L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Donum Vitae - Id-Don tal-Ħajja

 

 

 

 

 

KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

DONUM VITÆ

Id-Dona tal-Ħajja


 
STRUZZJONIJIET

DWAR

IR-RISPETT LEJN IL-ĦAJJA UMANA

U L-ORIĠINI TAGĦHA

U DWAR

ID-DINJITÀ TAL-PROKREAZZJONI

 

TWEĠIBIET

GĦAL ĊERTI MISTOQSIJIET

LI JITQAJMU LLUM


Miġjuba għall-Malti minn Joe Huber

 

 

 

 

WERREJ

 

Daħla

Introduzzjoni

1 Ir-riċerka biomedika  u t-tagħlim tal-Knisja

2 Ix-xjenza u t-teknoloġija għas-servizz tal-persuna umana

3 L-antropoloġija u l-proċeduri fil-qasam biomediku

4 Kriterji fundamentali għall-ġudizzju morali

5 It-tagħlim tal-Maġisteru

 

I IR-RISPETT LEJN L-EMBRIJUNI UMANI

1 X'rispett għandu jkun hemm lejn l-embrijun uman, meta wieħed iqis in-natura u l-identità tiegħu? 

2 Id-djanjosi pre-natali hi leċita moralment?

3 Il-proċeduri terapewtiċi li jsiru fuq l-embrijun uman huma leċiti?

4 Kif jista' wieħed jevalwa moralment ir-riċerka u l-esperimentazzjoni fuq l-embrijuni u l-feti umani?

5 Kif jista' wieħed jevalwa moralment l-użu tal-embrijuni mnisslin mill-fertiliżżazzjoni ''in vitro' għall-raġunijiet ta' riċerka?

6 Kif għandu jkun il-ġudizzju dwar proċeduri oħra ta' manipulazzjoni tal-embrijuni marbutin ''mat-teknika tar-riproduzzjoni umana''?

 

II INTERVENTI FUQ IL-PROKREAZZJONI UMANA

 

A Fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali

1 Għaliex il-prokreazzjoni umana għandha ssir fiż-żwieġ?

2 Tista' l-fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali taqbel mad-dinjità tal-koppja u l-verità taż-żwieġ?

3 Il-maternità surrogata hi leċita moralment?

 

 

B Inseminazzjoni omologa artifiċjali

4 Liema konnessjoni hi meħtieġa mill-aspett morali bejn il-prokreazzjoni u l-att konjugali?

5 Il-fertiliżżazzjoni omologa 'in vitro' hi moralment leċita?

6 Kif tista' tkun evalwata l-inseminazzjoni artifiċjali omologa mill-aspett morali?

7 Liema kriterju morali nistgħu nipproponu rigward l-intervent mediku fil-prokreazzjoni umana?

8 It-tbatija minħabba l-infertilità fiż-żwieg

 

 III IL-LIĠI MORALI U ĊIVILI

1 Il-valuri u l-obbligi morali  li l-leġislazzjoni ċivili għandha tirrispetta u tapprova f'dar-rigward     

 

Konklużjoni

 


 

DAĦLA

Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kellha bosta mistoqsijiet minn Konferenzi Episkopali jew Isqfijiet individwali, teoloġi, tobba u xjenzjati, dwar it-tekniċi biomediċi li jippermettu intervent fil-fażijiet tal-bidu tal-ħajja ta’ persuna umana u dwar il-proċessi tal-prokreazzjoni u kemm dawn jaqblu mal-prinċipji tal-morali Kattolika. L-Istruzzjoni ta’ hawnhekk, li hi riżultat ta’ konsultazzjoni wiesa’ u, partikolarment ta’ evalwazzjoni għaqlija tad-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Episkopati, m’għandhiex l-għan li ttenni dak kollu li tgħallem il-Knisja dwar id-dinjità tal-oriġini tal-ħajja umana, kif tibda, u dwar il-prokreazzjoni, iżda biex fid-dawl tat-tagħlim imgħoddi tal-Maġisteru, toffri tweġibiet għall-mistoqsijiet ewlenin li qed isirluha f’dar-rigward Din l-espożizzjoni hi mqassma kif ġej: introduzzjoni li ttenni l-prinċipji fundamentali ta’ natura antropoloġika u morali għall-evalwazzjoni xierqa tal-problemi u biex toffri tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet; is-suġġett tal-ewwel parti se jkun ir-rispett lejn il-persuna umana mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha; it-tieni parti se tittratta l-kwistjonijiet morali li tqajmu minħabba l-interventi tekniċi marbutin mal-prokreazzjoni umana; it-tielet parti se toffri xi orjentamenti dwar ir-relazzjoni bejn il-liġijiet morali u l-liġijiet ċivili f’dak li għandu x’jaqsam mar-rispett lejn l-embrijuni umani u feti* u dwar il-leġittimità tat-tekniċi tal-prokreazzjoni artifiċjali.

 

*It-termini “żigota”, “pre-embrijun”, “embrijun” u “fetu” fil-vokabularju bioloġiku jistgħu jindikaw fażijiet suċċessivi tal-iżvilupp tal-persuna umana. Din l-Istruzzjoni tuża dawn it-termini b’mod ħieles u ttihom ilkoll rilevanza etika identika u ndaqs biex  tindika riżultat (kemm jekk jidher u kemm jekk le) ta’ kif ikun iġġenerat il-bniedem, mill-ewwel waqt tal-eżistenza tiegħu sat-twelid. Ir-raġuni għal dan l-użu tiġi ċċarata bit-test (cf I, 1).

 



 

INTRODUZZJONI

1. IR-RIĊERKA BIOMEDIKA U T-TAGĦLIM TAL-KNISJA

          Id-don tal-ħajja li Alla l-Ħallieq u Missier fada f’idejn il-bniedem hi sejħa biex hu japprezza l-valur li ma jistax jitkejjel, li nagħta, u biex ikun responsabbli tiegħu: dan il-prinċipju fundamentali għandu jitqiegħed fil-qalba tar-riflessjoni li ssir biex ikunu ċċarati u jissolvew il-problemi morali mqajma mill-interventi artifiċjali fuq il-ħajja kif toriġina u l-proċessi tal-prokreazzjoni. Grazzi għall-progress tax-xjenzi bioloġiċi u mediċi, il-bniedem, daqs qatt qabel, għandu dejjem aktar għad-dispożizzjoni tiegħu riżorsi terapewtiċi aktar effettivi, iżda jista’ wkoll jikseb setgħat ġodda li l-konsegwenzi tagħhom ma jistgħux jitbassru fuq il-ħajja umana fil-bidu nett tagħha u fl-ewwel fażijiet tagħha. Jeżistu proċeduri varji li jippermettu li jsiru interventi mhux biss biex jassistu iżda wkoll biex jikkontrollaw il-proċessi tal-prokreazzjoni. .Din it-teknika tagħti s-setgħa lill-bniedem li “jieħu f’idejh id-destin tiegħu”, imma tesponih ukoll għat-tentazzjoni “li toħroġ barra mil-limiti tad-dominazzjoni raġjonevoli fuq in-natura”[1]. Jistgħu jkunu progress għas-servizz tal-bniedem, imma fihom ukoll riskji serji. Għalhekk bosta nies qed jagħmlu appell urġenti biex fl-interventi fuq il-prokreazzjoni jkunu mħarsa l-valuri u d-drittijiet tal-persuna umana. It-talba għall-kjarifikazzjoni u l-gwida mhux qed tasal biss mingħand il-fidili imma wkoll mingħand min jagħraf lill-Knisja bħala “esperta fl-umanità”[2]  bil-missjoni li sservi “ċ-ċiviliżżazzjoni tal-imħabba”[3] u tal-ħajja.

          Il-Maġisteru tal-Knisja ma jindaħalx fuq bażi ta’ kompetenza partikulari fil-qasam tax-xjenzi sperimentali; iżda wara li (l-Knisja) kkunsidrat il-fatti magħrufa mir-riċerka u t-teknoloġija, hi l-intenzjoni tagħha li, bis-saħħa tal-missjoni evanġelika tagħha u d-dmir appostoliku, turi x’inhu t-tagħlim morali li għandu x’jaqsam mad-dinjità tal-persuna u mal-vokazzjoni integrali tagħha. L-intenzjoni tagħha hi li tesponi l-kriterji tal-ġudizzju morali fl-applikazzjoni tar-riċerka u t-tekonoloġija, speċjalment f’relazzjoni mal-ħajja umana u l-bidu tagħha. Dawn il-kriterji huma r-rispett, id-difiża u l-promozzjoni tal-bniedem, “id-dritt primarju u fundamentali” għall-ħajja [4], id-dinjità tiegħu bħala persuna mżejna b’ruħ spiritwali u responsabbiltà morali [5] u li hu msejjaħ għall-għaqda beatifika ma’ Alla. L-intervent tal-Knisja f’dal-qasam hu mnebbaħ ukoll mill-Imħabba li hi obbligata tagħti lill-bniedem billi tgħinu jagħraf u jirrispetta drittijietu u dmirijietu. Din l-imħabba tixrob mill-għajn tal-imħabba ta’ Kristu: hi u tikkuntempla l-misteru tal-Verb Inkarnat, il-Knisja jirnexxilha tifhem “il-misteru tal-bniedem”;[6] bit-tħabbir tal-Evanġelju tas-salvazzjoni, lill-bniedem tirrivelalu l-identità tiegħu u tistiednu jiskopri bis-sħiħ il-verità dwar l-eżistenza tiegħu. B’hekk, għal darb’oħra l-Knisja tberraħ il-liġi divina sabiex ittemm il-ħidma tal-verità u l-ħelsien. Għaliex hu propju minħabba t-tjieba – bl-għan li jindika l-mogħdija tal-ħajja – li lill-bnedmin Alla jtihom il-Kmandamenti tiegħu u l-grazzja biex josservawhom: u huwa għall-istess tjieba – sabiex jgħinhom jipperseveraw f’dik it-triq – li Alla dejjem joffri l-maħfra tiegħu lil kulħadd. Kristu jagħder id-dgħufijiet tagħna: hu l-Ħallieq u r-Redentur tagħna. Jalla l-Ispirtu tiegħu jiftaħ il-qlub tal-bnedmin għar-rigal tal-paċi ta’ Alla u biex jifhmu l-preċetti tiegħu.

 

2. IX-XJENZA U T-TEKNOLOĠIJA GĦAS-SERVIZZ TAL-PERSUNA UMANA

          Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu: “raġel u mara għamilhom” (Ġen 1:27), u fdalhom il-biċċa xogħol iebsa “li jaħkmu d-dinja” (Ġen 1:28).  Ir-riċerka xjentifika bażika u r-riċerka applikata huma espressjoni ta’ din il-ħakma tal-bniedem fuq il-ħolqien. Ix-xjenza u t-teknoloġija huma riżorsi ta’ valur kbir għall-bniedem jekk jitqegħedu għas-servizz tiegħu u meta jippromwovu l-iżvilupp integrali tiegħu għall-benefiċċju ta’ kulħadd; imma fihom infushom ma jistgħux jikxfu t-tifsira tal-eżistenza u tal-progress uman. Għax huma regolati mill-bniedem li jibdihom u jiżviluppahom; mill-persuna u l-valuri morali tagħha jirtu l-għan tagħhom u l-għarfien tal-limitazzjonijiet tagħhom. Min-naħa tkun illużjoni li wieħed jippretendi li r-riċerka xjentifika u l-applikazzjonijiet tagħha huma moralment newtrali; min-naħa l-oħra wieħed ma jistax inissel kriterji ta’ gwida mill-effiċjenza teknika waħedha, mill-utilità possibbli għal xi wħud bi spejjeż ta’ ħaddieħor, jew, agħar minn hekk, mill-ideoloġiji dominanti. Għaldaqstant, ix-xjenza u t-teknoloġija jeħtieġu, f’ġieħ it-tifsir intrinsiku tagħhom, rispett bla ebda kundizzjoni lejn il-kriterji fundamentali tal-liġi morali: jiġifieri, illi skont il-pjan tar-rieda t’Alla tkun twieġeb għall-ġid tassew tal-umanità u tgħin lill-bniedem, kemm bħala individwu kemm bħala membru tas-soċjetà, li jsegwi u jilħaq is-sejħa sħiħa tiegħu[7]. L-iżvilupp mgħaġġel tal-iskoperti teknoloġiċi juru li hemm urġenza akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtieġa li jkunu rispettati l-kriterji li għadhom kif issemmew: ix-xjenza mingħajr kuxjenza twassal biss għar-rovina tal-bniedem. “L-era tagħna teħtieġ dan l-għerf aktar miż-żminijiet l-imgħoddija sabiex l-iskoperti tal-bniedem jibqgħu fil-limiti umani. Għax il-ġejjieni tad-dinja jinsab fil-periklu jekk ma jqumux bnedmin aktar għorrief” [8].

 

3. L-ANTROPOLOĠIJA U L-PROĊEDURI FIL-QASAM BIOMEDIKU

          Liema kriterji morali għandhom jitħaddmu biex ikunu ċċarati l-problemi li qed jitqajmu mill-qasam tal-biomediċina? It-tweġiba għal dil-mistoqsija titlob li jkun hemm idea ċara dwar in-natura tal-persuna umana fid-dimensjoni tal-ġisem tagħha. Minn dan jiġri li s-sesswalità, li permezz tagħha r-raġel u l-mara jingħataw lil xulxin kollhom kemm huma b’għemil li hu propju u biss tal-miżżewġin, mhijiex biss xi haġa bijoloġika, imma hi ħaġa li tolqot il-bniedem f’dak li hu l-qofol tiegħu. Is-sesswalità sseħħ b’mod li jixraq lill-bniedem biss meta hi parti sħiħa ta’ dik l-imħabba li biha r-raġel u l-mara jingħataw lill-xulxin għal dejjem sal-mewt.[9]: u din-natura hi fl-istess ħin korporali u spiritwali. Bis-saħħa ta’ din l-għaqda sostanzjali ma’ ruħ spiritwali, il-ġisem tal-bniedem ma jistax jitqies bħala sempliċi massa ta’ ċelluli, organi u funzjonijiet, u lanqas ma jista’ jkun evalwat fuq l-istess livell ta’ dak tal-annimali; aktarx hija l-parti kostituttiva tal-persuna li turi u tesprimi ruħha permezz tiegħu. Il-liġi morali naturali tistqarr u tispjega dawn l-għanijiet, drittijiet u dmirijiet mibnija fuq in-natura korporali u spiritwali tal-persuna umana. Għaldaqstant, dil-liġi ma nistgħux inħarsu lejha bħala sempliċi ġabra ta’ normi fuq livell bioloġiku; iżda rridu niddefinuha bħala ordni razzjonali li bih il-bniedem hu msejjaħ mill-Ħallieq biex imexxi u jirregola ħajtu u l-azzjonijiet tiegħu u, kif b’mod partikolari, juża ġismu [10]. L-ewwel konsegwenza li tista’ titnissel minn dawn il-prinċipji hi: intervent fuq il-ġisem tal-bniedem ma jolqotx biss it-tessuti, l-organi u l-funzjonijiet tagħhom imma jinvolvi lill-persuna nfisha fuq livelli differenti. Ifisser li aktarx jinvolvi prinċipju impliċitu, imma xorta waħda b’mod reali, ta’ tifsira morali u ta’ responsabbiltà. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien afferma dan b’mod qawwi quddiem l-Assoċjazzjoni Medika Dinjija meta qal: “Kull persuna umana hi assolutament unika fis-singularità tagħha, hi ffurmata mhux biss mill-ispirtu imma mill-ġisem ukoll. Għalhekk, fil-ġisem u permezz tal-ġisem, inkunu qed immissu l-persuna nfisha b’mod konkret u reali. Bil-konsegwenza li r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem ifisser li tkun imħarsa din l-identità tal-persuna “corpore et anima unus” (ġisem u ruħ imwaħħdin) kif jgħid il-Konċilju Vatikan II (Gaudium et Spes, 14, par. 1). Huwa fuq il-bażi ta’ dil-viżjoni antropoloġika li bniedem jista’ jsib il-kriterji biex jieħu deċiżjonijiet fil-każ ta’ proċeduri li mhumiex strettament terapewtiċi, bħal, ngħidu aħna, dawk immirati biex itejbu l-kundizzjoni bioloġika umana [11].

          Il-bioloġija u l-mediċina applikati jaħdmu flimkien għall-ġid integrali tal-ħajja umana meta jkunu ta’ għajnuna għall-persuna milquta mill-mard u l-infermità u meta jirrispettaw id-dinjità tagħha bħala kreatura ta’ Alla. Ebda biologu jew tabib, bis-saħħa tal-kompetenza xjentifika tiegħu, ma jista’ raġjonevolment iqis li jista’ jieħu deċiżjoni dwar l-oriġini jew id-destin tal-bnedmin. Din in-norma trid tkun applikata b’mod partikolari fil-qasam tas-sesswalità u tal-prokreazzjoni, qasam li fih raġel u mara jqiegħdu fis-seħħ il-valuri fundamentali tal-imħabba u tal-ħajja. Alla, li hu imħabba u ħajja, naqqax fir-raġel u l-mara l-vokazzjoni biex b’mod speċjali jaqsmu miegħu l-misteru tal-għaqda personali u fix-xogħol tiegħu bħala Ħallieq u Missier [12]. Għal dir-raġuni ż-żwieġ hu mogħni bi propjetajiet u valuri fl-għaqda u fil-prokreazzjoni li ma jistgħux jixxebbħu ma’ dawk li jeżistu fi strati aktar baxxi tal-ħajja. Dawn il-valuri u tifsiriet jolqtu l-ordni personali u, mill-aspett morali, jiddeterminaw it-tifsir u l-limitazzjonijiet tal-interventi artifiċjali li għandhom x’jaqsmu mal-prokreazzjoni u l-oriġini tal-ħajja umana. Dawn l-interventi ma nistgħux niċħduhom għar-raġuni li huma artifiċjali. Fil-fatt huma xhieda tal-possibiltajiet tal-arti medika. Iżda jridu jingħataw evalwazzjoni morali b’riferiment għad-dinjità tal-persuna umana, li hi msejħa biex tagħti milja lill-vokazzjoni tagħha ġejja minn Alla għad-don tal-imħabba u d-don tal-ħajja.

 

4. KRITERJI FUNDAMENTALI GĦALL-ĠUDIZZJU MORALI

          Il-valuri fundamentali marbutin mat-teknika tal-prokreazzjoni umana artifiċjali huma tnejn: il-ħajja tal-persuna umana li qed titnissel u n-natura speċjali tat-trażmissjoni tal-ħajja fiż-żwieġ. Għalhekk, il-ġudizzji morali dwar dal-metodi ta’ prokreazzjoni artifiċjali għandhom ikunu formulati b’riferiment għal dawn il-valuri.

          Huwa ċert li l-ħajja fiżika, li biha tinbeda l-mixja tal-ħajja umana fid-dinja, ma tiġborx fiha s-sħuħija tal-valur tal-persuna u lanqas tirrappreżenta l-ġid suprem tal-bniedem li s-sejħa tiegħu hi l-ħajja eterna. Madankollu, xorta waħda, f’ċertu sens, hija “fundamentalment” il-valur tal-ħajja, preċiżament għax il-valuri l-oħrajn kollha tal-persuna huma mibnijin u jiżviluppaw fuqu [13]. L-invjolabbiltà għad-dritt tal-ħajja tal-persuna innoċenti “mill-waqt tal-konċepiment sal-mewt”[14] hu sinjal u kundizzjoni meħtieġa tal-invjolabbiltà intrinsika tal-persuna li l-Ħallieq ikun taha d-don tal-ħajja. Imqabbla ma’ għamliet oħra ta’ ħajja fl-univers, it-trasmissjoni tal-ħajja umana għandha l-karattru speċjali tagħha li jitnissel min-natura speċjali tal-persuna umana. “It-trasmissjoni tal-ħajja umana, min-natura tagħha hi mħollija għall-att konxju u personali u għalhekk tinsab taħt il-liġijiet kollhom qaddisa ta’ Alla: liġijiet li ma jistgħux jinbidlu u invjolabbli li rridu nagħrfuhom u nirrispettawhom. Għal dir-raġuni ma jistgħux jintużaw meżżi jew metodi li jistgħu jkunu aċċettati fit-trasmissjoni tal-ħajja tal-pjanti u tal-annimali” [15].

          L-avvanzi fit-tekonoloġija issa għamluha possibbli li ssir il-prokreazzjoni maqtugħa mir-realzzjonijiet sesswali bit-tlaqqigħ in vitro ta’ ċelluli ġerminali meħudin mir-raġel u mill-mara. Imma dak li hu teknikament possibbli, mir-raġuni tiegħu innifsu mhux moralment ammissibbli. Għalhekk hemm ħtieġa ta’ riflessjoni razzjonali dwar il-valuri fundamentali tal-ħajja u tal-prokreazzjoni umana biex tkun formulata evalwazzjoni morali ta’ interventi tekonoloġiċi ta’ dix-xorta fuq il-bniedem fl-ewwel fażijiet tal-iżvilupp.

 

5. IT-TAGĦLIM TAL-MAĠISTERU

          Min-naħa tiegħu, lir-raġuni umana, il-Maġisteru tal-Knisja anki f’dal-qasam joffrilha d-dawl tar-Rivelazzjoni: id-duttrina li tikkonċerna l-bniedem mgħallma mill-Maġisteru, fiha bosta elementi li jitfgħu dawl  fuq il-problemi li qed niffaċċjaw hawnhekk. Mill-waqt tal-konċepiment, il-ħajja ta’ kull esseri uman għandha tkun rispettata b’mod assolut għax il-bniedem hu l-uniku ħlejqa fid-dinja li Alla ried “għalih innifsu”[16] u r-ruħ spiritwali ta’ kull bniedem hi “maħluqa minnufih” minn Alla [17]; l-esseri tiegħu kollu hu xbieha tal-Ħallieq.  Il-ħajja umana hi sagra għax mill-bidu tagħha tinvolvi “l-azzjoni ħallieqa ta’ Alla”[18] u tibqa’ għal dejjem f’relazzjoni speċjali mal-Ħallieq, għaliex huma (il-bnedmin) msejħin għal fini wieħed u l-istess, jiġifieri Alla nnifsu[19]. Alla biss hu s-Sid tal-ħajja mill-bidu tagħha sat-tmiem: ħadd u f’ebda ċirkustanza, ma jista’ jkollu d-dritt li jeqred direttament persuna umana innoċenti.[20] Il-prokreazzjoni umana titlob illi l-miżżewġin ikunu lesti biex jikkooperaw bil-kuraġġ mal-imħabba ta' Alla li ħalaq u li salva u li permezz tagħhom minn jum għal ieħor ikabbar u jimla bil-ġid il-familja tiegħu[21]; għalhekk l-atti stess li huma proprji tal-ħajja ta' miżżewġin, eżerċitati skond id-dinjità vera tal-bniedem, għandhom jitħarsu b'rispett kbir...... u għandhom ikun determinati minn kriterji oġġettivi li jittieħdu min-natura stess tal-persuna umana u tal-għemil tagħha [22].

 

I. IR-RISPETT LEJN L-EMBRIJUNI UMANI

          Riflessjoni għaqlija dwar dan it-tagħlim tal-Maġisteru u dwar l-evidenza tar-raġuni kif imsemmijin aktar ‘il fuq, jgħinna nwieġbu għall-għadd kbir ta’ problemi morali li jqegħedu quddiemna l-interventi tekniċi fuq il-persuna umana fl-ewwel fażijiet tal-ħajja u l-proċess tal-konċepiment.

 

1. X’RISPETT GĦANDU JKUN HEMM LEJN L-EMBRIJUN UMAN, META WIEĦED IQIS IN-NATURA U L-IDENTITÀ TIEGĦU?

          Il-persuna umana titlob rispett – bħala persuna – mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha. L-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-fertiliżżazzjoni artifiċjali għamlitha possibbli li jsiru interventi fuq l-embrijuni u l-feti umani. L-għanijiet għal dan huma varji: djanjostiċi u terapewtiċi, xjentifiċi u kummerċjali. Minn dan kollu jinbtu problemi serji. Jista’ wieħed jitkellem dwar dritt ta’ sperimentazzjoni fuq embrijuni umani għal raġunijiet ta’ riċerka xjentifika? Liema regoli u liġijiet japplikaw dwar din il-materja? It-tweġiba għal dawn il-problemi teħtieġ riflessjoni dettaljata tan-natura u l-identità speċifika – tintuża l-kelma “status” - tal-embrijun uman innifsu.

          Fil-Konċilju Vatikan II, min-naħa tagħha lill-bniedem modern, il-Knisja ppreżentatlu mill-ġdid id-duttrina kostanti u ċerta li skontha: “Ladarba l-ħajja tkun tnisslet, teħtieġ protezzjoni bl-akbar kura; l-abort u l-qtil tat-trabi huma delitti l-aktar koroh[23]. Aktar riċenti, il-Karta tad-Drittijiet tal-Familja, li ppublikat is-Santa Sede, ikkonfermat illi “l-Ħajja umana għandha tkun rispettata b’mod assolut u mħarsa sa mill-waqt tal-konċepiment” [24].

          Dil-Kongregazzjoni hi konxja mid-dibattu li għaddej bħalissa dwar il-bidu tal-ħajja umana, li għandu x’jaqsam mal-individwalità tal-persuna umana u li jolqot l-identità tal-persuna umana. Il-Kongregazzjoni tfakkar it-tagħlim tagħha misjub fid-Dikjarazzjoni dwar l-Aborti Ipprokurati: “Mill-waqt li l-ovarju jkun fertiliżżat, tibda ħajja ġdida li la hi tal-missier u lanqas tal-omm, iżda hi ħajja ta’ persuna umana ġdida li tikber awtonomament. Qatt ma tkun tista’ ssir umana kieku ma tkunx diġà umana.  Għal din l-evidenza perpetwa.... ix-xjenza ġenetika moderna tagħti konferma ta’ valur kbir. Uriet li, sa mill-ewwel waqt, jitfassal il-progamm dwar x’se tkun dil-ħlejqa, din il-persuna individwali bl-aspetti karatteristiċi tagħha definiti sew. Eżatt mal-fertiliżżazzjoni tibda l-avventura tal-ħajja umana u kull waħda mill-ħiliet kbar tagħha teħtieġ iż-żmien... biex issib postha u tkun fil-qagħda li taġixxi”[25]. Dan it-tagħlim jibqa’ validu u huwa kkonfermat bis-sħiħ, jekk hemm bżonn ta’ konferma, mis-sejbiet riċenti tax-xjenza bioloġika li tagħraf li fiż-żigota* li tirriżulta mil-fertiliżżazzjoni hemm diġà msawwra l-identità bioloġika tal-individwu l-ġdid. Żgur illi ebda fatti magħrufa xjentifikament ma jistgħu jwassluna biex nirrikonoxxu r-ruħ spiritwali: madankollu, il-konklużjonijiet tax-xjenza dwar l-embrijun uman ituna indikazzjoni ta’ valur biex bl-użu tar-raġuni niddixxernu l-preżenza ta’ persuna fil-waqt eżatt tal-ewwel dehra tal-ħajja umana: kif jista’ bniedem, individwu, ma jkunx persuna umana? Il-Maġisteru ma kkommettiex ruħu espressament għal affermazzjoni ta’ natura filosokifa, imma bla heda jafferma kundanna morali għal kull għamla ta’ abort li jsir fuq ix-xewqa tal-omm. Dat-tagħlim la nbidel u lanqas jista’ jinbidel [26].

          Għalhekk, il-frott tal-ġenerazzjoni tal-bniedem, sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tiegħu, jiġifieri, mill-mument li tkun iffurmat iż-żigota, jitlob rispett bla ebda kundizzjoni li hu dovut moralment lejn il-persuna umana fis-sħuħija korporali u spiritwali tagħha. Il-persuna umana għandu jingħatalha rispett u tkun ittrattata bħala persuna mill-waqt tal-konċepiment; u għalhekk sa minn dak il-waqt, irid jingħata għarfien lid-drittijiet ta’ dik il-persuna, fosthom l-ewwelnett id-dritt invjolabbli għall-ħajja ta’ kull ħlejqa innoċenti. Dan it-tfakkir dottrinali jipprovdi kriterji fundamentali għas-soluzzjoni ta’ problemi varji li jitnisslu mill-iżvilupp tax-xjenzi biomediċi f’dal-qasam: ladarba l-embrijun għandu jitqies bħala persuna, għandna niddefenduh fl-integrità sħiħa tiegħu, nieħdu ħsiebu u nikkurawh kemm hu possibbli, bl-istess mod li nittrattaw kull bniedem ieħor fejn għandha x’taqsam l-assistenza medika.

*Iż-żigota hija ċ-ċellula li jipproduċu żewġ gameti meta n-nukleji tagħhom ikunu twaħħdu ma ‘ xulxin.

 

2. ID-DJANJOSI PRE-NATALI HI LEĊITA MORALMENT?

Jekk id-djanjosi pre-natali tirrispetta l-ħajja u l-integrità tal-embrijun u tal-fetu uman u hi mmirata biex tħarsu jew tfejqu bħala individwu, allura t-tweġiba hi affermattiva.

          Bid-djanjosi pre-natali huwa possibbli li ssir magħrufa l-kundizzjoni tal-embrijun u tal-fetu dment li dawn ikunu għadhom fil-ġuf tal-omm. Tippermetti jew tagħmilha possibbli li wieħed jantiċipa fi żmien aktar bikri u b’mod aktar effettiv, ċerti proċeduri  terapewtiċi, mediċi u jew kirurġiċi.  Djanjosi bħal din hi permissibbli bil-kunsens tal-ġenituri wara li jkunu ġew infurmati sewwa jekk il-metodi użati humiex ta’ ħarsien għall-ħajja u l-integrità tal-embrijun u tal-omm, mingħajr ma jkunu mqegħdin f’riskji sproporzjonati [27]. Imma djanjosi ta’ dix-xorta tmur bil-kbir kontra l-liġi morali meta ssir bil-ħsieb li mir-riżultat jiddependi jispiċċax kollox b’abort: djanjosi li turi l-preżenza ta’ malformazzjoni jew ta’ marda ereditarja qatt ma’ tista’ tkun ekwivalenti għal sentenza ta’ mewt. B’hekk il-mara tkun qed twettaq att illeċitu gravi kieku kellha titlob li ssirilha djanjosi bħal din bl-intenzjoni preċiża li twettaq abort jekk ir-riżultati jikkonfermaw l-eżistenza ta’ malformazzjoni jew anormalità. Ir-raġel, il-qraba jew kwalunkwe persuna oħra tkun qed iġġib ruħha bl-istess manjiera li tmur kontra l-liġi morali jekk tagħti parir jew timponi proċedura djanjostika ta’ dix-xorta lill-mara tqila bl-istess intenzjoni li tipproċedi biex tagħmel abort. L-istess l-ispeċjalista, ikun ħati ta’ kollaborazzjoni illeċita jekk, waqt li jkun qed jagħmel id-djanjosi u jikkomunika r-riżultati, bi ħsieb, jikkontribwixxi biex jistabbilixxi jew jiffavorixxi ħolqa bejn id-djanjosi prenatali u l-abort. Bħala konklużjoni, kull direttiva u programm tal-awtoritajiet ċivili jew tas-saħħa jew ta’ organiżżazzjonijiet xjentifiċi li b’xi mod ikunu favur ħolqa bejn id-djanjosi pre-natali u l-abort, jew li jmorrru aktar ‘l hinn u direttament iġagħalu lill-omm tqila li tgħaddi minn djanjosi pre-natali bl-għan li l-fetu jiġi eliminat għax għandu xi malformazzjoni jew qed iġorr fih xi marda ereditarja, jinsabu taħt kundanna minħabba vjolazzjoni tad-dritt tal-ħajja tat-tarbija mhux imwielda u abbuż tad-drittijiet u d-dmirijiet primarji tal-miżżewġin.

 

3. IL-PROĊEDURI TERAPEWTIĊI LI JSIRU FUQ L-EMBRIJUN UMAN HUMA LEĊITI?

          Bħal f’kull intervent mediku fuq pazjenti, wieħed għandu jqis leċitu proċeduri li jsiru fuq l-embrijun uman li jirrispettaw il-ħajja u l-integrità tal-embrijun u li minnhom infushom ma jqegħduhx f’riskju sproporzjonat imma jkunu mmirati biex ifejqu, itejbu l-kundizzjoni tas-saħħa jew is-sopravivenza individwali tiegħu. Tkun xi tkun it-terapija medika jew kirurġika, dejjem hu meħtieġ il-kunsens ħieles tal-ġenituri skont ir-regoli deontoloġiċi kif japplikaw fil-każ tat-tfal. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju morali jista jkun sejħa biex jittieħdu prekawzjonijeit delikati u partikulari fil-każ tal-ħajja embrijonika jew fetali. Il-Papa Ġwanni Pawlu II tkellem ċar dwar x’inhuma l-leġittimità u l-kriterji ta’ proċeduri bħal dawn: intervent strettament terapewtiku li l-għan speċifiku tiegħu hu l-fejqan ta’ mard varju bħalma hu dak li jiġi minn difetti tal-kromożomi, fil-prinċipju, jitqies bħala ħaġa mixtieqa, basta li jkun immirat lejn il-veru avvanz tas-saħħa personali tal-individwu mingħajr ma jagħmel ħsara lill-integrità tiegħu jew iħażżen il-kundizzjoni ta’ ħajtu. Intervent bħal dan fil-fatt jidħol fil-loġika tat-tradizzjoni morali Kristjana” [28].

 

4. KIF JISTA’ WIEĦED JEVALWA R-RIĊERKA U L-ISPERIMENTAZZJONI* FUQ L-EMBRIJUNI U L-FETI UMANI, MORALMENT?

          Ir-riċerka medika m’għandhiex taġixxi fuq embrijuni ħajjin sakemm m’hemmx iċ-ċertezza morali li mhux se ssir ħsara lill-ħajja jew lill-integrità tat-tarbija mhux imwielda u tal-omm, u dan b’kundizzjoni li l-ġenituri jkunu taw il-kunsens ħieles u infurmat dwar il-proċedura. Minn dan joħroġ li kull riċerka, anki jekk limitata biss għal sempliċi osservazzjoni tal-embrijun, issir illeċita jekk fiha hemm ir-riskju għall-integrità fiżika jew il-ħajja tal-embrijun minħabba l-metodi użati jew l-effetti li dawn jista’ jħallu. F’dak li għandu x’jaqsam mal-isperimentazzjoni, kundizzjonata minn distinzjoni ġenerika bejn sperimentazzjoni għal raġunijiet mhux purament terapewtiċi u sperimentazzjoni li hu ċar li hi terapewtika għas-suġġett innifsu, f’dal-każ wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn spermentazzjoni fuq embrijuni li għadhom ħajjin u sperimentazzjoni fuq embrijuni li jkunu mejta. Jekk l-embrijuni jkunu għadhom ħajjin, vjabbli jew le, għandu jkun hemm rispett lejhom daqs kull persuna ħajja oħra; sperimentazzjoni fuq embrijuni li mhix direttament terapewtika hija illeċita [29]. Ebda għan, anki jekk fih innifsu nobbli bħal fil-każ ta’ meta dan jista’ jidher ta’ ħtieġa għax-xjenza jew għas-soċjetà, ma jista’ b’xi mod jiġġustifika sperimentazzjoni fuq embrijuni jew feti umani, vjabbli kemm hu vjabbli, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ġuf tal-mara. Il-kunsens infurmat meħtieġ skont il-prassi għal sperimentazzjoni klinika fuq l-adulti ma jistax jingħata mill-ġenituri, li ma jistgħux jiddisponu liberament mill-integrità jew il-ħajja tat-tarbija mhux imwielda. Aktar minn hekk, sperimentazzjoni fuq embrijuni u feti dejjem fiha r-riskju, u fil-fatt, f’ħafna minn dawn il-każi wieħed jistennieha li se ssir ħsara fuq l-integrita fiżika jew anki ġġib il-mewt tagħhom.  L-użu tal-embrijuni u feti umani bħala strument ta’ sperimentazzjoni huwa delitt kontra d-dinjità tagħhom bħala bnedmin bid-dritt tar-rispett ugwali għal dak dovut lit-tarbija li tkun ġa twieldet u lil kull persuna umana.

          Il-Karta tad-Drittijiet tal-Familja ippublikata mis-Santa Sede tafferma: “Ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana teskludi kull manipulazzjoni sperimentali jew esplojtazzjoni tal-embrijun uman”[30]. Il-prattika li żżomm embrijuni umani ħajjin in vivo jew in vitro għal raġunijiet sperimentali jew kummerċjali hija għal kollox kontra d-dinjità umana. Fil-każ ta’ sperimentazzjoni biċ-ċar terapewtika, jiġifieri, meta hi għamla ta’ sperimentazzjoni ta’ xi terapija użata għall-benefiċċju tal-embrijun innifsu bħala tentattiv aħħari biex tissalvalu ħajtu, u fin-nuqqas ta’ għamliet oħra ta’ terapija li tista’ torbot fuqhom, l-użu ta’ mediċini jew proċeduri li għad ma ġewx ittestjati għal kollox, jista’ jkun leċitu [31].

          L-iġsma tal-embrijuni u l-feti umani, kemm jekk abortiti bi pjan kemm le, għandhom jingħataw rispett daqs il-fdalijiet ta’ persuni umani oħra.  Dawn ma jistgħux, b’mod partikolari, jisfaw imqattgħin jew issir awtopsja fuqhom jekk tkun għadha mhix aċċertata l-mewt tagħhom u mingħajr il-kunsens tal-ġenituri jew tal-omm.  Aktar minn hekk, għandhom ikunu mħarsin il-ħtiġijiet morali li ma jkun hemm ebda kompliċità ta’ abort ippjanat u li jkun evitat ir-riskju ta’ skandlu. Ukoll, bħal fil-każ ta’ fetu mejjet, l-istess bħalma jsir mal-iġsma tal-adulti, kull traffikar kummerċjali għandu jitqies bħala illeċitu u għandu jkun ipprojbit.

          * ladarba t-termini “riċerka” u “sperimentazzjoni” spiss jingħataw l-istess tifsira ambigwa, tinħass il-ħtieġa li tingħata tifsira eżattata ta’ kif qed jintużaw f’dan id-dokument.

1) Bil-kelma riċerka qed nifhmu kull proċess induttiv jew deduttiv li jsir bl-għan li jippromwovi osservazzjoni sistematika ta’ xi fenomenu fil-qasam uman jew li jittanta jipprova xi ipotesi li titnissel mill-osservazzjonijiet li jkunu saru qabel.

2) Bil-kelma sperimentazzjoni qed nifhmu kull riċerka li biha l-persuna umana (fil-fażijiet differenti tal-eżistenza tagħha: embrijun, fetu, tifel/tifla, adult) ikun l-oġġett li bih jew fuqu wieħed irid jivverifika l-effett, li jkun għadu mhux magħruf jew li l-għarfien tiegħu ikun parzjali, ta’ trattament (p. eż. farmakoloġiku, tetraġeniku, kirurġiku, eċċ).

 

5. KIF JISTA’ WIEĦED JEVALWA MORALMENT L-UŻU TAL-EMBRIJUNI MNISSLIN MILL-FERTILIŻŻAZZJONI ‘IN VITRO’ GĦAL RAĠUNIJIET TA’ RIĊERKA?

          L-embrijuni umani mnisslin in vitro huma bnedmin u suġġetti għall-istess drittijiet: id-dinjità u d-dritt għall-ħajja tagħhom, u għandhom ikunu rispettati mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħhom. Il-produzzjoni tal-embrijuni umani destinati għall-isfruttament bħala “materjal bioloġiku” li jista’ jintrema, hija immorali. Fil-prattika regolari tal-fertiliżżazzjoni in vitro mhux l-embrijuni kollha jitqegħedu fil-ġisem tal-mara; uħud minnhom jinqerdu. L-istess bħalma tikkundanna l-abort ippjanat, il-Knisja tipprojbixxi wkoll atti li jmorru kontra l-ħajja ta’ dawn il-persuni umani. Huwa dmir li tikkundanna l-gravità partikolari tal-qerda volontarja tal-embrijuni umani mnisslin ‘in vitro’ għall-iskop waħdiena tar-riċerka, kemm permezz tal-inseminazzjoni artifiċjali kif ukoll permezz tat-”twin fission”. Meta jaġixxi b’dal-mod, mingħajr ebda jedd, ir-riċerkatur ikun qed jieħu post Alla, u, anki jekk ma jkunx konxju ta’ dan, ikun iqiegħed lilu nnifsu bħala s-sid tad-destin tal-oħrajn għax arbitrarjament ikun qed jagħżel lil min se jħalli jgħix u lil min se jibagħtu għall-mewt u jkun qed joqtol esseri umani li m’għandhomx difiża.

          Għall-istess raġuni, il-metodi ta’ osservazzjoni jew sperimentazzjoni li jagħmlu ħsara jew li fihom riskji gravi u sproporzjonati għall-embrijuni mnisslin in vitro huma moralment illeċiti. Kull persuna umana għandha tkun rispettatata fiha nfisha u ma tistax tisfa’ ridotta bħala strument pur u sempliċi biex ikun ta’ vantaġġ għal ħaddieħor. Għaldaqstant li wieħed bi pjan jesponi għall-mewt embrijuni umani mnisslin ‘in vitro’ mhuwiex konformi mal-liġi morali. B’konsegwenza tal-fatt li ġew imnisslin in vitro, dawk l-embrijuni li ma jitqegħedux fil-ġisem tal-mara u jitqiesu bħala “ekstra” jkunu esposti għal destin assurd, bla ebda possibiltà li jkollhom mezzi żguri ta’ sopravivenza, li jkunu jistgħu jintużaw b’mod leċitu.

 

6. KIF GĦANDU JKUN IL-ĠUDIZZJU DWAR PROĊEDURI OĦRA TA’ MANIPULAZZJONI TAL-EMBRIJUNI MARBUTIN “MAT-TEKNIKA TAR-RIPRODUZZJONI UMANA”?

          It-teknika tal-fertiliżżazzjoni in vitro tista’ tiftaħ it-triq għal għamliet oħra ta’ manipulazzjoni bioloġika u ġenetika tal-embrijuni umani bħalma huma t-tentattivi jew il-pjanijiet għall-fertiliżżazzjoni bejn gameti umani u tal-annimali u l-ġestazzjoni tal-embrijuni umani fil-ġuf tal-annimali, jew għall-ipotesi jew il-proġett li jkunu żviluppati ġwief artifiċjali għall-embrijun uman. Dawn il-proċeduri huma kontra d-dinjità umana karatteristika tal-embrijun, u, fl-istess ħin, huma kontra d-dritt ta’ kull persuna li titnissel u titwieled fi ħdan iż-żwieġ u miż-żwieġ [32] Ukoll, it-tentattivi u l-ipotesijiet biex jitnissel bniedem bla ebda konnessjoni mas-sesswalità permezz tat-”twin fission”, il-klonazzjoni jew il-partinoġenesi jitqiesu li jmorru kontra l-liġi morali, għax huma f’oppożizzjoni mad-dinjità kemm tal-prokreazzjoni umana kif ukoll tal-għaqda konjugali.

          L-iffriżar tal-embrijuni, anki jekk bl-għan li titħarislu l-ħajja tiegħu - krijopreservazzjoni – jikkostitwixxi offiża kontra r-rispett mistħoqq mill-persuni umani għax jesponiehom għal riskji gravi tal-mewt jew ħsara għall-integrità fiżika u jkun qed iċaħħad, tal-anqas temporanjament, il-kenn matern u l-ġestazzjoni, u b’hekk ikun qed iqegħedhom f’sitwazzjoni li biha jsir possibbli li jitwettqu aktar offiżi u manipulazzjoni.

          Ċerti tentattivi biex jinfluwenzaw il-wirt kormożomiku jew ġenetiku, mhumiex terapewtiċi imma għandhom l-għan li jipproduċu bnedmin magħżula skont is-sess jew kwalitajiet oħra pre-determinati. Dawn il-manipulazzjonijiet imorru kontra d-dinjità personali tal-persuna umana u l-integrità u l-identità tagħha. Għalhekk, dawn il-proċeduri bl-ebda mod ma jistgħu jkunu ġustifikati għar-raġuni li possibilment jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-umanità tal-ġejjieni.[33] Kull persuna għandha tkun rispettata fiha nfisha: f’dan tikkonsisti d-dinjità u d-dritt ta’ kull persuna umana sa mill-bidunett tal-eżistenza tagħha.

 

II. INTERVENTI FUQ IL-PROKREAZZJONI UMANA

          Bil-kliem “prokreazzjoni artifiċjali” u ‘fertiliżżazzjoni artifiċjali” hawnhekk qed nifhmu li huma l-proċeduri tekniċi differenti mmirati biex jinkiseb il-konċepiment uman b’mod differenti mill-għaqda sesswali ta’ raġel u mara. Din l-Istruzzjoni qed tittratta l-fertiliżżazzjoni ta’ ovarju f’tubu tal-ħġieġ (fertiliżżazzjoni in vitro) u inseminazzjonni artifiċjali bit-trasferiment ta’ sperma miġbura qabel, fl-apparat ġenitali tal-mara.

          Punt preliminari għall-evalwazzjoni morali ta’ proċeduri tekniċi bħal dawn hu msawwar mill-fatturi taċ-ċirkostanzi u l-konsegwenzi inerenti f’dawk il-proċeduri, b’relazzjoni mar-rispett dovut lill-embrijun uman. L-iżvilupp tal-prattika tal-fertiliżżazzjoni in vitro għadda minn proċess ta’ bosta fertiliżżazzjonijiet u qerda ta’ embrijuni umani.  llum ukoll, dil-prattika tassumi iperovulazzjoni min-naħa tal-mara: għadd ta’ ovarji jinġibdu, ikunu fertiliżżati u mbagħad ikkultivati in vitro għal xi jiem. Soltu mhux kollha jkunu trasferiti fil-kanali ġenitali tal-mara; xi embrijuni, ġeneralment magħrufin bħala “ekstra” jinqerdu jew ikunu ffriżati. F’xi okkażjonijiet, uħud mill-embrijuni impjantati jisfaw ‘sagrifikati’ għal raġunijiet ewġeniċi, ekonomiċi jew psikoloġiċi. Dil-qerda intenzjonata ta’ persuni umani jew l-użu tagħhom għal għanijiet differenti b’detriment għall-integrità u l-ħajja, tmur kontra d-duttrina tal-abort intenzjonali, kif imsemmi aktar ‘il fuq. Ir-rabta bejn il-fertiliżżazzjoni in vitro u l-qerda volontraja tal-embrijuni umani qed issir wisq spiss. Dan għandu tifsir kbir: permezz ta’ dawn il-proċeduri, li bid-deher għandhom għanijiet kuntrarji, il-ħajja u l-mewt isiru jiddependu mid-deċiżjoni tal-bniedem, li b’hekk ikun iqiegħed ilu nnifsu bħala s-sid li jagħti l-ħajja u l-mewt b’digriet. Id-dinamika tal-vjolenza u d-dominazzjoni jistgħu jibqgħu misturin mill-istess individwi li, bix-xewqa li jużaw din il-proċedura, jisfaw suġġetti għaliha huma stess. Dawn il-fatti u l-loġika kiesħa li torbothom flimkien iridu jitqiesu biex isir ġudizzju morali fuq l-IVF u l-ET (fertiliżżazzjoni in vitro u trasferiment tal-embrijun): il-mentalità abortiva li għamlet dil-proċedura possibbli, għalhekk, twassal biex, kemm jekk wieħed irid inkella le, il-bniedem jikseb dominju fuq il-ħajja u l-mewt ta’ bnedmin bħalu u tista’ twassal għal sistema ta’ ewġeniżmu radikali.

          Madankollu, dawn l-abbużi ma jeżentawx lil dak li jkun li jkompli jistudja u jidħol fil-fond b’mod etiku tat-teknika tal-prokreazzjoni artifiċjali fiha nnfisha, u, sakemm hu possibbli, jifred il-proċedura mill-qerda tal-embrijuni prodotti in vitro. Għalhekk, din l-Istruzzjoni se tibda billi tieħu kont, tal-problemi li jitqajmu mill-fertiliżżazzjoni eterologa (II, 1-3),* u wara, dawk marbutin mal-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali (II, 4-6).** Qabel ma jkun imfassal ġudizzju etiku fuq kull waħda minn dawn il-proċeduri, se jkunu eżaminati l-prinċipji u l-valuri li jiddetereminaw l-evalwazzjoni morali ta’ kull waħda minnhom.

          * Bit-terminu fertiliżżazzjoni jew prokreazzjoni artifiċjali, din l-Istruzzjoni qed tifhem dik it-teknika użata biex jinkiseb konċepiment uman bl-użu tal-gameti ġejjin minn tal-anqas donatur li mhux wieħed mill-koppja magħquda fiż-żwieġ. Teknika bħal din tista’ tkun ta’ żewġ tipi:

a) IVF u ET eterologi: it-teknika użata biex jinkiseb konċepiment uman bit-tlaqqigħ in vitro tal-gameti meħudin tal-anqas minn wieħed mid-donaturi tal-koppja magħquda fiż-żwieġ.

b) Inseminazzjoni eterologa artifiċjali: it-teknika użata bit-trasferiment fil-kanali ġenitali tal-mara ta’ sperma li tkun inġabret qabel minn donatur li ma jkunx ir-raġel tagħha.

          ** Bit-terminu fertiliżżazzjoni jew prokreazzjoni omologa artifiċjali, din l-Istruzzjoni qed tifhem dawk il-meżżi mmirati biex jiksbu konċepiment uman bl-użu ta’ gameti ta’ koppja magħquda fiż-żwieġ. Il-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali tista’ ssir b’żewġ metodi differenti:

a) IVF u ET omologi: it-teknika użata biex jinkiseb konċepiment uman bit-tlaqqigħ in vitro tal-gameti tal-koppja magħquda fiż-żwieġ.

b) Inseminazzjoni omologa artifiċjali: it-teknika użata biex jinkiseb konċepiment uman bit-trasferiment fil-kanali ġenitali tal-mara miżżewġa l-isperma li tkun inġabret minn qabel mingħand ir-raġel tagħha.

 

A. FERTILIŻŻAZZJONI ETEROLOGA ARTIFIĊJALI

1. GĦALIEX IL-PROKREAZZJONI UMANA GĦANDHA SSIR FIŻ-ŻWIEĠ?

          Kull persuna umana dejjem għandha tkun milqugħa bħala rigal u barka minn Alla. Madankollu, mill-aspett morali, prokreazzjoni verament responsabbli vis-à-vis t-tarbija mhux imwielda għandha tkun frott taż-żwieġ.

          Minħabba li l-prokreazzjoni umana għandha karatteristiċi speċifiċi minħabba d-dinjità personali tal-ġenituri u tat-tfal: il-prokreazzjoni ta’ persuna ġdida, li biha r-raġel u l-mara jikkolaboraw mas-setgħa tal-Ħallieq, għandha tkun il-frott u s-sinjal tal-għotja reċiproka tal-miżżewġin, ta’ mħabbithom u l-fedeltà lejn xulxin [34]. Il-fedeltà tal-miżżewġin fl-għaqda taż-żwieġ tinvolvi rispett reċiproku tad-dritt tagħhom li jsiru missier u omm biss, permezz ta’ xulxin. It-tarbija għandha dritt li tkun ikkonċeputa, tinġarr fil-ġuf, tinġieb fid-dinja u mrobbija, fl-ambitu taż-żwieġ: hu biss bis-saħħa tar-relazzjoni żgura u magħrufa lejn il-ġenituri tagħhom li t-tifel/tifla jistgħu jiskopru l-identità personali tagħhom u jiksbu l-iżvilupp uman propju tagħhom. B’hekk il-miżżewġin, huma u jagħtu lilhom infushom lil xulxin, ma jagħtux biss lilhom infushom, iżda xi ħaġa aktar minnhom għax jagħtu l-ulied, li huma xbieha ħajja ta’ mħabbithom, u sinjal li jibqa’, tal-għaqda ta’ bejniethom; l-ulied huma dehra ħajja tal-istat tagħhom ta’ missier u omm,[35] Għar-raġuni tar-responsabbiltajiet vokazzjonali u soċjali tal-persuna, il-ġid tat-tfal u tal-ġenituri hu kontribut lejn il-ġid tas-soċjetà; il-vitalità u l-istabbiltà tas-soċjetà jeħtieġu li t-tfal jiġu fid-dinja fi ħdan familja u li l-familja tkun imsejsa sod fuq iż-żwieġ. It-tradizzjoni tal-Knisja u r-riflessjoni antropoloġika jagħrfu li fiż-żwieġ u fir-rabta li ma tinħallx tiegħu, hemm l-uniku ambjent li fih hu xieraq issir prokreazzjoni responsabbli.

 

2. TISTA’ L-FERTILIŻŻAZZJONI ETEROLOGA ARTIFIĊJALI TAQBEL MAD-DINJITÀ TAL-KOPPJA U L-VERITÀ TAŻ-ŻWIEĠ?

          Permezz tal-inseminazzjoni eterologa artifiċjali u l-IVF u l-ET, il-konċepiment uman jinkiseb bil-fużjoni tal-gameti ta’ mill-anqas dontaur wieħed li mhux parti mill-koppja magħquda fiż-żwieġ. Il-fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali hi kontra l-għaqda taż-żwieġ, id-dinjità tal-miżżewġin, il-vokazzjoni propja tal-ġenituri, u tad-dritt tat-tarbija li tkun konċeputa u miġjuba fid-dinja fiż-żwieġ u miż-żwieġ[36]. Ir-rispett lejn ir-rabta taż-żwieġ u lejn il-fedeltà konjugali titlob li t-tarbija titnissel fi ħdan iż-żwieġ; ir-rabta li hemm bejn ir-raġel u l-mara tagħti lill-miżżewġin, b’mod oġġettiv u inaljenabbli, id-dritt esklussiv li jsiru missier u omm biss permezz ta’ xulxin[37]. ir-rikors lejn il-gameti tat-tielet persuna bl-għan li jkun hemm sperma jew ovarju għad-dispożizzjoni, hija vjolazzjoni tal-impenn reċiproku bejn il-miżżewġin u nuqqas ta’ rispett gravi lejn dik il-karatteristika propja taż-żwieġ li hi l-għaqda.

          Il-fertiliżżazzjoni eteroġenja artifiċjali hi tkissir tad-drittijiet tat-tarbija; toftomha mir-relazzjoni filjali tagħha mal-oriġini prenatali u tista’ tkun ostaklu fil-proċess tal-maturazzjoni tal-identità personali. Aktar minn hekk, toffendi l-vokazzjoni komuni tal-miżżewġin li huma msejħin għall-paternità u l-maternità; oġġettivament tkun qed iċċaħħad il-frott konjugali mill-unità u l-integrità tiegħu; turi biċ-ċar li hemm tiċrita bejn il-ġenitorjalità ġenetika, il-ġenitorjalità ġestazzjonali u r-responsabbiltà tat-trobbija. Ħsara bħal din lir-relazzjonijiet personali fi ħdan il-familja għandha riperkussjonijiet fuq is-soċjeta ċivili: dak li jhedded l-għaqda u l-istabbiltà tal-familja hu sors ta’ nuqqas ta’ ftehim, diżordni u inġustizzja fil-ħajja kollha tas-soċjetà. Dawn ir-raġunijiet iwasslu għal ġudizzju moralment negattiv dwar il-fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali: bħala konsegwenza, il-fertiliżżazzjoni ta’ mara miżżewġa bl-isperma ta’ donatur li ma jkunx żewġha u l-fertiliżżazzjoni bl-isperma tar-raġel ta’ ovarju li ma jkunx ġej minn martu huma moralment illeċiti. Aktar minn hekk, il-fertiliżżazzjoni artifiċjali ta’ mara li mhix miżżewġa jew armla, hu min hu d-donatur, ma jistax ikollha ġustifikazzjoni morali.

          Ix-xewqa li jkollhom l-ulied u l-imħabba bejn il-miżżewġin imxennqin biex jgħelbu sterilità li ma tistax tintrebaħ bl-ebda mod ieħor huma motivazzjonijiet li wieħed jifhimhom; imma, soġġettivameent, l-intenzjonijiet tajbin ma jagħmlux il-fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali xi ħaġa tajba u konformi mal-oġġettivi u l-propjetajiet inaljenabbli taż-żwieġ jew rispettuża lejn id-drittijiet tat-tfal u tal-miżżewġin.

 

3. IL-MATERNITÀ SURROGATA HI LEĊITA MORALMENT?

          Le, għall-istess raġunijiet li bihom hi miċħuda l-fertiliżżazzjoni eterologa artifiċjali: għax hi kontra l-għaqda taż-żwieġ u d-dinjità tal-prokreazzjoni tal-persuna umana. Il-maternità surrogata tirrappreżenta falliment oġġettiv li persuna taċċetta d-dmirijiet tal-imħabba materna, tal-fedeltà konjugali u tal-maternità responsabbli; toffendi d-dinjità u d-dritt tat-tarbija li tkun konċeputa, mġarra fil-ġuf, miġjuba fid-dinja u mrobbija mill-ġenituri tagħha stess; b’detriment għall-familji toħloq firda bejn l-elementi morali, fiżiċi u psikoloġiċi li jsawwru lil dawk il-familji.

          * Bit-terminu “omm surrogata” din l-Istruzzjoni trid tfisser:

a) il-mara li fit-tqala ġġorr embrijun impjantat fl-utru tagħha u li ġenetikament hi stranġiera għal dak l-embrijun għax inkiseb bl-għaqda ta’ gameti ġejjin minn “donaturi”. Hi ġġorr it-tqala bi pleġġ li darba tkun twieldet, it-tarbija tingħata lil min ikun ikkummissjonaha jew għamel il-ftehim magħha dwar it-tqala.

b) il-mara li fit-tqala ġġorr embrijun li hi tkun tat sehemha fil-prokreazzjoni tiegħu bid-donazzjonni tal-ovarju tagħha, iffertiliżżat permezz ta’ inseminazzjoni bl-isperma ta’ raġel li mhux żewġha. Hi ġġorr it-tqala bil-wegħda li meta titwieled, it-tarbija tingħata lil min ikun taha l-kummissjoni jew għamel arranġementi magħha għal dik it-tqala.

 

B. INSEMINAZZJONI OMOLOGA ARTIFIĊJALI

          Ladarba l-fertiliżżazzjoni artifiċjali eterologa ġiet iddikjarata inaċċettabbli, tqum il-mistoqsija dwar kif issir l-evalwazzjoni morali tal-proċess tal-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali: l-IVF u l-ET u l-inseminazzjnoni artifiċjali bejn ir-raġel u martu. L-ewwel jeħtieġ tkun iċċarata kwistjoni ta’ prinċipju.

 

 

4. LIEMA KONNNESSJONI HI MEĦTIEĠA MILL-ASPETT MORALI BEJN IL-PROKREAZZJONI U L-ATT KONJUGALI?

a) It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-prokreazzjoni umana jafferma “l-għaqda inseparabbli bir-rieda ta’ Alla li ma tistax tinkiser mill-bniedem bl-inizjattiva tiegħu, bejn iż-żewġ tifsiriet tal-att konjugali: it-tifsira tal-għaqda u t-tifsira tal-prokreazzjoni. Infatti, imħabba l-istess struttura tiegħu, l-att taż-żwieġ, waqt li jgħaqqad profondament lill-miżżewġin, jagħmilhom kapaċi għall-ġenerazzjoni ta’ ħajjiet ġodda, skond liġijiet miktuba fl-istess esseri tar-raġel u tal-mara[38]. Dal-prinċipju, li hu bbażat fuq in-natura taż-żwieġ u l-konnessjoni intima tal-propjetajiet taż-żwieġ, għandu konsegwenzi magħrufin fuq il-livell tar-responsabbiltà tal-paternità u tal-maternità. Bit-tħaris ta’ dawn iż-żewġ aspetti essenzjali, l-għaqda u l-prokreazzjoni, l-att taż-żwieġ iwettaq bis-sħiħ is-sens vera ta’ vera mħabba ta’ xulxin u l-iskop għas-sejħa l-aktar għolja tal-ġenitorjalità [39]

          L-istess duttrina dwar ir-rabta bejn it-tifsira tal-att konjugali u bejn il-propjetajiet taż-żwieġ titfa’ dawl fuq il-problema morali tal-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali, għax “qatt mhu permess li dawn iż-żewġ aspetti jinfirdu minn xulxin sal-punt illi pożittivament jeskludu jew l-intenzjoni prokreattiva jew ir-relazzjoni konjugali”[40]. Bil-kontraċezzjoni, l-att konjugali jitneżża’ mill-ftuħ għall-prokreazzjoni u b’dal-mod iġib distakk volontarju mill-għanijiet taż-żwieġ. Il-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali, filwaqt li tfittex il-prokreazzjoni li mhix frott ta’ att konjugali speċifiku, oġġettivament taffettwa firda simili bejn il-propjetajiet u t-tifsiriet taż-żwieġ. B’hekk, il-fertiliżżazzjoni ssir b’mod leċitu dment li hi riżultat ta’ “att konjugali li, minnu nnifsu hu addattat għall-ġenerazzjoni tat-tfal li għalih hu ordnat iż-żwieġ min-natura tiegħu u li bih il-miżżewġin isiru ħaġa waħda”[41]. Imma mill-aspett morali l-prokreazzjoni tkun nieqsa mill-perfezzjoni propja tagħha meta mhix mixtieqa bħala frott tal-att konjugali, jiġifieri tal-att speċifiku tal-għaqda bejn il-koppja miżżewġa.

b) Il-valur morali tar-rabta intima bejn il-propjetajiet taż-żwieġ u bejn it-tifsiriet tal-att konjugali huwa mibni fuq Il-bniedem, esseri wieħed iżda magħmul minn ruħ u ġisem,[42]. Il-miżżewġin jesprimu reċiprokament l-imħabba personali “bil-lingwaġġ tal-ġisem”, li b’mod ċar jinvolvi kemm “it-tifsiriet sponsali” kif ukoll dawk tal-ġenituri[43]. L-att konjugali li bih il-koppja tesprimi reċiprokament l-għotja personali fl-istess ħin tesprimi l-ftuħ lejn ir-rigal tal-ħajja. Hu att inseparabbli bejn il-korporali u l-ispiritwali. Hu fil-ġisem tagħhom u permezz ta’ ġisimhom li l-miżżewġin jikkunsmaw iż-żwieġ tagħhom u jiksbu l-ħila li jsiru missier u omm.

          Biex ikun irrispettat il-lingwaġġ tal-ġisem tagħhom u l-ġenerożità reċiproka, l-għaqda konjugali trid issir bir-rispett lejn il-ftuħ tagħha għall-prokreazzjoni; u l-prokreazzjoni ta’ persuna għandha tkun frott u riżultat tal-imħabba bejn il-miżżewġin. B’hekk l-oriġini tal-persuna umana titnissel minn prokreazzjoni li “hi marbuta ma’ dik l-għaqda, mhux biss bioloġika imma wkoll spiritwali, tal-ġenituri, li jsiru ħaġa waħda bl-għaqda taż-żwieġ”[44]. Il-fertiliżżazzjoni miskuba ‘l barra mill-iġsma tal-koppja, minħabba dal-fatt, tibqa’ nieqsa għal kollox mit-tifsiriet u l-valuri li jkunu mistqarra bil-lingwaġġ tal-ġisem u l-għaqda bejn persuni umani.

          c) Hu biss ir-rispett lejn ir-rabta bejn it-tifsiriet tal-att konjugali u r-rispett lejn l-għaqda bejn il-persuni umani li tagħmilha possibbli li l-prokreazzjoni tikkonforma mad-dinjità tal-persuna. Fl-oriġini uniku u irripetibbli tagħha, it-tarbija jixirqilha rispett u għandha tingħaraf bħala ugwali fid-dinjità personali daqs dawk li jtuha l-ħajja. Il-persuna umana għandha tkun aċċettata fl-att tal-għaqda u l-imħabba; il-ġenerazzjoni tat-tarbija hi frott tad-donazzjoni lil xulxin u tal-prokreazzjoni tal-bniedem, f'kuntest ta' mħabba vera[45] li seħħ fl-att konjugali li fih il-miżżewġin jafu li d-dmir tat-trasmissjoni tal-ħajja umana u tat-trobbija, għandu jitqies bħala l-missjoni proprja tagħhom, bħala kooperaturi ta' l-imħabba ta' Alla li ħalaqhom u bħal interpreti tagħha[46] .Fir-realtà l-oriġini tal-persuna umana huwa r-riżultat ta’ att ta’ għotja. Il-konċeput għandu jkun il-frott tal-imħabba tal-ġenituri tiegħu. Ma jistax ikun mixtieq jew konċeput bħala prodott ta’ intervent mediku jew tat-teknoloġija; dak ikun daqslikieku (it-tarbija) tkun meqjusa bħala oġġett tat-teknoloġija xjentifika. Ħadd m’għandu jissoġġetta li t-tarbija li tinġieb fid-dinja li tkun ikkundizzjonata mill-effiċjenza teknoloġika li għandha tkun evalwata skont il-kriterji tal-kontroll u d-dominazzjoni. Ir-rilevanza morali tar-rabta bejn it-tifsiriet tal-att konjugali u l-frott taż-żwieġ, kif ukoll l-għaqda bejn il-bniedem u d-dinjità tal-oriġini tiegħu, jitolbu li l-prokreazzjoni tal-persuna umana tinkiseb bħala frott tal-att konjugali speċifiku tal-imħabba bejn il-miżżewġin. Il-ħolqa bejn il-prokreazzjoni u l-att konjugali b’hekk tidher li hi ta’ importanza kbira fil-perspettiva antropoliġika u morali u titfa’ dawl fuq il-pożizzjonijiet tal-Maġisteru rigward il-fertiliżżazzjoni omologa artifiċjali.

 

5. IL-FERTILIŻŻAZZJONI OMOLOGA ‘IN VITRO’ HI MORALMENT LEĊITA?

          It-tweġiba għal dil-mistoqsija tiddependi strettament mill-prinċipji li għadhom kif issemmew. Żgur li ħadd ma jista’ jinjora l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-koppji sterili. Għal xi wħud, li jirrikorru għall-IVF u l-ET omologi donnha tidher bħala l-uniku mod li bih jissodisfaw ix-xewqa sinċiera tagħhom li jkollhom tarbija. Il-mistoqsija hi jekk it-totalità tal-ħajja konjugali f’sitwazzjonijiet bħal dawn, hix biżżejjed biex tiżgura (l-ħarsien) tad-dinjità propja tal-ħajja umana. Hu magħruf li l-IVF u l-ET żgur li ma jistgħux jikkompensaw għan-nuqqas tar-relazzjonijiet sesswali [47] u, meta jitqiesu r-riskji li jistgħu jinqalgħu lit-tarbija u l-iskomdu tal-proċedura, ma jistgħux ikunu preferuti minflok l-att konjugali speċifiku. Imma nistaqsu, jekk meta ma jkun hemm mod ieħor biex tingħeleb l-isteriltà, li hi sors ta’ tbatija, il-fertiliżżazzjoni omologa in vitro tistax tkun ta’ għajnuna, jekk mhux bħala forma ta’ terapija, li f’dal każ wieħed jista’ jqis li hi moralment aċċettabbli. Ix-xewqa ta' tarbija – jew tal-anqas il-ftuħ lejn it-trasmissjoni tal-ħajja – hi kundizzjoni meħtieġa mill-aspett morali biex ikun hemm prokreazzjoni umana responsabbli. Iżda din l-intenzjoni tajba mhix biżżejjed biex ikun hemm evalwazzjoni morali pożittiva tal-fertiliżżazzjoni in vitro bejn il-miżżewġin. Il-proċess tal-IVF u l-ET għandu jkun iġġudikat fih innifsu u ma jistax jissellef il-kwalitajiet morali tiegħu mit-totalità tal-ħajja konjugali fejn lanqas ma hi permessa xi azzjoni jew qabel l-att taż-żwieġ, jew waqt dan l-att, jew fl-iżvilupp tal-konsegwenzi naturali tiegħu, li jkollha l-ħsieb, bħala skop jew bħala mezz, li l-prokreazzjoni ma tkunx possibbli[48].

          Diġà tfakkar illi fiċ-ċirkustanzi li dawn il-prattiċi jintużaw regolarment, l-IVF u l-ET jimplikaw il-qerda ta’ persuni umani, fatt li hu kontra d-duttrina msemmija aktar ‘il fuq li l-abort hu illeċitu [49]. Imma anki f’sitwazzjoni li fiha tittieħed kull prekawzjoni biex il-mewt tal-embrijuni umani tkun skansata, l-IVF u l-ET omologi huma mifrudin mill-azzjonijiet tal-att konjugali li hu mmirat biex iġib il-fertiliżżazzjoni umana. In-natura propja tal-IVF u l-ET omologi, għalhekk, irridu nieħdu kont tagħhom b’mod separat mill-abort intenzjonali. L-IVF u l-ET omologi jseħħu ‘l barra mill-ġisem tal-koppja bl-azzjoni tat-tielet persuna li l-kompetenza u l-attività teknika tagħha jiddeterminaw is-suċċess tal-proċedura. Fertiliżżazzjoni bħal din tqiegħed il-ħajja u l-identità tal-embrijun taħt is-setgħa tat-tobba u l-bioloġi u tistabbilixxi d-dominju tat-teknoloġija fuq l-oriġini u destin tal-persuna umana. Relazzjoni ta’ dominazzjoni bħal din hi minnha nfisha kuntrarja għad-dinjità u l-ugwaljanza li għandu jkun hemm bejn il-ġenituri u l-ulied.

          Il-konċepiment in vitro hu riżultat ta’ azzjoni teknika li tippresjedi l-fertiliżżazzjoni. Fertiliżżazzjoni bħal din, fil-fatt, la tkun inkisbet u lanqas tkun mixtieqa pożittivament bħala espressjoni tal-frott ta’ att konjugali speċifiku.        Għalhekk, fil-każ tal-IVF u l-ET omologi, anki jekk nikkunsidrawhom fil-kuntest ta’ relazzjonijiet sesswali eżistenti ‘de facto’, il-ġenerazzjoni tal-persuna umana hi oġġettivament miftuma mill-perfezzjoni propja tagħha: jew aħjar, bħala riżultat u l-frott ta’ att konjugali li bih il-miżżewġin jistgħu jsiru “kollaboraturi ma’ Alla biex jagħtu ħajja lil persuna ġdida”[50] .Dawn ir-raġunijiet jgħinuna nifhmu għala l-att konjugali, fit-tagħlim tal-Knisja, hu meqjus bħala l-uniku ambjent denju tal-prokreazzjoni umana. Għall-istess raġunijiet l-hekk imsejjaħ “każ sempliċi”, jiġifieri proċedura ta’ IVF jew ET omologi li huma meħlusin minn kull pratika abortiva li teqred l-embrijuni, u l-masturbazzjoni, tibqa’ teknika moralment illeċita għax toftom il-prokreazzjoni umana mid-dinjità li hi propja u konnaturali tagħha. Ċertament, il-fertiliżżazzjoni omologa bl-IVF u l-ET m’għandhiex it-timbru negattiv li jimmarka l-prokreazzjoni extra-konjugali; il-familja u ż-żwieġ jibqgħu l-ambjent għat-twelid u t-trobbija tat-tfal. Madankollu b’konformità mad-duttrina tradizzjonali rigward l-oġġettivi taż-żwieġ u d-dinjità tal-persuna, il-Knisja tibqa’ kontra l-fertiliżżazzjoni omologa ‘in vitro’ mill-aspett morali  Fertiliżżazzjoni bħal din hi minnha nfisha illeċita u opposta għad-dinjità tal-prokreazzjoni u l-għaqda konjugali, anki meta jsir minn kollox biex tkun evitata l-mewt tal-embrijun uman. Għalkemm il-mod li bih isir il-konċepiment uman bl-IVF u l-ET ma jistax jingħata approvazzjoni, kull tarbija li tiġi fid-dinja għandha tkun aċċettata bħala rigal ħaj tal-Tjieba divina u għandha titrabba bl-imħabba.

 

6. KIF TISTA’ TKUN EVALWATA L-INSEMINAZJZONI ARTIFIĊJALI OMOLOGA MILL-ASPETT MORALI?

          L-inseminazzjoni artifiċjali omologa fi ħdan żwieġ ma tistax tkun aċċettata ħlief f’dawk il-każi li fihom il-mezzi tekniċi ma jieħdux post l-att konjugali imma jservu biex jiffaċilitaw u jgħinu sabiex l-att jikseb l-għan naturali tiegħu.

          It-tagħlim tal-Maġisteru dwar dal-punt diġà kienet spjegat [51]. It-tagħlim mhux sempliċiment espressjoni ta’ xi ċirkostanzi storiċi partikolari imma hu msejjes fuq id-duttrina tal-Knisja dwar il-konnessjoni bejn l-għaqda konjugali u l-prokreazzjoni u l-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura personali tal-att konjugali u l-prokreazzjoni umana. “Fl-istruttura naturali tiegħu, l-att konjugali hu wieħed personali, koperazzjoni simultanja u immedjata min-naħa tar-raġel u ta’ martu, li bl-istess natura tal-aġenti hija l-espressjoni tar-rigal tal-għotja reċiproka, li skont il-kliem tal-Iskrittura, tagħmel din l-għaqda “ġisem wieħed” [52]. Għalhekk il-kuxjenza morali ‘mhux neċessarjament tbarri l-użu ta’ ċerti mezzi artifiċjali mmirati esklussivament jew biex jiffaċilitaw l-att naturali jew biex jiżguraw li l-att naturali magħmul normalment jikseb l-għan propju tiegħu” [53]. Jekk il-mezzi tekniċi jiffaċilitaw l-att konjugali jew jgħinu biex dan jilħaq l-objettivi naturali tiegħu, allura dawn jistgħu jkunu aċċettabbli. Jekk, min-naħa l-oħra, il-proċedura tieħu post l-att naturali, din issir moralment illeċita. L-inseminazzjoni artifiċjali li tieħu post l-att konjugali hija projbita għar-raġuni li sseħħ firda volontarja bejn iż-żewġ tifsiriet tal-att taż-żwieġ. Il-masturbazzjoni, li normalment minnha tinġieb l-isperma, hija sinjali ieħor ta’ din is-separazzjoni: anki meta ssir bl-għan tal-prokreazzjoni, l-att jibqa’ mneżża’ mit-tifsira tal-għaqda tiegħu: “ikun nieqes mir-relazzjoni sesswali li jitlob l-ordni morali, jiġifieri r-relazzjoni li tqiegħed fis-seħħ “is-sens sħiħ tal-għotja reċiproka u l-prokreazzjoni umana fil-kuntest tal-imħabba vera” [54].

 

7. LIEMA KRITERJU MORALI NISTGĦU NIPPROPONU RIGWARD L-INTERVENT MEDIKU FIL-PROKREAZZJONI UMANA?

          L-att mediku jrid ikun evalwat mhux biss ‘b’riferiment għad-dimensjoni teknika tiegħu imma wkoll, u fuq kollox, b’relazzjoni mal-għan tiegħu li hu l-ġid tal-persuni u s-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom. Il-kriterji morali rigward l-intervent mediku fil-prokreazzjoni jinkisbu mid-dinjità tal-persuni umani, mis-sesswalità tagħhom u l-oriġini tagħhom. Il-mediċinia li tfittex li timmira lejn il-ġid integrali tal-persuna għandha tirrispetta l-valuri tas-sesswalità speċifikament umani[55]. It-tabib qiegħed għas-servizz tal-persuni u tal-prokreazzjoni. M’għandux l-awtorità li jiddisponi minnhom jew li jiddeċidi d-destin tagħhom.

          L-intervent mediku jirrispetta d-dinjità tal-persuni meta jfittex li jgħin l-att konjugali jew biex jiffaċilita t-twettiq tiegħu jew sabiex jgħinu jikseb l-għanijiet tiegħu ladarba jkun sar b’mod normali”[56]. Min-naħa l-oħra, kultant jiġri li proċedura medika teknoloġika tieħu post l-att konjugali sabiex tinkiseb il-prokreazzjoni li la tkun riżultat u l-anqas il-frott tagħha. F’dal-każ, l-att mediku ma jkunx, kif suppost għandu jkun, imqiegħed għas-servizz tal-għaqda konjugali imma aktarx ikun qed jarroga għalih il-funzjoni prokreattiva u b’hekk ikun jikkontradixxi d-dinjità u d-drittijiet inaljenabbi tal-miżżewġin u tat-tarbija li se titwieled. L-umaniżżazzjoni tal-mediċina, li llum kulħadd jinsisti dwarha, titlob rispett lejn id-dinjità integrali tal-persuna umana l-ewwel u qabel kollox fl-att u fil-mument li fih il-miżżewġin jittrasmettu l-ħajja lil persuna ġdida. Għalhekk hu sempliċiment loġiku li jsir appell urġenti lit-tobba u x-xjenzjati Kattoliċi biex huma jkunu xhieda eżemplari tar-rispett mistħoqq lill-embrijun uman u d-dinjità tal-prokreazzjoni. L-istaff mediku u tal-infermiera fl-isptarijiet u l-kliniki Kattoliċi huma mħeġġin b’mod speċjali biex jagħmlu ġustizzja mal-obbligi morali li huma ħaddnu, spiss ukoll, bħala parti mill-kuntratt tagħhom. Min hu inkarigat mill-isptarijiet u l-kliniki Kattoliċi u li spiss huma persuni reliġjużi, għandhom jagħtu każ b’mod speċjali biex iħarsu u jippromwovu l-osservanza bir-reqqa tan-normi morali li qed jissemmew f’din l-Istruzzjoni.

 

8. IT-TBATIJA MINĦABBA L-INFERTILITÀ FIŻ-ŻWIEĠ

          It-tbatija tal-miżżewġin li ma jistax ikollhom tfal jew li jibżgħu li jġibu fid-dinja xi wild b’mankament hi tbatija li kuħadd għandu jifhem u jevalwa kif jixraq.

          Min-naħa tal-miżżewġin, ix-xewqa li jkollhom it-tfal hi ħaġa naturali: tesprimi l-vokazzjoni tal-paternità u l-maternità minquxa fl-imħabba konjugali.  Dix-xewqa tista’ tkun aktar kbira jekk koppja tkun tbati minn sterilità li tidher bla fejqan. Madankollu, iż-żwieġ ma jagħtix dritt lill-koppja li jkollha t-tfal, imma biss id-dritt li tagħmel dawk l-atti naturali li per se huma maħluqin għall-prokreazzjoni[57]. Dritt assolut li jkun hemm l-ulied imur kontra d-dinjità tat-tarbija u tan-natura. It-tarbija mhix oġġett li wieħed għandu dritt fuqha, u lanqas m’għandha titqies bħala oġġett personali: aktarx, it-tarbija hi rigal, “l-egħżeż rigal taż-żwieġ”[58] u l-aktar rigal gratwit taż-żwieġ, u hija xhieda ħajja tal-għotja reċiproka tal-ġenituri. Għal dir-raġuni t-tarbija għandha d-dritt, kif diġà ssemma’ qabel, li tkun frott ta’ att speċifiku tal-imħabba konjugali bejn il-ġenituri tagħha; u għandha wkoll id-dritt li tkun rispettata bħala persuna mill-waqt tal-konċepiment tagħha.

          Madankollu, hi x’inhi r-raġuni tal-pronjosi, l-isterilità hi prova iebsa. Il-komunità ta’ dawk li jemmnu hi msejħa biex titfa’ d-dawl u tagħti sapport lit-tbatija ta’ min ma jistax jilħaq il-milja tal-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għall-paternità u l-maternità. Il-miżżewġin li jsibu ruħhom f’dis-sitwazzjoni ta’ niket għandhom sejħa biex din għalihom tkun opportunità li biha jaqsmu b’mod partikolari s-salib mal-Mulej, l-għajn ta’ kull frott spiritwali. Il-koppji sterili m’għandhomx jinsew li “anki meta l-prokreazzjoni mhix possibbli, il-ħajja konjugali ma titlifx il-valur tagħha minħabba f’hekk. L-isterilità fiżika tista’ fil-fatt tkun għall-miżżewġin okkażjoni ta’ servizzi oħra mportanti għall-ħajja tal-bniedem, bħalma hi l-addozzjoni, ħafna suriet ta’ ħidma edukattiva, għajnuna lil familji oħra jew lill-fqar u lit-tfal inkapaċitati[59] .Hemm ħafna riċerkaturi jaħdmu fil-ġlieda kontra tal-isterilità. Filwaqt li baqgħu jħarsu għal kollox id-dinjità tal-prokreazzjoni umana, xi wħud kisbu riżultati li qabel kienu jidhru li ma jistgħux jintlaħqu. Għalhekk, ix-xjenzjati għandhom ikunu nkoraġġiti biex ikomplu bir-riċerka tagħhom bl-għan li jilqgħu minn qabel il-kawżi tal-isterilita u sabiex ikunu jistgħu jirrimedjawha sabiex il-koppji sterili jkunu jistgħu jipprokrejaw b’rispett sħiħ lejn id-dinjità personali tagħhom u dik tat-tarbija li tkun se titwieled.

 

III. IL-LIĠI MORALI U ĊIVILI

IL-VALURI U L-OBBLIGI MORALI

LI L-LEĠIŻLAZZJONI ĊIVILI
GĦANDHA TIRRISPETTA U TAPPROVA F’DAR-RIGWARD

1.                 Id-dritt invjolabbli għall-ħajja ta’ kull individwu uman innoċenti u d-drittijiet tal-familja u tal-istituzzjoni taż-żwieġ isawru l-valuri fundamentali għax għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjoni naturali u l-vokazzjoni integrali tal-persuna umana; fl-istess ħin huma elementi kostituttivi tas-soċjetà ċivili u tal-ordni tagħha. Għal dir-raġuni l-possibiltajiet tat-teknoliġiji l-ġodda li nfetħu fil-qasam tal-biomediċina, jeħtieġu l-intervent tal-awtoritajiet politiċi u tal-leġiżlatur, għax in-nuqqas ta’ kontroll fl-applikazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji jista’ jwassal għal konsegwenzi li ma nistgħux inkunu nafuhom minn qabel u ta’ ħsara għas-soċjetà ċivili. Li nirrikorru għall-kuxjenza ta’ kull individwu u għall-awtoregolamentazzjoni tar-riċerkaturi jista’ ma jkunx biżżejjed biex niżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet personali u l-ordni pubbliku. Jekk il-leġiżlatur responsabbli għall-ġid komuni ma jgħassisx, jista’ jitlef il-prerogattiva tiegħu għax ir-riċerkaturi jibdew jippretendu li jiggvernaw huma l-umanità f’isem l-iskoperti bioloġiċi u l-proċessi allegatament “ta’ titjib” li huma jiksbu mill-iskoperti tagħhom. “L-ewġeniżmu” u għamliet oħra ta’ diskriminazzjoni bejn il-bnedmin jistgħu jisfaw leġitimiżżati: dan ikun att ta’ vjolenza u offiża serja lejn l-ugwaljanza, id-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-persuna umana. L-intervent tal-awtorità pubblika għandu jkun imnebbaħ mill-prinċipji razzjonali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-liġi ċivili u l-liġi morali. Il-biċċa xogħol iebsa tal-liġi ċivili hi li tiżgura l-ġid komuni tan-nies bl-għarfien u d-difiża tad-drittijiet fundamentali u permezz tal-ħarsien xieraq tal-paċi u l-moralità pubblika[60]. Fl-ebda sfera tal-ħajja l-liġi ċivili ma tista’ tieħu post il-kuxjenza jew tiddetta n-normi li għandhom x’jaqsmu ma ħwejjeġ li jmorru ‘l hinn mill-kompetenza tagħha. Kultant, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jkollha tittollera affarijiet li ma tistax tipprojbihom jekk ma tridx li r-riżultat ikun ta’ ħsara akbar. Madankollu d-drittijiet inaljenabbli tal-persuna għandhom jingħataw għarfien u jkunu rispettati mill-awtoritajiet ċivili u l-awtoritajiet politiċi. Dawn id-drittijiet umani la jiddependu minn indiviwi singoli u lanqas mill-ġenituri; u lanqas jirrappreżentaw xi konċessjoni magħmula mis-soċjeta u l-Istat; huma relatati man-natura umana u huma ħaġa waħda mal-persuna bis-saħħa tal-att kreattiv li minnu l-persuna tkun kisbet l-oriġini tagħha. Fost dawn id-drittijiet fundamentali wieħed jista’ jsemmi f’dar-rigward:

a) id-dritt ta’ kull persuna umana għall-ħajja u l-integrità fiżika mill-mument tal-konċepiment sal-mewt;

b) id-dritt tal-familja u taż-żwieġ bħala istituzzjoni, u f’dal-qasam, id-dritt tat-tarbija li tkun ikkonċeputa, miġjuba fid-dinja u mrobbija mill-ġenituri tagħha. Hanwhekk jeħtieġ li jkunu eżaminati ftit aktar dawn iż-żewġ temi.

          F’ħafna Stati, ċerti liġijiet awtoriżżaw is-soppressjoni diretta tal-innoċenti; fil-mument li liġi pożittiva tiċħad lil xi kategorija ta’ bnedmin il-protezzjoni li l-liġijiet ċivili suppost ittihom, l-Istat ikun qed jiċħad li kulħadd huwa l-istess quddiem il-liġi. Meta l-Istat ma jqiegħedx is-setgħa tiegħu għas-servizz tad-drittijiet ta’ kull ċittadin, u partikolarment ta’ min hu l-aktar dgħajjef, jisfaw imżebilħin l-istess sisien tal-Istat mibni fuq il-liġi. Bil-konsegwenza li l-awtorità politika ma tistax tapprova s-sejħa biex il-bnedmin jiġu fid-dinja permezz ta’ proċeduri li jesponuhom għal dawk ir-riskji gravi li diġà semmejna qabel. L-għarfien possibbli mnissel mill-liġi pożittiva u mill-awtoritajiet politiċi ta’ teknika tat-trasmissjoni artifiċjali tal-ħajja u l-isperimentazzjoni marbutin magħha, tkompli twessa’ t-tiċrita li nfetħet bil-legaliżżazzjoni tal-abort. Bħala konsegwenza tar-rispett u l-protezzjoni li għandha tkun garantita lit-tarbija mhux imwielda mill-mument tal-konċepiment, il-liġi għandha timponi sanzjonijiet penali adattati għal kull vjolazzjoni intenzjonali tad-drittijiet tat-tarbija. Il-liġi ma tistax tittollera - fil-fatt għandha tipprojbixxi għal kollox – illi l-bnedmin, anki fl-istat embrijoniku, jkunu użati bħala oġġetti ta’ sperimentazzjoni, jisfaw mbiċċra jew meqrudin bl-iskuża li huma żejda jew mingħajr possibiltà li jiżviluppaw b’mod normali.

          L-awtorità politika hi marbuta li lill-istituzzjoni tal-familja, li fuqha hi mibnija s-soċjetà, tiggarantilha l-protezzjoni ġuridika li għandha dritt għaliha. Mill-fatt stess li hi ta’ servizz għan-nies, l-awtorità politika għandha tkun ta’ servizz għall-familja. Il-liġi ċivili ma tistax tagħti approvazzjoni għal teknika tal-prokreazzjoni artifiċjali li, għall-benefiċċju ta’ terzi persuni (tobba, bioloġi, setgħat ekonomiċi jew governattivi), tieħu dak li hu dritt inerenti għar-relazzjoni bejn il-miżżewġin; u għalhekk, il-liġi ċivili ma tistax tillegaliżża d-donazzjoni tal-gameti bejn persuni li mhumiex leġittimament magħqudin fiż-żwieġ. Il-leġiżlazzjoni għandha tiprojbixxi wkoll, minħabba s-sapport dovut lejn il-familja, il-banek tal-embrijuni, l-inseminazzjoni post mortem u “maternità surrogata”. Huwa parti mid-dmir tal-awtorità pubblika li tiżgura li l-liġi ċivili tkun regolata skont in-normi fundamentali tal-liġi morali f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet umani. Il-politiċi għandhom jintrabtu, bl-interventi tagħhom fuq l-opinjoni pubblika, li jiżguraw l-aktar kunsens wiesa fis-soċjetà dwar punti daqstant essenzjali u jsaħħu dan il-kunsens kull fejn ikun hemm ir-riskju li jiddgħajjef jew li jiġġarraf.

          F’ħafna pajjiżi, il-leġiżlazzjoni dwar l-abort u t-tolleranza ġuridika lejn koppji mhux miżżewġin tagħmilha aktar diffiċli li jkun żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali li din l-Istruzzjoni qed tiġbed l-attenzjoni dwarhom. Hu ttamat li l-Istati ma jitgħabbewx bir-responsabblità li jgħarrqu aktar dawn is-sitwazzjonijiet soċjalment ta’ ħasra u ta’ inġustizzja. Aktarx hu ttamat li n-nazzjonijiet u l-Istati jifhmu l-implikazzjonijiet kulturali, ideoloġiċi u politiċi kollha marbutin mat-teknika tal-prokreazzjoni artifiċjali u jsibu l-għerf u l-kuraġġ meħtieġa sabiex joħorġu liġijiet aktar ġusti u ta’ rispett akbar lejn il-ħajja umana u l-istituzzjoni tal-familja. Il-ġurnata tal-lum il-liġijiet ta’ bosta Stati jagħtu għarfien ta’ leġittimità li f’għajnejn bosta mhux flokha, lil ċerti prattiċi; donnhom jidhru li m’għandhomx ħila jiggarantixxu dik il-moralità konformi mal-esiġenzi naturali tal-persuna umana u mal-”liġijiet mhux miktuba” minquxin mill-Ħallieq fil-qalb tal-bniedem. Il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba għandhom jikkommettu ruħhom, partikolarment fil-qasam professjonali tagħhom u fit-wettiq tad-drittijiet ċivili tagħhom, li jiżguraw  li ssir riforma tal-liġijiet ċivili moralment inaċċettabbli u l-korrezzjoni tal-prattiċi illeċiti. Ma’ dan tiżdied “l-oġġezzjoni kuxjenzjuża” vis-à-vis li liġijiet bħal dawn għandhom jingħataw sapport u għarfien. Ċertu moviment ta’ reżistenza passiva biex ma jkunux leġittimiżżati prattiċi li jmorru kontra l-ħajja umana u d-dinjità, donnu jidher li qed tħalli impressjoni aktar penetranti fuq il-kuxjenza morali ta’ ħafna, speċjalment fost l-ispeċjalisti tax-xjenzi biomediċi.

 

KONKLUŻJONI

          It-tixrid tat-teknoloġija tal-intervent fil-proċess tal-prokreazzjoni umana tqajjem problemi morali serji relatati mar-rispett dovut lill-persuna umana mill-waqt tal-konċepiment, tad-dinjità tal-persuna, tas-sesswalità tagħha, u tat-trasmissjoni tal-ħajja. B’din l-Istruzzjoni, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, qed itemm ir-responsabbiltà tagħha li tmexxi ‘l quddiem u tiddefendi t-tagħlim tal-Knisja fi kwistjoni daqstant serja, qed tindirizza stedina ġdida u mill-qalb lil dawk li, minħabba r-rwol tagħhom u l-impenn tagħhom, jistgħu jkunu influwenti u jiżguraw illi fil-familja u fis-soċjetà, jingħata r-rispett mistħoqq lill-ħajja u lill-imħabba. Tindirizza din l-istedina lil kull min hu responsabbli għall-formazzjoni tal-kuxjenzi u tal-opinjoni pubblika, lix-xjenzjati u l-professjonisti mediċi, lill-ġuristi u lill-politiċi. Tittama li lkoll jifhmu l-inkompattibiltà bejn l-għarfien tad-dinjità tal-persuna umana u l-istmerrija lejn il-ħajja, bejn il-fidi f’Alla l-ħaj u l-pretensjoni tad-dritt li arbitrarjament tittieħed deċiżjoni dwar l-oriġini u d-destin ta’ bniedem.

          B’mod partikolari, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tindirizza stedina bil-fiduċja u l-inkoraġġiment lit-teoloġi, u fuq kollox lill-moralisti, biex huma jistudjaw aktar fil-fond u jagħmlu aktar aċċessibbli għall-fidili, il-kontenut tat-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja fid-dawl ta’ antropoloġija valida fil-qasam tas-sesswalità u ż-żwieġ u fil-kuntest tal-approwċ inter-dixxiplinari meħtieġ. B’hekk jagħmluha possibbli li jinftehemu b’mod aktar ċar ir-raġunijiet favur u s-siwi ta’ dan it-tagħlim. Meta tiddefendi lill-bniedem mill-eċċessi tas-setgħa li għandu fuq nnnifsu, il-Knisja ta’ Alla tfakkru fir-raġunijiet tan-nobbiltà vera tiegħu; hu biss b’dal-mod li l-possibiltà li jgħix u jħobb bid-dinjità u l-libertà li jitnisslu mir-rispett lejn il-verità, ikunu ta’ garanzija għall-irġiel u n-nisa ta’ għada. L-indikazzjonijiet preċiżi li qed toffri din l-Istruzzjoni għalhekk, m’għandhomx l-għan li jwaqqfu l-isforz tar-riflessjoni imma aktarx biex jagħtu impuls ġdid lill-fedeltà li ma nistgħux nirrinunzjawha lejn it-tagħlim tal-Knisja.

          Fid-dawl tal-verità dwar ir-rigal tal-ħajja umana u fid-dawl tal-prinċipji morali li jnixxu mill-verità, kulħadd hu mistieden biex jaġixxi fil-qasam li għalih hu responsabbli u biex, bħas-Sammaritan it-tajjeb, jagħraf bħala ġar tiegħu anki lill-iċken fost ulied il-bnedmin (Cf . Lq 10: 2 9-37). hawnhekk kliem Kristu jsibu eku ġdid u partikolari: “Dak li tagħmlu mal-iċken fost ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi” (Mt 25:40).

         

Waqt udjenza mogħtija lill-Prefett hawn taħt iffirmat fi tmiem sessjoni plenarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-fidi, il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II, approva din l-Istruzzjoni u ordna li tiġi pubblikata.

Mogħtija f’Ruma, mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, 22 ta’ Frar, 1987, festa tas-Sedja ta’ San Pietru Appostlu.

 

JOSEPH Kard. RATZINGER
Pr
efett

ALBERTO BOVONE
Arċisqof Titulari ta’ Caesarea fin-Numidia, Segretarju


 


[1] Il-PAPA ĠWANNI PAWLU II: Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-81 Kungress tas-Soċjetà Taljana tal-Mediċina Interna u tat-82 Kungress tas-Soċjetà Taljana tal-Kirurġija Ġenerali, 27 ta’ Ottubru, 1980: AAS 72 (1980) 1126

[2] IL-PAPA PAWLU VI: Diskors lill-Assemblea Ġenerali  tal-Organiżżazzjoni tal-Ġnus Magħquda, 4 ta’ Ottubru, 1965: AAS 57 (1965) 878; Enċilika Populorum Progressio, 13: AAS 59 (1967) 263

[3]  IL-PAPA PAWLU VI, Omelija waqt il-quddiesa tal-għeluq tas-Sena tal-Ġublew, 25 ta’ Diċembru, 1975: AAS 68 (1976) 145; IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Enċiklika Dives in Misericordia, 30: AAS 72 (1980) 1224.

 

[4] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II: Diskors lill-parteċipanti fil-35 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika :Dinjija, 29 ta’ Ottubru, 1983: AAS 76 (1984) 390.

[5]Cf. Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 2.

[6] Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 22; IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Enċiklika Redemptor Hominis, 8: AAS 71 (1979) 270-272.

 

[7] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 35.

[8] Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 15; cf. ukoll IL-PAPA PAWLU VI, Enċiklika Populorum Progressio, 20: AAS 59 (1967) 267; IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Enċiklika Redemptor Hominis, 15: AAS 71 (1979) 286-289; Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, 8: AAS 74 (1982) 89.

 

[9] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, 11: AAS 74 (1982) 92

[10] Cf. IL-PAPA PAWLU VI, Enċiklika Humanae Vitae, 10: AAS 60 (1968) 487-488.

[11] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Diskors lill-membri tal-35 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, 29 ta’ Otubru, 1983: AAS 76 (1984) 393.

[12] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, 11: AAS 74 (1982) 91-92; cf. Kif ukoll il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 50.

[13] IS-SAGRA KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Dikjarazzjoni dwar l-abort intenzjonali, 9, AAS 66 (1974) 736-737.

[14] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II: Diskors lill-parteċipanti fil-35 Assemblea ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, 29 ta’ Ottubru, 1983 AAS 76 (1984) 390.

[15]  IL-PAPA ĠWANNI XXIII, Enċiklika Mater et Magistra, III:AAS 53 (1961) 447.

[16] Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes, 24.

[17] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Enċiklika Humani Generis: AAS 42 (1950) 575; IL-PAPA PAWLU VI, Professio Fidei: AAS 60 (1968) 436.

[18] IL-PAPA ĠWANNI XXIII, Enċiklika Mater et Magistra, III: AAS 53 (1961) 447; cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Diskors lis-saċerdoti li kienu qed jieħdu sehem f’seminar dwar il-”Prokreazzjoni Responsabbli” 17 ta’ Settembru 1983, Tagħlim ta’ Ġwanni Pawlu II, VI, 2 (1983) 562: "Fil-bidu ta’ kull persuna umana hemm att kreattiv ta’ Alla: ebda bniedem ma jista’ jidħol fl-eżistenza b’kumbinazzjoni; il-bniedem hu dejjem riżultat tal-imħabba kreattiva ta’ Alla”.

[19] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 24.

[20] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Diskors lill-Unjoni Mediko-bioloġika San Luqa, 12 ta’ Novembru, 1944: Diskorsi u messaġġi bir-radju VI (1944-1945) 191-192.

[21] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 50.

[22] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 51: “Meta fin-nofs hemm kwistjoni ta’ armoniżżazzjoni tal-ħajja taż-żwieġ bir-responsabbiltà tat-trasmissjoni tal-ħajja, il-karattru morali tal-imġieba ta’ dak li jkun ma tiddependix biss mill-intenzjonijiet tajbin u l-evalwazzjoni tal-għanijiet; iridu jintużaw kriterji oġġettivi, kriterji li jiġu min-natura tal-persuna umana u l-aġir uman, kriterji li jirrispettaw it-tifsir sħiħ tal-għotja reċiproka u l-prokreazzjoni umana fil-kuntest ta’ mħabba vera”.

 

[23] Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 51.

[24] Is-Santa Sede, Karta tad-Drittijiet tal-Familja, 4: L'Osservatore Romano, 25 November 1983

[25] SAGRA KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI: Dikjarazzjoni dwar l-Abort Intenzjonali, 12-13: AAS 66 (1974) 738.

[26] Cf. IL-PAPA PAWLU VI, Diskors lill-parteċipanti li kienu qwed jieħdu sehem fit-23 Kungress Nazzjonali tal-Ġuristi Kattoliċi Taljani, 9 ta’ Diċembru, 1972: AAS 64 ( 1972) 777

[27] l-obbligu li jkunu evitati riskji sproporzjonaati jinvolvi rispett awtentiku lejn il-persuna umana u l-onestà u l-integrità tal-intenzjonijiet terapewtiċi. Timplika li t-tabib “fuq kollox.... jevalwa bir-reqqa l-konsegwenzi negattivi possibbli li l-użu neċessarju ta’ teknika esplorattiva partikolari jista’ jkollha fuq it-tarbija mhux imwielda u jevita li jirrikorri għal proċeduri djanjostiċi li ma joffrux biżżejjed garanzija dwar l-għan onest tagħhom u li ma jipprokurawx ħsara sostanzjali. U jekk, kif jiġri spiss fl-għażliet umani, hemm bżonn jittieħed xi ftit tar-riskju, hu jara li dan ikun ġustifikat minħabba ħtieġa urġenti tad-djanjosi u l-importanza tar-riżultati li jistgħu jinkisbu minnha għall-benefiċċju tat-tarbija mhux imwielda nfisha” (IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II) Diskors lill-parteċipanti tal-Kungress Pro-Life, 3 ta’ Diċembru, 1982; Tagħlim ta’ Ġwanni Pawlu II, V, 3 [1982] 1512). Dil-kjarifika li tikkonċerna “r-riskju proporzjonat” għandna nżommuha f’moħħna fis-sezzjonijiet li jmiss ta’ din l-Istruzzjoni, kull fejn jidher dan it-terminu.

 

[28] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Diskors lill-parteċipanti fil-35 Assemblea ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, 29 ta’ Ottubru, 1983: AAS 76 (1984) 392.

 

[29] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Indirizz lil-Laqgħa tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi: 23 ta’ Ottubru, 1982: AAS 75 (1983) 37: "Nikkundanna b’mod mill-aktar espliċitu u formali il-manipulazzjoni sperimentali tal-embrijun uman, għaliex il-persuna umana, mill-konċepiment sal-mewt, ma tista’ b’ebda mod tkun sfruttata għal-ebda raġuni”.

[30] IS-SANTA SEDE Karta tad-Drittijiet tal-Familja, 4b: L'Osservatore Romano, 25 ta’ Novembru, 1983.

[31] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Indirizz lill-Konvenzjoni Favur il-Ħajja, 3 ta’ Diċembru, 1982: Tagħlim ta’ Ġwannni Pawlu II, V, 3 (1982) 1511: "Kull forma ta’ sperimentazzjoni fuq il-fetu li tista’ tagħmel ħsara lill-integrità tiegħu jew iddgħajjef il-kundizzjoni tiegħu hija inaċċettabbli, minbarra fil-każ meta jkun l-aħħar tentattiv biex issalvalu ħajtu”.  IS-SAGRA KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Dikjarazzjoni dwar l-Ewtanasja,  4: AAS 72 (1980) 550: "Fin-nuqqas ta’ rimedji suffiċjenti oħra, hu permess, bil-kunsens tal-pazjent, li wieħed jirrikorri għal meżżi ta’ teknika medika l-aktar reċenti, anki jekk din tkun għadha fil-fażi sperimentali u ma hix meħlusa minn ċertu riskju”.

 

[32] Ħadd, qabel ma jibda l-eżistenza tiegħu, ma jista’ jippretendi xi dritt suġġettiv li jibda jeżisti; madankollu, li wieħed jafferma d-dritt tat-tifel/tifla li jkollhom oriġini kompletament umana permezz tal-konċepiment li jaqbel man-natura personali tal-bniedem, huwa leġittimu.  Il-ħajja hi rigal u għandha tingħata b’mod denju kemm għas-suġġett li jkun qed jirċevieha kif ukoll għal min ikun qed itiha. Din l-istqarrija għandha dejjem tibqa’ f’moħħna minħabba l-ispjega li se tingħata dwar il-prokreazzjoni umana artifiċjali.

[33] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Diskors lill-parteċipanti fil-35 Assemblea ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, 29 ta’ Ottubru, 1983: AAS 76 (1984) 391.

 

[34] Cf. Kostituzzjonni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja Moderna, Gaudium et Spes, 50.

[35] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Apppostolika Familiaris Consortio, 14: AAS 74 ( 1982) 96.

[36] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-4 Kungress tat-Tobba Kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949) 559.  Skont il-pjan tal-Ħallieq, “Raġel jitlaq lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru ġisem wieħed” (Gen 2:24). L-għaqda taż-żwieġ, marbuta mal-ordni tal-ħolqien, hi verità aċċessibbli għar-raġuni naturali. It-Tradizzjoni u l-Maġisteru tal-Knisja spiss jikkwotaw il-Ktieb tal-Ġenesi, kemm direttament u wkoll minn siltiet mit-Testment il-Ġdid li jagħmlu riferiment għalih: Mt 19: 4-6; Mk: 10:5-8; Ef 5: 31. Cf. ATHENAGORAS, Legatio pro christianis, 33: PG 6, 965-967; SAN KRIŻOSTMU, In Matthaeum homiliae, LXII, 19, 1: PG 58 597; SAN ILJUN IL-KBIR, Epist. ad Rusticum, 4: PL 54, 1204; INNOĊENZ III, Epist. Gaudemus in Domino: DS 778; KONĊILJU TA’ LYONS II, IV Session: DS 860; KONĊILJU TA’ TRENTU XXIV , Session: DS 1798. 1802; IL-PAPA LJUN XIII, Enċiklika Arcanum Divinae Sapientiae: ASS 12 (1879/80) 388-391; IL-PAPA PIJU XI, Enċiklik Casti Connubii: AAS 22 (1930) 546-547; IL-KONĊILJU VATIKAN II, Gaudium et Spes, 48; IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, 19: AAS 74 (1982) 101-102; Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, Can.1056.

[37] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-Kungress tat-Tobba Kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949) I560; Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-Kungress tal-Unjoni Kattolika tal-Qbiela, 29 ta’ Ottubru, 1951:AAS 43 (1951) 850; Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, Can. 1134.

 

[38] IL-PAPA PAWLU VI, Enċiklika Humanae Vitae, 12: AAS 60 (1968) 488-489.

[39] Loc. cit., ibid., 489.

[40] IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fit-tieni Kungress dwar il-Fertilità u l-isterilità Umana, f’Napli,19 ta’ Mejju, 1956: AAS 48 (1956) 470.

[41] Il-kodiċi tal-Liġi Kanonika, Can. 1061. skont dan il-Kanoni, l-att konjugali hu dak li bih iż-żwieġ ikun ikkunsmat jekk il-koppja “tkun għamlitu flimkien b’mod uman”

[42] Cf. Il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 14.

[43] Cf. IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Udjenza ġenerali nhar is-16 ta’ Jannar, 1980: Tagħlim ta’ Ġwanni Pawlu II, III, 1 (1980) 148-152.

[44] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Diskors lil-35 Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, 29 ta’ Ottubru, 1983: AAS 76 (1984) 393.

[45] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 51.

[46] Cf. Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 50.

[47] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-4 Kungress Internazzjonali tat-Tobba Kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949) 560: "Ikun żball... li wieħed jaħseb ż-żwieġ jagħmlu validu minħabba l-possibiltà li jdur għal dawn il-meżżi (il-fertiliżżazzjoni artifiċjali) ladarba dawn ma jkunux jistgħu jikkunsmawh minħabba impedimentum impotentiae"

 

[48] Kwistjoni simili kien iitttrattaha l-PAPA PAWLU VI: Enċiklika Humanae Vitae, 14: AAS 60 (1968) 490-491.

[49] Cf. supra: I, 1 ff.

 

[50] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio. 14: AAS 74 (1982) 96.

 

[51] Cf. Tweġiba mill-Uffiċċju tas-Santa Sede, 17 ta’ Marzu 1897: DS 3323; IL-PAPA PIJU, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-4 Kungress Internazzjonali tat-Tobba kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949) 560; Diskors lill-Unjoni Taljana tal-Qbiela, 29 ta’ Ottubru, 1951: AAS 43 (1951) 850; Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fit-tieni Kungress Dinji dwar il-Fertilità u l-Isterilità Umana, f’Napli, 19 ta’ Mejju,1956: AAS 48 (1956) 471-473; Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fis-7 Kungress Internazzjonali tas-Soċjetà tal-Ematoloġija, 12 ta’ Settembru, 1958: AAS 50 (1958) 733; IL-PAPA ĠWANNI XXIII, Enċiklika Mater et Magistra, III: AAS 53 (1961) 447.

[52] IL-PAPA PIJU XII, Diskors lill Unjoni Taljana tal-Qbiela Kattoliċi, 29 ta’ Ottubru 1951: AAS 43 (1951) 850

[53] IL-PAPA LIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-4 Kungress Internazzjonali tat-Tobba Kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949) 560.

[54] SAGRA KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI, Dikjarazzjoni dwar Ċerti Kwistjonijiet li Jikkonċernaw l-etiċi Sesswali, 9: AAS 68 (1976) 86, li jikkwotaw il-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 51; Digriet tal-Uffiċċju tas-Santa Sede, 2 ta’ Awwissu, 1929: AAS 21 (1929) 490; IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fis-26 Kungress tas-Soċjetà Taljana tal-Uroloġija, 8 ta’ Otturbu, 1953: AAS 45 (1953) 678.

 

[55] Cf. IL-PAPA ĠWANNI XXIII, Enċiklika Mater et Magistra, III: AAS 53 (1961) 447.

[56] Cf. IL-PAPA PIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-4 Kungress Internazzjonali tat-Tobba Kattoliċi, 29 ta’ Settembru, 1949: AAS 41 (1949), 560.

 

[57] Cf. IL-PAPA LIJU XII, Diskors lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fit-tieni Kungress Dinji dwar il-Fertilità u l-Isterilità Umana, f’Napli,19 ta’ Mejju, 1956: AAS 48 (1956) 471-473.

[58] Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 50.

[59] IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, 14: AAS 74 (1982) 97.

[60] Cf. Dikjarazzjoni Dignitatis Humanae, 7.

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta