MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-ASSOĊJAZZJ0NI TAL-ISTAMPA KATTOLIKA

FL-OKKAŻJONI TAL-KONFERENZA VIRTWALI TAL-MEDJA KATTOLIĊI

 

Lill-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Istampa Kattolika

Għall-ewwel darba fl-istorja, dis-sena, l-Assoċjazzjoni tal-Istampa Kattolika se tlaqqa' l-Konferenza annwali tagħha b'mod virtwali minħabba s-sitwazzjoni sanitarja ta' bħalissa.  Ippermettuli qabel kollox, nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dawk li ntlaqtu mill-virus u lejn dawk, li anki b'riskju ta' ħajjithom, għamlu l-almu kollu tagħhom u għadhom impenjati biex jgħinu lil ħutna fil-waqt tal-bżonn.

It-tema magħżula għall-Konferenza ta' dis-sena, Together While Apart (Flimkien filwaqt li Bogħod minn Xulxin), tesprimi b'mod elokwenti s-sens ta' għaqda li tfaċċa, paradossalment, minħabba l-esperjenza tad-distanza soċjali imposta mill-pandemija.  Fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali tas-sena li għaddiet, kont għamilt riflessjoni dwar kif il-komunikazzjoni ttina l-possibiltà li nkunu, kif jgħid San Pawl, "membri ta' xulxin" (cf. Ef 4,25), fis-sejħa li għandna li ngħixu f'komunjoni fi ħdan xibka ta' relazzjonijiet li dejjem jespandu.  Verità, li minħabba l-pandemija aħna rnexxilna napprezzaw f'milja akbar.  Fil-fatt, l-esperjenza ta' dawn l-aħħar xhur uriet kemm hija essenzjali l-missjoni tal-medja biex iżżomm lill-bnedmin f'għaqda, billi tqarreb id-distanza hi u twassal l-informazzjoni meħtieġa  u tiftaħ l-imħuħ u l-qlub għall-verità.

Kienet propju din l-għażla tal-kuxjenza li wasslet għall-ħolqien tal-ewwel ġurnali kattoliċi fil-pajjiż tagħkom, kif ukoll l-inkoraġġiment bla waqfien offrut mir-rgħajja tal-Knisja.  Dan jidher ċar fil-każ tal-Catholic Miscellany, pubblikat fl-1822 f'Charleston mill-Isqof John England li warajh nibtu bosta ġurnali u rivisti.  Illum, bħal dakinhar, il-komunitajiet tagħna għandhom bżonn il-ġurnali, ir-radju, it-televiżjoni u l-medja soċjali biex jaqsmu ma' xulxin, jikkomunikaw, jinfurmaw u jingħaqdu.

Wieħed mill-ħafna, l-ideal tal-għaqda fost id-diversità, fil-motto tal-Istati Uniti, għandu jnebbaħ ukoll is-servizz li intom toffru għall-ġid komuni.  Din hi ħtieġa aktar urġenti llum, f'epoka karatteriżżata minn kunflitti u polariżżazzjoni li mid-dehra lanqas il-komunità kattolika mhi meħlusa minnhom.  Għandna bżonn medja bil-ħila li tibni l-pontijiet, tiddefendi l-verità u twaqqa' l-ħitan kemm li jidhru kif ukoll dawk moħbija, li huma ta' tfixkil għad-djalogu sinċier u l-komunikazzjoni vera bejn il-persuni u l-komunitajiet.  Neħtieġu medja li tgħin lin-nies, l-aktar liż-żgħażagħ, jagħrfu jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u jfasslu ġudizzji korretti mibnijin fuq preżentazzjoni ċara u imparzjali tal-fatti, jifhmu l-importanza li jimpenjaw ruħhom favur il-ġustizzja, l-armonija soċjali u r-rispett lejn id-dar komuni.  Għandna bżonn irġiel u nisa ta' prinċipju li jħarsu l-komunikazzjoni minn dak kollu li jista' jgħawweġ jew idawwar għal-għanijiet ulterjuri.

Allura nitlobkom li tkunu magħqudin bejnietkom u tkunu sinjal tal-għaqda ta' bejnietkom.  Il-medja jistgħu jkunu kbar jew żgħar, imma fil-Knisja dawn mhumiex il-kategoriji li jgħoddu.  Fil-Knisja lkoll ġejna mgħammdin fl-istess Spirtu waħdieni u sirna membri tal-istess ġisem (cf. 1 Kor 12,13).  Bħalma jiġri f'kull għaqda oħra, spiss huma l-iżgħar membri li fl-aħħar mill-aħħar ikunu verament meħtieġa.  L-istess jiġri bil-ġisem ta' Kristu.  Kull wieħed u waħda minna, qiegħed fejn qiegħed, għandu sejħa biex jagħti kontribut, permezz tal-istqarrija tal-verità fl-imħabba, biex il-Knisja tkompli tikber f'kollox fih, dak li hu r-ras tagħha, Kristu (cf. Ef 4,15).

Nafu li l-komunikazzjoni mhix biss kwistjoni ta' kompetenza professjonali.  Il-komunikatur awtentiku jiddedika lilu nnifsu kollu kemm hu/tiddedika lilha nfisha kollha kemm hi, għall-ġid tal-oħrajn, f'kull livell, ibda mill-ħajja ta' kull individwu u spiċċa fil-ħajja tal-familja umana kollha kemm hi.  Ma nistgħux nikkomunikaw kif imiss jekk aħna ma nkunux involuti personalment, jekk personalment ma nkunux xhieda tal-verità tal-messaġġ li nkunu qed inwasslu.  Kull komunikazzjoni għandha l-għajn aħħari tagħha fil-ħajja ta' Alla wieħed trinitarju, li jaqsam magħna l-għana tal-ħajja tiegħu u jitlobna biex min-naħa tagħna, inwasslu dak it-teżor lill-oħrajn, magħqudin fis-servizz tal-verità tiegħu.

Għeżież ħbieb, ninvoka fuqkom u fuq ix-xogħol tal-Konferenza tagħkom, id-don tal-għerf, fehim u fehma tajba tal-Ispirtu s-Santu.  Hi biss il-ħarsa tal-Ispirtu li tippermettilna ma nagħlqux għajnejna quddiem min qed ibati u biex infittxu l-veru ġid ta' kulħadd.  Hu biss b'dik il-ħarsa li nistgħu nkunu effikaċi f'ħidmitna biex ngħelbu l-mard tar-razziżmu, tal-inġustizzja u tal-indifferenza li qed jisfiguraw il-wiċċ tal-familja komuni tagħna.  Permezz tad-dedikazzjoni tagħkom u tal-ħidma tagħkom ta' kuljum, intom tistgħu tgħinu lill-oħrajn jikkontemplaw sitwazzjonijiet u persuni bl-għajnejn tal-Ispirtu.  Fejn id-dinja tagħna spiss ħafna titkellem b'aġġettivi u avverbji, jalla l-komunikaturi nsara jitkellmu bl-ismijiet li jingħarfu u jmexxu 'l quddiem id-dritt silenzjuz tal-verità biex ikunu ta' fejda għad-dinjità umana.  Fejn id-dinja tara kunflitti u firdiet, ħarsu lejn it-tbatija u lejn il-foqra biex tagħtu leħen lill-karba ta' ħutna fil-bżonn tal-ħniena u min jifhimhom.

Ilbieraħ il-Knisja ċċelebrat is-solennità tal-Appostli Pietru u Pawlu.  Jalla l-ispirtu ta' komunjoni mal-Isqof ta' Ruma, li minn dejjem kien sinjal karatteristiku tal-istampa kattolika fil-pajjiżi tagħkom, iżommkom magħqudin fil-fidi u qawwijin quddiem il-modi kulturali li jgħibu u li huma neqsin mill-fwieħa tal-verità evanġelika.  Inkomplu nitolbu flimkien għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi fid-dinja.  Nassigurakom mis-sapport tiegħi u t-talb tiegħi għalikom u għall-familji tagħkom.  U nitlobkom, jekk  jogħġobkom, tiftakru fija fit-talb tagħkom.

Mill-Vatikan, 30 ta' Ġunju, 2020

 

Franġisku

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber