|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Misteru
Minn Dun Pawl Sciberras
Fit-Testment il-Ġdid il-kelma misteru (bil-Grieg, mystèrion) tfisser xi ħaġa sigrieta, moħbija, imma rrivelata minn Alla. Din il-kelma, li biha nqdew l-awturi tat-Testment il-Ġdid, kienet teżisti fl-użu ta’ dawk li jsejħulhom reliġjonijiet jew kulti tal-misteri. Minn dawn kien hemm ħafna fl-imperu Ruman ta’ dak iż-żmien, fil-Greċja u f’Ruma - il-misteri ta’ Elewsi, ta’ Dijonisju, ta’ Mitra, ta’ Attis, ta’ Adonis. Dawn ir-reliġjonijiet kienu magħluqin fihom infushom f’ħajja moħbija u sigrieta għall-barranin. Għalhekk jissejħu ‘misteri’.
L-awturi tat-Testment il-Ġdid inqdew ukoll b’din il-kelma fis-sens ta’ ħwejjeġ moħbija u sigrieti. Iżda tawha tifsira oħra: dik tal-pjan ta’ Alla għas-salvażzjoni tal-bnedmin kollha, dejjem moħbi għall-bnedmin, imma rrivelat bil-missjoni ta’ Ġesù Kristu meta wasal iż-żmien. Fit-Testment il-Qadim bil-Grieg (LXX) il-kelma mystèrion tinsab fi ftit każijiet biss fil-kotba tal-aħħar (Tobit, Ġuditta, Għerf, Sira, Danjel u 2 Makkabin). Fil-ktieb ta’ Danjel tittraduċi l-kelma Lhudija/Aramajka rażàh, raż (Dan 2,18-19; 27-30; 4,6); hawn tirriferixxi għall-messaġġ sigriet tal-ħolma tas-sultan irrivelat lil Danjel. F’Tob 12,7 “is-sigriet tas-sultan” hu d-don moħbi ta’ Alla; u f’Ġud 2, hu “l-pjan sigriet” ta’ Nabukkodonosor li jaħkem taħt idejh l-artijiet kollha. F’Għerf 2,22 mystèria Theou huma “l-ħsibijiet moħbija ta’ Alla”. Dawn l-aħħar eżempji jiswewlna biex nifhmu aħjar is-sens tal-kelma ‘misteru’ fit-Testment il-Ġdid, l-aktar fit-teoloġija ta’ San Pawl.
Fl-Evanġelji din il-kelma nsibuha darba biss fl-espressjoni “il-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet” jew “tas-Saltna ta’ Alla” (Mt 13,11; Mk 4,11; Lq 8,10). Dan il-misteru jifhmuh biss id-dixxipli ta’ Ġesù, li lilhom jingħata li jifhmuh. Hu l-misteru ta’ Ġesù Kristu nnifsu, li ħadd ma jista’ jagħrfu u jifhmu ħlief min għandu d-don tar-rivelazzjoni; hu moħbi għal għajnejna, imma nagħrfuh jekk Alla jgħarrafhulna (Mt 11,27; Lq 10,22).
Hu ġeneralment f’dan is-sens li San Pawl isemmi ħafna l-misteru ta’ Alla jew ta’ Ġesù Kristu. Hu “l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna” (1 Kor 2,7). L-Appostlu jkompli juri x’inhu dan il-misteru: hu l-pjan ta’ Alla u d-deċiżjoni tiegħu li jsalva l-bnedmin bil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib (1 Kor 2,8-16). Imbagħad ifisser aħjar dan il-ħsieb fl-ittri lill-Efesin u lill-Kolossin. Lil Pawlu u lil sħabu Alla għarraf “il-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal (fi Kristu) minn qabel u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet” (Ef 1,9-10). U jkompli jfisser li dan il-misteru hu l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, Lhud u pagani, fi Kristu; hu l-pjan li kien moħbi fil-ħsieb ta’ Alla u li issa hu rrivelat lilna (Ef 3,1-11; Kol 1,26-27; ara Rum 16,25-26). Hu Kristu nnifsu, “Kristu fina” (Kol 2,2; 1,27). Hu r-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-missjoni salvifika tiegħu; dan hu “l-misteru tar-reliġjon tagħna” (1 Tim 3,16) u l-misteru tal-fidi tagħna (1 Tim 3,9).
Hu wkoll l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu; Kristu u l-Knisja huma ħaġa waħda. Il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin iseħħ “fi Kristu u fil-Knisja”; “dan il-misteru huwa kbir!” Iż-żwieġ nisrani, l-għaqda bejn ir-raġel u l-mara fi Kristu, hu s-simbolu ta’ dan il-misteru (Ef 5,31-32). San Pawl isejjaħ ukoll misteru il-mod tal-qawmien tagħna mill-mewt meta ġisimna, wara li jmut u jitħassar, jilbes in-nuqqas ta’ taħsir. Dan hu misteru, ħaġa moħbija fil-pjan ta’ Alla għalina imma hi rrivelata lilna (1 Kor 15,51-54). “Il-misteru tal-ħażen” (2 Tess 2,7) hu l-fatt tal-qawwa tal-ħażen fid-dinja li jaħdem ukoll għat-telfien tal-bniedem kontra l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni.
Il-kelma mystèrion insibuha għal tliet darbiet oħra fil-Ktieb tal-Apokalissi: 1,20; 17,5-7 b’riferenza għas-simboli u l-interpretazzjoni tagħhom; u 10,7, “il-misteru ta’ Alla’’, li hu l-Evanġelju tas-salvazzjoni. Mela nistgħu ngħidu li fit-Testment il-Ġdid is-sens ġenerali ta’ misteru hu xi ħaġa fil-ħsieb ta’ Alla, li aħna qatt ma naslu biex nagħrfuha jew nifħmuha jekk Alla ma jgħarrafhilniex. L-aktar skont San Pawl, il-misteru moħbi sa mill-eternità u rrivelat fil-milja taż-żmien hu l-pjan għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, Lhud u pagani, fi Kristu. Għalhekk Kristu nnifsu hu “l-misteru”. Dan hu l-misteru ta’ Kristu.