzjoni dejjem aktar qawwija għar-responsabbilta’ fi ħdan is-soċjeta, b’għarfien dejjem aktar sħiħ tad-dinjita tal-bniedem , li mill-fidi nisranija tikseb mhux biss għarfien skont il-liġi, imma wkoll qawwa liema bħalha li b’xejn ma tista’ tqisha.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-importanza li l-Qaddis kien jagħti lil dawk l-għaqdiet u gruppi li fihom jikbru u jisviluppaw id-dinamiżmu u l-inizjattivi taż-żgħażagħ. Bil-ħafna attivitajiet li ta bidu għalihom, hu ħoloq ambjent ta’ ħajja, fejn isir użu tajjeb tal-ħin liberu għall-appostolat, għall-istudju, għat-talb, għall-hena, għal-logħob, għall-kultura, fejn iż-żgħażagħ setgħu jiltaqgħu flimkien u jikbru. Il-bidliet kbar li saru mis-seklu XIX ‘l hawn ma għandhomx ikunu skuża għall-edukatur biex ma jqisx mill-ġdid il-kondizzjonijiet u l-qagħda taż-żgħażagħ illum u mingħajr ma jħalli fil-ġenb, imma jġib ‘il quddiem, dik il-kreativita li hi proprja taż-żgħażagħ.

19. Meta nqisu l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ illum, u niftakru fl-istess ħin il-messaġġ profetiku ta’ Don Bosco ma nistgħux ninsew li barra kull struttura edukattiva, anżi f’kull struttura edukattiva, għandu jkun hemm u huma għal kollox meħtieġa dawk il-waqtiet tipiċi ta’ edukazzjoni fejn l-edukatur jiltaqa’ maż-żagħżugħ u jkellmu personalment: dawn il-waqtiet li meta nużawhom tajjeb, jistgħu jkunu okkażjonijiet ta’ vera direzzjoni spiritwali. Dan hu li għamel il-Qaddis huwa u jaqdi b’mod tassew ta’ l-għaġeb il-ministeru tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
F’dinja mfarrka bħal tagħna, b’tant messaġġi kontra xulxin, tkun tagħti veru rigal pedagoġiku liż-żgħażagħ meta turihom li jistgħu jagħarfu x’inhi, u jfasslu huma stess se tkun , ħajjithom, huma u jfittxu ħa jaraw x’inhu t-teżor tas-sejħa tagħhom, li minnha tiddependi ħajjithom kollha. Il-ħidma edukattiva ta’ min jaħseb li biżżejjed tieħu ħsieb il-ħtiġijiet leġittimi ta’ professjoni, ta’ kultura, ta’ rikreazzjoni xierqa wkoll, ma tkunx sħiħa jekk mal-ħidma li ssir ma jkunx hem imsieħba l-ħmira ta’ dawk il-fehmiet li Kristu stess semma’ liż-żagħżugħ tal-Evanġelju, fehmiet li magħhom Kristu rabat ukoll l-hena tal-ħajja ta’ dejjem jew id-dwejjaq ta’ egoiżmu posessiv (ara Mt. 19, 21 Is).

L-edukatur ikun iħobb tassew liż-żgħażagħ u jagħti edukazzjoni tajba meta jqiegħed quddiemhom dawk l-ideali tal-ħajja li huma ‘l fuq minnhom u jaċċetta li jimxi magħhom huma u jġibu ‘l quddiem bi tbatija, minn jum għall-ieħor il-għażla li jkunu għamlu.



EGĦLUQ

20. F’dan iċ-ċentinarju ta’ Don Bosco “il-missier u l-għalliem taż-żgħażagħ”, nistgħu ngħidu b’konvinzjoni kbira, li Alla fil-provvidenza tiegħu qiegħed jistieden lilkoll il-membri tal-familja salesjana u lill-ġenituri u l-edukaturi kollha biex tagħarfu b’mod dejjem aktar ċar il-ħtieġa tal- formazzjoni taż-żgħażagħ, formazzjoni li hi meħtieġa fuq li meħtieġa, u b’ħeġġa ġdida tidħlu ħa tagħmlu kull ma hu meħtieġ biex din il-formazzjoni sseħħ b’dik il-ħrara mdawwla u ġeneruża li dejjem wera Don Bosco. Għalhekk b’ħerqa kbira, minħabba s-serjeta’ tal-problema tal-formazzjoni taż-żgħażagħ, fost l-edukaturi ngħid l-aktar lis-saċerdoti u l-aktar lil dawk impenjati fil-kura ta’ l-erwieħ: l-edukazzjoni taż-żgħażagħ hi sfida aktar għalikom milli hi għall-oħrajn.


Jien żgur – u dan jixhduh il-laqgħat li dejjem ikolli maż-żgħażagħ fil-vjaġġi appostoliċi tiegħi – li ġa hem għadd mhux żgħir ta’ proġetti u inizjattivi għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ: iżda ma għandniex ninsew li fi żmienna ż-żgħażagħ għandhom quddiemhom perikoli u tentazzjonijiet li ma kinux jafu bihom missirijietna: dawn huma d-drogi, il-vjolenza, it-terroriżmu, il-pornografija fil- films u t-TV, u l-oxxenitajiet fil-kliem u l-istampa. Dan kollu jitlob li, fil-kura ta’ l-erwieħ, tingħata importanza kbira lill-edukazzjoni taż-żgħażagħ permezz ta’ metodi adatti u inizjattivi f’waqthom. Għal da nil-għan, moħħ u qalb Don Bosco juru lis-saċerdoti kif għandha tkun l-aħjar imġiba tagħhom.

Is-serjeta tal-problema titlob li s-saċerdoti jkunu jafuha u jaħsbu fuqha sewwa: Alla sgur jitlobhom kont ta’ dan. Ħa jkunu ż-żgħażagħ il-ħsieb ewlieni tas-saċerdoti! Minnhom jiddependi l-ġejjieni tal-Knisja u tas-soċjeta’. Naf tajjeb ma’ liema diffikultanjiet tiltaqgħu u kemm dispjaċiri ġġarrbu xi kull tant, egħeżież edukaturi. Taqtgħux qalbkom intom u mexjin f’dik it-triq ta’ l-imħabba li hi l-edukazzjoni. Ħa jqawwikom is-sabar bla qjies li juri Alla fil-pedagoġija tiegħu mal-bniedem, il-ħidma dejjem sejra ta’ missier li dehret fil-missjoni ta’ Kristu, għalliem u ragħaj, u d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li ntbagħat biex iġedded il-wiċċ ta’ l-art.

Il-qawwa setgħana imma moħbija ta’ l-Ispirtu s-Santu trid twassal lill-bnedmin kollha għal- kobor sħiħ fuq l-eżempju ta’ Kristu. Hu jagħti l-ħajja lill-bniedem il-ġdid u lid-dinja l-ġdida (ara Rom. 8, 4-5). B’dan il-mod il-ħidma edukattiva tagħkom tidher bħala minister ta’ kollaborazzjoni ma’ Alla u għalhekk sgur tagħti frott.

Il-Qaddis tagħkom, li hu l-Qaddis tagħna wkoll kien igħid li “l-edukazzjoni hi ħaġa tal-qalb” u li jeħtieġ li “jitwassal Alla fi qlub iż-żgħażagħ mhux biss mill-bieb tal-knisja, imma minn dak ta’ l-iskola u tal-ħanut tax-xogħol ukoll”
Hu proprju fil-qalb tal-bniedem li l-Ispirtu tal-Verita’ hu Spirtu ta’ faraġ u ta’ tiġdid; bla head jidħol fil-ġrajja tad-dinja permezz tal-qalb tal-bniedem. Kif ktibt fl-enċiklika Dominum et virificantem “ it-triq tal-Knisja tgħaddi mill-qalb tal-bniedem”; bil-qalb kollha tagħha, li tħaddan il-qlub kollha tal-bnedmin, “titlob lill-Ispirtu s-Santu ‘ġustizzja, sliem u grazzja fl-Ispirtu s-Santu li jagħmlu, skond San Pawl, is-saltna ta’ Alla” Bil-ħidma tagħkom, egħżież edukaturi, intom qegħdin taqdu l-ministeru tal-Knisja-Omm.

Żommu dejjem quddiem għajnejkom il-Verġni Marija bħala dik li ssieħbet l-aktar fil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li qagħdet dejjem għal dak kollu li kien inebbaħha, u għalhekk saret Omm Kristu u Om mil-Knisja.Tul iż-żminijiet “tkompli tinsab bħala Omm, kif jidher mill-kliem li ntqal fuq is-salib: ‘Mara, hem hu ibnek!’ ‘Hemm hi Ommok!”

Twarrbu qatt ħarsitkom minn Marija: isimgħu minnha, meta tgħidilkom: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw. 2,5). Itolbuha kuljum bil-ħerqa biex il-Mulej jibqa’ dejjem qlub ġenerużi li jwieġbu “iva” għas-sejħa tiegħu.

Lilha nafda lilkom u magħkom nafda id-dinja kollha taż-żgħażagħ, biex huma miġbudin u mmexxija minnha, jistgħu bl-għajnuna tal-ħidma edukatriċi tagħkom, jiksbu l-kobor sħiħ ta’ bnedmin ġodda għal dinja ġdid: id-dinja ta’ Kristu, Għalliem u Mulej.

Jalla l-barka appostolika tiegħi, rahan u wegħda ta’ doni mis-sema u xhieda ta’ mħabbti, issaħħaħkom fil-fidi, u tfarraġ u tħares il-membri kollha tal-familja Salesjana.

Minn Ruma, qrib San Pietru, il-31 ta’ Jannar 1988, fl-għaxar sena tal-Pontifikat.

Joannes Paulus PP.II