Il-Papa Benedittu XVI

fil-lejl tal-Għid

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ April 2006

 

Meditazzjoni fuq it-tifsira tal-Għid

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-bidu tal-Udjenza ġenerali tal-lum, li qed isseħħ fil-klima hienja tal-Għid, nixtieq flimkien magħkom irrodd ħajr lill-Mulej, li wara li sejjaħli eżattament sena ilu biex naqdi lill-Knisja bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru – grazzi tal-ferħ tagħkom, grazzi tal-applaws tagħkom –, qatt ma jehda jieqaf miegħi bl-għajnuna tiegħu li mingħajrha ma nistax ngħaddi. Kif itir iż-żmien! Diġà għaddiet sena minn meta, b’mod għalija assolutament mhux mistenni u sorprendenti, il-Kardinali miġbura f’Konklavi riedu jagħżlu lili biex nissuċċiedi lill-mibki u maħbub Qaddej ta’ Alla, il-kbir Papa Ġwanni Pawlu II. Niftakar b’emozzjoni l-ewwel impatt li kelli mil-Loġġa ċentrali tal-Bażilika, dritt wara l-ħatra fqajra tiegħi, bil-fidili miġbura f’din l-istess Pjazza. Tibqa’ mmarkata f’moħħi u f’qalbi dik il-laqgħa li warajha ġew bosta oħrajn, li dewquni kemm hu minnu dak li mbagħad għidt tul il-konċelebrazzjoni solenni li biha nidejt solennement it-tħaddim tal-ministeru Petrin: “Jiena konxju tabilħaqq li m’għandix għax inġorr waħdi dak li fir-realtà ma nista’ qatt inġorr waħdi”. U qed inħoss dejjem iżjed li waħdi ma nistax inwettaq dan id-dmir, din il-missjoni. Imma nħoss ukoll lilkom qed iġġorruh miegħi: hekk ninsab f’komunjoni kbira u flimkien nistgħu nwettqu l-missjoni tal-Mulej. Ta’ sostenn għalija li xejn ma jista’ jeħodlu postu huwa l-ħarsien mis-Sema ta’ Alla u tal-qaddisin, u twennisni l-qrubija tagħkom, għeżież ħbieb, li ma tħallunix nieqes mid-don tal-aċċettazzjoni u tal-imħabba tagħkom. Grazzi tassew minn qalbi lil dawk kollha li b’diversi modi huma qrib tiegħi u jsegwuni mill-bogħod spiritwalment bl-imħabba u bit-talb tagħhom. Lil kull wieħed u waħda nitlob li tkomplu tweżnuni billi titolbu lil Alla jagħtini li nkun ragħaj twajjeb u sod tal-Knisja tiegħu.

 

Jirrakkonta l-evanġelista Ġwanni li Ġesù sewwasew wara l-qawmien tiegħu sejjaħ lil Pietru biex jieħu ħsieb tal-merħla tiegħu (ara Ġw 21:15,23). Dakinhar min kien ħa jimmaġina umanament l-iżvilupp li kellu jara matul is-sekli dak il-grupp ċkejken ta’ dixxipli tal-Mulej? Pietru flimkien mal-Appostli u mbagħad is-suċċessuri tagħhom, l-ewwel f’Ġerusalemm u mbagħad sat-trufijiet tal-art, xerrdu b’kuraġġ il-messaġġ evanġeliku li l-qalba fundamentali u essenzjali tiegħu hi l-Misteru tal-Għid: il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Dan il-misteru l-Knisja tiċċelebrah fl-Għid, u ttawwal l-eku hieni tiegħu fil-jiem ta’ wara; tkanta l-Hallelujah għat-trijonf ta’ Kristu fuq il-ħażen u fuq il-mewt: “Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid skont data tal-kalendarju”, jinnota l-Papa San Ljun il-Kbir, “tfakkarna fil-festa eterna li tirbaħ kull żmien uman. L-Għid ta’ issa”, ikompli jinnota, “mhux għajr id-dell tal-Għid futur. Huwa għalhekk li niċċelebrawh biex ngħaddu minn festa annwali għal festa li sa tkun eterna”. Il-ferħ ta’ dawn il-jiem jitwessa’ għas-sena liturġika kollha u jiġġedded partikularment il-Ħadd, jum iddedikat għat-tifkira tal-qawmien tal-Mulej. Fih, li huwa bħal “Għid ċkejken” ta’ kull ġimgħa, il-ġemgħa liturġika miġbura flimkien għall-Quddiesa xxandar fil-Kredu li Ġesù qam fit-tielet jum, u żżid li aħna nistennew “il-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej”. B’hekk tindika li l-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù hija l-qalba tal-fidi tagħna u hu fuq din it-tħabbira li hi mibnija u tikber il-Knisja. Ifakkarna b’mod inċiżiv Santu Wistin: “Ejjew inqisu, l-aktar għeżież, il-Qawmien ta’ Kristu: fil-fatt, kif il-Passjoni tiegħu fissret il-ħajja qadima tagħna, hekk il-qawmien tiegħu hu sagrament ta’ ħajja ġdida… Emmint, ġejt mgħammed: il-ħajja l-qadima hi mejta, maqtula fis-salib, midfuna fil-Magħmudija. Ġiet midfuna l-qadima li fiha inti għext: tqum mill-mewt il-ġdida. Għix tajjeb: għix b’mod li tgħix tassew, biex meta tkun mitt, ma tmutx” (Sermo Guelferb. 9, 3).

 

Ir-rakkonti tal-Vanġelu, li jirriferu għad-dehriet tal-Irxoxt, normalment jagħlqu bl-istedina biex tingħeleb kull inċertezza, biex il-ġrajja tiġi mqabbla mal-Iskrittura, biex jiġi mħabbar li Ġesù, lil hemm mill-mewt, huwa dak li hu dejjem ħaj, għajn ta’ ħajja ġdida għal dawk kollha li jemmnu. Hekk iseħħ, ngħidu aħna, fil-każ ta’ Marija Maddalena (ara Ġw 20:11-18), li ssib il-qabar miftuħ u battal, u minnufih tibża’ li l-ġisem tal-Mulej serquh. U hemm il-Mulej isejħilha b’isimha, u f’dak il-ħin isseħħ fiha bidla qawwija: in-niket u d-diżorjentament jinbidlu f’ferħ u entużjażmu. Bil-ħeġġa kollha tmur għand l-Appostli u tħabbrilhom: “Rajt il-Mulej” (Ġw 20:18). Araw: min jiltaqa’ ma’ Ġesù Rxoxt jinbidel minn ġewwa; ma tistax “tara” lill-Irxoxt mingħajr ma “temmen” fih. Nitolbuh isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna b’isimna u hekk jibdilna, jiftħilna qalbna għall-“viżjoni” tal-fidi. Il-fidi titwieled mil-laqgħa personali ma’ Kristu Rxoxt, u ssir qabża kollha kuraġġ u libertà li trid tgħajjat lid-dinja: Ġesù qam u jgħix għal dejjem. Hija din il-missjoni tad-dixixipli tal-Mulej f’kull żmien u anki f’dan iż-żmien tagħna: “Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu”, iħeġġiġna Pawlu, “fittxu l-ħwejjeġ tas-sema… aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art” (Kol 3:1-2). Dan ma jfissirx naljenaw ruħna mill-ħidmiet ta’ kuljum, ma nagħtux kas tar-realtajiet ta’ din l-art; pjuttost ifisser nagħtu ħajja ġdida lil kull ħidma umana bħal b’nifs sopranaturali, ifisser insiru ħabbara hienja u xhieda tal-qawmien ta’ Kristu, ħaj għal dejjem (ara Ġw 20:25; Lq 24:33-34).

 

Għeżież ħuti, fl-Għid ta’ Ibnu l-waħdieni Alla juri lilu nnifsu b’mod sħiħ, il-qawwa rebbieħa tiegħu fuq is-setgħat tal-ħażen, il-qawwa tal-Imħabba Trinitarja. Il-Verġni Marija, li kienet intimament marbuta mal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Iben u f’riġlejn is-Salib saret Omm dawk kollha li jemmnu, tgħinna hi biex nifhmu dan il-misteru ta’ mħabba li jibdel il-qlub u jgħinna niggustaw b’mod sħiħ il-ferħ tal-Għid, biex nistgħu mbagħad ngħadduh aħna wkoll lill-bnedmin tat-tielet millennju.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard