L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

 

 

L-Indulġenza plenarja  ...

 

 

 

L-INDULĠENZA U L-ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

 

Waħda mill-inizjattivi matul is-Sena tal-Ħniena hi marbuta mall-Bibien tal-Ħniena li l-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku xtaq li jinfetħu f’Ruma u fid-djoċesijiet kollha tad-dinja. Fid-Djoċesi ta’ Malta infeħu il-Bieb tal-Katidral tal-Imdina, il-Bieb tas-Santwarju tal-Madonnna tal-Mellieħa u l-Bieb tal-Oratorju tal-Kurċifiss (fejn tinżamm ix-xbieha devota ta’ Ġesù Redentur mal-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla.  Fid-Djoċesi ta’ Għawdex infetħu l-Bibe tal-Katidral, ir-Rabat, il-bieb tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u l-Bibe tas-Santwarjutal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala. Kulmin jgħaddi minn dawn il-bibien jista’ jirbaħ l-Indulġenza Plenarja, u japplikaha għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor. B’dan il-ġest sempliċi il-Knisja trid turina il-ħniena li Alla jrid juri ma kulmin irid jitħabbeb miegħu mill-ġdid.

 

L-Indulġenza Plenarja tfisser li persuna tkun meħlusa mit-tpattija tad-dnubiet tagħha. Għalhekk huwa meħtieġ li biex tintrebaħ l-Indulġenza l-persuna li tirċeviha tkun fi stat ta’ grazzja, jiġifieri li tkun niedma tassew minn dnubietha u b’dawn il-kundizzjonijiet:

 

1. Il-persuna tkun tassew niedma minn dnubietha b’tali mod li tkun maqtugħa mid-dnub, anke venjali, b’intenzjoni li ma terġax tidneb.

 

2. Dan ifisser ukoll li l-persuna tkun qerret u tqarbnet waqt il-Quddiesa u titlob skont l-intenzjoni tal-Papa (ngħidu aħna billi titlob it-talba tal-Missierna u s-Sliema). Il-qrara u t-tqarbina jistgħu iseħħu sa għoxrin (20) jum jew qabel jew wara li l-persuna tkun għaddiet minn wieħed mill-Bibien tal-Ħniena imxerrda fid-dinja kollha.

 

F’kas ta’ persuni li għal xi raġuni valida, (ngħidu aħna ma jistgħux jivvjaġġaw, ikunu morda jew anzjani jew b’diżaibilità serja) jistgħu jittieħdu fi kwalunkwe knisja bl-istess kundizzjonijiet.  Jekk lanqas dan ma jkun jista’ jsir, l-Indulġenza tista tintrebaħ ukoll mid-dar jew residenza fejn il-persuna tinsab, bl-istess kundizzjonijiet. Minflok il-Quddiesa, il-persuna tista’ titlob ir-Rużarju jew il-Via Sacra jew xi talb ieħor weħidha jew aħjar mal-familja.

 

 

IL-KATEKIŻMU TAL-KNISJA KATTOLIKA DWAR L-INDULĠENZI

 

Paragrafu 1471     

Id-duttrina u l-użu ta’ l-indulġenzi fil-Knisja għandhom rabta tassew kbira ma’ l-effetti tas-sagrament tal-Penitenza. 

X’INHI L-INDULĠENZA

“L-indulġenza hi l-maħfra quddiem Alla tal-piena taż-żmien li kienet tistħoqq minħabba dnubiet li tagħhom ġa tħassret il-ħtija. Maħfra li n-nisrani b’dispożizzjoni tajba jikseb taħt ċerti kundizzjonijiet determinati, permezz tal-ħidma tal-Knisja li, bħala dispensatriċi tal-fidwa, tqassam u tapplika bl-awtorità tagħha t-teżor tal-merti ta’ Kristu u tal-qaddisin”.

“L-indulġenzi huma parzjali jew plenarji skond jekk jeħilsux parti mill-piena taż-żmien li kienet tistħoqq għad-dnubiet jew ineħħuha kollha”. L-insara jistgħu jirbħu l-indulġenzi għalihom stess jew japplikawhom għall-mejtin.

 

IL-PWIENI TAD-DNUB

Paragrafu 1472     

Biex nifhmu din id-duttrina u din id-drawwa ta-Knisja għandna nkunu nafu li d-dnub iġib miegħu żewġ konsegwenzi. Id-dnub il-mejjet itellfilna l-għaqda ma’ Alla, u għalhekk ma nkunux nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem, u ċ-ċaħda ta’ din il-ħajja tissejjaħ “il-piena ta’ dejjem” tad-dnub. Min-naħa l-oħra kull dnub, ukoll dnub venjali, iġib miegħu rabta ħażina mal-ħlejjaq, u minn din ir-rabta wieħed irid jitfejjaq jew f’din id-dinja, jew wara l-mewt fi stat li nsejħulu l-Purgatorju. Din it-tisfija teħles minn dik li nsejħulha “l-piena taż-żmien” mistħoqqa għad-dnub. Dawn iż-żewġ pwieni ma għandniex inqisuhom xi vendetta fuqna minn naħa ta’ Alla, imma huma pwieni li joħorġu min-natura stess tad-dnub. Sogħba u konverżjoni li jkunu ġejjin minn imħabba kollha ħeġġa jaslu biex jeħilsu għal kollox il-midneb, hekk li ma jkollux ebda piena xi jħallas.

Paragrafu 1473     

Il-maħfra tad-dnub u l-ħbiberija mill-gdid ma’ Alla jġibu magħhom ukoll il-maħfra tal-piena ta’ dejjem għad-dnub. Iżda l-pwieni taż-żmien jibqgħu. In-nisrani għalhekk għandu jħabrek biex huwa u jilqa’ bis-sabar kollu t-tbatijiet u t-tiġrib tal-ħajja ta’ kull jum, meta jasal il-waqt, jersaq bla biża’ lejn il-mewt; għandu jħabrek biex b’għemejjel ta’ ħniena u ta’ mħabba, flimkien mat-talb u mal-ħafna suriet ta’ penitenza, jinża’ għal kollox mill-“bniedem il-qadim” u jilbes “il-bniedem il-ġdid” (ara Ef 4,24).

 

FIX-XIRKA TAL-QADDISIN

Paragrafu1474     

In-nisrani li jfittex li jissaffa minn dnubietu u jitqaddes bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla m’huwiex waħdu. “Il-ħajja ta’ kull wieħed minn ulied Alla hi marbuta b’mod ta’ l-għaġeb, fi Kristu u bi Kristu, mal-ħajja ta’ ħutna l-insara kollha fl-għaqda sopranaturali tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, qisu f’persuna mistika”.

Paragrafu 1475     

“Fix-xirka tal-qaddisin bejn il-fidili kollha – bejn dawk li ġa waslu fis-saltna tas-sema, u dawk li daħlu fil-Purgatorju għat-tisfija minn dnubiethom, u dawk li għandhom fil-mixi tagħhom f’din id-dinja – hemm mela rabta ta’ mħabba li tibqa’ dejjem u hemm bdil kotran ta’ kull ġid”. F’dan il-bdil tal-għaġeb il-qdusija ta’ wieħed hi ta’ ġid għall-oħrajn, wisq aktar mill-ħsara li d-dnub ta’ wieħed jista’ jagħmel lill-oħrajn. Minħabba f’dan, ix-xirka tal-qaddisin twassal midneb sogħbien għal dnubietu, biex jissaffa minnhom aktar malajr u aħjar.

Paragrafu1476     

Dan il-ġid spiritwali tax-xirka tal-qaddisin, aħna nsejħulu ukoll it-teżor tal-Knisja “li m’huwiex xi ġabra sħiħa ta’ ġid, bħalma hi l-ġabra tal-ġid kollu materjali li nġabar tul iż-żminijiet, imma hu s-siwi bla qjies li ma jintemm qatt tat-tpattija u tal-merti ta’ Kristu l-Mulej, li hu offra biex il-bnedmin kollha jeħilsu mid-dnub u jaslu għall-għaqda mal-Missier. Fi Kristu l-Feddej hemm tpattija bil-kotra u l-merti kollha tal-fidwa tagħna” (ara Lh 7,23-25; 9,11-28).

Paragrafu 1477     

“Jagħmlu wkoll parti minn dan it-teżor is-siwi tassew kbir, li ma jistax jitqies u li hu dejjem ġdid, li għandhom quddiem Alla t-talb u l-għemejjel tajba tal-Verġni Mqaddsa Marija u tal-qaddisin kollha li tqaddsu bil-grazzja ta’ Kristu, għax imxew fuq il-passi tiegħu u għamlu ħidma li togħġob lill-Missier, hekk li huma u jħabirku għas-salvazzjoni tagħhom għenu wkoll għas-salvazzjoni ta’ ħuthom fl-għaqda tal-Ġisem mistiku.

 

TIKSEB L-INDULĠENZA TA’ ALLA PERMEZZ TAL-KNISJA

Paragrafu 1478     

L-indulġenza tinkiseb permezz tal-Knisja li, bis-setgħa li tħoll u torbot mogħtija lilha minn Kristu, tindaħal favur in-nisrani u tiftaħlu t-teżor tal-merti ta’ Kristu u tal-qaddisin biex taqlagħlu mingħand il-Missier ta’ kull ħniena l-maħfra tal-piena taż-żmien li kienet tistħoqqlu għal dnubietu. B’hekk il-Knisja ma tkunx biss tgħin in-nisrani, imma tkun ukoll tħajru jagħmel għemejjel ta’ tjieba, ta’ penitenza u ta’ mħabba.

Paragrafu 1479     

Għaliex il-mejtin li għadhom jissaffew minn dnubiethom fil-Purgatorju huma wkoll membri ta’ l-istess xirka tal-qaddisin, nistgħu ngħinuhom ukoll, fost ħwejjeġ oħra, billi naqilgħu għalihom indulġenzi, b’mod li jitnaqqsulhom il-pwieni taż-żmien li stħoqqulhom għal dnubiethom.