ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-KOLOMBJA

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-AMBJENT

Lill-Eċċellenza Tiegħu Iván Duque Márquez,

President tar-Repubblika tal-Kolombja

Sur President,

Hieni li qed nindirizza lilek u lill-membri organiżżaturi, kif ukoll lill-parteċipanti tal-Jum Dinji tal-Ambjent, li dis-sena kellu jkun iċċelebrat bil-laqgħa f’Bogotá, iżda li minħabba l-epidemija tal-covid-19 qed isir biss b’mod virtwali.  Hi sfida li tfakkarna li quddiem il-kuntrarju dejjem jinfetħu toroq ġodda biex ningħaqdu flimkien bħala familja umana waħda.

Il-ħarsien tal-ambjent u r-rispett lejn il-biodoversità tal-pjaneta huma suġġetti li jolqtu lilna lkoll.  Ma nistgħux nippretendu li aħna f’saħħitna f’dinja marida.  Il-ġrieħi li kkawżajna lil ommna l-art huma ġrieħi li jnixxu d-demm tagħna wkoll.  Il-ħarsien tal-ekosistemi jeħtieġ li jkun il-viżjoni tagħna għall-ġejjieni, u ma jħarisx biss lejn l-immedjat bit-tfittxija tal-qligħ faċli; tkun ħarsa mewwija bil-ħajja u li tfittex il-preservazzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.

L-atteġġjament tagħna lejn il-pjaneta, fil-preżent, għandu jkun għalina impenn biex inkunu xhieda tal-gravità tas-sitwazzjoni.  Ma nistgħux nibqgħu ħalqna magħluq quddiem l-għaa meta għandna prova ta’ kemm hu kbir il-prezz li qed inħallsu għal dil-qerda u għall-isfruttament tal-ekosistema.  M’għadux iż-żmien li ndawwru wiċċna n-naħa l-oħra bl-indifferenza quddiem is-sakkeġġ tal-pjaneta u l-vjolenza li qed issirilha minħabba l-kilba għall-qligħ u f’isem – ħafna drabi – il-progress..  Għandna l-possibiltà li nibdlu r-rotta u nimmiraw lejn dinja aħjar, aktar sana, biex inħalluha b’wirt għall-ġenerazjonijiet ġejjiena.  Kollox jiddependi minna jekk aħna dan rriduh verament.

Ftit ilu ċċelebrajna l-ħames anniversarju tal-Ittra Enċiklika Laudato si’, li titfa l-attenzjoni fuq l-għajta li qed tagħmlilna ommna l-art.  Nistieden lilkom ukoll biex tieħdu sehem f’dis-sena speċjali li ħabbart, ħalli r-riflessjonni tagħkom tkun fid-dawl ta’ dan id-dokument.  B’hekk, ilkoll flimkien, insiru aktar konxji mill-kura u l-ħarsien tad-Dar komuni tagħna, kif ukoll ta’ ħutna l-aktar dgħajfa u mormijin mis-soċjetà.

Fl-aħħar irid ninkoraġġikom fil-ħidma li intom dħaltu għaliha, sabiex id-deċiżjonijiet tagħkom u l-konklużjonijiet li taslu għalihom ikunu dejjem favur il-bini ta’ dinja dejjem abitabbli u favur soċjetà aktar umana, fejn hemm post għal kulħadd u fejn ħadd ma jitqies żejjed.

U, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija.  Ġesù iberikkom u l-Verġni Qaddisa tieħu ħseibkom.

Kordjalment,

Franġisku

Il-Vatikan, 5 ta’ Ġunju, 2020

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber