| 
												 
												  
												Il-Papa 
												Franġisku 
												
												lis-Saċerdoti 
												  
												
												"Jum wieħed aħna għedna “iva” 
												li twieldet u kibret fi ħdan 
												komunità nisranija grazzi għal 
												dawk il-qaddisin «tal-bieb ta’ 
												ħdejna."  | 
												
												  
												ITTRA TAL-PAPA FRANĠISKU 
												LIS-SAĊERDOTI 
												
												 
												FL-OKKAŻJONI TAL-160 
												ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’ 
												 
												
												 
												SAN ĠWANN MARIJA VIANNEY, L-KURAT 
												T’ARS  
												
												 
												Lil ħuti presbiteri. 
												
												 
												Għeżież ħuti, 
												
												 
												Niftakru il-160 anniversarju 
												mill-mewt tal-qaddis Kurat t’Ars, 
												propost minn Piju XI bħala l-patrun 
												tal-kappillani tad-dinja[1]. 
												Fil-festa tiegħu nixtieq 
												niktbilkom din l-ittra, mhux 
												biss lill-kappillani imma lilkom 
												ilkoll, aħwa presbiteri, li 
												mingħajr storbju “titilqu kollox” 
												sabiex timpenjaw ruħkom 
												fil-ħajja ta’ kuljum 
												tal-komunitajiet tagħkom. Lilkom 
												li, bħall-Kurat t’Ars, taħdmu 
												"fit-trunċiera", iġġorru fuq spallejkom il-piż 
												tal-jum u s-sħana (ara Mt 20, 
												12) u, esposti għal 
												sitwazzjonijiet bla għadd, 
												“tagħmlu wiċċkom” ta’ kuljum 
												mingħajr ma tieħdu wisq 
												importanza, sabiex il-Poplu 
												t’Alla jkun ikkurat u 
												akkumpanjat. Indur lejn kull 
												wieħed minnkom li, f’ħafna 
												okkażjonijiet, b’mod inosservat 
												u b’sagrifiċċju, fl-għeja, 
												fil-mard jew fin-niket, taqdu l-missjoni 
												bħala servizz lejn Alla u lejn 
												il-poplu tiegħu u, minkejja d-diffikultajiet 
												kollha tal-mixja, tiktbu l-isbaħ 
												paġni tal-ħajja saċerdotali. 
												
												 
												Xi żmien ilu qsamt mal-isqfijiet 
												Taljani l-inkwiet li, f’numru 
												mhux żgħir ta’ reġjuni, 
												il-qassisin tagħna iħossuhom 
												ridikolizzati u “ħatja” minħabba 
												atti kriminali li m’għamlux huma, 
												u kont qed ngħidilhom li dawn 
												għandhom bżonn li jsibu fl-isqof 
												tagħhom il-figura ta’ ħuhom 
												il-kbir u tal-missier li 
												tinkoraġġihom f’dawn 
												iż-żminijiet diffiċli, 
												tistimulhom u żżommhom matul 
												il-mixja[2]. 
												
												 
												Bħala ħukom il-kbir u missier 
												anke jien nixtieq inkun viċin, 
												l-ewwel nett biex 
												nirringrazzjakom f’isem il-Poplu 
												qaddis t’Alla għal dak kollu li 
												jirċievi mingħandkom u, min-naħa 
												tiegħi, ninkoraġġikom sabiex 
												iġġeddu dawk il-kelmiet li l-Mulej 
												lissen b’tant ħlewwa fil-jum 
												tal-ordinazzjoni tagħna u li 
												jikkostitwixxu l-għajn tal-ferħ 
												tagħna: «Ma nsejħilkomx aktar 
												qaddejja ... sejjaħtilkom ħbieb» 
												(Ġw 15,15)[3]. 
												
												 
												UĠIGĦ 
												
												«Jien ħarist u rajt it-tbatija 
												tal-poplu tiegħi» (Eż 3,7). 
  
												
												F’dan l-aħħar żmien stajna 
												nisimgħu aktar ċar l-għajta, ta’ 
												spiss silenzjuża u mġiegħla 
												għas-silenzju, ta’ ħutna, vittmi 
												ta’ abbuż ta’ poter, ta’ 
												kuxxjenza u sesswali min-naħa ta’ 
												ministri ordnati. Bla dubju, 
												huwa żmien ta’ uġigħ fil-ħajja 
												tal-vittmi li sofrew forom 
												diversi ta’ abbuż; anke 
												għall-familji tagħhom u 
												għall-Poplu kollu t’Alla. 
												
												 
												Kif tafu ninsabu impenjati 
												bis-saħħa sabiex nattwaw riformi 
												meħtieġa biex nagħtu imbuttatura, 
												mill-qiegħ, għal kultura bbażata 
												fuq il-kura pastorali b’tali mod 
												li l-kultura tal-abbuż ma 
												jirnexxiliex issib spazju biex 
												tiżviluppa u, wisq anqas, biex 
												tinfirex. Mhijiex biċċa xogħol 
												faċli u, fl-immedjat, titlob l-impenn 
												ta’ kulħadd. Jekk fil-passat l-ommissjoni 
												setgħet tinbidel f’xi forma ta’ 
												risposta, illum irridu li l-konverżjoni, 
												t-trasparenza, is-sinċerità u s-solidarjetà 
												mal-vittmi jsiru l-mod ta’ kif 
												aħna nagħmlu l-istorja u sabiex 
												jgħinuna nkunu aktar attenti 
												quddiem it-tbatijiet kollha 
												umani[4]. 
												
												 
												Dan l-uġigħ mhuwiex xejn anqas 
												indifferenti għall-presbiteri. 
												Dan stajt ninnutah fid-diversi 
												żjarat pastorali kemm fid-djoċesi 
												tiegħi kif ukoll f’oħrajn, fejn 
												kelli l-opportunità li jkolli 
												laqgħat u taħdidiet personali 
												mas-saċerdoti. Ħafna minnhom 
												urewni l-għadab tagħhom għal dak 
												illi ġara, u anke speċi ta’ 
												impotenza, għaliex apparti «l-għeja 
												tal-impenn tagħhom għexu 
												il-ħsara pprovokata mis-suspett 
												u l-inċertezza li f’xi wħud jew 
												f’ħafna setgħu daħħlu id-dubju, 
												il-biża u n-nuqqas ta’ 
												fiduċja[5]. Huma ħafna l-ittri 
												ta’ saċerdoti li jaqsmu dan 
												is-sentiment. Min-naħa l-oħra, 
												huwa ta’ konsolazzjoni li ssib 
												rgħajja li, meta jaraw u jagħrfu 
												t-tbatijiet tal-vittmi u 
												tal-Poplu t’Alla, jieħdu azzjoni, 
												u jfittxu kliem u toroq ta’ 
												tama. 
												
												 
												Mingħajr ma ninnegaw jew ma 
												nirrikonoxxux il-ħsara li 
												kkawżaw xi wħud minn ħutna, ikun 
												inġust jekk ma nagħrfux tant 
												saċerdoti li, b’mod kostanti u 
												integru, joffru dak kollu li 
												huma u li għandhom għall-ġid 
												tal-oħrajn (ara 2 Kor 12,15) u 
												jwasslu ‘l quddiem paternità 
												spiritwali li taf tibki ma’ dawk 
												li jibku; huma bla għadd is-saċerdoti 
												li jagħmlu mill-ħajja tagħhom 
												opra ta’ ħniena f’reġjuni u 
												sitwazzjonijiet li ta’ spiss ma 
												jilqgħukx, jinsabu l-bogħod jew 
												abbandunati anke b’riskju għal 
												ħajjithom stess. Nagħraf u 
												nirringrazzjakom għall-eżempju 
												kuraġġuż u kostanti tagħkom li, 
												fil-mumenti ta’ turbolenza, 
												mistħija u tbatija, jurina kif 
												intom tibqgħu tingħataw bil-ferħ 
												għall-Vanġelu[6]. 
												
												 
												Ninsab konvint li, fil-qies li 
												aħna nkunu fidili lejn ir-rieda 
												t’Alla, iż-żminijiet ta’ 
												purifikazzjoni ekkleżjali li 
												qegħdin ngħixu ser jagħmluna 
												aktar kuntenti u sempliċi u, 
												fil-futur mhux wisq imbiegħed, 
												ser jagħtu ħafna frott. «Ma 
												naqtgħux qalbna! Il-Mulej 
												qiegħed jippurfika lill-Għarusa 
												tiegħu u qiegħed jikkonvertina 
												kollha lejh. Qiegħed iwassalna 
												nesperimentaw il-prova sabiex 
												nifhmu li mingħajru aħna trab. 
												Qiegħed isalvana mill-ipokrezija, 
												mill-ispiritwalità tal-apparenzi. 
												Huwa qiegħed jonfoħ l-Ispirtu 
												tiegħu sabiex jagħti mill-ġdid 
												is-sbuħija lill-Għarusa tiegħu, 
												maqbuda fil-fatt f’att adulteru. 
												Jgħinna jekk illum naqbdu 
												kapitlu 16 ta’ Isaija. Din hija 
												l-istorja tal-Knisja. Din hija 
												l-istorja tiegħi, jista’ jgħid 
												kull wieħed minna. U fl-aħħar, 
												iżda permezz tal-mistħija 
												tiegħek, int ser tkompli tkun 
												ragħaj. L-indiema umli tagħna, 
												li tibqa’ fis-skiet bejn id-dmugħ 
												quddiem il-mostrosità tad-dnub u 
												l-kobor bla qies tal-maħfra ta’ 
												Alla, din, din l-indiema umli 
												hija l-bidu tal-qdusija tagħna»[7]. 
												
												 
												GRATITUDNI 
												«Ma nixba' qatt niżżi ħajr 
												minħabba fikom» (Efes 1,16). 
												
												 
												Il-vokazzjoni, aktar milli 
												għażla tagħna, hija risposta 
												għal sejħa gratwita tal-Mulej. 
												Huwa sabiħ li mmorru lura 
												f’kontinwità mal-kitbiet 
												evanġeliċi li juruna lil Ġesù 
												jitlob, jagħżel u jsejjaħ «sabiex 
												jibqgħu miegħu u biex jibgħathom 
												jippritkaw » (Mk 3,14).  
												
												 
												Nixiteq infakkar hawn għalliem 
												kbir tal-ħajja saċerdotali mill-pajjiż 
												fejn twelidt jien, patri Lucio 
												Gera, li, meta kien jitkellem 
												ma’ grupp ta’ saċerdoti fi żmien 
												ta’ ħafna diffikultajiet fl-Amerka 
												Latina, kien jgħidilhom: 
												“dejjem, iżda wisq aktar fid-diffikultajiet, 
												irridu mmorru lura għal dawk 
												il-mumenti ta’ dawl li fihom 
												esperimentajna is-sejħa 
												tal-Mulej sabiex nikkonsagraw 
												ħajjitna kollha għas-servizz 
												tiegħu”. Dan hu dak li nħobb 
												insejjaħ “il-memorja 
												dewteronomika tal-vokazzjoni” li 
												tagħtina ċ-ċans immorru lura 
												“għal dak il-punt jiddi li fih 
												il-Grazzja t’Alla missitni 
												fil-bidu tal-mixja. U minn dik 
												ix-xrara li nista’ nixgħel in-nar 
												għal-lum, għal kull ġurnata, u 
												nwassal is-sħana u d-dawl lil 
												ħuti. Minn dik ix-xrara jixgħel 
												ferħ umli, ferħ li ma joffendix 
												it-tbatija u d-disperazzjoni, 
												ferħ tajjeb u ġentili»[8]. 
												
												 
												Jum wieħed aħna għedna “iva” li 
												twieldet u kibret fi ħdan 
												komunità nisranija grazzi għal 
												dawk il-qaddisin «tal-bieb ta’ 
												ħdejna»[9] li wrewna b’fidi 
												sempliċi kemm kien jiswa’ li 
												nagħtu kollox għall-Mulej u 
												għas-Saltna tiegħu. “Iva” li l-implikazzjonijiet 
												tagħha kellhom u għad ikollhom 
												traxxendenza li wieħed lanqas 
												biss jissuspetta, u li ħafna 
												drabi m’aħniex ser inkunu kapaċi 
												nimmaġinaw il-ġid kollu li 
												kienet u għadha kapaċi toħloq. 
												Kemm hu sabiħ meta saċerdot 
												anzjan ikun imdawwar u jmorru 
												jżuruh dawk iż-żgħar – issa 
												adulti – li fil-bidu kien 
												għammed u, bi gratitudni, jiġu 
												jippreżentawlu l-familja tagħhom! 
												Hemmhekk skoprejna li aħna ġejna 
												midluka sabiex nidilku, u d-dilka 
												t’Alla ma tiddeludi qatt u 
												twassalni ngħid mal-Appostlu: 
												«Ma nixba' qatt niżżi ħajr 
												minħabba fikom» (Ef 1,16) u 
												għall-ġid kollu li għamiltu. 
												
												 
												Fil-mumenti ta’ diffikultà, ta’ 
												fraġilità, kif ukoll f’dawk ta’ 
												dgħufija fejn jitilgħu fil-wiċċ 
												il-limitazzjonijiet tagħna, meta 
												l-agħar mit-tentazzjonijiet 
												kollha tkun dik li tibqa 
												titħassar lilek innifsek[10] li 
												twasslek għal wiċċ miksur, għal 
												ġudizzju ħażin u għal qsim ta’ 
												qalb, f’dawk il-mumenti huwa 
												importanti – anzi nasal ngħid 
												kruċjali – mhux biss li ma 
												nitilfux il-memorja sħiħa ta’ 
												gratitudni għall-mogħdija 
												tal-Mulej fil-ħajja tagħna, 
												il-memorja tal-ħarsa kollha 
												ħniena tiegħu li stedinna sabiex 
												nirriksjaw ħajjitna għalih u 
												għall-Poplu tiegħu, imma li 
												jkollna wkoll il-kuraġġ li 
												npoġġuha fil-prattika u flimkien 
												mas-salmista jirnexxielna niktbu 
												l-kant ta’ tifħir proprju tagħna 
												għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu» (ara S 135). 
												
												 
												Il-gratitudni hija dejjem “arma 
												qawwija”. Huwa biss jekk aħna 
												nkunu kapaċi nikkontemplaw u 
												nirringrazzjaw għall-ġesti 
												kollha ta’ mħabba, ġenerożità, 
												solidarjetà u fiduċja, kif ukoll 
												ta’ maħfra, paċenzja, 
												sopportazzjoni u kompassjoni li 
												rċevejna aħna, li nkunu nistgħu 
												inħallu li l-Ispirtu jagħtina 
												b’rigal dik l-arja friska li 
												kapaċi ġġedded (u mhux traqqaq) 
												il-ħajja u l-missjoni tagħna. 
												Ejjew inħallu li, bħal Pietru 
												fl-għodwa tas-“sajda mirakoluża”, 
												l-għarfien tal-ġid kollu li 
												rċeveja jerġa jqajjem fina l-kapaċità 
												li nistagħġbu u nirringrazzjaw, 
												sabiex iwassalna ngħidu: «Mulej, 
												tbiegħed minni, għaliex jiena 
												raġel midneb!» (Lq 5,8) u, għal 
												darb’oħra, nisimgħu minn fomm 
												il-Mulej is-sejħa tiegħu: «Tibżax; 
												minn issa ‘l quddiem tkun 
												sajjied tal-bnedmin" (Lq 5,10); 
												għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												
												 
												Ħuti, grazzi għall-fedeltà 
												tagħkom fl-impenji li dħaltu 
												għalihom. F’soċjetà u f’kultura 
												li bidlet “dak li jgħaddi” 
												f’valur, tabilħaqq ifisser ħafna 
												li hemm persuni li jirriskjaw u 
												jfittxu li jieħdu fuqhom impenji 
												li jitolbu minnhom il-ħajja 
												sħiħa. Fil-qofol qegħdin ngħidu 
												li aħna nibqgħu nemmnu f’Alla li 
												qatt ma kiser il-patt tiegħu, 
												anke meta aħna ksirnih għadd ta’ 
												drabi li ma jingħaddux. Dan 
												iwassalna sabiex niċċelebraw 
												il-fedeltà ta’ Alla li ma 
												jieqafx jafdana, jemmen fina u 
												jistrieħ fuqna minkejja l-limitazzjonijiet 
												u d-dnubiet tagħna, u jistedinna 
												sabiex aħna nagħmlu l-istess. 
												Konxji li aħna nġorru teżor 
												f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 
												4,7), nafu li l-qawwa tal-Mulej 
												tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm 
												id-dgħufija (ara 2 Kor 12,9), ma 
												jieqafx isostnina u jsejħilna, 
												waqt li jagħtina għal mitt darba 
												aktar (ara Mk 10, 29-30) għax «għal 
												dejjem hi l-ħniena tiegħu». 
												
												 
												Grazzi għall-ferħ li bih 
												għaraftu tagħtu ħajjitkom b’don, 
												u b’hekk urejtu qalb li matul 
												is-snin iġġieldet u tqabdet 
												sabiex ma ssirx magħluqa u qarsa 
												iżda biex, minflok, kuljum 
												tikber aktar permezz tal-imħabba 
												t’Alla u tal-poplu tiegħu; qalb 
												li, bħall-inbid it-tajjeb, 
												iż-żmien ma wasslux biex jiqras, 
												iżda tah kwalità dejjem itjeb; 
												għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												
												 
												Grazzi għal kemm tippruvaw 
												issaħħu r-rabtiet ta’ fraternità 
												u ta’ ħbiberija fil-presbiterju 
												u mal-isqof tagħkom, filwaqt li 
												ssostnu lil xulxin, tieħdu ħsieb 
												lil dak li hu marid, tfittxu lil 
												min inqata’ għalih waħdu, 
												tinkoraġġixxu u titgħallmu mill-għaqal 
												tal-anzjan, taqsmu l-ġid, tafu 
												tidħku u tibku flimkien...: kemm 
												huma meħtieġa dawn l-ispazji! U 
												saħansitra meta bqajtu kostanti 
												u perseveranti meta kellkom 
												titgħabbew b’xi missjoni iebsa 
												jew timbuttaw wieħed minn ħutkom 
												biex jerfa’ r-responsabbiltajiet 
												tiegħu; għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												Grazzi tax-xhieda ta’ 
												perseveranza u ta’ “reżistenza” 
												(hypomoné) fl-impenn pastorali, 
												li ħafna drabi, imbuttati mill-parresia 
												tar-ragħaj[11], twassalna sabiex 
												nitqabdu mal-Mulej fit-talb, 
												bħal Mosè fl-interċessjoni 
												kuraġġuża u anke riskjuża 
												għall-poplu (ara Num 14,13-19; 
												Eż 32,30-32; Dewt 9,18-21); għax 
												«għal dejjem hi l-ħniena tiegħu». 
												
												 
												Grazzi għaliex ta’ kuljum 
												tiċċelebraw l-Ewkaristija u 
												tirgħu bil-ħniena fis-sagrament 
												tar-rikonċiljazzjoni, mingħajr 
												strettezza lanqas laxkezza, meta 
												titgħabbew bin-nies u 
												takkumpanjawhom fil-mixja 
												tal-konverżjoni lejn il-ħajja 
												ġdida li l-Mulej jagħti lilna 
												lkoll. Nafu li peremezz tat-tarġiet 
												tal-ħniena nistgħu ninżlu sal-punt 
												l-aktar baxx tal-kundizzjoni 
												umana – fraġilità u dnub inklużi 
												– u nitilgħu sal-punt l-aktar 
												għoli tal-perfezzjoni 
												divina:«Kunu ħanina bħalma ħanin 
												hu Missierkom»[12]. U b’hekk 
												inkunu «kapaċi nsaħħnu l-qlub 
												tal-bnedmin, li nimxu magħhom 
												fil-lejl tagħhom, li nagħrfu 
												niddjalogaw u anke li ninżlu 
												fil-lejl tagħhom, fid-dlam 
												tagħhom mingħajr ma nintilfu»[13]; 
												għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												
												 
												Grazzi talli tidilku u tħabbru 
												lil kulħadd, b’żelu, il-Vanġelu 
												ta’ Ġesu Kristu “f’waqtu u barra 
												minn waqtu” (ara 2 Tim 4,2), 
												filwaqt li tħarsu fil-fond 
												tal-qalb tal-komunità tagħkom «sabiex 
												tfittxu hemm fejn ix-xewqa għal 
												Alla hija ħajja u taqbad, u hemm 
												fejn dan id-djalogu, li kien 
												wieħed ta’ mħabba, safa fgat jew 
												ma setax jagħti frott»[14]; għax 
												«għal dejjem hi l-ħniena tiegħu». 
												
												 
												Grazzi għal dawk id-drabi meta, 
												għax ħallejtu li tkun mċaqalqa 
												minn ġewwa, ilqajtu lil dawk li 
												waqgħu, dewwejtu l-feriti 
												tagħhom, offrejtulhom sħana 
												għall-qalbhom, urejtuhom 
												sensittività u kompassjoni bħas-Samaritan 
												tal-parabbola (ara Lq 10, 
												25-37). Xejn ma hu daqshekk 
												urġenti daqs dawn l-affarijiet: 
												li tkun qrib, viċinanza, li tkun 
												viċin il-laħam ta’ ħuk li qed 
												ibati. Kemm jagħmel ġid l-eżempju 
												ta’ saċerdot li jersaq u mhux 
												jitbiegħed mill-feriti ta’ ħutu![15]. 
												Rifless tal-qalb ta’ ragħaj li 
												tgħallem it-tjubija spiritwali 
												li jħossu mwaħħad mal-poplu 
												tiegħu[16]; li ma jinsiex li 
												huwa stess ħareġ minnu u li jekk 
												jaqdih biss ikun jista’ jsib u 
												jispjega l-identità tiegħu 
												bl-aktar mod pur u sħiħ, li 
												tagħtih iċ-ċans biex jiżviluppa 
												stil ta’ ħajja sobrija u 
												sempliċi, mingħajr ma jaċċetta 
												privileġġi li m’għandhomx it-togħma 
												tal-Vanġelu: għax «għal dejjem 
												hi l-ħniena tiegħu». 
												Niżżuħajr ukoll għall-qdusija 
												tal-Poplu fidil t’Alla li aħna 
												mistiedna nirgħu u permezz ta’ 
												liema l-Mulej jirgħa u jieħu 
												ħsieb tagħna wkoll, permezz 
												tad-don li nkunu nistgħu 
												nikkontemplaw dan il-poplu «fil-ġenituri 
												li jrabbu lil uliedhom b’tant 
												imħabba, fl-irġiel u n-nisa li 
												jaħdmu biex jaqilgħu x’jieklu, 
												fil-morda, fir-reliġjużi nisa 
												anzjani li jibqgħu jitbissmu. 
												F’din il-perseveranza li jibqgħu 
												mexjin ‘il quddiem jum wara jum 
												nara l-qdusija tal-Knisja 
												militanti»[17]. Irroddu ħajr 
												għal kull wieħed u waħda minnhom 
												u nħallu li x-xhieda tagħhom 
												tkun għalina ta’ salvataġġ u 
												kuraġġ; għax «għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												
												 
												KURAĠĠ 
												«Ix-xewqa tiegħi hi li tħossukom 
												qalbkom qawwija» (ara Kol 2,2). 
												
												 
												It-tieni xewqa kbira tiegħi, 
												filwaqt li nagħmel eku tal-kliem 
												ta’ San Pawl, hija li 
												nakkumpanjakom sabiex inġeddu l-kuraġġ 
												saċedotali tagħna, frott fuq 
												kollox tal-azzjoni tal-Ispirtu 
												s-Santu fil-ħajja tagħna. 
												Quddiem esperjenzi ta’ tbatija, 
												kollha kemm aħna għandna bżonn 
												ta’ konsolazzjoni u 
												inkoraġġiment. Il-missjoni li 
												ġejna msejħin għaliha ma 
												timplikax li aħma mmuni 
												mit-tbatija, mill-uġigħ u 
												saħansitra 
												mill-inkomprensjoni[18]; 
												għall-kuntrarju, titlob minna li 
												naffrontawhom u neħduhom fuqna 
												sabiex inħallu li l-Mulej 
												jittrasformhom u jibdilna aktar 
												fiH. «Finalment, in-nuqqas ta’ 
												għarfien sinċier 
												tal-limitazzjonijiet tagħna li 
												jiġi li mit-taqbid u mit-talb, 
												huwa dak li jwaqqaf milli l-grazzja 
												tkun tista’ taħdem bl-aħjar mod 
												fina, għaliex ma jħallilhiex 
												spazju biex tqanqal dak it-tajjeb 
												possibli li jintegra ruħu 
												f’mixja sinċiera u reali li 
												twassal biex wieħed jikber»[19]. 
												“Test” tajjeb sabiex inkunu nafu 
												fejn tinsab il-qalb ta’ ragħaj 
												tagħna huwa li nistaqsu lilna 
												nfusna kif qegħdin naffaċċjaw l-uġigħ. 
												Ħafna drabi jista’ jiġri li 
												nġibu ruħna bħal-Levita jew is-saċerdot 
												tal-parabbola li jdawru wiċċhom 
												in-naħa l-oħra u jinjoraw 
												lir-raġel li jinsab mixħut 
												fl-art (ara Lq 10, 31-32). 
												Oħrajn jersqu b’mod ħażin, u 
												jsibu refuġju billi 
												jintelletwalizzaw f’postijijiet 
												komuni: “il-ħajja hi hekk”, 
												“m’hemmx x’tagħmel”, u b’hekk 
												jagħtu lok għal fataliżmu u 
												għall-qtigħ ta’ qalb; jew 
												inkella jersqu b’ħarsa ta’ 
												preferenzi selettivi u b’hekk 
												joħolqu biss iżolament u 
												esklużjoni. «Bħall-profeta Ġona, 
												dejjem inġorru moħbija ġewwa 
												fina t-tentazzjoni li naħarbu 
												f’post sigur li jista’ jkollu 
												bosta ismijiet: individwaliżmu, 
												spiritwaliżmu, għeluq f’dinjiet 
												żgħar... [20], liema postijiet 
												huma l-bogħod milli jċaqalquna 
												minn ġewwa u minflok jispiċċaw 
												ibegħduna mill-pjagi veri, minn 
												dawk tal-oħrajn u, għalhekk, 
												mill-pjagi ta’ Ġesù[21]. 
												
												 
												Fuq l-istess nota, nixtieq 
												nagħmel emfasi fuq atteġġament 
												sottili u perikoluż ieħor li, 
												kif kien iħobb jgħid Bernanos, 
												huwa «l-aktar droga prezzjuża 
												tax-xitan»[22] u l-aktar wieħed 
												li jagħmel ħsara lilna li rridu 
												naqdu lill-Mulej għaliex jiżra 
												il-qtigħ ta’ qalb, inħossuna 
												orfni u jwassal 
												għad-disperazzjoni[23]. Delużi 
												mir-realtà, mill-Knisja jew 
												minna nfusna, nistgħu ngħixu t-tentazzjoni 
												li niggranfaw ma’ dwejjaq ħelu, 
												li l-padres tal-Orjent kienu 
												jsejħulu accidia. Il-Kardinal 
												Tomáš Špidlík kien jgħid: «Jekk 
												jirbaħna d-dwejjaq għal kif inhi 
												l-ħajja, miħabba l-kumpanija 
												tal-oħrajn, għall-fatt li 
												ninsabu waħedna, allura dejjem 
												hemm xi nuqqas ta’ fidi 
												fil-Provvidenza t’Alla u fl-opri 
												tiegħu. Id-dwejjaq jipparaliżża 
												l-kuraġġ biex inkomplu fix-xogħol, 
												fit-talb, jagħmilna antipatki 
												għal min jgħix madwarna. Il-kittieba 
												monastiċi, li jiddedikaw 
												deskrizzjoni twila għal dan 
												il-vizzju, isejħulu l-agħar 
												għadu tal-ħajja spiritwali»[24]. 
												
												 
												Kollha kemm aħna nafu b’dak id-dwejjaq 
												li jwassal għall-vizzju u li 
												gradwalment imexxik 
												għan-naturalizazzjoni tal-ħażen 
												u tal-inġustizzja b’dak it-tlissin 
												dgħajjef minn taħt l-ilsien 
												“dejjem hekk sar”. Dan hu 
												dwejjaq li jagħmel sterili kull 
												tentattiv ta’ trasformazzjoni u 
												konverżjoni, u minflok ixerred 
												riżentiment u ostilità. «Din 
												mhijiex għażla ta’ ħajja 
												dinjituża u mimlija, din mhijiex 
												ix-xewqa t’Alla għalina, din 
												mhijiex il-ħajja fl-Ispirtu li 
												tnixxi mill-qalb ta’ Kristu 
												mqajjem mill-mewt» u li għaliha 
												aħna ġejna msejħa[25]. Ħuti, 
												meta dak id-dwejjaq ħelu jhedded 
												li jieħu pussess mill-ħajja 
												tagħna jew mill-komunità tagħna, 
												mingħajr ma nibżgħu jew 
												ninkwetaw, iżda 
												b’determinazzjoni, nitolbu u 
												nistaqsu lill-Ispirtu biex 
												jitlob sabiex «jiġi sabiex 
												iqajjimna mill-ġdid!, ħalli 
												jagħti skoss tajjeb 
												lill-passività tagħna, u 
												jeħlisna mit-telqa! Ejjew 
												nisfidaw il-mod ta’ kif dejjem 
												nagħmlu l-affarijiet, niftħu 
												sewwa għajnejna u widnejna, u 
												fuq kollox qalbna, sabiex 
												inħallu li dak li jiġri madwarna 
												u l-għajta tal-Kelma ħajja u 
												effikaċi tal-Mulej imqajjem 
												mill-mewt, iċaqilquna»[26]. 
												
												 
												Ippermettuli nerġa nirrepetiha, 
												kollha kemm aħna għandna bżonn 
												tal-konsolazzjoni u l-qawwa ta’ 
												Alla u tal-aħwa fi żminijiet 
												diffiċli. Għalina lkoll iservu 
												dawk il-kelmiet mill-qalb ta’ 
												San Pawl lill-komunitajiet 
												tiegħu: «Għalhekk nitlobkom: 
												tħallux it-tbatijiet li jien 
												għaddej minnhom minħabba fikom 
												jaqtgħulkom qalbkom» (Efes 
												3,13); «Ix-xewqa tiegħi hi li 
												tħossukom qalbkom qawwija» (ara 
												Kol 2,2), sabiex b’hekk inkunu 
												nistgħu inwettqu l-missjoni li 
												l-Mulej jagħtina ta’ kuljum: li 
												nitrażmettu « ferħ kbir, ferħ li 
												se jkun għall-poplu kollu » (Lq 
												2,10). Iżda, appuntu, mhux bħala 
												teorija jew għarfien 
												intelletwali jew morali ta’ dak 
												li suppost ikun, imma bħala 
												bnedmin li mgħaddsa fit-tbatija 
												ġew trasformati u trasfigurati 
												mill-Mulej, u bħal Ġob jaslu 
												jistqarru: «Fuqek jien 
												b'widnejja smajt; imma issa 
												b'għajnejja rajtek» (42,5). 
												Mingħajr din l-esperjenza 
												fundamentali, l-isforzi kollha 
												tagħna ser iwassluna fit-triq 
												tal-frustrazzjoni u d-diżillużjoni. 
												
												 
												Matul il-ħajja tagħna, stajna 
												nikkontemplaw kif «ma’ Ġesù 
												Kristu dejjem jitwieled u jerġa 
												jitwieled mill-ġdid il-ferħ»[27]. 
												Anke jekk hemm diversi tapep 
												f’din l-esperjenza, nafu li lil 
												hinn mill-fraġilità tagħna u 
												mid-dnubiet tagħna, Alla «jippermettilna 
												li nerfgħu rasna biex nibdew 
												mill-ġdid, b’tenerezza li ma 
												tiddeludina qatt u li dejjem 
												tista’ troddilna lura l-ferħ»[28]. 
												Dak il-ferħ ma jitwelidx mill-isforzi 
												volontarji jew intelletwali 
												tagħna iżda mill-fiduċja filli 
												nkunu nafu li l-kliem ta’ Ġesù 
												lil Pietru jibqgħu attwali: 
												fil-mument li fih tkun “mgħoddi 
												mill-għarbiel”, tinsiex li Jiena 
												stess «tlabt għalik, biex 
												il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa» 
												(Lq 22,32). Il-Mulej huwa l-ewwel 
												li jitlob u jiġġieled għalik u 
												għalija. U jistedinna sabiex 
												nidħlu kompletament fit-talba 
												tiegħu. Jista’ jkun hemm ukoll 
												mumenti fejn ikollna ngħoddsu 
												«fit-talba tal-Ġetsemani, l-aktar 
												talba umana u drammatika ta’ 
												Ġesù (...). Hemm supplika, 
												dwejjaq, dieqa, kważi 
												diżorjentament (Mk 14, 33)»[29]. 
												
												 
												Aħna nafu li mhuwiex faċli 
												toqgħod quddiem il-Mulej u 
												tħalli l-ħarsa tiegħu tifli l-ħajja 
												tagħna, tfejjaq lill-qalbna 
												feruta u taħslilna saqajna mill-affarijiet 
												kollha tad-dinja li jeħlu 
												magħhom matul it-triq u li 
												jwaqqfuna milli nimxu. Huwa fit-talb 
												li aħna nesperimentaw 
												il-prekarjetà imbierka tagħna li 
												tfakkarna li aħna dixxipli 
												fil-bżonn tal-għajnuna tal-Mulej, 
												u teħlisna mit-tendenza 
												prometeika «ta’ dawk li 
												definittivament jafdaw biss fuq 
												il-qawwa tagħhom u jħossuhom 
												superjuri fuq l-oħrajn għaliex 
												isegwu ċerti normi preċiżi»[30]. 
												
												 
												Ħuti, Ġesù aktar minn kullħadd 
												jaf l-isforzi u r-riżultati, kif 
												ukoll il-fallimenti u n-nuqqas 
												ta’ suċċess. Huwa l-ewwel wieħed 
												li jgħidilna: «Ejjew għandi, 
												intom ilkoll li tinsabu mħabbtin 
												u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. 
												Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u 
												tgħallmu minni, għaliex jiena ta' 
												qalb ħelwa u umli, u intom 
												issibu l-mistrieħ għal ruħkom» 
												(Mt 11, 28-29). 
												
												 
												F’talba bħal din nafu li ma 
												ninsabu qatt waħedna. It-talba 
												tar-ragħaj hija talba li tħaddan 
												fiha kemm lill-Ispirtu «li 
												jgħajjat: Abbà, Missier!» (Gal 
												4, 6), kif ukoll lill-poplu li 
												ġie fdat lilu. Il-missjoni u l-identità 
												tagħna jieħdu dawl minn din 
												ir-rabta doppja. 
												
												 
												It-talba tar-ragħaj titrejjaq u 
												titwettaq fil-qalb tal-Poplu 
												t’Alla. Fiha ġġorr il-marki 
												tal-pjagi u tal-ferħ tal-poplu 
												tiegħu li fis-silenzju 
												jippreżenta quddiem il-Mulej 
												sabiex jiġu midluka bid-don 
												tal-Ispirtu s-Santu. Hija t-tama 
												tar-ragħaj li jafda u jissielet 
												sabiex il-Mulej ikun jista’ 
												jfejjaq il-fraġilità tagħna, dik 
												personali u dik tal-komunitajiet 
												tagħna. Iżda ejjew ma nitilfux 
												minn quddiem għajnejna il-fatt 
												li huwa proprju fit-talba 
												tal-Poplu t’Alla li l-qalb tar-ragħaj 
												titlaħħam u ssib il-post tagħha. 
												Dan iwassalna sabiex inkunu 
												ħielsa milli nfittxu jew irridu 
												risposti faċli, ta’ malajr jew 
												prefabbrikati, filwaqt li nħallu 
												lill-Mulej li jkun Hu (u mhux 
												ir-rirċetti u l-prioritajiet 
												tagħna) li jurina mogħdija ta’ 
												tama. Ma nitilfux minn quddiem 
												għajnejna il-fatt li, 
												fil-mumenti l-aktar diffiċli 
												tal-komunità tal-bidu, kif 
												naqraw fil-ktieb tal-Atti 
												tal-Appostli, it-talb sar l-akbar 
												protagonist. 
												
												 
												Ħuti, ejjew nagħrfu l-fraġilità 
												tagħna, iva; iżda ejjew inħallu 
												lil Ġesu jittrasformaha u 
												jimbuttana ‘l quddiem lejn 
												il-missjoni. Ejjew ma nitilfux 
												il-ferħ li nħossuna “nagħaġ”, li 
												nafu li Hu l-Mulej u r-Ragħaj 
												tagħna. 
												
												 
												Sabiex inżommu qalbna mimlija 
												bil-kuraġġ huwa neċessarju li ma 
												nittraskurawx dawn iż-żewġ 
												rabtiet li jsawru l-identità 
												tagħna: l-ewwel, ma’ Ġesù. 
												Kuldarba li ninħallu minn Ġesù 
												jew nittraskuraw ir-relazzjoni 
												tagħna miegħu, ftit ftit l-impenn 
												tagħna jinxef u l-fanali tagħna 
												jispiċċaw mingħajr iż-żejt li 
												kapaċi jdawwal il-ħajja (ara Mt 
												25,1-13): «Ibqgħu fija, u jiena 
												nibqa' fikom. Kif il-fergħa ma 
												tistax tagħmel frott minnha 
												nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, 
												hekk anqas intom jekk ma 
												tibqgħux fija… għax mingħajri ma 
												tistgħu tagħmlu xejn» (Ġw 
												15,4-5). F’dan is-sens, nixtieq 
												inħeġġiġkom sabiex ma 
												tittraskurawx l-akkumpanjament 
												spiritwali, li tfittxu li 
												jkollkom ħukom ma min tistgħu 
												titkellmu, tikkonfrontaw, 
												tiddiskutu u tiddixxernu 
												b’fiduċja sħiħa u trasparenza 
												il-mixja tagħkom; ħukom għaqli 
												li miegħu tistgħu tagħmlu l-esperjenza 
												ta’ dixxipli. Fittxuh, sibuh u 
												gawdu l-ferħ f’li tħallu lil min 
												jieħu ħsiebkom, jakkumpanjakom u 
												jagħtikom parir. Din hija 
												għajnuna insostitwibbli sabiex 
												tkun tista’ tgħix il-ministeru 
												fir-rieda tal-Missier (ara Lhud 
												10,9) u tħalli l-qalbek tħabbat 
												«bl-istess sentimenti ta’ Kristu 
												Ġesù» (Fil 2,5). Kemm jagħmlulna 
												tajjeb il-kliem ta’ Koħèlet: «Tnejn 
												min-nies aħjar minn wieħed waħdu 
												… Jekk jaqa' wieħed, l-ieħor 
												jista' jqajjmu, imma miskin hu 
												min hu waħdu, għax m'għandux min 
												iqajjmu»(4,9-10). 
												
												 
												It-tieni rabta li ssawwarna: 
												kabbru u sostnu ir-relazzjoni 
												mal-poplu tagħkom. Tiżolawx 
												ruħkom mill-poplu tagħkom u 
												mill-presbiterji jew mill-komunitajiet 
												tagħkom. Wisq anqas m’għandkom 
												tissakkru fi gruppi magħluqa u 
												elitisti. Dan, fl-aħħarnet, 
												joħnoq u jivvelena l-ispirtu. 
												Ministru kuraġġuż huwa ministru 
												li dejjem ħiereġ; u li “tkun 
												dejjem ħiereġ” iwassalna sabiex 
												nimxu «xi drabi quddiem, xi 
												drabi fin-nofs u xi drabi fuq 
												wara: quddiem, sabiex immexxu l-komunità; 
												fin-nofs sabiex nagħmlulha l-qalb 
												u nsostnuha; fuq wara, biex 
												inżommuha magħquda ħalli ħadd ma 
												jibqa wisq, wisq lura, biex 
												inżommuha magħquda u għal raġuni 
												oħra: għaliex il-poplu “ixomm”! 
												Ixomm biex jiskopri mogħdijiet 
												ġodda għall-mixja, għandu is-“sensus 
												fidei” [ara Lumen Gentium, 12]. 
												X’hemm isbaħ minn dan?»[31]. 
												Ġesù nnifsu huwa l-mudell ta’ 
												din l-għażla evanġelizzatriċi li 
												ddaħħalna fil-qalb tal-poplu. 
												Kemm jagħmlilna ġid li narawh 
												viċin ta’ kulħadd! L-għotja ta’ 
												Ġesù fuq is-salib ma hi xejn 
												ħlief il-qofol ta’ dan l-istil 
												ta’ evanġelizzazzjoni li mmarka 
												l-eżistenza tiegħu kollha kemm 
												hi.  
												Ħuti, it-tbatija ta’ tant vittmi, 
												it-tbatija tal-Poplu t’Alla, 
												bħat-tbatija tagħna wkoll, ma 
												tistax tinħela. Huwa Ġesù nnifsu 
												li jġorr dan il-piż kollu fuq 
												is-salib u jistedinna nġeddu l-missjoni 
												tagħna sabiex inkunu aktar qrib 
												ta’ dawk li qed ibatu, sabiex 
												inkunu, mingħajr mistħija, qrib 
												tal-miżerji umani u, għaliex le, 
												ngħixuhom bħala l-miżerji tagħna 
												sabiex nagħmluhom 
												ewkaristija[32]. Iż-żmien tagħna, 
												mmarkat minn feriti qodma u 
												ġodda, jitlob minna li nkunu 
												bennejja ta’ relazzjoni u 
												komunjoni, miftuħa, b’fiduċja u 
												fi stennija tan-novità li s-Saltna 
												t’Alla trid tqajjem illum. 
												Saltna ta’ midinbin maħfura, 
												mistiedna li jixhdu l-kompassjoni 
												dejjem ħajja u attiva tal-Mulej; 
												«għax għal dejjem hi l-ħniena 
												tiegħu». 
												
												 
												TIFĦIR 
												«Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej» 
												(Lq 1,46). 
												
												 
												Huwa mpossibli li wieħed 
												jitkellem fuq gratitudni u 
												nkoraġġiment mingħajr ma 
												jikkontempla lil Marija. Hi, 
												mara b’qalbha minfuda (ara Lq 2, 
												35) tgħallimna t-tifħir li 
												kapaċi jiftaħ il-ħarsa lejn 
												il-futur u jagħti lura t-tama 
												lill-preżent. Ħajjitha kollha 
												kienet miġbura fil-kant tagħha 
												ta’ tifħir (ara Lq 1, 46-55), li 
												anke aħna mistiedna nkantaw 
												bħala wegħda tal-milja li għad 
												nilħqu. 
												
												 
												Kuldarba li mmur f’Santwarju 
												Marjan, inħobb “inġib il-ħin 
												billi nħares lejn u nħalli li l-Omm 
												tħares lejja, filwaqt li nitlob 
												il-fiduċja tat-tifel, tal-fqir u 
												tas-sempliċi li jaf li hemm 
												tinsab ommu u li fil-ġuf tagħha 
												jista’ jitlob post fejn joqgħod. 
												U jiena u nħares lejha, bħall-Indian 
												Juan Diego nisma’ mill-ġdid: «X’għandek, 
												iben tiegħi, l-iżgħar fost 
												kollha? X’inhu jnikket il-qalb 
												tiegħek? Forsi miniex qiegħda 
												hawn jien, jien li għandi l-unur 
												li nkun ommok?»[33]. 
												
												 
												Li tħares lejn Marija jerġa 
												jwasslek «biex temmen fil-qawwa 
												rivoluzzjonarja tat-tenerezza u 
												l-imħabba. Fiha naraw li l-umiltà 
												u l-ħlewwa mhumiex virtujiet 
												tad-dgħajfa iżda tal-qawwija, li 
												m’għandhomx bżonn jittrattaw 
												lill-oħrajn ħażin biex iħossuhom 
												importanti»[34]. 
												
												 
												Jekk xi darba il-ħarsa tiegħek 
												tibda tibbies, jew tħoss li l-qawwa 
												seduċenti tal-apatija jew li 
												titħassar lilek innifsek trid 
												trabbi l-għeruq u tieħu pussess 
												ta’ qalbek; jekk il-pjaċir li 
												nħossuna parti ħajja u integra 
												tal-Poplu t’Alla tibda ttina 
												fastidju u nħossuna mbuttati 
												sabiex nieħdu atteġġament 
												elitist... tibża xejn milli 
												tikkontempla lil Marija u intona 
												il-kant tagħha ta’ tifħir. 
												
												 
												Jekk xi darba nħossuna ttentati 
												biex niżolaw ruħna u ningħalqu 
												fina nfusna u fil-proġetti 
												tagħna sabiex nipproteġu lilna 
												nfusna mit-triqat kollha trab 
												tal-istorja, jew jekk it-tgergir, 
												il-protesti, il-kritika jew l-ironija 
												jieħdu pussess tal-mod kif 
												inġibu ruħna li ma jħallulna l-ebda 
												xewqa li nikkumbattu, li 
												nistennew u li nħobbu... ejjew 
												inħarsu lejn Marija sabiex hi 
												tippurifikalna għajnejna minn 
												kull “tibna” li tista’ twaqqafna 
												milli nkunu attenti u mqajjmin 
												sabiex nikkontemplaw u 
												niċċelebraw lil Kristu li jgħix 
												f’nofs il-Poplu tiegħu. U jekk 
												naraw li mhux jirnexxielna nimxu 
												dritt, li qed inbatu biex 
												inżommu l-proposti ta’ 
												konverżjoni tagħna, induru lejHa 
												kif kien jitkarrab, kważi 
												b’kompliċità, dak il-kappillan 
												kbir, u wkoll poeta, tad-djoċesi 
												tiegħi fejn kont qabel: «Illejla, 
												Sinjura, il-wegħda tiegħi hi 
												sinċiera. Iżda, għal dak li 
												jista’ jinqala’, tinsiex tħalli 
												ċ-ċavetta barra»[35]. Marija «hija 
												l-ħabiba dejjem attenta sabiex 
												ma jonqosx l-inbid fil-ħajja 
												tagħna. Hija hi dik li għandha 
												qalba minfuda mis-sejf, li 
												tifhem it-tbatijiet kollha. 
												Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal 
												ta’ tama għall-popli li jsofru 
												t-tbatijiet tal-ħlas sakemm 
												tinbet il-ġustizzja... Bħala omm 
												vera, timxi magħna, tissieħeb 
												fil-kumbattiment magħna, u 
												xxerred bla waqfien il-qrubija 
												tal-imħabba ta’ Alla»[36]. 
												
												 
												Ħuti, għal darb’oħra, «ma nixba' 
												qatt niżżi ħajr minħabba fikom» 
												(Efes 1,16) għall-impenn u l-missjoni 
												tagħkom fiċ-ċertezza li «Alla 
												jneħħi l-ġebliet l-aktar iebsa, 
												li magħhom jiġġarfu t-tamiet u 
												l-aspettativi: il-mewt, id-dnub, 
												il-biżà, l-affarijiet tad-dinja. 
												L-istorja umana ma tieqafx 
												quddiem ġebla ta’ qabar, għaliex 
												illum tiskopri “il-ġebla ħajja” 
												(ara1 Pt 2,4): Ġesù mqajjem 
												mill-mewt. Aħna bħala Knisja 
												mwaqqfin fuqu, u anke meta 
												naqtgħu qalbna, meta nkunu 
												ttentati li niġġudikaw kollox 
												fid-dawl tal-fallimenti tagħna, 
												Huwa jiġi sabiex jagħmel kollox 
												ġdid»[37]. 
												
												 
												Ejjew inħallu li l-gratitudni 
												tkun dik li tqajjem it-tifħir u 
												li tagħmlilna kuraġġ għal 
												darb’oħra għall-missjoni tagħna 
												li nidilku lil ħutna fit-tama. 
												Jalla nkunu rġiel li jagħtu 
												xhieda bil-ħajja tagħhom 
												tal-kompassjoni u l-ħniena li 
												Ġesù biss jista’ jagħtina. 
												
												 
												Il-Mulej Ġesù jberikkom u l-Verġni 
												Mqaddsa tħariskom. U, jekk 
												jogħġobkom, nitlobkom biex ma 
												tinsewx titolbu għalija. 
												
												 
												Ħukhom, 
												Franġisku 
												 
												Ruma, San Giovanni Laterano, 4 
												t’Awwissu 2019. 
												Tifkira liturġika ta’ San Ġwann 
												Marija Vianney, il-Kurat t’Ars. 
												________________________________________ 
												 
												[1] Cfr Lett. ap. Anno Iubilari 
												(23 aprile 1929): AAS 21 (1929), 
												312-313. 
												[2] Discorso alla Conferenza 
												Episcopale Italiana (20 maggio 
												2019). La paternità spirituale 
												che spinge il Vescovo a non 
												lasciare orfani i suoi 
												presbiteri si può riscontrare 
												non solo nella capacità di avere 
												le porte aperte per tutti i suoi 
												preti, ma nell’andare a cercarli 
												per prendersi cura di loro e 
												accompagnarli. 
												[3] Cfr SAN GIOVANNI XXIII, Lett. 
												enc. Sacerdotii nostri primordia 
												nel I centenario del piissimo 
												transito del santo Curato d’Ars 
												(1 agosto 1959): AAS 51 (1959), 
												548. 
												[4] Cfr Lettera al Popolo di Dio 
												(20 agosto 2018). 
												[5] Incontro con i Sacerdoti, 
												Religiosi e Religiose, 
												Consacrati e Seminaristi, 
												Santiago del Cile (16 gennaio 
												2018). 
												[6] Cfr Lettera al Popolo di Dio 
												che è in cammino in Cile (31 
												maggio 2018). 
												[7] Incontro con il Clero di 
												Roma (7 marzo 2019). 
												[8] Omelia Veglia Pasquale nella 
												Notte Santa (19 aprile 2014). 
												[9] Esort. ap. Gaudete et 
												exsultate, 7. 
												[10] Cfr JORGE MARIO BERGOGLIO, 
												Lettere della tribolazione, 
												Milano, 2019, p. 18. 
												[11] Cfr Discorso ai Parroci di 
												Roma (6 marzo 2014). 
												[12] Ritiro spirituale ai 
												Sacerdoti, Prima Meditazione (2 
												giugno 2016). 
												[13] ANTONIO SPADARO, Intervista 
												a Papa Francesco: “La Civiltà 
												Cattolica” 3918 (19 settembre 
												2013), p. 462. 
												[14] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 137. 
												[15] Cfr Discorso ai Parroci di 
												Roma (6 marzo 2014). 
												[16] Cfr Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 268. 
												[17] Esort. ap. Gaudete et 
												exsultate, 7. 
												[18] Cfr Lett. ap. Misericordia 
												et misera, 13. 
												[19] Esort. ap. Gaudete et 
												exsultate, 50. 
												[20] Ibid., 134. 
												[21] Cfr JORGE MARIO BERGOGLIO, 
												Reflexiones en esperanza, Città 
												del Vaticano, 2013, p. 14. 
												[22] Journal d’un curé de 
												campagne, Paris, 1974, p. 135; 
												cfr Esort. ap. Evangelii gaudium, 
												83. 
												[23] Cfr BARSANUFIO, Epistolario, 
												in: VITO CUTRO – MICHAŁ TADEUSZ 
												SZWEMIN, Bisogno di Paternità, 
												Varsavia, 2018, p. 124. 
												[24] L’arte di purificare il 
												cuore, Roma, 1999, p. 47. 
												[25] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 2. 
												[26] Esort. ap. Gaudete et 
												exsultate, 137. 
												[27] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 1. 
												[28] Ibid., 3. 
												[29] JORGE MARIO BERGOGLIO, 
												Reflexiones en esperanza, Città 
												del Vaticano, 2013, p. 26. 
												[30] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 94. 
												[31] Incontro con il Clero, 
												Persone di Vita Consacrata e 
												Membri di Consigli Pastorali, 
												Assisi (4 ottobre 2013). 
												[32] Cfr Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 268-270. 
												[33] Cfr Nican Mopohua, 107, 
												118, 119. 
												[34] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 288. 
												[35] Cfr AMELIO LUIS CALORI, 
												Aula Fúlgida, Buenos Aires, 
												1946. 
												[36] Esort. ap. Evangelii 
												gaudium, 286. 
												[37] Omelia Veglia Pasquale 
												nella Notte Santa (20 aprile 
												2019). 
												  
												
												Miġjub 
												mit-Taljan għall-Mlati minn John 
												Muscat 
   |