ITTRA APPOSTOLIKA

F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

“APERUIT ILLIS”

LI BIHA JITWAQQAF

IL-ĦADD TAL-KELMA TA’ ALLA

 

1. “Fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Lq 24:45). Dan hu wieħed mill-aħħar ġesti li għamel Kristu Rxoxt, qabel it-Tlugħ tiegħu fis-Sema. Deher lid-dixxipli waqt li kienu miġbura flimkien, qasam magħhom il-ħobż u fetħilhom moħħhom għall-għerf tal-Kotba Mqaddsa. Lil dawk l-irġiel imbeżżgħin u qalbhom maqtugħa hu jurihom is-sens tal-Misteru tal-Għid: jiġifieri li, skont il-proġett etern tal-Missier, Ġesù kellu jbati u jqum mill-imwiet biex joffri l-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet (ara Lq 24:26,46-47); u jwegħidhom l-Ispirtu s-Santu li jagħtihom il-qawwa li jkunu xhieda ta’ dan il-Misteru ta’ salvazzjoni (ara Lq 24:49).

 

Ir-relazzjoni bejn l-Irxoxt, il-komunità ta’ dawk li jemmnu u l-Iskrittura Mqaddsa hi estremament importanti għall-identità tagħna. Mingħajr il-Mulej li jdaħħalna fiha, impossibbli nifhmu fil-profondità tagħha l-Iskrittura Mqaddsa, imma l-kuntrarju hu daqshekk ieħor minnu: mingħajr l-Iskrittura Mqaddsa nibqgħu ma nifhmux il-ġrajjiet tal-missjoni ta’ Ġesù u tal-Knisja tiegħu fid-dinja. Bir-raġun kollu San Ġirolmu seta’ jikteb: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu” (In Is., ProloguPL 24,17).

 

2. Fl-għeluq tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena kont tlabt li naħsbu għal “Ħadd sħiħ iddedikat kollu kemm hu għall-Kelma ta’ Alla, sabiex wieħed jagħraf l-għana bla qies li jiġi minn dak id-djalogu kontinwu ta’ bejn Alla u l-poplu tiegħu” (Ittra appostolika Misercordia et misera, 7). Qabelxejn, jekk niddedikaw b’mod partikulari Ħadd tas-Sena Liturġika għall-Kelma ta’ Alla, inkunu nistgħu ndewqu mill-ġdid lill-Knisja l-ġest tal-Irxoxt li jiftaħ għalina wkoll it-teżor tal-Kelma tiegħu biex nistgħu nkunu fid-dinja xandara ta’ dan l-għana bla qies. Hawnhekk jiġini f’moħħi t-tagħlim ta’ San Efrem: “Mulej, min għandu l-ħila jifhem l-għana kollu ta’ mqar waħda mill-kelmiet tiegħek? Huwa ħafna iżjed dak li jaħarbilna minn dak li jirnexxilna nifhmu. Aħna sewwasew bħal nies għatxana li jixorbu mill-għajn. Il-kelma tiegħek toffri ħafna sfumaturi differenti, kif ħafna huma l-perspettivi ta’ dawk li jgħarbluha. Il-Mulej lewwen il-kelma tiegħu bi ġmiel ta’ kull xorta, biex dawk li jgħarbluha jistgħu jikkontemplaw dak li jixtiequ minnha. Satar fil-kelma tiegħu t-teżori kollha, biex kull wieħed minna jsib għana f’dak li jikkontempla” (Tifsir fuq id-Diatessaron, 1, 18).

 

B’din l-Ittra, għalhekk, nixtieq inwieġeb għal tant talbiet li wasluli min-naħa tal-poplu ta’ Alla, biex fil-Knisja kollha nistgħu niċċelebraw b’fehma waħda l-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla. Issa saret prassi komuni li ngħixu mumenti li fihom il-komunità Nisranija tikkonċentra fuq il-valur għoli li l-Kelma ta’ Alla għandha fil-ħajja tagħha ta’ kuljum. Fid-diversi Knejjes lokali hemm għana ta’ inizjattivi li qed jagħmlu l-Iskrittura Mqaddsa dejjem iżjed aċċessibbli għal dawk li jemmnu, biex hekk iħossuhom iżjed grati għal don hekk għoli, impenjati biex jgħixuh fil-ħajja ta’ kuljum, u responsabbli biex jagħtu xhieda koerenti tiegħu.

 

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II imbotta bil-qawwi biex nerġgħu niskopru l-Kelma ta’ Alla billi xandar il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. Minn dawk il-paġni, li dejjem għandna nfittxu nimmeditawhom u ngħixuhom, toħroġ b’mod ċar in-natura tal-Iskrittura Mqaddsa, il-mod kif ġiet mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra (kap. II), l-ispirazzjoni divina tagħha (kap. III) li tħaddan it-Testment il-Qadim u dak Ġdid (kap. IV u V), u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-Knisja (kap. VI). Biex iżid jibni fuq dak it-tagħlim, Benedittu XVI fl-2008 sejjaħ Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq it-tema “Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja”, li warajh xandar l-Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini, li fiha tagħlim essenzjali għall-komunitajiet tagħna.[1] Dan id-Dokument, b’mod partikulari, jinżel iktar fil-fond tal-karattru ħaj u attiv tal-Kelma ta’ Alla, fuq kollox meta fl-azzjoni liturġika joħroġ il-karattru sagramentali tagħha.[2]

 

Għalhekk, tajjeb li qatt ma tonqos fil-ħajja tal-poplu tagħna din ir-rabta deċiżiva mal-Kelma ħajja li l-Mulej ma jehda qatt ilissen lill-Għarusa tiegħu, biex tista’ tikber fl-imħabba u fix-xhieda tal-fidi.

 

3. Għalhekk, nistabbilixxi li t-III Ħadd fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena jkun iddedikat għaċ-ċelebrazzjoni, ir-riflessjoni u t-tixrid tal-Kelma ta’ Alla. Hekk dan il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla se jaħbat f’mument opportun ta’ dak il-perjodu tas-sena, meta aħna mistednin insaħħu r-rabtiet tagħna mal-Lhud u nitolbu għall-għaqda tal-Insara. Din mhix xi kumbinazzjoni fiż-żmien: iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla tesprimi tifsira ekumenika, għax l-Iskrittura Mqaddsa turi lil min jagħti widen għaliha l-mixja li għandu jterraq biex jilħaq l-għaqda awtentika u b’saħħitha.

 

Il-komunitajiet għandhom isibu mod kif jgħixu dan il-Ħadd bħala jum solenni. Imma importanti li fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika ssir l-intronizzazzjoni tat-test sagru, biex hekk il-ġemgħa tista’ tara b’mod ċar il-valur normattiv li għandha l-Kelma ta’ Alla. F’dan il-Ħadd, b’mod partikulari, jiswa li wieħed juri b’mod iżjed ċar il-proklamazzjoni tagħha u jadatta l-omelija biex jixħet dawl fuq il-qadi tal-Kelma ta’ Alla. L-Isqfijiet f’dan il-Ħadd jistgħu jiċċelebraw ir-rit tal-Lettorat jew jafdaw ministeru simili, biex ifakkru fl-importanza tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla fil-liturġija. Fil-fatt, hu fundamentali li ma jinħela ebda sforz biex jiġu mħejjija xi fidili sabiex ikunu ħabbara veri tal-Kelma permezz ta’ tħejjija xierqa, kif jiġri kważi bi drawwa għall-akkoliti jew il-ministri straordinarji tat-Tqarbin. Bl-istess mod, il-kappillani jistgħu jsibu modi kif iqassmu l-Bibbja, jew xi ktieb tagħha, lill-ġemgħa kollha ħalli jagħfsu iktar fuq l-importanza li jissoktaw fil-ħajja ta’ kuljum il-qari, l-approfondiment u t-talb bl-Iskrittura Mqaddsa, b’riferiment partikulari għal-Lectio divina.

 

4. Ir-ritorn tal-poplu ta’ Iżrael f’artu, wara l-eżilju tal-Babilonja, kien immarkat b’mod qawwi mill-qari tal-ktieb tal-Liġi. Il-Bibbja, fil-ktieb ta’ Neħemija, toffrilna deskrizzjoni mqanqla ta’ dak il-mument. Il-poplu kien miġbur f’Ġerusalemm fil-misraħ ta’ Bieb l-Ilma jisma’ l-Liġi. Dak il-poplu kien safa mxerred meta ttieħed fl-eżilju, imma issa jerġa’ jsib ruħu miġbur madwar l-Iskrittura Mqaddsa bħallikieku kien “bniedem wieħed” (Neħ 8:1). Għall-qari tal-ktieb imqaddes, il-poplu “kien attent jisma’” (Neħ 8:3), għax kien jaf li f’dik il-kelma seta’ jerġa’ jsib is-sens tal-ġrajjiet li għex. Ir-reazzjoni għax-xandir ta’ dawk il-kelmiet kienet ta’ tqanqil u lfiq: “[Il-Leviti] qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Imbagħad il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: ‘Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!’. Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi. […] ‘La ssewdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom’” (Neħ 8:8-10).

 

Dawn il-kelmiet fihom tagħlim kbir. Il-Bibbja ma tistax tkun biss il-wirt ta’ xi wħud u wisq inqas ġabra ta’ kotba għal ftit ipprivileġġjati. Hija, qabelxejn, tal-poplu mlaqqa’ biex jismagħha u li f’dik il-Kelma jagħraf lilu nnifsu. Spiss, naraw tendenzi li jippruvaw jimmanipulaw it-test sagru u jagħlquh f’xi ċrieki jew fi gruppi magħżulin apposta. Ma jistax ikun hekk. Il-Bibbja hija l-ktieb tal-poplu tal-Mulej li fis-smigħ tiegħu jgħaddi mit-tixrid ’l hawn u ’l hemm u mill-qsim għall-għaqda. Il-Kelma ta’ Alla tgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu u tagħmel minnhom poplu wieħed.

 

5. F’din l-għaqda, li tiġi mis-smigħ, ir-Ragħaj qabelxejn għandu r-responsabbiltà kbira li jfisser u jagħti lil kulħadd il-faċilità li jifhem l-Iskrittura Mqaddsa. Billi din hi l-ktieb tal-poplu, dawk li għandhom il-vokazzjoni li jkunu ministri tal-Kelma għandhom iħossu qawwija l-esiġenza li jagħmluha aċċessibbli għall-komunità tagħhom.

 

L-omelija, b’mod partikulari, għandha funzjoni għalkollox partikulari, għax għandha “karattru kważi sagramentali” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 142). Iddaħħalna fil-profondità tal-Kelma ta’ Alla, b’lingwaġġ sempliċi u adattat għal min qed jisma’, u biha s-saċerdot jgħinna niskopru wkoll “il-ġmiel tax-xbihat li kien juża l-Mulej” (ibid.) biex iħeġġeġ għal ħajja tajba. Din hi opportunità pastorali li ma nistgħux nitilfu!

 

Għal ħafna mill-fidili tagħna, din hija l-unika okkażjoni li għandhom biex jiltaqgħu mal-ġmiel tal-Kelma ta’ Alla u jifhmu r-rabta tagħha mal-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk hemm bżonn li niddedikaw il-ħin kollu li jixraq għat-tħejjija tal-omelija. Ma nistgħux nikkummentaw il-qari sagru dak il-ħin kif jiġina f’moħħna. Pjuttost, minna l-predikaturi hu mitlub l-impenn biex ma ntawlux iktar milli hemm bżonn b’omeliji ta’ min jaħseb li jaf kollox jew argumenti barranin għas-suġġett. Meta nieqfu biex nimmeditaw u nitolbu fuq it-test sagru, allura nkunu kapaċi nesprimu l-essenzjal li hemm bżonn jiġi mifhum u li jagħmel il-frott. Ma nehdew qatt niddedikaw ħin u talb għall-Iskrittura Mqaddsa, biex tiġi milqugħa “mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi” (1 Tess 2:13).

 

Tajjeb ukoll li l-katekisti, minħabba fil-ministeru tagħhom li jgħinu oħrajn jikbru fil-fidi, iħossu l-urġenza li jiġġeddu permezz tal-familjarità u l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa, biex hekk jistgħu jgħinu fid-djalogu veru bejn dawk kollha li jisimgħuhom u l-Kelma ta’ Alla.

 

6. Qabel mar għand id-dixxipli, magħluqin ġewwa, u fetħilhom moħħhom għall-għerf tal-Iskrittura Mqaddsa (ara Lq 24:44-45), l-Irxoxt deher lil tnejn minnhom fit-triq li minn Ġerusalemm tieħu għal Għemmaws (ara Lq 24:13-35). Ir-rakkont tal-evanġelista Luqa jinnota li dan kien l-istess jum tal-Qawmien, jiġifieri l-Ħadd. Dawk iż-żewġ dixxipli kienu qed jitħaddtu bejniethom fuq l-aħħar ġrajjiet tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Il-mixja tagħhom kienet immarkata mid-diqa u mid-delużjoni għat-tmiem traġiku ta’ Ġesù. Kienu ttamaw fih bħala Messija ħellies, u minflok sabu ruħhom quddiem l-iskandlu tal-Mislub. B’rispett u ħlewwa kbira, l-Irxoxt innifsu resaq qribhom u mexa mad-dixxipli, imma dawk ma għarfuhx (ara v. 16). Tul it-triq, il-Mulej staqsiehom, u ntebaħ li ma kinux għadhom fehmu s-sens tal-passjoni u l-mewt tiegħu; isejħilhom “boloh u tqal” (v. 25) u “beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (v. 27). Kristu hu l-ewwel eseġeta! Mhux biss il-Kitbiet tal-qedem ħabbru minn qabel dak li hu kellu jwettaq, imma hu nnifsu ried ikun fidil għal dik il-Kelma biex jagħmel evidenti l-unika storja tas-salvazzjoni li ssib il-milja tagħha fih.

 

7. Għalhekk, il-Bibbja, bħala Skrittura Mqaddsa, titkellem fuq Kristu u tħabbru bħala dak li jrid jgħaddi mit-tbatija biex jidħol fil-glorja (ara v. 26). Mhux parti waħda biss, imma l-Iskrittura kollha titkellem fuqu. Il-mewt u l-qawmien tiegħu ma nistgħux nifhmuhom mingħajrha. Għalhekk waħda mill-eqdem stqarrijiet tal-fidi tisħaq li Kristu “miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa” (1 Kor 15:3-5). La l-Iskrittura titkellem fuq Kristu, biha nistgħu nemmnu li l-mewt u l-qawmien tiegħu mhumiex ħaġa tal-mitoloġija, imma tal-istorja, u jinsabu fil-qalba tal-fidi tad-dixxipli tiegħu.

 

Hi qawwija r-rabta bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-fidi ta’ min jemmen. Billi l-fidi ġejja mis-smigħ u s-smigħ idur kollu mal-kelma ta’ Kristu (ara Rum 10:17), l-istedina li toħroġ minnha hi l-urġenza u l-importanza li dawk li jemmnu għandhom iżommu għas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej kemm fl-azzjoni liturġika, kemm fit-talb u r-riflessjoni personali.

 

8. Il-“vjaġġ” tal-Irxoxt mad-dixxipli ta’ Għemmaws jagħlaq bl-ikla ta’ filgħaxija. Il-Vjaġġatur misterjuż jilqa’ t-talba insistenti li jagħmlulu dawn it-tnejn: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24:29). Ipoġġu miegħu mal-mejda, Ġesù jieħu l-ħobż f’idejh, jgħid il-barka, jaqsmu u joffrihulhom. F’dak il-ħin għajnejhom infetħulhom u għarfuh (ara v. 31).

 

Minn din ix-xena nifhmu kemm hi fundamentali r-rabta bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija. Il-Konċilju Vatikan II jgħallimna: “Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili” (Dei Verbum, 21).

 

Il-frekwentazzjoni kostanti tal-Iskrittura Mqaddsa u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jagħmlu possibbli dak l-għarfien bejn il-persuni li jwettquhom. Bħala Nsara aħna poplu wieħed li jimxi fl-istorja, imsaħħa mill-preżenza tal-Mulej fostna li jkellimna u jitmagħna. Il-jum iddedikat lill-Bibbja għandu jkun mhux “darba f’sena”, imma darba għas-sena kollha, għax għandna ħtieġa urġenti li nsiru familjari u intimi mal-Iskrittura Mqaddsa u mal-Irxoxt, li ma jehda qatt jaqsam il-Kelma u l-Ħobż fil-komunità ta’ dawk li jemmnu. Għalhekk għandna bżonn nidħlu f’familjarità kontinwa mal-Iskrittura Mqaddsa, inkella l-qalb tibqa’ bierda u l-għajnejn jibqgħu magħluqa, milqutin kif aħna minn kull xorta ta’ għama.

 

L-Iskrittura Mqaddsa u s-Sagramenti ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Meta s-Sagramenti jiġu introdotti u mdawlin mill-Kelma, jidhru iżjed ċari bħala d-destinazzjoni ta’ mixja fejn Kristu nnifsu jiftaħ il-moħħ u l-qalb tagħna biex nagħrfu l-azzjoni salvifika tiegħu. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ma ninsewx it-tagħlim li joħroġ mill-ktieb tal-Apokalissi. Dan jgħallimna li l-Mulej jinsab fil-bieb u qed iħabbat. Jekk xi ħadd jisma’ leħnu u jiftaħlu, hu jidħol biex jiekol flimkien miegħu (ara 3:20). Kristu Ġesù jħabbat fuq il-bieb tagħna permezz tal-Iskrittura Mqaddsa; jekk nisimgħuh u niftħulu l-bieb tal-moħħ u tal-qalb tagħna, allura hu jidħol f’ħajjitna u jibqa’ magħna.

 

9. Fit-Tieni Ittra lil Timotju, li b’xi mod qisha t-testment spiritwali tiegħu, San Pawl jirrikkmanda lill-kollaboratur fidil tiegħu biex ifittex ta’ spiss l-Iskrittura Mqaddsa. L-Appostlu hu konvint li “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa” (3:16). Din ir-rakkomandazzjoni ta’ Pawlu lil Timotju hi l-bażi li fuqha l-Kostituzzjoni Konċiljari Dei Verbum taffronta t-tema l-kbira tal-ispirazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa, bażi li minnha joħorġu b’mod partikulari l-finalità salvifika, id-dimensjoni spiritwali u l-prinċipju tal-inkarnazzjoni għall-Iskrittura Mqaddsa.

 

Id-Dei Verbum tfakkarna qabelxejn fir-rakkomandazzjoni ta’ Pawlu lil Timotju u tisħaq li “l-Kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’ċertezza, b’fedeltà u mingħajr żbalji l-verità li, għas-salvazzjoni tagħna, Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa” (n. 11). Billi dawn jgħallmu fid-dawl tas-salvazzjoni bil-fidi fi Kristu (ara 2 Tim 3:15), il-veritajiet li hemm fihom qegħdin hemm għas-salvazzjoni tagħna. Il-Bibbja mhijiex xi ġabra ta’ kotba ta’ storja, lanqas ta’ kronaka, imma hi kollha kemm hi ffukata fuq is-salvazzjoni sħiħa tal-persuna. Il-fundament storiku tal-kotba li hemm fit-test sagru, aspett li ma nistgħux niċħduh, m’għandux inessina din il-finalità ewlenija: is-salvazzjoni tagħna. Kollox hu indirizzat lejn din il-finalità miktuba fl-istess natura tal-Bibbja, li hi minsuġa bħala storja ta’ salvazzjoni li fiha Alla jitkellem u jaġixxi biex jiltaqa’ mal-bnedmin kollha u jsalvahom mill-ħażen u mill-mewt.

 

Biex tilħaq din il-finalità salvifika, l-Iskrittura Mqaddsa taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu tibdel f’Kelma ta’ Alla l-kelma tal-bnedmin miktuba b’mod uman (ara Dei Verbum, 12). Ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura Mqaddsa hu fundamentali. Mingħajr l-azzjoni tiegħu, dejjem jibqa’ r-riskju għoli li nibqgħu magħluqin fit-test sagru waħdu, u dan jagħmel eħfef l-interpretazzjoni fundamentalista, li jeħtieġ inżommu bogħod minnha biex ma nittradixxux il-karattru ispirat, dinamiku u spiritwali li għandu t-test imqaddes. Kif ifakkarna l-Appostlu, “l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja” (2 Kor 3:6). Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu jibdel l-Iskrittura Mqaddsa f’Kelma ħajja ta’ Alla, li tingħax u tiġi mgħoddija fil-fidi tal-poplu qaddis tiegħu.

 

10. L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu ma tolqotx biss it-tiswir tal-Iskrittura Mqaddsa, imma taħdem ukoll f’dawk li jagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla. Importanti l-affermazzjoni tal-Padri Konċiljari meta jgħidu li l-Iskrittura Mqaddsa għandha “tinqara u tkun interpretata bl-għajnuna tal-istess Spirtu li permezz tiegħu nkitbet” (Dei Verbum, 12). Ma’ Ġesù Kristu r-rivelazzjoni ta’ Alla tilħaq it-twettiq u l-milja tagħha; safrattant, l-Ispirtu s-Santu għadu għaddej bl-azzjoni tiegħu. Fil-fatt, inkunu nfaqqru wisq din l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu jekk nillimitawha biss għan-natura divinament ispirata tal-Iskrittura Mqaddsa u għad-diversi awturi tagħha. Għalhekk jeħtieġ ikollna fiduċja fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jibqa’ jwettaq għamla partikulari tal-ispirazzjoni tiegħu meta l-Knisja tgħallem l-Iskrittura Mqaddsa, meta l-Maġisteru jinterpretaha b’mod awtentiku (ara ibid., 10), u meta kull min jemmen jagħmel minnha n-norma spiritwali tiegħu. F’dan is-sens nistgħu nifhmu kliem Ġesù meta, lid-dixxipli li jikkonfermawlu li fehmu t-tifsira tal-parabboli tiegħu, jgħidilhom: “Kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt 13:52).

 

11. Fl-aħħar nett, id-Dei Verbum tippreċiża li “l-kliem ta’ Alla mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta’ bniedem, sar jixbah lill-bniedem” (n. 13). Qisha qed tgħid li l-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla tagħti għamla u sens lir-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-lingwaġġ uman, bil-kundizzjonijiet storiċi u kulturali kollha tiegħu. Hu f’din il-ġrajja li tieħu sura t-Tradizzjoni, li wkoll hi Kelma ta’ Alla (ara ibid., 9). Spiss nirriskjaw li nifirdu minn xulxin l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni, mingħajr ma nifhmu li flimkien huma l-unika għajn tar-Rivelazzjoni. Il-karattru miktub tal-ewwel ma jneħħilhiex id-dimensjoni sħiħa tagħha ta’ kelma ħajja; l-istess kif it-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, li tgħaddiha bla waqfien mal-medda tas-sekli minn nisel għal nisel, għandha f’dak il-ktieb imqaddes ir-“regola ewlenija tal-fidi tagħha” (ibid., 21). Barra minn dan, qabel ma saret kitba, l-Iskrittura Mqaddsa kienet mgħoddija oralment u miżmuma ħajja mill-fidi ta’ poplu li għaraf fiha l-istorja u l-prinċipju tal-identità tiegħu f’nofs tant popli oħra. Għalhekk, il-fidi tal-Bibbja tissejjes fuq il-Kelma ħajja, u mhux fuq ktieb.

 

12. Meta l-Iskrittura Mqaddsa tinqara fl-istess Spirtu li bih ġiet miktuba, hi tibqa’ dejjem ġdida. It-Testment il-Qadim qatt mhu qadim meta hu parti mill-Ġdid, għax kollox jiġi mibdul mill-istess Spirtu wieħed li jnebbħu. It-test imqaddes kollu għandu funzjoni profetika: din mhix dwar il-futur, imma dwar l-illum ta’ min jitrejjaq b’din il-Kelma. Ġesù nnifsu jaffermah b’mod ċar dan meta jniedi l-ministeru tiegħu: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21). Min jitrejjaq ta’ kuljum mill-Kelma ta’ Alla jsir, bħal Ġesù, kontemporanju tal-persuni li magħhom jiltaqa’; mhuwiex ittentat li jaqa’ f’nostalġiji vojta għall-imgħoddi, lanqas f’utopiji maqtugħa mir-realtà li jħarsu biss lejn il-futur.

 

L-Iskrittura Mqaddsa tiżvolġi l-azzjoni profetika tagħha qabelxejn fil-konfront ta’ min jismagħha. Hi tipprovoka ħlewwa u mrar fl-istess ħin. Jiġuna f’moħħna l-kelmiet tal-profeta Eżekjel meta, wara li l-Mulej stiednu jibla’ l-iskroll tal-ktieb, jistqarr: “F’ħalqi ħassejtu ħelu għasel” (3:3). Anki l-evanġelista Ġwanni fuq il-gżira ta’ Patmos jgħix l-istess esperjenza ta’ Eżekjel li jiekol il-ktieb, imma jżid xi ħaġa aktar speċifika: “Ġo ħalqi ħassejtu ħelu għasel; iżda meta kiltu, imlieni bl-imrar ġo fija” (Apok 10:10).

 

Il-ħlewwa tal-Kelma ta’ Alla twassalna biex naqsmuha ma’ dawk li magħhom niltaqgħu fil-ħajja tagħna biex nesprimu ċ-ċertezza tat-tama li hemm fiha (ara 1 Piet 3:15-16). L-imrar, min-naħa l-oħra, spiss jiġi meta nintebħu kemm hu diffiċli għalina ngħixu b’koerenza, jew meta mmissu b’idejna l-fatt li din tiġi rrifjutata għax ikun hemm min ma jarahiex valida biex tagħti sens lil ħajtu. Għalhekk, m’għandna qatt nidraw iżżejjed il-Kelma ta’ Alla, imma nitrejqu biha biex niskopru u ngħixu b’mod profond ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna.

 

13. Provokazzjoni oħra li tiġi mill-Iskrittura Mqaddsa hi dik dwar l-imħabba tal-oħrajn. Il-Kelma ta’ Alla kontinwament issejjaħ lill-Poplu ta’ Alla għall-imħabba ħanina tal-Missier li jitlob minn uliedu li jgħixu fl-imħabba. Il-ħajja ta’ Ġesù hi l-espressjoni sħiħa u perfetta ta’ din l-imħabba divina li ma żżomm xejn għaliha nfisha, imma lil kulħadd toffri lilha nfisha mingħajr riservi. Fil-parabbola tal-fqajjar Lazzru għandna indikazzjoni prezzjuża. Meta Lazzru u l-għani jmutu, dan, xħin jilmaħ lill-fqir fi ħdan Abraham, jitolbu jibagħtu għand ħutu biex iwissihom ħalli jgħixu l-imħabba tal-proxxmu, biex jevitaw li huma wkoll jgħaddu mill-istess tbatija tiegħu. It-tweġiba ta’ Abraham hi qawwija: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom” (Lq 16:29). Nagħtu widen għall-Iskrittura Mqaddsa biex nipprattikaw il-ħniena: din hi l-ikbar sfida li għandna f’ħajjitna. Il-Kelma ta’ Alla kapaċi tiftħilna għajnejna biex tgħinna noħorġu mill-individwaliżmu li jaqta’ n-nifs u jħallina vojta, waqt li tiftħilna beraħ it-triq quddiemna biex naqsmu u nkunu solidali mal-oħrajn.

 

14. Wieħed mill-aktar episodji sinifikattivi tar-relazzjoni bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu hu r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni. Ġesù jitla’ fuq il-muntanja jitlob ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni. L-evanġelisti jgħidulna li waqt li wiċċ u lbies Ġesù kienu jiddu, dehru żewġt irġiel jitħaddtu miegħu: Mosè u Elija, li jirrappreżentaw il-Liġi u l-Profeti, jiġifieri l-Iskrittura Mqaddsa. Ir-reazzjoni ta’ Pietru għal dik id-dehra hi mimlija b’għaġeb kbir ta’ ferħ: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija” (Lq 9:33). F’dak il-ħin dehret sħaba u għattiethom bid-dell tagħha u d-dixxipli mtlew bil-biża’.

 

It-Trasfigurazzjoni tfakkarna fil-festa tal-Għerejjex, meta Esdra u Neħemija qraw it-test sagru lill-poplu, wara r-ritorn mill-eżilju. Fl-istess waqt, tantiċipa l-glorja ta’ Ġesù bi tħejjija għall-iskandlu tal-passjoni, glorja divina li tiġi evokata wkoll mis-sħaba li tgħatti lid-dixxipli, simbolu tal-preżenza ta’ Alla. Din it-Trasfigurazzjoni tixbah lil dik tal-Iskrittura Mqaddsa, li tittraxxendi lilha nfisha meta ssir ikel għal dawk li jemmnu. Kif tfakkarna l-Verbum Domini: “Biex nirbħu lura l-artikulazzjoni bejn id-diversi tifsiriet tal-Iskrittura hemm bżonn ngħaddu mill-ittra għall-ispirtu. Dan mhux xi passaġġ awtomatiku u spontanju; pjuttost jeħtieġ immorru lil hemm mill-ittra” (n. 38).

 

15. Fit-triq biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, timxi magħna Omm il-Mulej, li tissejjaħ hienja għax emmnet li jsir dak li kien qalilha l-Mulej (ara Lq 1:45). Il-beatitudni ta’ Marija tiġi qabel il-beatitudnijiet kollha mħabbra minn Ġesù għall-foqra, il-maħqurin, l-umli, il-bennejja tal-paċi u dawk li huma ppersegwitati, għax hija l-kundizzjoni meħtieġa għal kull beatitudni oħra. L-ebda fqir ma hu hieni għax hu fqir; isir hieni jekk, bħal Marija, jemmen li l-Kelma ta’ Alla ħa sseħħ. Dan ifakkarhulna dixxiplu u mgħallem kbir tal-Iskrittura Mqaddsa, Santu Wistin: “Xi ħadd minn qalb il-folla, partikularment mirbuħ mill-entużjażmu, esklama: ‘Hieni l-ġuf li ġiebek’. U hu: ‘Henjin iżjed dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha’. Qisu ried jgħid: anki ommi, li int qed issejħilha hienja, hi hienja sewwasew għax tħares il-kelma ta’ Alla, mhux għax fiha l-Verb sar bniedem u għammar fostna, imma għax tħares il-Verb ta’ Alla nnifsu li permezz tiegħu hi saret, u li fiha tlaħħam” (Fuq il-Vanġelu ta’ Ġwanni, 10, 3).

 

Jalla l-Ħadd iddedikat lill-Kelma jkattar fil-poplu ta’ Alla l-familjarità reliġjuża u assidwa mal-Iskrittura Mqaddsa, l-istess kif l-awtur sagru kien diġà għallem fiż-żminijiet ta’ dari: “Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha” (Dewt 30:14).

 

Mogħtija minn Ruma, f’San Ġwann Lateran, 30 ta’ Settembru 2019

Tifkira liturġika ta’ San Ġirolmu fil-bidu tal-1,600 anniversarju minn mewtu

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

[1] Ara AAS 102 (2010), 692-787.

[2] “Hekk is-sagramentalità tal-Kelma nifhmuha f’analoġija mal-preżenza reali ta’ Kristu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid ikkonsagrat. Meta nersqu lejn l-altar u nieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika aħna nikkomunikaw tabilħaqq mal-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni jitlobna nagħrfu li Kristu nnifsu hu preżenti u jdur fuqna biex nagħtuh widen” (Verbum Domini, 56).